Stampa t-test kollu ...


L-ERBGĦA

TAD-IX ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Erbgħa ta’ l-1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu Alla tagħna li ħalaqna: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Mexxej qawwi, li ħlaqt kollox

fi tjubitek, ersaq fostna:

keċċi n-ngħas minn xfar għajnejna

biex niftħuhom għad-dawl tiegħek.

 

Int, Feddej qaddis, agħtina

maħfra sħiħa ta’ dnubietna,

biex jisseddaq it-talb tagħna

mat-tifħir li qed noffrulek.

 

It-twissija tal-Profeta,

u l-eżempji sbieħ ta’ Pawlu,

iħeġġuna biex fil-ljieli

nerfgħu jdejna lejk b’kull barka.

 

F’riġlejk niftħu l-qiegħ ta’ qalbna,

int li tifli l-għemil tagħna;

aħna l-ħatja nibku w nolfqu

biex troddilna s-sliem bil-maħfra.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

II. Matul il-jum

Infaħħruk, Mulej, Sid tagħna,

għax bla qjies u għoli għerfek;

tkun il-grazzja tiegħek magħna,

int li taf x’hemm moħbi f’qalbna.

 

Ħares fina kull m’hu tajjeb,

u kull ħażen biegħed minna,

fil-mergħat it-tajba ħudna

mal-merħliet magħżula tiegħek.

 

Nhar il-ħaqq la tkunx l-imħallef

li jwarrabna mal-misħuta,

iżda semma’ fuqna l-barka

tan-nagħġiet għeżież li ssalva.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej, qawwa tiegħi, agħmel li nkun inħobbok.

 

Salm 17 (18):2-30

 

I

 

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi! *

Il-Mulej blata tiegħi,fortizza u ħellies tiegħi,

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi, *

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

Insejjaħ il-Mulej, li hu ta' min ifaħħru, *

u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.

 

Mwieġ tal-mewt ħakmuni, *

widien tal-biża' werwruni,

ħbula ta' l-imwiet dawwruni, *

xbiek tal-mewt inqaleb fuqi.

Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt, *

tlabt l-għajnuna 'l Alla tiegħi;

hu sama' leħni mit-tempju tiegħu, *

f'widnejh waslet l-għajta tiegħi.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej, qawwa tiegħi, agħmel li nkun inħobbok.

Ant. 2: Ħelisni l-Mulej, għax lili jħobbni.

 

II

 

Tqanqlet u theżhżet l-art, †

triegħdu s-sisien tal-muntanji, *

u tqanqlu bis-saħna tal-korla tiegħu.

Duħħan ħareġ minn imnifsejh, †

u nar li jħarbat minn fommu, *

minnu jarmi ilsna tan-nar.

Feraq is-smewwiet u niżel, *

bi ċpar iswed taħt riġlejh.

Fuq kerubin rikeb u tar, *

niżel b'ħeffa fuq ġwienaħ ir-riħ.

Bid-dlam insatar bħal b'libsa, *

sħab iswed u magħqud l-għarix tiegħu.

Mid-dija ta' quddiemu sħab joħroġ, *

silġ u ilsna tan-nar.

 

Riegħed il-Mulej mis-smewwiet, *

l-Għoli semma' leħnu.

Telaq il-vleġeġ tiegħu u xerridhom, *

għamel il-beraq u ħarrabhom.

U dehru qigħan il-baħar, *

nkixfu s-sisien ta' l-art,

mat-theddida tiegħek, Mulej, *

man-nefħa ta' mnifsejk.

 

Mill-għoli medd idu u ħatafni, *

ħariġni minn baħar ta' ilma.

Mill-għedewwa b'saħħithom ħelisni, *

mill-għedewwa li jifilħu aktar minni.

Ġew fuqi f'siegħa ħażina, *

iżda l-Mulej waqaf miegħi.

Ħariġni 'l barra fil-wisa'; *

ħelisni, għax lili jħobbni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ħelisni l-Mulej, għax lili jħobbni.

Ant. 3: Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi, iddawwal id-dlam tiegħi.

 

III

 

Ħallasni l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, *

raddli skond is-safa ta' idejja.

