Stampa t-test kollu ...


IL-ĦAMIS

TAD-IX ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ħamis ta’ l-1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

L-ilwien sbieħ insatru kollha

taħt ġwenħajn il-lejl sewdieni;

hekk fid-dlam tad-dnub inbela’

ħtija tagħna l-ġmiel ta’ ruħna.

 

Kristu mħallef ġust ta’ qlubna,

eqred minna l-ħażen kollu,

imla r-ruħ mifdija minnek

b’dawl is-sebħ tal-grazzja tiegħek.

 

Kun ix-xemx li tagħti l-ħajja

tas-smewwiet lil art twelidna;

biegħed minnha l-għawġ u l-ħsara

biex tisseddaq fit-triq tiegħek.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Agħti widen għat-talb tagħna,

Kristu, Sid ta’ tjieba w ħniena:

tħalli qatt is-sħab tal-ħażen

ta’ din l-art jgħattilna l-fidi.

 

Jaħrab fis kull ħsieb mhux xieraq

minn ġo moħħna, u ‘l ħadd ma nonqsu;

għaqda w sliem isaltnu fostna

jekk bil-ġid inħallsu d-deni.

 

Tkun nadifa w safja qalbna

mit-tkabbir, mill-qerq u l-korla;

b’ħeġġa mqaddsa negħlbu x-xeħħa,

li hi l-għerq tal-ħażen kollu.

 

Tkun bla wċuħ l-imħabba tagħna

lejn xulxin, għax ilkoll aħwa;

ngħixu dejjem f’rabta sħiħa,

bil-fiduċja u fehma safja.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-kelma tal-Mulej hi tarka għal kull min jistkenn fih.

 

Salm 17 (18):31-51

 

IV

 

Dritta hi t-triq ta' Alla; *

safja hi l-kelma tal-Mulej.

Tarka huwa Alla *

għal kull min jistkenn fih.

Għax min hu Alla ħlief Jaħweh? *

Min hu blata ħlief Alla tagħna?

Hu Alla, li ħażżimni bil-qawwa; *

fetaħli triq dritta quddiemi.

Bħal taċ-ċriev jagħmilli riġlejja, *

fuq l-għoljiet fis-sod iqegħedni.

Idejja jħarriġli għat-taqbida; *

ark tal-bronż jiġbdu dirgħajja.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-kelma tal-Mulej hi tarka għal kull min jistkenn fih.

Ant. 2: Il-leminija tiegħek, Mulej, għenitni.

 

V

 

Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek, *

lemintek għenitni, l-għajnuna tiegħek kabbritni.

Int wessajtli t-triq quddiemi, *

u ma tfixklux riġlejja.

Neħodha għal wara l-għedewwa u nilħaqhom, *

ma nerġax lura qabel neqridhom.

Nagħtihom daqqa, ma jqumux iżjed minnha; *

jaqgħu mirbuħa taħt riġlejja.

Int tħażżimni bil-qawwa għat-taqbida, *

taħti titfa' 'l dawk li jqumu għalija.

 

Iġġiegħel l-għedewwa jaħarbu quddiemi; *

jien neqred 'il dawk li jobogħduni.

Jgħajjtu għall-għajnuna, u ħadd ma jgħinhom; *

lill-Mulej isejjħu, u ma jweġibhomx.

Bħat-trab itir mar-riħ nagħmilhom, *

bħat-tajn tat-triqat ngħaffeġ fuqhom.

Int teħlisni minn poplu ġellied, †

fuq il-ġnus inti tqegħedni; *

u poplu, li ma nafux, jaqdini.

Malli jisimgħu bija, joqogħdu għalija; *

il-barranin jinxteħtu sa l-art quddiemi.

Il-barranin jaqgħu mifnija, *

joħorġu mwerwra mill-fortizza tagħhom.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-leminija tiegħek, Mulej, għenitni.

Ant. 3: Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

 

VI

 

Ħaj il-Mulej! Mbierek hu, il-blata tiegħi! *

Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

Alla, li għenni biex tħallast mill-għedewwa, *

li qegħedli l-ġnus taħt riġlejja!

