Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


Il-Ġimgħa fuq it-2 Ħadd wara Għid il-Ħamsin

 

IL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ

 

SOLENNITÀ

 

L-1 Għasar

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Verb etern, li ħlaqt id-dinja,

Kristu, Sidna w feddej tagħna,

inti dawl minn dawl Missierek,

Alla veru, l-Iben t’Alla.

 

Nar imħabbtek ġagħlek tinżel

fostna w tieħu ġisem bħalna,

Adam ġdid, biex terġa’ tibni

kull ma ġarraf l-ewwel wieħed.

 

F’dik imħabbtek, li b’tant ħlewwa

sawwret l-ibħra, l-art u l-kwiekeb,

int ħennejt għalina w ġbartna

mill-waqgħat u l-jasar tagħna.

 

Ma jkun qatt, Mulej, li l-ħeġġa

ta’ l-imħabba tonqos f’qalbek!

Ibqa’ sejjaħ lejk id-dinja,

ħa ssib fik il-għajn tal-maħfra.

 

Kien għalhekk li l-lanza ħarxa

nifditilna ‘l qalbek ħelwa,

biex id-demm u l-ilma joħroġ

u jnaddafna minn kull ħtija.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

li ftaħt għajn tal-grazzja f’qalbek;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Alla ħabbna bi mħabba ta’ dejjem; għalhekk, meta ntrefa’ ‘l fuq mill-art, fit-tjieba tiegħu ġibidna lejn qalbu.

 

Salm 112 (113)

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *

faħħru isem il-Mulej.

Ikun imbierek isem il-Mulej, *

minn issa u għal dejjem! 

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *

ikun imfaħħar isem il-Mulej!

 

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *

ogħla mis-smewwiet hu sebħu.

 

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, †

li qiegħed fl-għoli? *

Hu li jħares 'l isfel, lejn is-smewwiet

 u lejn l-art.

 

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *

u jerfa' mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu, *

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Il-mara bla wlied iqegħedha f'darha, *

jagħmilha omm ferħana b'uliedha.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ g!al dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Alla ħabbna bi mħabba ta’ dejjem; għalhekk, meta ntrefa’ ‘l fuq mill-art, fit-tjieba tiegħu ġibidna lejn qalbu.

Ant. 2: Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

 

Salm 145 (146)

 

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha; *

għanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.

 

La tittamawx fil-kbarat, *

għax il-bniedem ma jsalvakomx.

Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġa' jmur; *

jintemmu dakinhar ħsibijietu.

 

Hieni min f'Alla ta' Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, *

min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,

li għamel is-sema, l-art u l-baħar, *

u kull ma jinsab fihom;

hu li jżomm kelmtu għal dejjem, †

li jagħmel ħaqq lill-maħqurin, *

u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.

 

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin; *

il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej li jerfa' lill-milwijin; *

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

il-Mulej li jħares lill-barranin; †

hu li jżomm lill-iltim u lill-armla, *

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

 

Il-Mulej isaltan għal dejjem; *

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.

 Glorja.

 

Ant. 2: Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

Ant. 3: Jiena r-ragħaj it-tajjeb: jien nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

 ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Jiena r-ragħaj it-tajjeb: jien nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 2:25b-27

 

Kristu ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex iqaddisha billi jnaddafha bil-ħasil ta’ l-ilma flimkien ma’ kelma, u hekk ikun jista’ jressaqha quddiemu sabiħa l-Knisja, bla ebda tebgħa jew tikmixa u xejn minn dan, biex tkun qaddisa u mingħajr għajb.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu ħabbna u ħallna minn dnubietna * Bis-saħħa ta’ demmu. Kristu.

V/. U għamilna saltna u qassisin għal-Alla Missieru. * Bis-saħħa ta’ demmu. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!

 

PREĊI

 

Nersqu lejn Ġesù, li hu l-mistrieħ ta’ ruħna, u b’umiltà kbira nitolbuh u ngħidulu bil-ħrara:

Sultan ta’ mħabba bla tarf, ħenn għalina.

