Stampa t-test kollu ...


IT-TLIETA TAS-VI ĠIMGĦA TAL-GĦID

Salmodija tat-Tlieta tat-II ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħa jifirħu l-ħlejjaq kollha

fis-smewwiet, fuq l-art, fil-baħar:

Kristu qam mill-mewt, u fetaħ

bieb il-ħajja lil kull bniedem.

 

Ħadna l-ġid taż-żmien it-tajjeb,

rajna l-jum tas-salvazzjoni:

il-Ħaruf ħasilna b’demmu,

biex mid-dlam għad-dawl joħroġna.

 

Daq il-mewt, iżd’aħna ksibna

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

jekk stħajjluh megħlub u mxejjen,

żamm qawwietu w tana r-rebħa.

 

B’hekk titwettaq fina t-tama

li, kif nemmen, għad nissieħbu

fil-qawmien glorjuż ta’ Sidna,

biex nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ngħaddu mela b’qima kbira

dan iż-żmien ta’ l-Għid hekk hieni,

b’radd il-ħajr għall-ġid u d-doni

li l-Feddej ġibilna miegħu.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, u jagħmel hu, hallelujah.

 

Salm 36 (37)

 

I

 

La tagħdabx minħabba l-ħżiena, *

la tgħirx għal dawk li jagħmlu d-deni;

għax bħall-ħaxix malajr jidbielu, *

u bħan-nibbieta malajr jinxfu.

 

Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb; *

għammar fl-art, u tgħix b'moħħok mistrieħ;

qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, *

u jagħtik dak li tixtieq qalbek. 

Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, *

afda fih, u jagħmel hu.

Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek, *

u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar.

 

Serraħ rasek fil-Mulej u ttama fih; *

tinkeddx minħabba f'min jirnexxi

 u f'min jimxi bil-ħżunija.

Ħallik mill-korla u la tirrabjax; *

tinkedd xejn, għax deni jiswielek.

 

Għax il-ħżiena jitqaċċtu 'l barra; *

min jittama fil-Mulej jikseb l-art.

Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; *

għad tħares fejn kien u ma ssibux.

Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, *

u bi sliem kotran jitgħaxxqu.

 Glorja.

 

Ant.1: Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, u jagħmel hu, hallelujah.

Ant.2: Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb: il-Mulej iżomm il-ġusti, hallelujah.

 

II

 

Jonsob il-ħażin għall-bniedem ġust, *

u jgħażżeż snienu kontra tiegħu.

Imma l-Mulej bil-ħażin jidħak, *

għax jara li wasal żmienu.

 

Jisiltu s-sejf il-ħżiena, *

u jmiddu l-ark tagħhom,

biex joqtlu l-imsejken u l-fqajjar, *

u joqtlu 'l min jimxi sewwa.

Imma sejfhom jinfdilhom qalbhom, *

u l-ark tagħhom jitkisser.

Aħjar il-ftit li għandu l-ġust *

mill-ġid kotran tal-ħżiena.

Għax dirgħajn il-ħażin jitkissru, *

imma l-Mulej iżomm il-ġusti.

 

Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin, *

u wirthom jibqa' għal dejjem.

Ma jitfixklux f'siegħa ħażina, *

u jixbgħu fi żmien il-ġuħ.

 

Imma l-ħżiena għad jintilfu; †

l-għedewwa tal-Mulej jintemmu bħal ġmiel ir-raba', *

u jgħibu kif jgħib id-duħħan.

Jissellef il-ħażin u ma jroddx; *

imma l-ġust iħenn u jagħti.

 

Dawk li l-Mulej ibierek jiksbu l-art; *

imma dawk li hu jisħet jitqaċċtu 'l barra.

Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem, *

iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu.

Jekk jaqa', ma jmurx għal tulu fl-art, *

għax il-Mulej iżommlu idu.

 

Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, †

u qatt ma rajt il-ġust minsi, *

jew uliedu jittallbu ħobżhom.

Dejjem iħenn u jislef bil-qalb, *

u wliedu jgħixu bil-barka.