Int teħlisni mill-għedewwa tiegħi, †

tqegħedni fuq min jaħbat għalija, *

teħlisni min-nies tad-dnewwa.

 

Għalhekk infaħħrek fost il-ġnus, Mulej, *

u ngħanni t-tifħir ta' ismek.

Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu, †

juri mħabbtu mal-midluk tiegħu; *

ma' David u nislu għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!

 

V/. Mulej, iftaħli għajnejja.

R/. Biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob Ġob 38:1-30

 

Alla jħawwad lil Ġob

 

Alla wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta u qal:

"Min hu dan li jrid joskura l-pjan ta' Alla

bi kliem nieqes mill-għaqal?

Isa, kun raġel u ħejji ruħek,

ħa nistaqsik, u inti weġibni.

Fejn kont int jien u nqiegħed is-sisien ta’ l-art?

Għidli ladarba taf ħafna.

Ara tafx tgħidli min fassal is-sisien tagħha

jew min firex fuqha l-ħabel tal-qjies?

Fuqiex qed jistrieħu l-qigħan tagħha?

Min qiegħed ras il-minkeb tagħha

waqt li kienet tgħanni l-ġemgħa tal-kwiekeb ta' filgħodu,

u tgħajjat bil-ferħ il-kotra ta' wlied Alla?

Min kien dak li għalaq il-baħar bħal b'bibien,

meta dan beda jeżisti,

meta bis-sħab libbistu u bid-dalma nfaxxajtu,

meta t-truf tiegħu qegħedtlu bħal xatbiet

u bibien li bihom għalaqtu,

meta għedtlu: 'Sa hawn biss tasal u mhux aktar,

ma taqbiżx minn hawn il-qawwa tal-mewġ tiegħek’?

Qatt kemm ilek fid-dinja kkmandajt is-sebħ,

jew urejtu postu liż-żerniq,

biex jaqbad l-art mit-truf tagħha,

u jfarfar minnha l-ħżiena,

jagħtiha sura bħat-tafal fil-forma,

u jżewwaqha bħal libsa;

biex jaqta’ lill-ħżiena d-dawl tagħhom,

u jkisser id-driegħ li ntrafa’ biex jagħti?

Qatt wasalt sa l-għejun tal-baħar?

F’qiegħ il-baħar qatt imxejt int?

Qatt intwerewlek bibien l-Imwiet?

Qatt rajt b'għajnejk bibien id-dlam?

Qatt ħaddant b'ħarstek il-medda sħiħa ta' l-art?

Għidli jekk tafx il-wisa' kollu tagħha?

Minn fejn tgħaddi għal ħdejn id-dawl,

u fejn joqogħdu d-dlamijiet,

biex tmexxihom sas-saltna tagħhom,

jew tqabbadhom it-triq lejn djarhom?

Int tafu dan għax diġà kont imwieled

u l-għadd ta' sninek kbir tassew!

Qatt wasalt int sa l-imħażen tal-borra,

jew qatt rajt il-ħażniet tas-silġ

li nżomm merfugħa għal żmien l-inkwiet,

għal jum it-taqbida u l-gwerra?

Minn liema triq tixtered is-sħana,

jinfirex fuq l-art ir-riħ isfel?

Min fetaħ kanali għax-xita qawwija,

u t-triq għall-beraq tar-ragħad,

biex jagħmel ix-xita fuq art bla nies,

fuq deżert li ma hemmx bniedem fih,

 biex issaqqi l-art imħarbta u mitluqa,

u tnibbet ħxejjex minn art xagħrija?

U l-qtar tan-nida min nisslu?

 Minn ħdan min ħareġ is-silġ?

Min ta t-twelid lill-ġlata tas-sema,

 li biha jibbies daqs il-ġebel l-ilma

u jagħqad wiċċ il-baħar bla qiegħ?”

 

RESPONSORJU Rum 9:20; Ġob 38:3

 

R/. Ja bniedem, int min int biex teħodha ma’ Alla? * Forsi l-fuħħar jeħodha kontra l-ħaddiem u jgħidlu: Għaliex għamiltni hekk?

V/. Isa, kun raġel u ħejji ruħek, ħa nistaqsik u int tweġibni. * Forsi l-fuħħar jeħodha kontra l-ħaddiem u jgħidlu: Għaliex għamiltni hekk?