Ġesù, int ridt li qalbek tkun minfuda b’daqqa ta’ lanza u joħroġ minnha demm u ilma, biex minnha titnissel il-Knisja, l-għarusa tiegħek:

- naddaf il-Knisja tiegħek minn kull tebgħa, u qaddisha.

Ġesù, inti t-tempju qaddis ta’ Alla, li l-bnedmin ħattewh u l-Missier reġa’ tellgħu:

- agħmel li l-Knisja tiegħek tkun l-għamara qaddisa ta’ Alla l-Għoli.

Ġesù, inti s-sultan u l-għaxqa tal-qlub kollha, li ħabbejtna bi mħabba ta’ dejjem, u fit-tjieba tiegħek ġbidtna lejk:

- orbot lil kulħadd miegħek bis-saħħa tal-Patt il-ġdid.

Ġesù, inti s-sliem tagħna li rġajt ħabbibtna ma’ Alla, u minna lkoll għamilt ħolqien wieħed, bniedem ġdid, billi tajtna l-paċi u b’salibek qridt il-mibegħda ta’ bejnietna:

- kun il-bieb li minnu nidħlu għand il-Missier.

Ġesù, inti l-ħajja u l-qawmien tagħna, li sserraħ lil min hu mtaqqal u tagħti l-mistrieħ lill-erwieħ:

- iġbed lill-midinbin kollha lejn qalbek.

Ġesù, fl-imħabba tiegħek bla qjies int sirt ubbidjenti sal-mewt tas-salib:

- qajjem għall-ħajja ta’ dejjem lil ħutna kollha Maltin u Għawdxin li mietu fil-paċi miegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, il-Qalb ta’ Ibnek, mimlija b’kull virtù, hi ta’ ġieħ kbir għalina l-bnedmin; agħmel li din il-Qalb, għajn tad-doni tas-sema, timliena b’kull grazzja u li aħna nżommu dejjem quddiem għajnejna l-ġid kbir ta’ mħabbitha għalina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

Jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Naduraw lil Ġesù, qalbu miġruħa bl-imħabba għalina.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Naduraw lil Ġesù, qalbu miġruħa bl-imħabba għalina.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Naduraw lil Ġesù, qalbu miġruħa bl-imħabba għalina.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Naduraw lil Ġesù, qalbu miġruħa bl-imħabba għalina.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Naduraw lil Ġesù, qalbu miġruħa bl-imħabba għalina.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Naduraw lil Ġesù, qalbu miġruħa bl-imħabba għalina.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Naduraw lil Ġesù, qalbu miġruħa bl-imħabba għalina.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Qalb ta’ Kristu, inti l-arka

fejn tinsab il-liġi mqaddsa

ta’ kull grazzja, maħfra w ħniena,

mhux tal-jasar ta’ l-imgħoddi.

 

Qalb ta’ Kristu, inti t-tempju

tal-Patt ġdid, imwettaq b’demmek;

tempju eqdes mis-santwarju

ta’ Sijon, għax bnieh l-Ispirtu.

 

Ħallejt lanza ħarxa tinfdek,

biex mill-ġenb miftuħ joħorġu

dwal qawwija, li juruna

kemm bla tarf ħabbejt lill-bniedem.

 

B’din l-imħabba kont imqanqal,

Kristu s-Saċerdot kbir tagħna,

xħin offrejt lilek innifsek

vittma fis-salib u fl-ikla.

 

Inwegħduk, Mulej, li npattu

din l-imħabba bi mħabbitna,

hekk li dejjem inħabirku

biex bil-qalb ningħaqdu miegħek.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

li ftaħt għajn tal-grazzja f’qalbek;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Għandek hemm l-għajn tal-ħajja; int tisqina x-xmara ta’ l-hena tiegħek.