 

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

biex tibqa' tgħammar għal dejjem.

Għax il-Mulej iħobb is-sewwa, *

u ma jitlaqx it-twajbin;

hu jħarishom għal dejjem, *

imma wlied il-ħżiena jeqridhom.

Il-ġusti jirtu l-art, *

u jgħammru fiha għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb: il-Mulej iżomm il-ġusti, hallelujah.

Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu, hallelujah.

 

III

 

Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf, *

u lsienu jgħid is-sewwa.

Il-liġi ta' Alla tiegħu għal qalbu, *

ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.

Il-ħażin jgħasses għall-ġust, *

u jfittex li jneħħilu ħajtu.

Imma l-Mulej ma jitilqux f'idejh, *

ma jħallihx jaqa' taħt il-ħaqq tiegħu.

 

Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, †

hu jerfgħek biex tikseb l-art; *

mbagħad tara l-ħżiena meqruda.

Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar, *

jinfirex qisu ċedru tal-Libanu.

Erġajt għaddejt, u ma rajtux; *

fittixtu, u ma sibtux.

 

Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-bniedem sewwa; *

għax ulied iħalli min iħobb is-sliem.

Imma l-midinbin flimkien jinqerdu; *

ulied il-ħżiena jitqaċċtu 'l barra.

Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej; *

hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.

Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena, *

isalvahom għax fih jistkennu. 

 Glorja.

 

Ant. 3: Ittama fil-Mulej, u ħares triqtu, hallelujah.

 

V/. Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar, hallelujah.

R/. Il-mewt ma ssaltanx aktar fuqu, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 2:12-17

 

Il-ħarsien tar-rieda ta’ Alla

 

 Qiegħed nikteb lilkom, uliedi, għax intom dnubietkom maħfura, bis-saħħa ta' ismu. Qiegħed nikteb lilkom, missirijiet, għax intom għaraftu ‘l dak li hu sa mill-bidu. Ktibt lilkom, missirijiet, għax intom għaraftu lil dak li hu sa mill-bidu. Ktibt lilkom, żgħażagħ, għax intom qawwija u l-kelma ta’ Alla qiegħda tgħammar fikom u intom irbaħtu l-ħażin.

 Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih. Kull ma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda ta' l-għajnejn, u l-kburija tal-ħajja, dan m'huwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja. U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda ta' Alla jibqa' għal dejjem.

 

 

RESPONSORJU Apok 2:10ċ. 11b; Sir 4:33

 

R/. Id-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi. * Min jagħmel ir-rieda tal-Missier jibqa’ għal dejjem, hallelujah.

V/. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih. * Min jagħmel ir-rieda tal-Missier jibqa’ għal dejjem, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Tifsir ta’ l-Evanġelju ta’ San Ġwann, ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Lixandra

 

Kristu hu r-rabta ta’ l-għaqda

 

 Ningħaqdu fil-ġisem ma’ Kristu meta nersqu nitqarbnu bil-ġisem qaddis ta’ Kristu, kif jixhdilna San Pawl hu u jitkellem fuq dan il-misteru ta’ tjieba li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rivelat lill-Appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri li l-pagani huma msejjħa biex ikollhom sehem mill-istess wegħda fi Kristu Ġesù, u jidħlu għall-istess wirt u jkunu ġisem wieħed fi Kristu.

 Jekk aħna lkoll flimkien ġisem wieħed fi Kristu, aħna m’aħniex biss flimkien imma aħna fih ukoll, għaliex hu fina b’ġismu: għaliex, mela, ma nurux aktar ċar din l-għaqda bejnietna u fi Kristu? Kristu hu dak li jgħaqqadna flimkien ħaġa waħda, għaliex hu Alla u bniedem.