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Kotba tal-Morali fuq Ġob, tal-Papa San Girgor il-Kbir

 

Il-Knisja tielgħa bħaż-żerniq

 

Is-sebħ jew iż-żerniq hu l-bidla mid-dlam għad-dawl, għalhekk inxebbħu l-Knisja tal-magħżulin mas-sebħ jew iż-żerniq ta’ jum ġdid. Il-Knisja ġejja mid-dlamijiet tan-nuqqas ta’ fidi għad-dawl tat-twemmin, u bħalma s-sebħ wara d-dlamijiet tal-lejl jinbidel fil-jum, hekk il-Knisja tibda tiddi b’dawl tas-sema. Għalhekk sewwa jingħad fl-Għanja ta’ l-Għanjiet: Min hi din li tielgħa bħaż-żerniq? Il-Knisja mqaddsa, imxennqa għall-premju tal-ħajja tas-sema, tissejjaħ żerniq, għax tħalli warajha d-dlamijiet tad-dnub u tiddi bid-dawl tal-ġustizzja

Iżda hemm ħsieb aktar għoli li jmissna nikkunsidraw, la issa qegħdin nitkellmu fuq is-sebħ u ż-żerniq. Is-sebħ iħabbrilna li għadda l-lejl, iżda ma juriniex id-dija sħiħa tal-jum: ikeċċi d-dlam waqt li jilqa’ d-dawl, u għalhekk id-dlam u d-dawl qishom jitħalltu flimkien. Hekk aħna; f’din id-dinja qegħdin infittxu l-verità: m’aħniex mela qisna fis-sebħ u ż-żerniq la diġà qegħdin nagħmlu xi ħaġa minn dak li hu tad-dawl, iżda għad għandna xi ħwejjeġ li għadhom mhux neqsin għalkollox mill-fdalijiet tad-dlam? Dan qal il-Profeta lil Alla: Ebda bniedem ma hu ġust quddiemek. U hemm miktub ukoll: Aħna lkoll niżbaljaw, u ta’ sikwit.

Għalhekk San Pawl, meta qal: Il-lejl għoddu għadda, ma żiedx jgħid: Wasal il-jum, imma: Qorob il-jum. Meta jgħaddi l-lejl, ma ngħidux li wasal il-jum, imma ngħidu li qorob il-jum, biex infissru li għadu s-sebħ, wara d-dlam tal-lejl, imma qabel tlugħ ix-xemx.

Il-Knisja mqaddsa tal-magħżulin tkun waslet fil-jum tagħha meta fiha ma jkun fadal ebda dell tad-dnub. Tkun f’nofs il-jum tagħha meta tiddi bid-dija sħiħa tad-dawl kollu li għandha fiha. Il-kliem: Urejt postu liż-żerniq ifisser tajjeb li ż-żerniq għadu ma għaddiex, għaliex lil min turih fejn hu postu qiegħed tgħidlu biex imur minn post għall-ieħor. U liema hu l-post li fih irid jasal iż-żerniq, jekk mhux id-dija sħiħa tad-dawl ta’ dejjem? Meta jasal għal din id-dija, iż-żerniq ma jkollu xejn mid-dlamijiet tal-lejl li issa għandu mħallat miegħu. U meta San Pawl jgħid li jixtieq jintemm u jkun ma’ Kristu, meta jgħid: Għalija l-ħajja hi Kristu u l-mewt hi rebħ, qisu li ż-żerniq qiegħed iħaffef lejn fejn jaf li għandu jasal.

 

RESPONSORJU Fil 1:3. 6. 9.

 

R/. Niżżi ħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom. * Żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha, sa ma jasal il-Jum ta’ Kristu Ġesù.

V/. Jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen. * Żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha, sa ma jasal il-Jum ta’ Kristu Ġesù.

 

TALBA

 

 O Alla, il-provvidenza tiegħek tqassam kollox b’ordni li qatt ma jinkiser: fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex tbiegħed minna kull ħsara u tagħtina kull ma hu ta’ fejda għalina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Tielgħa x-xemx, f’nirien ta’ ħmura:

tistedinna lkoll biex nindmu,

u tfakkarna f’kemm mistħija,

naqgħu, jekk fid-dawl nidinbu.