 

Salm 35 (36)

 

Il-ħażen ifesfes lill-ħażin f'qiegħ qalbu; *

m'hemmx biża' ta' Alla quddiem għajnejh.

 

Għax hu jiddandan bil-fehma tiegħu, *

li Alla ma jsibx fih ħtija x'jistmell.

Kliem fommu kollu qerq u gideb, *

ma jimxix bil-għaqal, ma jagħmilx il-ġid.

Fuq friexu jaħseb kif se jqarraq, *

triq ħażina qabad, ma jwarrabx dak li hu ħażin.

 

Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, *

baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek;

Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla! †

Għad-dell ta' ġwenħajk

 jistkennu wlied il-bnedmin. *

 bnedmin u bhejjem int tgħinhom, Mulej.

Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek, *

tisqihom ix-xmara ta' l-hena tiegħek.

Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja, *

fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.

 

Żomm it-tjieba tiegħek ma' min jagħrfek, *

il-ġustizzja tiegħek ma' min hu qalbu safja.

Ma jersaqx għal fuqi riġel il-kburi, *

ma titfagħnix 'il barra id il-ħażin.

Hemm waqgħu dawk li jagħmlu l-ħażen, *

intefgħu 'l isfel u ma jistgħux iqumu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Għandek hemm l-għajn tal-ħajja; int tisqina x-xmara ta’ l-hena tiegħek.

Ant. 2: Meta kont qalbi maqtugħa, int tellajtni fl-għoli fuq il-blat.

 

Salm 60 (61)

 

Isma', o Alla, l-għajta tiegħi, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

Minn truf l-art lilek insejjaħ, *

meta nkun qalbi maqtugħa;

minn hemm inti mexxini *

lejn il-fortizza fuq l-għolja.

 

Għax int sirt kenn għalija, *

torri qawwi quddiem l-għadu.

M'hux li kont ngħix f'għamartek għal dejjem, *

nistkenn għas-satra ta' ġwenħajk!

Għax int, o Alla, smajt il-wegħda tiegħi, *

u tajtni l-wirt ta' min iqim lil ismek.

 

Lis-sultan kattarlu ż-żmien ta' ħajtu; *

ikunu snin ħajtu minn nisel għal nisel.

Isaltan quddiem Alla għal dejjem. *

Agħmel li jħarsuh it-tjieba u l-fedeltà.

 

Hekk infaħħar ismek għal dejjem, *

jien u nrodd kuljum il-wegħdiet tiegħi.

 Glorja.

 

Ant. 2: Meta kont qalbi maqtugħa, int tellajtni fl-għoli fuq il-blat.

Ant. 3: L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

 

Salm 97 (98)

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida, *

għax għamel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

 

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu, *

u d-driegħ imqaddes tiegħu.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, *

f'għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu *

mal-poplu ta' Iżrael.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, *

rat is-salvazzjoni ta' Alla tagħna.

 

Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, *

infexxu fl-għana, ifirħu u għannu!

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra, *

biċ-ċetra u bil-ħlewwa ta' l-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti; *

għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan!

 

Ħa jriegħed il-baħar u kull ma fih, *

id-dinja u kull ma jgħammar fiha.

Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom, *

u l-muntanji flimkien jgħajjtu bil-ferħ

quddiem il-Mulej, għax ġej *

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, *

u mill-popli bis-sewwa.

Glorja.

 

Ant. 3: L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

 

V/. Niftakar f’għemilek, Mulej.

R/. Naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani Rum 8:28-39

 

L-imħabba ta’ Alla tidher fi Kristu

 

Ħuti: Aħna nafu li Alla, ma' dawk li jħobbuh, ma' dawk li huma msejjħin skond il-provvidenza tiegħu, f'kollox jaħdem id f'id għall-ġid tagħhom. Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta' Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejjħilhom ukoll; lil dawk li sejjħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.