Għax jien żammejt triqat il-Mulej, *

ma tbegħidtx bid-dnub minn Alla tiegħi.

Quddiemi huma d-digrieti kollha tiegħu; *

ma warrabtx minni l-preċetti tiegħu.

Bla tebgħa kont quddiemu, *

mill-ħtija ħarist lili nnifsi.

Raddli l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, *

skond is-safa ta' idejja li ra b'għajnejh.

 

Ma' min hu tajjeb inti timxi bit-tajjeb, *

ma' min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija;

ma' min hu safi inti timxi bis-safa, *

ma' min jgħawweġ timxi bil-għaqal.

Għax inti ssalva l-poplu fqajjar, *

u l-għajnejn kburin tbaxxihom.

Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; *

Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.

Bik jien negħleb il-qtajja' ta' l-għedewwa; *

bl-għajnuna ta' Alla tiegħi nirbaħ is-swar!

 Glorja.

 

Ant. 3: Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi, iddawwal id-dlam tiegħi.

 

V/. Ilkoll urew l-għoġba tagħhom.

R/. Għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob Ġob 32:1-6; 33:1-22

 

Elihu jitkellem fuq il-misteru ta’ Alla

 

Meta Ġob temm id-diskors tiegħu, dawk it-tlitt irġiel ma weġbux iżjed għax hu baqa' jżomm ruħu b'ġust. Hawn xegħlet il-korla ta' Eliħu bin Barakjiel, il-Bużita, mit-tribù ta' Ram.

Inkorla għal Ġob għax baqa' jżomm li għandu raġun fil-kawża tiegħu ma' Alla; inkorla wkoll għat-tlitt iħbieb tiegħu għax ma sabux xi jweġbuh u hekk jiġi li taw tort lil Alla. Eliħu kien baqa' sieket waqt li kienu jitkellmu huma ma' Ġob, għax kienu ixjeħ minnu fiż-żmien.

Għalhekk, kif ra li dawn it-tlitt irġiel ma kienx baqgħalhom tweġiba fuq fommhom, Eliħu ried jisfoga l-korla tiegħu. Mela qabad iwieġeb Eliħu, bin Barakjiel, il-Bużita, u qal:

"Jien żgħir fiż-żmien

u intom mimlija bil-għomor,

għalhekk qgħadt lura,

u bżajt imperreċ għerfi quddiemhom.

Issa, Ġob, qis li tisma’ kliemi,

U tagħti widen għal kull ma se ngħidlek.

Arani jien lest biex inwieġeb,

Kliemi qiegħed fil-ponta ta’ lsieni.

 

Se ngħid għad-dritt dak li għandi f'moħħi,

u xufftejja jitkellmu s-sewwa,

 għax l-ispirtu ta' Alla għamilni,

u n-nifs tas-Setgħani jagħtini l-ħajja.

 Isa, weġibni jekk għandek ħila,

ħejji ruħek ħa teħodha miegħi.

 Ara, jien bħalek quddiem Alla,

jiena wkoll imsawwar mit-tajn;

ara, xejn ma għandek għax tibża' minni,

m'hux se tkun tqila idi fuqek.

 Biss li għedt int wasal f’widnejja,

smajtu sewwa l-ħoss ta’ kliemek.

 Int għedt: 'Jien safi, f'xejn ma nqast;

jien nadif, ma għandix ħtija.

 Iżda hu jfittex fiex jaqbad miegħi

u jżommni b'għadu tiegħu.

 Iqegħedli fiċ-ċipp riġlejja u jgħassisli triqati kollha.'

 Ara, għal dan hekk inwieġbek:

'Sejjer żball', għax Alla hu akbar mill-bniedem.

 Għaliex trid teħodha miegħu

jekk ma jweġibx għal kull kelma tiegħek?

 Alla jitkellem darba u kelmtu ma jtennihiex.

 Fil-ħolm, f'xi dehra billejl, xħin jaqa' n-ngħas fuq il-bnedmin

u jkunu reqdin fuq friexhom, dak il-ħin Alla jnebbaħhom,

u b’dehriet ibeżżagħhom, biex jaqla’ l-bniedem minn ħżunitu

u jaqtagħlu l-kburija;

 biex iħarislu ruħu mill-qabar

u 'l ħajtu milli taqsam għan-naħa l-oħra.