 

Ejja nwarrbu minna l-għama

li żmien twil ilu jfixkilna,

u ħariġna bosta drabi

mit-triq t’Alla ‘l bogħod mis-sewwa.

 

Jalla d-dawl fis-sliem iżommna,

biex inħarsu fommna w qalbna

ħielsa minn kull qerq u ħjiena,

minn kull tebgħa w dell ta’ ħtija.

 

Hekk il-jum ngħadduh fit-tajjeb,

ma jkun qatt fid-dlam ilsienna

jew idejna jew għajnejna,

imma l-ġisem kollu jiddi.

 

Il-Mulej, mill-għoli tiegħu,

ta’ kuljum iħares lejna;

u, minn tlugħ ix-xemx sa nżulha,

hu jqis kollox, kull ma nagħmlu.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu. Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qum, arpa u ċetra! Ħa nqajjem sbiħ il-jum!

 

Salm 56 (57)

 

Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija, *

għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi;

għad-dell ta' ġwenħajk nistkenn, *

sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi.

Insejjaħ lil Alla l-Għoli, *

lil Alla, li jieħu ħsiebi.

 

Jibgħat mis-sema u jsalvani; †

jitfa' l-għajb fuq min jgħaffiġni; *

jibgħat Alla t-tjieba u l-fedeltà tiegħu. 

Ninsab mimdud qalb l-iljuni, *

li jaħtfu lill-bnedmin;

snienhom lanez u vleġeġ, *

u lsienhom sejf misnun.

 Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

 

Xibka ħejjewli fil-mogħdija; *

għal ftit ma waqajtx fiha.

Ħofra ħaffruli quddiemi, *

iżda huma waqgħu fiha.

 

Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi; *

ħa ngħanni u ninseġ għanja:

"Qum, ruħ tiegħi, qum, arpa u ċetra! *

Ħa nqajjem sbiħ il-jum!"

Infaħħrek, Sidi, fost il-popli, *

ngħannilek fost il-ġnus;

għax m'ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek. 

Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! *

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha! 

 Glorja.

 

Ant. 1: Qum, arpa u ċetra! Ħa nqajjem sbiħ il-jum!

Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Il-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu.

 

Kantiku Ġer 31:10-14

 

Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej, *

xandruha 'l bogħod fil-gżejjer:

għidu: 'Dak li xerred lil Iżrael jiġbru, *

u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.”

 

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb, *

ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.

Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta' Sijon, *

u wiċċhom jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej;

minħabba l-qamħ, u l-inbid ġdid u ż-żejt, *

u l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar;

u huma jsiru bħal ġnien imsoqqi tajjeb, *

ma jkunux iżjed mifnija.

 

"Mbagħad jiżfnu x-xbejbiet bil-ferħ, *

jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ;

u jiena nbiddel il-vistu tagħhom f'hena, *

infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom.

Il-qassisin nimliehom bl-abbundanza, *

u l-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu".

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej jgħid: Il-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu.

Ant. 3: Il-Mulej hu kbir, u jistħoqqlu t-tifħir f’Sijon.

 

Salm 47 (48)

 

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna *

fil-belt ta' Alla tagħna.

L-għolja qaddisa tiegħu, għolja mill-isbaħ, *

l-għaxqa ta' l-art kollha.

L-għolja ta' Sijon fil-qalba tat-tramuntana; *

hi l-belt tas-sultan il-kbir. 

Alla fil-fortizzi tagħha *

wera ruħu bħal sur qawwi.

 

Ara, is-slaten ingħaqdu, *

mxew ilkoll flimkien;

kif rawha, baqgħu mistagħġba, *

tfixklu u ħarbu.

Hemm qabdithom rogħda kbira, *

u wġigħ bħal dak tal-ħlas.

Bir-riħ tal-lvant int tfarrak *

l-iġfna ta' Tarsis.

 

Kif smajna, hekk rajna f'belt il-Mulej ta' l-eżerċti, †

fil-belt ta' Alla tagħna. *

Alla jżommha sħiħa għal dejjem!