Xi ngħidu, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jista' jkun kontra tagħna? Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin ta' Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta' Alla, hu li jidħol għalina. Min se jifridna mill-imħabba ta' Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, il-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Bħalma hu miktub: ”Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt; jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.” Imma f'dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta' dak li ħabbna.

Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien ta' issa u la ta' li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta' Alla għalina li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.

 

RESPONSORJU Ġw 6:48-50. 51ab

 

R/. Meta aħna konna mejta minħabba fi dubietna, Alla tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu, * Bis-saħħa ta’ l-imħabba kbira li biha ħabbna.

V/. Biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu * Bis-saħħa ta’ l-imħabba kbira li biha ħabbna.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Opri ta’ l-isqof San Bonaventura

 

Għandek l-għajn tal-ħajja

 

Bniedem mifdi, stħarreġ ftit int ukoll min hu u x’inhu dak li hu mdendel fuq is-salib, dak li bil-mewt tiegħu ta ħajja lill-mejtin, dak li l-art tibki l-mewt tiegħu, dak li minħabba f’mewtu nqasam il-blat samm.

Biex tissawwar il-Knisja mill-ġenb ta’ Kristu rieqed fuq is-salib, u biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: Huma għad iħarsu lejn min nifdu, Alla ried li suldat jinfed b’lanza ġenb Ġesù, biex minn ġenbu minfud joħroġ demm u ilma u jixxerred gaħs-salvazzjoni tagħna. Dan id-demm, li ħareġ mill-fond tal-Qalb ta’Ġesù, ta l-qawwa lis-sagramenti tal-Knisja biex jagħtu l-ħajja tal-grazzja, u sar għal dawk ġa qegħdin jgħixu fi Kristu xorb mill-għajn ta’ ilma li twassal sal-ħajja ta’ dejjem.

Qum, mela, ruħ ħabiba ta’ Kristu, kun bħal ħamiema tbejjet f’xifer l-irdum, fejn l-għasfur isib fejn jgħammar, ibqa’ ishar dejjem u hemm bħal ħuttafa ta’ l-imħabba safja qiegħed iż-żgħar tiegħek, hemm qiegħed xufftejk biex tixrob l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni. Din hi l-għajn li tfawwar f’nofs il-ġenna ta’ l-art u tinqasam f’erba’ xmajjar u tinxtered fil-qlub ta’ l-erwieħ devoti, biex issaqqi u tagħti l-ħajja lill-art kollha.

Iġri, mela, ruħ devota, int min int, lejn din l-għajn tal-ħajja u d-dawl, u, b’xewqa kbira, bil-qawwa kollha ta’ qalbek, għajjat u għid: “O ġieħ li ma jitfissirx ta’ Alla l-għoli, o dija safja tad-dawl ta’ dejjem, o ħajja li tagħti l-ħajja lil kull ħajja, o dawl li jdawwal lil kull dawl, u żżommu jiddi għal dejjem f’għadd bla tarf ta’ dwal, li, sa mis-sebħ tad-dinja, jiddu quddiem it-tron divin tiegħek!”

O ilma li jfawwar minn għajn moħbija għal għajnejn il-bnedmin, ilma safi u ħelu, ilma ta’ dejjem li qiegħed fl-għoli u jfawwar għal dejjem minn għajn li l-qiegħ tagħha m’għandux qiegħ, li l-għoli tagħha m’għandux tarf, li l-wisa’ tagħha ħadd ma jqisu, u li s-safa tagħha ħadd ma jista’ jtebba’.

Minn din l-għajn toħroġ xmara li s-swieqi tagħha jferrħu l-belt ta’ Alla, biex fost l-għajat ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr, ngħannulek għanja ta’ tifħir, għaliex minn dak li ġarrabna aħna stess rajna li għandek hemm l-għajn tal-ħajja, u fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.

 

RESPONSORJU Salm 102(103):2.4; 33(34):9a

 

R/. Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek, * Hu li jifdi l-ħajtek mill-qabar u jħaddnek bit-tjieba u l-ħniena.