 Iwieżnu wkoll bl-uġigħ fuq is-sodda tiegħu,

u bit-torturi bla heda f'għadmu;

 meta titmeżmeż ħajtu mill-ħobż

u ma jitħajjarx aptitu mill-ikel bnin;

 meta laħmu jdub u ma jidhirx iżjed,

u l-għadam li ma kienx jidher jaqbeż 'il barra;

 meta toqrob lejn il-qabar ruħu

u ħajtu lejn dar il-mejtin”.

 

RESPONSORJU Rum 11:33-34

 

R/. Kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta’ Alla! * Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzji tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu.

V/. Min qatt għaraf moħħ il-Mulej? Min qatt kien il-kunsillier tiegħu? * Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzji tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Kotba tal-Morali fuq Ġob, tal-Papa San Girgor il-Kbir

 

It-tagħlim veru jaħrab mill-ftaħir fieragħ

 

Issa, Ġob, qis li tisma’ kliemi, u tagħti widen għall-kull ma se ngħidlek. Min jgħallem u hu mkabbar bih innifsu m’hux kapaċi jwassal lill-oħrajn dak li jaf bl-umiltà kollha, u ma jaqdix kif imissu l-veritajiet li hu jħaddan. Kliemu stess jikxfu, għaliex hu, waqt li qiegħed jitkellem, bi kliemu juri li qiegħed jistħajjel li hu jinsab f’xi mkien fil-għoli ‘l fuq minn kulħadd, waqt li jqis lil dawk li qiegħed jgħallem qishom qegħdin ‘l isfel ħafna minnu, u bilkemm jistħoqqilhom li hu jgħallimhom, u bl-ebda mod ma għandhom jiftħu fommhom biex juru fehemthom.

Fuq nies bħal dawn, sewwa jgħid il-Mulej, permezz tal-profeta: Mexxejtuhom b’saħħa u qalb iebsa. Imexxi b’saħħa u qalb iebsa lil dawk li huma taħtu mhux min jikkoreġi bil-kelma t-tajba u l-persważjoni imma min jgħaġġel juri setgħatu u jġiegħel lil min jobdih billi jkun aħrax ma’ kulħadd.

Għall-kuntrarju, min jgħallem il-verità, aktar ma juri ħeġġa biex jeħodha bil-kliem kontra dak li hu l-imgħallem ta’ kull xorta ta’ suppervja, b’aktar qawwa jżomm ruħu ‘l bogħod mill-vizzju tas-suppervja. Mhux biss, iżda joqgħod ukoll attent li mingħajr ma jrid jaħdem għal dan l-imgħallem tas-suppervja billi jġib ruħu ta’ supperv waqt li, fl-istess ħin, bi kliem qaddis ikun iħabrek biex ibiegħed is-suppervja minn qalb dawk li qiegħed jgħallem. Bi kliemu u bl-imġiba tiegħu għandu juri x’inhi l-umiltà, li hi l-għalliema u l-omm tal-virtujiet kollha: b’hekk, aktar bl-imġiba tiegħu milli bil-kliem, hu jħajjar għall-umiltà lil dawk li qiegħed jgħallimhom il-verità.

Għalhekk San Pawl, hu u jikteb lit-tessalonkin, qisu jinsa x’kienet id-dinjità tiegħu ta’ appostlu, jgħid: Ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm tħaddan lil uliedha. U San Pietru jgħid: Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom l-għala tat-tama li għandkom. B’dan il-kliem hu jrid jgħidilna li t-tagħlim li nagħtu għandu jidher mill-mod kif ngħallmu; u jżid jgħid: Imma bil-ħlewwa u r-rispett, u żommu safja l-kuxjenza tagħkom.