Naħsbu, o Alla, fuq it-tjieba tiegħek *

f'nofs it-tempju tiegħek.

Bħal ismek, o Alla, hekk tifħirek, †

sa truf l-art jasal. *

Il-leminija tiegħek bis-sewwa mimlija.

Tithenna l-għolja ta' Sijon, †

jifirħu l-bliet ta' Ġuda, *

minħabba l-ġudizzji tiegħek.

 

Duru ma' Sijon, duru dawra magħha, *

araw kemmil torri għandha.

Ħarsu sewwa lejn is-swar tagħha, †

duru bir-reqqa l-fortizzi tagħha, *

biex ixxandru lin-nisel ta' wrajkom:

Dan hu Alla! †

Alla tagħna għal dejjem ta' dejjem; *

hu jmexxina għal dejjem!

Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej hu kbir, u jistħoqqlu t-tifħir f’Sijon.

 

LEZZJONI QASIRA Iż 66:1-2

 

Dan jgħid il-Mulej: Is-smewwiet it-tron tiegħi, fuq l-art inserraħ riġlejja. X’inhi d-dar li tistgħu tibnuli? Jew fejn jista’ jkun il-post tal-mistrieħ tiegħi? Dawn kollha idejja għamluhom, u huma kollha tiegħi: kelma tal-Mulej. Fuq min nixħet għajnejja? Fuq il-fqir u l-bniedem ta’ qalbu miksura, u fuq min jibża’ mill-kelma tiegħi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. B’qalbi kollha ngħajjatlek: * Weġibni, Mulej. B’qalbi.

V/. Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek. * Weġibni, Mulej. Glorja. B’qalbi.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Naqdu lill-Mulej bil-qdusija, u jeħlisna mill-għedewwa tagħna.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Naqdu lill-Mulej bil-qdusija, u jeħlisna mill-għedewwa tagħna.

 

PREĊI

 

Inroddu ħajr lil Sidna Ġesù Kristu, li ħalliena naraw id-dawl ta’ din il-ġurnata, u minn qalbna ngħidulu:

Mulej, berikna u qaddisna.

Int offrejt lilek innifsek vittma għal dnubietna:

- noffrulek lilna nfusna, b’dak kollu li ħsiebna nagħmlu llum.

Int qiegħed thenni lil għajnejna bid-dawl ta’ jum ġdid:

- kun il-kewkba ta’ filgħodu li ddawwal lil qalbna.

Int ħanin u kollok mogħdrija magħna:

- agħtina grazzja li llum aħna wkoll inġibu ruħna hekk mal-proxxmu.

Fakkarna mas-sebħ fi tjubitek, Mulej:

- ikun il-ferħ tiegħek il-qawwa tagħna tul il-jum.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, miċ-ċokon tagħna noffru talb umli lill-kobor tiegħek, fil-għodu, f’nofsinhar u fil-għaxija; keċċi d-dlamijiet tad-dnub minn qalbna, u imlihielna bid-dawl veru, li hu Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1. Iftaħli għajnejja, biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 

Salm 118 (119): 17-24

 

III (Gimel)

 

Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek, *

agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.

Iftaħli għajnejja, *

biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 

Barrani jien fuq l-art; *

taħbix minni l-kmandamenti tiegħek.

Tinfena qalbi l-ħin kollu *

bix-xewqa tad-digrieti tiegħek.

 

Il-kburin inti ċċanfarhom; *

misħut min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.

Neħħi minn fuqi t-tagħjir u tkasbir tagħhom, *

għax jiena nħares il-preċetti tiegħek.

 

Mqar jekk il-kbarat joqogħdu jqassu fuqi, *

fuq il-kmandamenti tiegħek jibqa' jaħseb

il-qaddej tiegħek.

Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi, *

huma jagħtuni l-parir tajjeb.

 Glorja.

 

 Ant.1. Iftaħli għajnejja, biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 Ant.2. Mexxini fis-sewwa tiegħek, Mulej.

 

Salm 24 (25)

 

I

 

Lejk jien nerfa' ruħi, *

Mulej, Alla tiegħi.