V/. Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej, * Hu li jifdi l-ħajtek mill-qabar u jħaddnek bit-tjieba u l-ħniena.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

  

TALBA

 

O Alla li tista’ kollox, il-Qalb ta’ Ibnek, mimlija b’kull virtù, hi ta’ ġieħ kbir għalina l-bnedmin; agħmel li din il-Qalb, għajn tad-doni tas-sema, timliena b’kull grazzja u li aħna nżommu dejjem quddiem għajnejna l-ġid kbir ta’ mħabbitha għalina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

‘Tina l-ħlewwa ta’ l-ilsna tas-sema

biex il-ġieħ li jixraqlek nagħtuk:

Qalb ħanina li tagħder, li taħfer,

kif ħabbejtna nixtiequ nħobbuk.

 

Biex tifdina mill-jasar ewlieni,

ta’ Missierek l-għamara ħallejt:

int, li tgħaxxaq is-sema bi ġmielek,

ta’ suritna fil-faqar inħbejt.

 

L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna

meta b’daqqa ta’ lanza nifduk:

int għallimtna tan-niket il-hena,

int għallimtna fil-hemm inberkuk.

 

Infaħħruk, Bniedem-Alla, Bin Verġni,

li l-Missier biha tak it-twelid,

u, bl-Ispirtu, fil-ġuf safi tagħha,

sawwar Qalbek, teżor ta’ kull ġid. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ġesù qam jgħid b’leħen għoli: min għandu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Ġesù qam jgħid b’leħen għoli: min għandu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.

Ant. 2: Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

Ant. 3: Ibni, agħtini qalbek, u żomm it-triqat tiegħi quddiem għajnejk.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Ibni, agħtini qalbek, u żomm it-triqat tiegħi quddiem għajnejk.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 31:33

 

Dan ikun il-patt li għad nagħmel mad-dar ta’ Iżrael wara dawk il-jiem – kelma tal-Mulej: Inqiegħed il-liġi tiegħi fihom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, * u tgħallmu minni. Ħudu.

V/. Għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli. * U tgħallmu minni. Glorja. Ħudu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fil-qalb ħanina tiegħu Alla ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fil-qalb ħanina tiegħu Alla ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Ġesù hu ta’ qalb ħelwa u umli. Fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

 Sultan ta’ mħabba bla qjies, ħenn għalina.

Ġesù, fik tgħammar il-milja kollha tad-divinità:

- agħtina sehem fin-natura tiegħek ta’ Alla.

Ġesù, fik jinsabu t-teżori kollha tas-sapjenza u ta’ l-għerf:

- permezz tal-Knisja għallimna l-għerf ta’ Alla, għerf ta’ kull xorta ta’ mezzi.

Ġesù, fik il-Missier sab l-għaxqa tiegħu:

- agħmel li nisimgħu l-kelma tiegħek u nżommuha sa l-aħħar.

Ġesù, mill-milja tiegħek aħna lkoll ħadna:

- xerred fuqna bil-kotra l-grazzja u l-verità tal-Missier.

Ġesù, inti l-għajn tal-ħajja u l-qdusija:

- agħmel li nkunu qaddisa u bla tebgħa fl-imħabba.

 

Missierna

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, il-Qalb ta’ Ibnek, mimlija b’kull virtù, hi ta’ ġieħ kbir għalina l-bnedmin; agħmel li din il-Qalb, għajn tad-doni tas-sema, timliena b’kull grazzja u li aħna nżommu dejjem quddiem għajnejna l-ġid kbir ta’ mħabbitha għalina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

Ant. X’għamiltlek jiena, poplu tiegħi? Fiex dejjaqtek? Weġibni.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Qalbi maqsuma ġo fija, għadmi kollu jitkexkex.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Wieħed mis-suldati nifed il-ġenb ta’ Ġesù b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.

 

Fid-disgħa ta’ filgħodu

 

Salm 119 (120)

 

Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; *

u hu weġibni.