 Bl-istess mod nistgħu nfissru l-għaqda tagħna flimkien fl-Ispirtu, għaliex jekk aħna lkoll irċevejna spirtu wieħed, l-Ispirtu s-Santu, aħna b’xi mod imħalltin flimkien u ma’ Alla. Aħna ħafna, jekk nitqiesu kull wieħed għal rasu, u f’kull wieħed minna Kristu jibgħat jgħammar l-Ispirtu tal-Missier u tiegħu, li hu wieħed u ma jinqasamx; u l-Ispirtu s-Santu jgħaqqad flimkien dawk li huma mifrudin minn xulxin għax kull wieħed qiegħed għal rasu: b’hekk hu juri li huma lkoll ħaġa waħda flimkien fih.

 Kif il-qawwa tal-ġisem qaddis ta’ Kristu tagħmilna ġisem wieħed, hekk – jidhirli jien – l-Ispirtu waħdieni ta’ Alla msawwab fina jgħaqqadna flimkien f’għaqda spiritwali u mhux jinqasam f’kull wieħed minna kull wieħed għal rasu.

 Għalhekk San Pawl iħeġġiġna biex naħmlu u nħobbu ‘l xulxin u nħabirku biex inżommu Spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem: ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif konna msejjħa għal tama waħda, Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li jsaltan fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd. Jekk fina, għalhekk, jgħammar Spirtu wieħed, fina jgħammar ukoll il-Missier wieħed ta’ kulħadd, permezz ta’ Ibnu, biex jgħaqqad flimkien u miegħu ‘l dawk kollha li għandhom sehem minn Spirtu wieħed.

 Nistgħu naraw ukoll mod ieħor kif aħna ħaġa waħda flimkien, jekk għandna sehem minn Spirtu wieħed. Jekk aħna nħallu fil-ġenb is-sura ta’ ħajja skond il-ġisem u nobdu darba għal dejjem għall-liġijiet ta’ l-Ispirtu, m’hix ħaġa ċara għal kulħadd li aħna warrabna l-ħajja naturali tagħna u ksibna sura ta’ ħajja oħra bit-tiswib ta’ l-Ispirtu s-Santu fina? Ninbidlu f’natura oħra, għaliex ma nibqgħux aktar bnedmin biss imma nibdew nissejjħu wlied Alla u bnedmin tas-sema għaliex imseħbin fin-natura ta’ Alla.

 Mela aħna lkoll ħaġa waħda fil-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, ħaġa waħda għaliex għandna lkoll xebħ wieħed, għaliex ilkoll naqblu fit-tjieba, għaliex nitqarbnu lkoll bil-ġisem ta’ Kristu u lkoll għandna sehem fl-istess Spirtu s-Santu.

 

RESPONSORJU ara 1 Kor 10:17; Salm 67(68): 11b. 7a

 

R/. La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed: * Ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda u minn kalċi wieħed, hallelujah.

V/. Fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha, int li tagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom. * Ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda u minn kalċi wieħed, hallelujah.

 

TALBA

 

 O Alla, jifraħ dejjem il-poplu tiegħek biż-żgħożija mġedda ta’ ruħu, biex, kif int sebbaħtna u ferraħtna mill-ġdid bil-grazzja ta’ l-adozzjoni, hekk ukoll, b’qalbna qawwija fit-tama, nistennew il-jum tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

  

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

INNU

 

Minn ġol qalb tal-Belt il-ġdida

toħroġ għanja ġdida w ħelwa,

biex mad-dinja kollha xxandar

il-ferħ kbir ta’ l-Għid ta’ Kristu.

 

Hu l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda,

ġieb fix-xejn lill-għadu tagħna:

qam mill-mewt u, b’leħen qawwi,

sejjaħ lill-mejtin għall-ħajja.

 

U mill-qiegħ ta’ l-art u d-dalma

ħarġet ħielsa l-priża mjassra;

marru l-qtajja’ tal-mifdija

wara Kristu, s-Sultan tagħhom.

 

Bl-istendard tar-rebħa f’idu,

Ġesù radd is-sliem lill-ħlejjaq,

għaqqad l-art u s-sema, w nieda

żmien is-saltna ta’ Missieru.