U meta San Pawl lid-dixxiplu tiegħu Timotju jgħidlu: Dan ordna u dan għallem, m’hux qiegħed iħajjru biex imexxi ‘l dawk li fdalu b’saħħa u qalb iebsa, imma biex juri magħhom is-setgħa tiegħu b’mod xieraq. Wieħed jgħallem bis-setgħa meta jibda hu l-ewwel jagħmel dak li mbagħad se jgħallem lill-oħrajn, għaliex it-tagħlim jitlef il-qawwa tiegħu meta l-imġiba ta’ min jgħallem tkun ta’ tfixkil għat-tagħlim li hu jagħti. San Pawl għalhekk ma ħajjarx lil Timotju biex juri s-setgħa tiegħu bi kliem għoli u iebes, imma biex bl-imġiba tiegħu jqanqal fiduċja fih, minħabba l-għemil tajjeb li jagħmel. Għalhekk intqal ukoll fuq il-Mulej: Beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa u mhux bħall-kittieba. Il-Mulej waħdu tkellem b’setgħa li biha ħaddieħor qatt ma tkellem, għaliex hu qatt ma għamel ebda dnub, għax ma kien hemm ebda nuqqas fih. Bil-qawwa tiegħu ta’ Alla kellu dak li, permezz ta’ l-innoċenza tiegħu bħala bniedem, hu jagħti lilna.

 

RESPONSORJU 1 Piet 5:5b; Mt 11:29b

 

R/. Ilkoll kemm intom ilbsu l-umiltà ma xulxin, * Għax Alla jeqfilhom lill-kburin , imma lill-umli jagħtihom il-grazzja tiegħu.

V/. Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. * Għax Alla jeqfilhom lill-kburin, imma lill-umli jagħtihom il-grazzja tiegħu.

 

TALBA

 

 O Alla, il-provvidenza tiegħek tqassam kollox b’ordni li qatt ma jinkiser: fiċ-ċokon tagħna nitolbuk li tbiegħed minna kull ħsara u tagħtina kull ma hu ta’ fejda għalina. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Qed jinħall id-dlam li jistor

fis-sigħat tal-lejl il-ħlejjaq;

dawl il-jum qiegħed isebbaħ

kullimkien bil-bjuda tiegħu.

 

U bħal swaba’ twal u rotob

‘l ahwn u ‘l hinn jinfirxu r-raġġi;

tfiġġ ix-xemx fil-ħmura w tixħet

mant ta’ dija fuq ir-raba’.

 

Hekk, fis-sliem u l-barka t’Alla,

jgħib id-dlam tal-qerq minn moħħna,

minn fuq qalbna s-sħab jiċċarrat,

u fid-dawl tal-grazzja nimxu.

 

Sabiex miegħek biss ningħaqdu,

Kristu Sidna, b’fehma safja:

u kuljum inħossu l-qawwa

tal-ġid kbir li tagħmel magħna.

 

Ejja żurna w iddi fina

kull filgħodu bid-dawl tiegħek;

keċċi d-dell tal-mewt minn ruħna,

ħa nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Fid-dawl tiegħek, o Alla, naraw id-dawl.

 

Salm 35 (36)

 

Il-ħażen ifesfes lill-ħażin f'qiegħ qalbu; *

m'hemmx biża' ta' Alla quddiem għajnejh.

 

Għax hu jiddandan bil-fehma tiegħu, *

li Alla ma jsibx fih ħtija x'jistmell.

Kliem fommu kollu qerq u gideb, *

ma jimxix bil-għaqal, ma jagħmilx il-ġid.

Fuq friexu jaħseb kif se jqarraq, *

triq ħażina qabad, ma jwarrabx dak li hu ħażin.

 

Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, *

baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek;

Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla! †

Għad-dell ta' ġwenħajk

 jistkennu wlied il-bnedmin. *

 bnedmin u bhejjem int tgħinhom, Mulej.

Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek, *

tisqihom ix-xmara ta' l-hena tiegħek.

Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja, *

fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.

 

Żomm it-tjieba tiegħek ma' min jagħrfek, *

il-ġustizzja tiegħek ma' min hu qalbu safja.

Ma jersaqx għal fuqi riġel il-kburi, *

ma titfagħnix 'il barra id il-ħażin.

Hemm waqgħu dawk li jagħmlu l-ħażen, *

intefgħu 'l isfel u ma jistgħux iqumu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Fid-dawl tiegħek, o Alla, naraw id-dawl.

