Stampa t-test kollu ...


IT-TNEJN

TAS-VI ĠIMGĦA TAL-GĦID

Salmodija tat-Tnejn tat-II ġimgħa

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek. Hallelujah.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħa jifirħu l-ħlejjaq kollha

fis-smewwiet, fuq l-art, fil-baħar:

Kristu qam mill-mewt, u fetaħ

bieb il-ħajja lil kull bniedem.

 

Ħadna l-ġid taż-żmien it-tajjeb,

rajna l-jum tas-salvazzjoni:

il-Ħaruf ħasilna b’demmu,

biex mid-dlam għad-dawl joħroġna.

 

Daq il-mewt, iżd’aħna ksibna

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

jekk stħajjluh megħlub u mxejjen,

żamm qawwietu w tana r-rebħa.

 

B’hekk titwettaq fina t-tama

li, kif nemmen, għad nissieħbu

fil-qawmien glorjuż ta’ Sidna,

biex nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ngħaddu mela b’qima kbira

dan iż-żmien ta’ l-Għid hekk hieni,

b’radd il-ħajr għall-ġid u d-doni

li l-Feddej ġibilna miegħu.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Agħtini widen, Mulej, u fittex eħlisni.

 

Salm 30 (31):1-17, 20-25

 

I

 

Fik, Mulej, jien nistkenn; *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wennisni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

Int tobgħod 'il min iqim allat fiergħa; *

imma jien fil-Mulej nittama.

 

Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek, †

int, li rajt l-hemm tiegħi, *

li għaraft id-diqa ta' qalbi.

Ma tlaqtnix f'idejn l-għedewwa, *

imma qegħedtli fil-wisa' riġlejja.

 Glorja.

 

Ant. 1: Agħtini widen, Mulej, u fittex eħlisni.

Ant. 2: Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek, Mulej, hallelujah.

 

II

 

Ħenn għalija, Mulej, għax ninsab fil-hemm, †

infnew għajnejja minħabba d-dwejjaq, *

ruħi wkoll u l-ġewwieni tiegħi.

Infniet ħajti bl-għali, *

u bl-ilfiq is-snin ta' ħajti;

minħabba fil-hemm naqsitni saħħti, *

u tmermer għadmi kollu.

 

Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha, *

jien sirt ħaġa ta' min ikasbarha;

Ħaġa ta’ twerwir għall-ġirien tiegħi, *

u ta’ biża’ għal min jafni.

Dawk li jarawni barra *

jaħarbu minni.

 

Intlift minn sensija bħal wieħed mejjet, *

sirt bħal ġarra mkissra.

Għax smajt l-għajdut tal-kotra fuqi; *

biża' minn kullimkien madwari.

Jiftiehmu bejniethom kontrija, *

jonsbuni biex jeħduli ħajti.

 

Imma jien fik nittama, Mulej; *

jien ngħidlek: "Alla tiegħi int!"

F'idejk hi xortija, †

eħlisni minn id l-għedewwa, *

minn id dawk li jeħduha kontrija.

Uri d-dawl ta' wiċċek lill-qaddej tiegħek; *

fit-tjieba tiegħek eħlisni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek, Mulej, hallelujah.

Ant. 3: Imbierek il-Mulej li għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba, hallelujah.

 

III

 

Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej, *

li inti rfajt għal min jibża' minnek,

li int ħejjejt għal min jafda fik, *

quddiem il-bnedmin kollha!

 

Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom *

kontra t-tnassis tal-bnedmin;

fl-għarix tiegħek taħbihom *

kontra t-tqassis ta' l-ilsna.

Imbierek il-Mulej li minn belt qawwija *

għamel miegħi għeġubijiet ta' tjieba.

Jien għedt fil-fixla li kelli: *

"Ninsab maqtugħ minn taħt għajnejk."

Imma int smajt leħen it-tħannin tiegħi *

meta sejjaħt l-għajnuna tiegħek.

 

Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha.

Lit-twajbin iħarishom il-Mulej, *

imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija.

Issaħħu u qawwu qalbkom, *

intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.

Glorja.

 

Ant. 3: Imbierek il-Mulej li għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba, hallelujah.

 

V/. Ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi, hallelujah.

R/. Lil Alla l-ħaj, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 2:1-11

 

Il-kmandament il-ġdid

 

Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-Ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.