Fik jien nittama, ma jkollix għax nitħawwad; *

ma jifirħux l-għedewwa tiegħi minħabba fija.

Kull min jittama fik ma jkollux għax jitħawwad; *

jitħawwad min malajr jonqsok mill-kelma.

Triqatek, Mulej, għarrafni, *

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, †

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. *

Għalik nixxennaq il-jum kollu.

 

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, *

għax huma minn dejjem, Mulej.

Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta' żgħożiti: †

inti tajjeb, Mulej; *

ftakar fija skond it-tjieba tiegħek.

 

Tajjeb u sewwa l-Mulej; *

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

Imexxi l-imsejkna fis-sewwa, *

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà *

għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.

Minħabba l-isem tiegħek, Mulej, *

aħfirli ħżuniti, kbira kemm hi kbira.

 Glorja.

 

 Ant.2. Mexxini fis-sewwa tiegħek, Mulej.

 Ant.3. Dur lejja u eħlisni, Mulej, għax jiena fqajjar u waħdi.

 

II

 

Min hu dak li għandu l-biża' tal-Mulej? *

Lilu hu juri t-triq li għandu jagħżel.

Fil-ġid hu jgħammar, *

uliedu jiksbu l-art.

 

Midħla l-Mulej ta' dawk li jibżgħu minnu, *

lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.

Għajnejja dejjem fil-Mulej, *

għax hu mix-xbiek jaqlagħli riġlejja.

 

Dur lejja u kun twajjeb miegħi, *

għax jiena fqajjar u waħdi.

Serraħli qalbi mid-dwejjaq, *

minn-niket tiegħi eħlisni.

 

Ara n-niket u d-dwejjaq tiegħi, *

u aħfirli ħtijieti kollha.

Ara kemm kotru l-għedewwa tiegħi, *

x'mibegħda qawwija għandhom għalija.

 

Ħarisli ħajti u eħlisni; *

la nistkenn fik, m'għandix għax ninfixel.

Is-sewwa u d-dritt iħarsuni, *

għax jien fik ittamajt.

 

Eħles, o Alla, lil Iżrael, *

mid-dwejjaq tiegħu kollha!

 Glorja.

 

Ant.3. Dur lejja u eħlisni, Mulej, għax jiena fqajjar u waħdi.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Għam 4:13

 

Araw, dak li jsawwar il-muntanji u jaħlaq ir-riħ, dak li juri l-pjan tiegħu lill-bniedem, li jagħmel iż-żerniq u d-dlam, u jterraq fuq l-għoljiet ta’ l-art, il-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, hu ismu!

 

 V/. Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej.

 R/. Faħħruh u għolluh għal dejjem.

 

Talba

 

O Alla, f’din is-siegħa tal-ġurnata inti bgħatt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli huma u jitolbu; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex, fit-tjieba tiegħek, tagħti lilna wkoll sehem minn din il-grazzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għam 5:8

 

Dak li jsawwar it-trajja u l-imħalel tal-kwiekeb, li jibdel id-dlam fi sbiħ il-jum, u l-jum f’lejl mudlam, li l-ilmijiet isejjħilhom baħar u jxerridhom ma’ wiċċ l-art, il-Mulej hu ismu!

 

 V/. Ġmiel u sebħ huma quddiemu.

 R/. Qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, li għalik ma hemm xejn mudlam jew fid-dell, ixħet fuqna d-dija tad-dawl tiegħek biex nitgħallmu sewwa l-liġi u l-kmandamenti tiegħek, u nibqgħu dejjem miexja fi triqtek b’qalb kbira u fidila. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Għam 9:6

 

Dak li jibni fis-smewwiet l-għamajjar għolja tiegħu, li qiegħed fuq l-art is-sisien tad-dawra kollha tas-sema, li l-ilmijiet isejjħilhom baħar u jxerridhom ma’ wiċċ l-art, il-Mulej hu ismu!

 

 V/. Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla.

 R/. Għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

 

Talba

 

Agħmel, Mulej, li aħna nimtlew b’dak is-sabar li Ibnek il-waħdieni wriena f’ħajtu, biex meta jżurna t-tiġrib, u l-għawġ nibqgħu sħaħ sa l-aħħar. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.