 

Mulej, eħlisna mix-xufftejn giddieba *

u mill-ilsna qarrieqa.

X'se tieħu b'dan, u x'se jiswielek, *

ilsien qarrieq?

Vleġeġ misnuna ta' wieħed b'saħħtu, *

u ġamar tal-ġummar.

 

Imsejken jien, li ngħix barrani f'Mesek; *

li ngħammar fl-għerejjex ta' Kedar!

Ili ngħix biżżejjed *

ma' dawk li jobogħdu s-sliem.

Jien sliem irrid; imma, malli nitkellem, *

insibhom lesti għall-ġlied.

 Glorja.

 

Salm 120 (121)

 

Nerfa' għajnejja lejn l-għoljiet; *

mnejn se tiġini l-għajnuna?

Il-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; *

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod *

dak li jħares lil Iżrael.

 

Il-Mulej hu dak li jħarsek; *

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar, *

anqas il-qamar billejl.

 

Iħarsek il-Mulej minn kull deni; *

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, *

minn issa u għal dejjem.

 Glorja.

 

Salm 121 (122)

 

Fraħt meta qaluli: *

"Sejrin f'dar il-Mulej!"

Diġà qegħdin riġlejna *

fi bwiebek, Ġerusalemm!

Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu, *

it-tribù tal-Mulej,

biex, skond il-liġi ta' Iżrael, *

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *

it-tronijiet tad-dar ta' David.

 

Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *

"Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *

u l-ġid fil-palazzi tiegħek!" 

Minħabba ħuti u ħbiebi, *

ħallini ngħidlek: "Is-sliem għalik?"

Minħabba f'dar il-Mulej, Alla tagħna, *

nixtieq illi jkollok il-ġid.

 Glorja.

 

F’nofsinhar

 

Salm 122 (123)

 

Lejk nerfa' għajnejja, *

int li tgħammar fis-smewwiet.

 

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; *

bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, *

sa ma jkollu ħniena minna.

 

Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, *

għax mitmugħa sax-xaba' bit-tagħjir.

Mxebbgħa għall-aħħar ruħna *

biż-żebliħ ta' l-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.

 Glorja.

 

Salm 123 (124)

 

Li ma kienx il-Mulej magħna *

 - ħa jgħid hekk Iżrael –

li ma kienx il-Mulej magħna, *

meta qamu għalina n-nies,

ħajjin kienu jibilgħuna, *

meta nxtegħlu bl-għadab għalina.

 

L-ilma kien jgħarraqna, *

il-wied kien jgħaddi minn fuqna;

minn fuqna kien jgħaddi *

mewġ ta' l-ilma qawwi.

 

Imbierek il-Mulej, *

li ma telaqniex priża għal snienhom.

Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. *

Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

 

L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

 Glorja.

 

Salm 124 (125)

 

Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta' Sijon, *

li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.

Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, *

hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu,

 minn issa u għal dejjem.

Ma jkun qatt ix-xettru tal-ħżiena

fuq l-art, wirt il-ġusti, *

 biex ma jiġrix li l-ġusti

jmiddu jdejhom għall-ħażen.

 

Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin *

u lil dawk ta' qalbhom safja.

Imma 'l dawk li jgħawwġu triqthom †

jitlaqhom il-Mulej ma' dawk li jagħmlu l-ħażen.

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Salm 125 (126)

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, *

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna, *

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: *

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! *

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina, *

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ *

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku, *

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ, *

iġorru l-qatet f'idejhom.

 Glorja.

 

Salm 126 (127)

 

Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *

għalxejn jitħabtu l-bennejja.

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *

għalxejn jishar l-għassies.

 

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, †

 jew li ddumu ma tistrieħu

u li tieklu ħobż it-tbatija; *

 għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.

 

Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *

ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.

Bħal vleġeġ f'id il-ġellied, *

hekk huma wlied iż-żgħożija.

Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *

 Ma jinfixilx meta jiltaqa'

ma' l-għedewwa f'bieb il-belt.