U b'dan nafu li nagħrfu lil Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. Min jgħid "Jien nafu" u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità m'hijiex fih. Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta' Alla fil-milja tagħha. B'dan nagħrfu li aħna fih. Dak li jgħid li qiegħed jgħammar fih, jeħtieġ li jgħix kif għex hu stess.

 Għeżież, m'iniex niktbilkom xi kmandament ġdid, imma kmandament qadim li kellkom sa mill-bidu. Il-kmandament il-qadim hi l-kelma li intom smajtu. B’danakollu kmandament ġdid qiegħed niktbilkom, li seħħ tassew fi Kristu u fikom, għax id-dlam għadda u d-dawl tassew diġà qiegħed jiddi. Min jgħid li qiegħed fid-dawl u jobgħod 'il ħuh, għadu fid-dlam sa issa. Min iħobb 'il ħuh jgħammar fid-dawl, u fih ma hemm ebda tfixkil. Iżda min jobgħod 'il ħuh, jinsab fid-dlam u jimxi fid-dlam, u ma jafx fejn hu sejjer, għax id-dlam għamielu għajnejh.

 

RESPONSORJU Ġw 13:34; 1 Ġw 2:10a. 3

 

R/. Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien. * Min iħobb lil ħuh jgħammar fid-dawl, hallelujah.

V/. B’dan nafu li nagħrfu lil Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. * Min iħobb lil ħuh jgħammar fid-dawl, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattat fuq it-Trinità, ta’ Didimu ta’ Lixandra

 

L-Ispirtu s-Santu jġeddidna bil-magħmudija

 

 L-Ispirtu s-Santu, bħala Alla, flimkien mal-Missier u ma’ l-Iben, iġeddidna fil-magħmudija, ineħħilna l-kruha tad-dnub biex jerġa’ jagħtina l-ġmiel li kellna fil-bidu, u jimliena bil-grazzja tiegħu, hekk li ma jista’ jkollna ebda ħaġa li ma għandniex nixtiquha. Huwa jeħlisna mid-dnub u l-mewt, u minn bnedmin ta’ l-art, jiġifieri minn trab u rmied, jagħmilna spiritwali, bnedmin li għandhom sehem mill-glorja ta’ Alla, ulied u werrieta ta’ Alla l-Missier; jagħtina sura xbieha ta’ l-Iben, u jdaħħalna fil-wirt miegħu bħala ħutu li flimkien miegħu għad insaltnu fil-glorja; minflok l-art jagħtina s-sema u jiftħilna beraħ il-bieb tal-ġenna; jgħollina fuq l-anġli fil-ġieħ; u bl-ilmijiet ta’ l-għajn divina tiegħu jitfilna n-nirien ta’ l-infern li ebda ħaġa oħra ma tista’ titfihom.

 Għax il-bniedem jieħu żewġ xorta ta’ tnissil: wieħed mill-ġisem, l-ieħor mill-Ispirtu ta’ Alla. L-għalliema tagħna kitbu fuqhom it-tnejn. Jien se nniżżel l-isem u t-tagħlim ta’ kull wieħed minnhom.

 Ġwanni: Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li emmnu f’ismu, dawk li twieldu mhux mid-demm u lanqas mir-rieda tal-ġisem u lanqas mir-rieda tal-bniedem, imma minn Alla.

 Qal li dawk li emmnu fi Kristu ħadu s-setgħa li jsiru wlied Alla, jiġifieri mwielda mill-Ispirtu s-Santu biex isiru wlied ta’ Alla. Biex jurina li dan it-twelid isir minn Alla l-Ispirtu, huwa tennielna l-kliem ta’ Kristu: Tassew, tassew ngħidlek, jekk wieħed ma jitwilidx bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu, ma jistax jidħol fis-saltna ta’ Alla.

 B’dak l-ilma, permezz tas-saċerdoti, il-ġisem tagħna li jidher jitwieled b’mod li ma jidhirx; u l-Ispirtu ta’ Alla, li ebda moħħ ma jista’ jarah, jgħammed fih innifsu sew lill-ġisem sew lir-ruħ u jagħtihom twelid ġdid bil-ministeru ta’ l-anġli.