 

Nitolbuh għalhekk il-barka

fuqna lkoll u jżommna miegħu,

ħalli nimxu wrajh bla nieqfu,

sa ma niksbu l-glorja mwiegħda.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u l-belt ta’ Alla l-ħaj, hallelujah.

 

Salm 42 (43)

 

Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej, †

u min-nies bla tjieba ddefendi l-kawża tiegħi; *

min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni.

Inti l-kenn tiegħi, o Alla; għaliex warrabtni? *

Għax għandi ngħix imdejjaq

 taħt it-tagħkis ta' l-għadu?

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek; †

huma jmexxuni; *

iwassluni sa l-għolja mqaddsa tiegħek

u sa l-għerejjex tiegħek.

U nidħol ħdejn l-artal ta' Alla, *

ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.

U nroddlok ħajr biċ-ċetra, *

Mulej, Alla tiegħi.

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 Glorja.

 

Ant. 1: Intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u l-belt ta’ Alla l-ħaj, hallelujah.

Ant. 2: Mulej, int salvajtli ħajti mill-qerda, hallelujah.

 

Kantiku Iż 38:10-14. 17-20

 

"Jien għedt: F'nofs il-medda ta’ ħajti; *

Nitqiegħed f’bibien l-imwiet għall-bqija ta’ snini!”

 

Jien għedt: "M'iniex se nara l-Mulej *

f'art il-ħajjin;

ma nara b'għajnejja ‘l ħadd iżjed *

minn fost dawk li jgħammru fid-dinja !”

 

Tneħħietli l-għamara tiegħi †

u ġiet mwarrba minni, *

bħal għarix ta' ragħaj.

Kebbibtli ħajti, †

kif jagħmel nissieġ biex jaqta’ minn-newl. *

Lejl u nhar inti fnejtni.

Bqajt ngħajjat sa sbiħ il-jum : †

bħal iljun il-Mulej kissirli għadmi. *

Lejl u nhar inti fnejtni.

 

Bħal ħuttafa npespes, bħal ħamiema nokrob ; *

għajnejja mbikkija jħarsu 'l fuq.

Int salvajtli ħajti mill-ħofra tal-qerda ; *

int xħett wara spallejk ħtijieti kollha.

 

Ma jfaħħrukx l-imwiet, *

anqas il-mewt ma ssebbħek.

Fil-fedeltà tiegħek ma jittamawx aktar *

dawk li jinżlu fil-qabar.

 

Min hu ħaj iroddlok ħajr bħali llum ; *

il-missier jgħarraf lil uliedu l-fedeltà tiegħek.

Salvana, Mulej, u aħna ndoqqu ċ-ċetri * 

il-jiem kollha ta' ħajjitna f'dar il-Mulej. 

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, int salvajtli ħajti mill-qerda, hallelujah.

Ant. 3: Int ġejt iżżur l-art u mlejtha bil-ferħ, hallelujah.

 

Salm 64 (65)

 

Tifħir lilek jistħoqq, o Alla, f'Sijon; *

lilek inroddu l-wegħda, int, li tisma' talbna.

Quddiemek jersaq kull bniedem, *

minħabba fi ħtijietu.

Kbar wisq għalina dnubietna; *

iżda inti taħfirhomlna.

 

Hieni l-bniedem li inti tagħżel *

u tqiegħdu jgħammar fit-tempju tiegħek.

Bil-ġid ta' darek nixbgħu *

fit-tempju mqaddes tiegħek.

Ta' l-għaġeb kif tweġibna bil-ġustizzja tiegħek, *

o Alla tas-salvazzjoni tagħna.

Int tama ta' min jgħix fi truf l-art *

u fi gżejjer fl-ibħra mbiegħda.

 

Int twaqqaf fis-sod il-muntanji b'qawwietek, *

inti mħażżem bis-saħħa.

Inti ssikket l-għajat ta' l-ibħra, †

u l-ħsejjes ta' l-imwieġ tagħhom, *

u t-tixwix tal-popli.