 Glorja.

 

Salm 127 (128)

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej, *

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol; *

hieni int, u riżqek tajjeb!

Martek tkun bħal dielja għammiela *

 fl-irkejjen ta' darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ *

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek! *

Sliem għal Iżrael!

 Glorja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. X’għamiltlek jiena, poplu tiegħi? Fiex dejjaqtek? Weġibni.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 31:2-4

 

Dan jgħid il-Mulej: Il-poplu li ħeles mis-sejf sab ħniena fid-deżert; Iżrael terraq lejn il-mistrieħ tiegħu. Mill-bogħod il-Mulej ħares lejh. Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek; għalhekk fit-tjieba tiegħi ġbidtek lejja. Jiena nerġa’ nwaqqfek fuq riġlejk, u inti tieqaf.

 

V/. Kollkom ferħana, timlew l-ilma.

R/. Mill-għejun tas-Salvatur.

 

F’Nofsinhar

 

Ant. Qalbi maqsuma ġo fija, għadmi kollu jitkexkex.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 32:40

 

Dan jgħid il-Mulej: Nagħmel magħhom patt għal dejjem li ma nerġax lura milli nagħmlilhom il-ġid; inqiegħed il-biża’ tiegħi f’qalbhom, biex ma jitbegħdux minni.

 

V/. Fittixt minn jagħdirni, u ma sibt ‘il ħadd.

R/. Min ifarraġni, u ma kelli ‘l ħadd.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Wieħed mis-suldati nifed il-ġenb ta’ Ġesù b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 5:8-9

 

Alla wera mħabbtu lejna meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Mela kemm aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu nsalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla!

 

V/. Kien miġruħ minħabba dnubietna.

R/. Bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, il-Qalb ta’ Ibnek, mimlija b’kull virtù, hi ta’ ġieħ kbir għalina l-bnedmin; agħmel li din il-Qalb, għajn tad-doni tas-sema, timliena b’kull grazzja u li aħna nżommu dejjem quddiem għajnejna l-ġid kbir ta’ mħabbitha għalina. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Verb etern, li ħlaqt id-dinja,

Kristu, Sidna w feddej tagħna,

inti dawl minn dawl Missierek,

Alla veru, l-Iben t’Alla.

 

Nar imħabbtek ġagħlek tinżel

fostna w tieħu ġisem bħalna,

Adam ġdid, biex terġa’ tibni

kull ma ġarraf l-ewwel wieħed.

 

F’dik imħabbtek, li b’tant ħlewwa

sawwret l-ibħra, l-art u l-kwiekeb,

int ħennejt għalina w ġbartna

mill-waqgħat u l-jasar tagħna.

 

Ma jkun qatt, Mulej, li l-ħeġġa

ta’ l-imħabba tonqos f’qalbek!

Ibqa’ sejjaħ lejk id-dinja,

ħa ssib fik il-għajn tal-maħfra.

 

Kien għalhekk li l-lanza ħarxa

nifditilna ‘l qalbek ħelwa,

biex id-demm u l-ilma joħroġ

u jnaddafna minn kull ħtija.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

li ftaħt għajn tal-grazzja f’qalbek;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Aħkem, Mulej, f’nofs l-għedewwa tiegħek bil-madmad ħelu tiegħek.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Aħkem, Mulej, f’nofs l-għedewwa tiegħek bil-madmad ħelu tiegħek.

Ant. 2: Twajjeb u ħanin il-Mulej: hu jagħti l-għajxien lil min jibża’ minnu.

 

Salm 110 (111)

 

Inrodd ħajr lill-Mulej b'qalbi kollha, *

fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.

 

Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej; *

ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom.

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej; *

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu.

 

Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu; *

twajjeb u ħanin il-Mulej.

Hu jagħti l-għajxien lil min jibża' minnu, *

jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.

 

Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta' għemilu, *

meta qassam lilhom art il-ġnus.

Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh; *

ta' min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,

imwettqa għal dejjem ta' dejjem, *

magħmula bis-sewwa u bid-dritt.

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu, *

wettaq għal dejjem il-patt tiegħu.

 

Qaddis u tal-biża' hu ismu! *

Il-bidu ta' l-għerf hu l-biża' tal-Mulej:

tassew bil-għaqal kull min jimxi bih, *

għal dejjem jibqa' t-tifħir tiegħu!

 Glorja.

 

Ant. 2: Twajjeb u ħanin il-Mulej: hu jagħti l-għajxien lil min jibża’ minnu.

Ant. 3: Dan hu l-Ħaruf t’Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

 

Kantiku (Fil 2, 6-11)

 

Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla, *

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

imma tneżża’ minn kollox,

billi ħa n-natura ta’ lsir, †

 sar jixbah lill-bniedem *

 u deher minn barra bħala bniedem:

Ċekken lilu nnifsu, †

billi obda sal-mewt, *

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù, †

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr: †

“Ġesù Kristu hu l-Mulej *

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Glorja.

 

Ant. 3: Dan hu l-Ħaruf t’Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

 

LEZZJONI QASIRA Ef 2:4-7

 

 Alla, għani fil-ħniena, bis-saħħa ta’ l-imħabba kbira li biha ħabbna, meta konna mejta minħabba dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu, qajjimna miegħu, u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu ħabbna u ħallna minn dnubietna * Bis-saħħa ta’ Demmu. Kristu.

V/. U għamilna saltna u qassisin għal Alla Missieru. * Bis-saħħa ta’ Demmu. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej laqagħna u ħaddanna ma’ qalbu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 Il-Mulej laqagħna u ħaddanna ma’ qalbu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Nersqu lejn Ġesù, li hu l-mistrieħ ta’ ruħna, u b’umiltà kbira nitolbuh u ngħidulu bil-ħrara:

Sultan ta’ mħabba bla tarf, ħenn għalina.

Ġesù, int ridt li qalbek tkun minfuda b’daqqa ta’ lanza u joħroġ minnha demm u ilma, biex minnha titnissel il-Knisja, l-għarusa tiegħek:

- naddaf il-Knisja tiegħek minn kull tebgħa, u qaddisha.

Ġesù, inti t-tempju qaddis ta’ Alla, li l-bnedmin ħattewh u l-Missier reġa’ tellgħu:

- agħmel li l-Knisja tiegħek tkun l-għamara qaddisa ta’ Alla l-Għoli.

Ġesù, inti s-sultan u l-għaxqa tal-qlub kollha, li ħabbejtna bi mħabba ta’ dejjem, u fit-tjieba tiegħek ġbidtna lejk:

- orbot lil kulħadd miegħek bis-saħħa tal-Patt il-ġdid.

Ġesù, inti s=sliem tagħna li rġajt ħabbibtna ma’ Alla, u minna lkoll għamilt ħolqien wieħed, bniedem ġdid, billi tajtna l-paċi u b’salibek qridt il-mibegħda ta’ bejnietna:

- kun il-bieb li minnu nidħlu għand il-Missier.

Ġesù, inti l-ħajja u l-qawmien tagħna, li sserraħ lil min hu mtaqqal u tagħti l-mistrieħ lill-erwieħ:

- iġbed lill-midinbin kollha lejn qalbek.

Ġesù, fl-imħabba tiegħek bla qjies int sirt ubbidjenti sal-mewt tas-salib:

- qajjem għall-ħajja ta’ dejjem lil ħutna kollha Maltin u Għawdxin li mietu fil-paċi miegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, il-Qalb ta’ Ibnek, mimlija b’kull virtù, hi ta’ ġieħ kbir għalina l-bnedmin; agħmel li din il-Qalb, għajn tad-doni tas-sema, timliena b’kull grazzja u li aħna nżommu dejjem quddiem għajnejna l-ġid kbir ta’ mħabbitha għalina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.