 Il-Battista wkoll qal fuq Kristu: Huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar; u dan hu kliem li jaqbel kemm mal-ġrajja u kemm mal-kelma l-oħra li semmejna: Bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu. Għax il-bniedem qisu ġarra tal-fuħħar: l-ewwel jenħtieġ l-ilma biex jitnaddaf, mbagħad irid in-nar spiritwali biex jitwettaq u jsir perfett (għax Alla hu nar li jtemm); u għalhekk jenħtieġ l-Ispirtu s-Santu, li jagħtih il-perfezzjoni u t-tiġdid; infatti n-nar spiritwali jaf isaqqi wkoll, u l-ilma spiritwali jaf ikebbes ukoll.

 

RESPONSORJU 1 Kor 5:7-8a; Rum 4:25

 

R/. Insawwab l-ilma fuq l-art għatxana, u gliegel fuq l-art niexfa; insawwab l-Ispirtu tiegħi. * U jikbru bħas-siġar taż-żafżaf ħdejn l-ilma ġieri, hallelujah.

V/. Isir għajn tnixxi l-ilma li jasal sal-ħajja ta’ dejjem. * U jiġbru għas-siġar taż-żafżaf ħdejn l-ilma ġieri, hallelujah.

 

Talba

 

 Agħtina, o Alla ħanin, li ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru ta’ l-Għid, li aħna qegħdin nagħmlu b’ordni tiegħek, tħalli fina frott li jibqa’ għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

  

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Minn ġol qalb tal-Belt il-ġdida

toħroġ għanja ġdida w ħelwa,

biex mad-dinja kollha xxandar

il-ferħ kbir ta’ l-Għid ta’ Kristu.

 

Hu l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda,

ġieb fix-xejn lill-għadu tagħna:

qam mill-mewt u, b’leħen qawwi,

sejjaħ lill-mejtin għall-ħajja.

 

U mill-qiegħ ta’ l-art u d-dalma

ħarġet ħielsa l-priża mjassra;

marru l-qtajja’ tal-mifdija

wara Kristu, s-Sultan tagħhom.

 

Bl-istendard tar-rebħa f’idu,

Ġesù radd is-sliem lill-ħlejjaq,

għaqqad l-art u s-sema, w nieda

żmien is-saltna ta’ Missieru.

 

Nitolbuh għalhekk il-barka

fuqna lkoll u jżommna miegħu,

ħalli nimxu wrajh bla nieqfu,

sa ma niksbu l-glorja mwiegħda.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Alla tiegħi, ruħi mxennqa għalik bħal għażżiela għan-nixxigħat ta’ l-ilma, hallelujah.

 

Salm 41 (42)

 

Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta' l-ilma, *

hekk tixxennaq ruħi għalik, Alla tiegħi.

Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; *

meta niġi u nara wiċċ Alla?

Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, *

meta l-jum kollu kienu jgħiduli:

 "Fejn hu Alla tiegħek?"

Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa fija, *

kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ

 sad-dar ta' Alla,

fost l-għajat ta' ferħ u ta' radd il-ħajr, *

qalb folla ferħana.

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 

Tintelaq ruħi ġo fija; †

għalhekk fik niftakar *

minn art il-Ġordan u mill-Ħermon

 u mill-muntanja ta' Misgħar.

Minn irdum għal irdum jidwu *

 il-ħsejjes qawwija ta' l-ilmijiet tiegħek;

il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek *

għaddew minn fuqi.

 

Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; *

jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.

Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi: "Għaliex tlaqtni? *

Għax għandi ngħix imdejjaq

 taħt it-tagħkis ta' l-għadu?"

Kull meta jgħajjruni l-għedewwa tiegħi,

qishom qed ikissruli għadmi; *

meta jgħiduli l-ħin kollu: "Fejn hu Alla tiegħek?"

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

Glorja.

 

Ant. 1: Alla tiegħi, ruħi mxennqa għalik bħal għażżiela għan-nixxigħat ta’ l-ilma, hallelujah.

Ant. 2: Imla ‘l Sijon bit-tifħir tiegħek, Mulej, biex jixxandru għeġubijietek, hallelujah.

 

Kantiku Sir 36:1-5. 10-13

 

Ħenn għalina, Mulej, Alla tal-ħlejjaq kollha, †

u ħares lejna ; *

xerred il-biża’ tiegħek fuq il-ġnus kollha.

Erfa' idek kontra l-ġnus barranin, *

ħalli jaraw il-qawwa tiegħek.

Uri lilna l-kobor tiegħek fihom, *

bħalma wrejt lilhom qdusitek fina.