U jibżgħu dawk li jgħammru fi truf l-art *

quddiem l-għeġubijiet tiegħek.

Iż-żerniq u għib il-jum *

inti timliehom bil-ferħ.

 

Inti żżur l-art u ssaqqiha, *

u tagħniha bil-ġid tiegħek.

Il-wied ta' Alla mimli bl-ilma; *

il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom.

Hekk int tħejjiha: †

issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,

bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.

 

Fawwart is-sena bi tjubitek, *

triqatek bil-ġid joqtru;

joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert, *

u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.

Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel, †

il-widien jinksew bil-qamħ; *

jgħajjtu lkoll u jgħannu bil-ferħ! 

Glorja.

 

Ant. 3: Int ġejt iżżur l-art u mlejtha bil-ferħ, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 13:30-33

 

Alla qajjem lil Ġesù mill-imwiet: għal ħafna jiem dam jidher lil dawk li kienu jitilgħu miegħu mill-Galilija lejn Ġerusalemm; dawn issa huma xhieda tiegħu quddiem il-poplu. U għalhekk aħna qegħdin hawn: biex nagħtukom il-bxara t-tajba li l-wegħda, li Alla għamel lil missirijietna, temmha lilna, uliedhom, billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet; hekk hemm miktub fit-tieni Salm: Ibni int, illum jien nissiltek.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar, * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar; iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar; iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Alla l-Missier bagħtilna lil Ibnu, il-Ħaruf bla tebgħa li neħħa d-dnub tad-dinja u tana l-ħajja. Inroddulu ħajr u nitolbuh:

Missier, agħtina l-ħajja, għax int waħdek l-għajn tagħha.

O Alla, li minnek ġejja l-ħajja, ftakar fil-passjoni u l-qawmien ta’ Ibnek, il-Ħaruf issagrifikat fuq is-salib;

- agħti widen għat-talb li dejjem jagħmillek għalina.

Naddafna mill-ħmira l-qadima tal-qerq u tal-ħażen:

- agħtina li ngħixu bil-ħobż bla ħmira tas-safa u s-sewwa ta’ Kristu.

Għinna biex illum naħdmu għall-qerda tad-dnub tal-firda ta’ bejnietna u ta’ l-għira:

- dawwrilna iżjed ħsibijietna fuq il-bżonnijiet ta’ ħutna.

Saħħaħ fostna l-ispirtu evanġeliku:

- agħmel li ngħixu skond il-kmand Ammenti tiegħek illum u dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

 O Alla, jifraħ dejjem il-poplu tiegħek biż-żgħożija mġedda ta’ ruħu, biex, kif int sebbaħtna u ferraħtna mill-ġdid bil-grazzja ta’ l-adozzjoni, hekk ukoll, b’qalbna qawwija fit-tama, nistennew il-jum tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Ħallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 118 (119):49-56

 

VII (Żajin)

 

Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek, *

li biha inti ttamajtni.

Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi: *

li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja.

Jiddieħku bija l-kburin għall-aħħar; *

imma jiena ma nitbegħidx mil-liġi tiegħek.

Niftakar fid-digrieti tiegħek ta' dari; *

fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi.

Nagħdab għall-aħħar minħabba l-ħżiena *

li jitilqu l-liġi tiegħek.

L-għanja tiegħi l-kmand Ammenti tiegħek, *

f'dan il-post fejn jien barrani.

 

Billejl f'ismek niftakar, Mulej, *

u nħares il-liġi tiegħek.

Din hi l-barka li messet lili: *

li jiena nħares il-preċetti tiegħek.

 Glorja.

 

Salm 52 (53)

 

Jgħid l-iblah f'qalbu: "M'hemmx Alla!" *

Tħassru l-bnedmin,

għamlu ħwejjeġ ta' min jistmellhom; *

m'hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.

Alla mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, *

 biex jara jekk hemmx min hu għaqli,

min ifittex lil Alla.

 

Ilkoll intilfu, †

ilkoll flimkien tħażżnu; *

ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed. 

Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, *

dawk li qatt ma jsejjħu lil Alla?

li jaħtfu l-poplu tiegħi *

kif wieħed jaħtaf il-ħobż?

Biża' kbir waqa' fuqhom, *

 bla ma kellhom għalfejn;

għax Alla kissrilhom għadamhom lil dawk li dawwruk; *

tħawwdu, għax Alla telaqhom.

 

Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael? *

Meta jerġa' jqajjem Alla l-poplu tiegħu,

 jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.

 Glorja.

 

Salm 53 (54):1-6. 8-9

 

B'ismek, o Alla, salvani; *

agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.

Isma', o Alla, it-talba tiegħi; *

agħti widen għal kliem fommi.

 

Għax nies barranin qamu kontrija, †

nies kefrin jonsbuli ħajti; *

ma jżommux 'l Alla quddiem għajnejhom. 

Ara, Alla l-għajnuna tiegħi: *

il-Mulej hu dak li jżommni.

 

Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju; *

inrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb.

Għax minn kull hemm ħelisni l-Mulej; *

jitpaxxew għajnejja bl-għedewwa mirbuħa.

 Glorja.

 

Ant. Ħallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Atti 4:11-12

 

 Din hi l-ġebla mwarrba mill-bennejja, li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd aktar ma hemm salvazzjoni, għax taħt is-sema ma hemmx isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi.

 

V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA ara 1 Piet 3:21-22a

 

 L-ilma tal-magħmudija issa jsalva lilkom ukoll; m’huwiex ilma biex inaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma hu talba li ssir lil Alla b’kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu, li qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

 

V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:1-2

 

 Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuqil-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.

 

V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

 

Talba

 

 O Alla, jifraħ dejjem il-poplu tiegħek biż-żgħożija mġedda ta’ ruħu, biex, kif int sebbaħtna u ferraħtna mill-ġdid bil-grazzja ta’ l-adozzjoni, hekk ukoll, b’qalbna qawwija fit-tama, nistennew il-jum tal-qawmien mill-imwiet. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

INNU

 

Verb etern, li sa minn dejjem

int fil-glorja ma’ Missierek,

ħlaqt ‘l Adam u tajtu l-ħajja,

biex ikun ix-xbieha tiegħek.

 

Għad li l-għadu minn ġos-siġra

qarraq bih u biegħdu minnek,

inti ma ċħadtlux imħabbtek,

imma nżilt f’din l-art biex tfittxu.

 

U sirt bniedem minn ġuf Verġni,

biex lill-bniedem tħabbeb m’Alla;

tajtu l-maħfra w ħajja ġdida

bl-ilmijiet tal-magħmudija.

 

Ma stmerrejtx, Mulej, li titla’

fuq salib u xxerred demmek;

ħadt int stess il-mewt biex tifdi

lill-ilsir li qam għal sidu.

 

Iżda b’mewtek ksibt il-glorja

tal-qawmien mingħand Missierek,

li wkoll għamlek ir-Ras tagħna

ħalli bik inqumu miegħek.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art, hallelujah.

 

Salm 48 (49)

 

I

 

Isimgħu dan, popli kollha; *

agħtu widen, intom ilkoll li tgħixu fid-dinja;

kemm iż-żgħar u l-kbar tal-poplu, *

kemm il-għonja u kemm il-fqar.

 

Fommi jitkellem l-għerf, *

u nxandar il-fehmiet ta' qalbi. 

Nagħti widen għal kliem l-għerf; *

se nfisser fuq iċ-ċetra l-kliem tqil tiegħi.

 

Għax għandi nibża' mill-jiem ħżiena, *

meta jdur għalija l-ħażen ta' dawk li jonsbuni?

F'ġidhom it-tama tagħhom; *

jiftaħru bil-kotra ta' l-għana tagħhom.

 

Ħadd ma jista' jifdi lilu nnifsu, *

jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa tiegħu.

Għoli wisq il-prezz ta' ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed, *

biex wieħed jgħix għal dejjem

 u qatt ma jara il-qabar.