Hekk huma jagħrfu, kif għarafna aħna, *

li ma hemmx, Mulej, Alla ieħor ħliefek.

Erġa agħmel il-mirakli u tenni għeġubijietek ; *

Sebbaħ lil idek u d-driegħ tal-lemin tiegħek.

 

Iġbor it-tribù kollha ta' Ġakobb ; *

Roddilhom il-wirt li kellhom qabel.

Ħenn, Mulej, għall- poplu li jġib ismek, *

għal Iżrael, li int tqisu b'ibnek il-kbir.

Ikollok ħniena mill-belt qaddisa tiegħek, *

Ġerusalemm, il-post tal-mistrieħ tiegħek.

Imla 'l Sijon bl-għana ta' tifħirek, *

u s-santwarju tiegħek b’sebħek.

Glorja.

 

Ant. 2: Imla ‘l Sijon bit-tifħir tiegħek, Mulej, biex jixxandru għeġubijietek, hallelujah.

Ant. 3: Is-sebħ ta’ Alla jdawwal il-belt, u l-musbieħ tagħha l-Ħaruf, hallelujah.

 

Salm 18 (19) A

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, *

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, *

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem, *

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Ma' l-art kollha jasal leħinhom, *

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

 

Lix-xemx għamlilha għarix fihom; †

u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, *

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

minn tarf is-smewwiet hi toħroġ,

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; *

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 3: Is-sebħ ta’ Alla jdawwal il-belt, u l-musbieħ tagħha l-Ħaruf, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Rum 10:8b-10

 

Il-kelma qiegħda ħdejk, f’fommok u f’qalbek, jiġifieri l-kelma tal-fidi li aħna nxandru. Għax jekk int tistqarr b’fommok: Ġesù hu l-Mulej, u temmen f’qalbek li Alla qajjmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustifikazzjoni, u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Alla tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, u għal wirt li ma jitħassarx, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Alla tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, u għal wirt li ma jitħassarx, hallelujah.

  

PREĊI

 

Alla l-Missier kien igglorifikat bil-mewt u l-qawmien ta’ ibnu. Induru lejh bil-fiduċja u nitolbuh:

Dawwal, Mulej, il-fehma tagħna.

O Alla, Missier id-dawl, inti mlejt id-dinja bid-dija glorjuża ta’ Kristu rxoxt:

- agħmel li l-fehma tagħna tkun tiddi llum bil-fidi.

Int b’Ibnek irxoxt ftaħt il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem għall-bnedmin:

- agħmel li waqt il-ħidmiet tagħha llum nitqawwew fit-tama ta’ l-eternità.

Int b’Ibnek irxoxt bgħatt l-Ispirtu s-Santu fid-dinja:

- kebbes f’qalbna n-nar ta’ l-imħabba spiritwali.

Int ridt li Ibnek jieħu l-mewt tas-salib biex jagħtina l-ħelsien:

- agħmel li hu jkun għalina llum is-salvazzjoni u l-fidwa.

 

Missierna

 

Talba

 

Agħtina, o Alla ħanin, li ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru ta’ l-Għid, li aħna qegħdin nagħmlu b’ordni tiegħek, tħalli fina frott li jibqa’ għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

  

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 118 (119):41-48

 

VI (Waw)

 

Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej, *

u s-salvazzjoni tiegħek skond il-wegħda tiegħek.

Mbagħad nagħti tweġiba lil min jgħajjarni, *

għax jiena nafda fil-kelma tiegħek. 

Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa, *

għax jien fid-digrieti tiegħek nittama.

Inħares il-liġi tiegħek għal dejjem, *

u għal dejjem ta' dejjem.

 

U nkun bla xkiel fil-mixi tiegħi, *

għax jiena nfittex il-preċetti tiegħek.

U nitkellem fuq il-preċetti tiegħek *

quddiem is-slaten, u ma nistħix.

 

Nitgħaxxaq bil-kmandamenti tiegħek, *

li jiena ħabbejt.

Nerfa' jdejja lejn il-kmandamenti tiegħek, *

u naħseb fuq il-preċetti tiegħek.

 Glorja.

 

Salm 39 (40):2-14, 17-18

 

I

 

Ittamajt b'tama qawwija fil-Mulej; *

hu niżel ħdejja u sama' l-għajta tiegħi.