Jara mqar l-għorrief imutu, †

l-iblah u l-belhieni lkoll jintemmu, *

 u lil ta' wrajhom iħallu ġidhom.

 

Qabarhom hu darhom għal dejjem, †

għamara tagħhom minn nisel għal nisel, *

għalkemm għamlu isem f'artijiethom.

Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, *

qisu bħall-bhejjem li jintemmu.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art, hallelujah.

Ant. 2: Alla fdieli ħajti mis-setgħa tal-mewt, hallelujah.

 

II

 

Din xortih min jittama fih innifsu; *

hekk jintemm min jitgħaxxaq bi frugħa tiegħu.

Bħal nagħaġ lejn l-imwiet mexjin, *

l-mewt tkun ir-ragħaj tagħhom;

dritt lejn il-qabar jinżlu, *

jintemmu fl-imwiet bla ġieħ ta' xejn.

 

Imma lili Alla jifdili ħajti, *

mis-setgħa ta' l-imwiet żgur jaħtafni.

Tibżax meta xi ħadd jistagħna, *

meta joktor il-ġieħ ta' daru.

Għax xejn ma jieħu f'mewtu, *

ġieħu ma jinżilx warajh.

 

Mqar jekk f'ħajtu jħoss ruħu hieni, *

u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;

imur ukoll mal-ġemgħa ta' missirijietu, *

li qatt aktar ma jaraw id-dawl.

 

Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, *

qisu bħall-bhejjem li jintemmu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla fdieli ħajti mis-setgħa tal-mewt, hallelujah.

Ant. 3: Tiegħek, Mulej, il-kobor u l-qawwa, il-ġieħ u s-setgħa, hallelujah.

 

 

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

 ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Tiegħek, Mulej, il-kobor u l-qawwa, il-ġieħ u s-setgħa, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 2:4-5

 

Ersqu lejn Ġesù, li hu ħaġra ħajja, mormija mill-bnedmin, imma magħżula u għażiża għal Alla. Inbnew intom ukoll, bħal ħaġar ħaj, f’dar spiritwali u saċerdozju qaddis, li jkunu jogħġbu lil Alla b’Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Id-dixxipli ferħu. * Hallelujah, hallelujah. Id-dixxipli.

V/. Meta raw lill-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Id-dixxipli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu, bil-qawmien tiegħu, wettaq it-tama tal-poplu tiegħu. Insejjħulu bil-ħrara kollha u ngħidu:

Kristu, li int dejjem ħaj, ismagħna.

Mulej Ġesù, minn ġenbek miftuħ ħareġ demm u ilma:

- qaddes lill-Knisja għarusa tiegħek biex tkunlek bla tebgħa.

Inti r-Ragħaj il-kbir, li wara l-qawmien tiegħek tajt in-nagħaġ f’idejn Pietru għax stqarrlek imħabbtu:

- kattar dejjem l-imħabba u l-ħeġġa tal-Papa N.

Id-dixxipli, meta waddbu x-xbiek fejn għedtilhom int, qabdu kotra kbira ta’ ħut:

- ibgħat ħaddiema biex ikomplu l-ministeru u l-appostolat tagħhom.

Int ħejjejt il-ħobż u l-ħut lid-dixxipli f’xatt il-baħar:

- tħallix lil ħutna jinfnew bil-ġuħ ħtija tagħna.

Ġesù, int l-aħħar Adam u spirtu li jagħti l-ħajja, biddel lil ħutna l-mejtin fis-sura tax-xbieha tiegħek:

- biex il-ferħ tiegħek ikun sħiħ fihom.

 

Missierna

Talba

 

O Alla, jifraħ dejjem il-poplu tiegħek biż-żgħożija mġedda ta’ ruħu, biex, kif int sebbaħtna u ferraħtna mill-ġdid bil-grazzja ta’ l-adozzjoni, hekk ukoll, b’qalbna qawwija fit-tama, nistennew il-jum tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

  

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufn Amment,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.