Minn bir waħxi tellagħni, *

minn qalb il-ħama u t-tajn;

fuq il-blat qegħedli riġlejja, *

u saħħaħli l-mixi tiegħi.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida, *

għanja ta' tifħir lil Alla tagħna.

 

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża' tiegħu, *

u jittamaw fil-Mulej.

Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu, *

u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.

Bla għadd l-għemejjel tiegħek, *

Mulej, Alla tiegħi;

ta' l-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina; *

ħadd ma jħabbatha miegħek!

Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; *

iżda huma ħafna biex insemmihom.

 

Int ma titgħaxxaqx b'sagrifiċċji u offerti; *

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija. *

Mbagħad jien għedt: "Hawn jien, ġej.

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi *

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni; *

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi."

 Glorja.

 

II

 

Xandart il-ġustizzja tiegħek f'ġemgħa kbira; †

xufftejja ma żammejthomx magħluqa. *

Mulej, dan inti tafu.

Ma ħbejtx f'qalbi l-ġustizzja tiegħek; *

il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom;

ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek *

lill-ġemgħa kbira.

 

Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek; *

it-tjieba u l-fedeltà tiegħek

 iħarsuni għal dejjem!

Għax għalquni minn kull naħa

ħsarat li ma jingħaddux; *

 ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara;

huma aktar mix-xagħar ta' rasi; *

għandi qalbi maqtugħa.

 

Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni; *

Mulej, fittex għinni.

Jithennew u jifirħu bik *

dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: "Kbir il-Mulej!" *

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.

Imma jien, fqajjar u msejken, *

għandi 'l Sidi jaħseb fija.

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi; *

iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA ara Apok 1:17ċ-18

 

Rajt wieħed, qisu Iben ta’ bniedem, u qalli : Jiena hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj ; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u għandi jinsabu l-imfietaħ tal-mewt u ta’ qiegħ l-art.

 

V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 2:9. 10a. 12

 

Fi Kristu tgħammar il-milja tad-divinità fil-ġisem ; u intom għandkom sehem mill-milja tiegħu. Intom indfintu ma’ Kristu fil-magħmudija, u fiha rxuxtajtu wkoll miegħu bis-saħħa tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajjem lilu mill-imwiet.

 

V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Tim 2:8. 11

 

 Ftakar f’Ġesù Kristu, li qam minn bejn l-imwiet, li hu minn-nisel ta’ David, skond il-bxara t-tajba li ħabbart jien. Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha: Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll.

 

V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

 Agħtina, o Alla ħanin, li ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru ta’ l-Għid, li aħna qegħdin nagħmlu b’ordni tiegħek, tħalli fina frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Verb etern, li sa minn dejjem

int fil-glorja ma’ Missierek,

ħlaqt ‘l Adam u tajtu l-ħajja,

biex ikun ix-xbieha tiegħek.

 

Għad li l-għadu minn ġos-siġra

qarraq bih u biegħdu minnek,

inti ma ċħadtlux imħabbtek,

imma nżilt f’din l-art biex tfittxu.

 

U sirt bniedem minn ġuf Verġni,

biex lill-bniedem tħabbeb m’Alla;

tajtu l-maħfra w ħajja ġdida

bl-ilmijiet tal-magħmudija.

 

Ma stmerrejtx, Mulej, li titla’

fuq salib u xxerred demmek;

ħadt int stess il-mewt biex tifdi

lill-ilsir li qam għal sidu.

 

Iżda b’mewtek ksibt il-glorja

tal-qawmien mingħand Missierek,

li wkoll għamlek ir-Ras tagħna

ħalli bik inqumu miegħek.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Imbierek min ġej f’isem il-Mulej, hallelujah.

 

Salm 44 (45)

 

I

 

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †

ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *

lsieni pinna ta' kittieb ħafif.

 

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †

imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk; *

għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

 

Tħażżem, qalbieni, b'sejfek fuq ġenbek; *

ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!

Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *

turik lemintek ħwejjeġ ta' l-għaġeb!

Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †

taħtek jaqgħu l-popli; *

jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

 

It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta' dejjem; *

xettru tas-sewwa hu x-xettru ta' saltnatek!

Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *

għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,

 b'żejt il-hena aktar minn sħabek.

 

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja,

kollha fwieħa lbiesek. *

Mill-palazzi ta' l-avorju

 jferrħek id-daqq tal-kordi.

Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *

f'lemintek is-sultana

 mżejjna b'deheb ta' Ofir.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Imbierek min ġej f’isem il-Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf, hallelujah.

 

II

 

Isma', binti, ħares u agħti widen, *

insa 'l ġensek u 'l dar missierek.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

In-nies ta' Tir bir-rigali jiġu, *

il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

 

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.

Jittieħdu b'għajat ta' ferħ u hena; *

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

 

Flok missirijietek jilħqu wliedek; *

inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.

Infakkar ismek minn nisel għal nisel; *

ifaħħruk il-popli għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 2: Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf, hallelujah.

Ant. 3: Mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna grazzja fuq grazzja, hallelujah.

 

Kantiku (Ef 1:3-10)

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, *

 li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,

fis-smewwiet fi Kristu.

Hekk hu għażilna fih, †

sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, *

biex inkunu qaddisa u bla tebgħa 

quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi †

permezz ta' Ġesù Kristu; *

hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu, 

għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *

li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

 

Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *

il-maħfra tad-dnubiet,

skond l-għana tal-grazzja tiegħu. *

li biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu:

hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; †

skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *

u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;

jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *

kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.

 Glorja.

 

Ant. 3: Mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna grazzja fuq grazzja, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 8:1b-3a

 

Aħna għandna qassis hekk kbir li qagħad fuq il-lemin tat-tron tal-kobor ta’ Alla fis-sema, qaddej tas-santwarju u tat-tabernaklu veru, li hu magħmul mill-Mulej u mhux mill-bnedmin. Kull qassis il-kbir hu magħmul biex iressaq l-offerti u jagħmel is-sagrifiċċji.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Id-dixxipli ferħu. * Hallelujah, hallelujah. Id-dixxipli.

V/. Meta raw lill-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Id-dixxipli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

L-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, jixhed għalija; u intom ukoll tixhdu, hallelujah.

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

L-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, jixhed għalija; u intom ukoll tixhdu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu l-Mulej dawwal id-dinja bil-qawmien tiegħu mill-mewt. Nitolbuh bi spirtu ferħan:

Kristu, il-ħajja tagħna, ismagħna.

Mulej Ġesù Kristu, inti sseħibt mad-dixxipli fit-triq:

- ieqaf mal-Knisja tiegħek fit-triq tagħna għal għandek.

Agħmel li l-fidili tiegħek ma jkunux tqal biex jemmnu:

- ħeġġiġhom biex jistqarruk rebbieħ fuq il-mewt.

Ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq dawk li għadhom ma għarfukx fit-triq:

- urihom lilek innifsek biex jilqgħuk bħala s-salvatur.

Int ħabbibt il-bnedmin kollha ma’ Alla permezz tal-mewt tiegħek fuq is-salib:

- agħti s-sliem u l-għaqda lill-ġnus kollha.

Alla għamlek imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin:

- agħti l-maħfra tad-dnubiet lil ħutna l-mejtin kollha li emmnu fik.

 

Missierna

 

Talba

 

 Agħtina, o Alla ħanin, li ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru ta’ l-Għid, li aħna qegħdin nagħmlu b’ordni tiegħek, tħalli fina frott li jibqa’ għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TNEJN

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 85 (86)

 

Talba ta’ fqir fil-hemm

 

Imbierek Alla, li jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1:3.4)

 

Agħtini widen, Mulej, u weġibni, *

għaliex jiena msejken u fqajjar.

Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *

salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.

 

Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *

għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.

Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *

għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.

Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *

kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.

 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *

isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.

F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *

għax inti żgur tweġibni.

 

Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

u xejn bħall-għemil tiegħek.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *

u jsebbħu ismek, Sidi.

Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; *

int waħdek Alla!

 

Urini, Mulej, triqatek, †

biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *

agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.

B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *

u nsebbaħ ismek għal dejjem.

Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *

int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.

 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †

ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *

huma nies li ma jagħtux kasek.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *

iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.

Ħares lejja u ħenn għalija, †

agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *

salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.

Urini sinjal ta' tjubitek, †

ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; *

għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Int, Alla Sidi, iddum biex tagħdab, u kollok tjieba.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Tess 5:9-10

 

Alla għażilna biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex, sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

 u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej, agħtina l-mistrieħ għas-saħħa ta’ ġisimna, u agħmel li dak li żrajna llum bil-ħidma tagħna jnissel frott li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnAmment,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.