Ant. 2: Mulej, kbir int u msebbaħ, ta’ l-għaġeb u b’saħħtek.

 

Kantiku Ġudit 16:1b-2. 13-16

 

 Insġu għanja ta’ tifħir lil Alla tiegħi, *

Għolluh, u sejjħu lil ismu.

Għax il-Mulej hu Alla li jxejjen il-gwerer; *

minn idejn l-għedewwa ħelisni.

 

 Ngħanni lil Alla tiegħi għanja ġdida: *

 Mulej, kbir int u msebbaħ ta’ l-għaġeb u b’saħħtek.

 Lilek jaqdu l-ħlejjaq kollha, *

 għax int tkellimt, u huma saru;

 int bgħatt l-ispirtu tiegħek, u hu għamilhom. *

 Ħadd ma jista’ jieqaf lill-leħen tiegħek.

 Jitheżżu l-muntanji mill-qigħan tagħhom ma’ l-ibħra, *

 jinħall il-ġebel bħax-xama’ quddiemek;

 imma int tibqa’ turi ħnientek *

 ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħek.

 

 Kbir hu għal dejjem *

 min għandu l-biża’ tal-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, kbir int u msebbaħ, ta’ l-għaġeb u b’saħħtek.

Ant. 3: Għajjtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla.

 

Salm 46 (47)

 

Popli kollha, ċapċpu idejkom, *

għajjtu b'leħen ta' ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża', *

sultan kbir fuq l-art kollha.

 

Irażżan il-popli taħtna, *

u l-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.

Hu jagħżlilna l-wirt tagħna, *

il-kburija ta' Ġakobb, il-maħbub tiegħu.

Tela' Alla b'għajat ta' ferħ, *

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

 

Għannu lil Alla, għannu, *

għannu lis-sultan tagħna, għannu.

Għax Alla s-sultan ta' l-art kollha: *

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

 

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha, *

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.

Jinġemgħu l-kbarat tal-popli *

mal-poplu ta' Alla ta' Abraham.

Għax ta' Alla huma l-kapijiet ta' l-art; *

hu fil-għoli ħafna fuq kulħadd.

Glorja.

 

Ant. 3: Għajjtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla.

  

LEZZJONI QASIRA Tob 4:15a. 16ab. 19

 

Ħares lilek innifsek, ibni, f’kull ma tagħmel u ġib ruħek bħal wieħed imrobbi sewwa f’kull pass li tagħmel. Mill-ħobż tiegħek itma’ lil min hu bil-ġuħ, u minn ilbiesek libbes lil min hu għarwien. Kull ma jkollok żejjed, agħtih karità. Bierek f’kull ħin il-Mulej u itolbu li jitwittew triqatek u mogħdijietek, u jirnexxu l-fehmiet tiegħek.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Iġbidli qalbi, o Alla, * Biex inħares il-preċetti tiegħek. Iġbidli.

V/. Bil-kelma tiegħek agħtini l-ħajja. * Biex inħares il-preċetti tiegħek. Glorja. Iġbidli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Agħmel ħniena magħna, Mulej, u ftakar fil-patt qaddis tiegħek.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Agħmel ħniena magħna, Mulej, u ftakar fil-patt qaddis tiegħek.

 

PREĊI

 

Il-Mulej Ġesù ma jistħix isejjħilhom ħutu lil dawk li hu jqaddes. Inroddulu ħajr u nfaħħruh dejjem, u minn qiegħ qalbna nitolbuh:

Mulej, qaddes lil ħutek.

Agħmel li b’fehma safja nikkonsagrawlek il-bidu ta’ dan il-jum f’ġieħ il-qawmien tiegħek mill-imwiet:

- għinna ngħaddu l-ġurnata kollha f’għemejjel ta’ qdusija, kif jogħġob lilek.

Int, b’sinjal ta’ mħabbtek, tajtna jum ġdid biex ngħadduh f’saħħitna u henjin:

- ġeddidna kuljum għall-glorja tiegħek.

Għallimna llum inħossu l-preżenza tiegħek f’kulħadd madwarna:

- agħmel li nsibuk l-iżjed fl-imnikktin u l-foqra.

Żommna llum fis-sliem mal-proxxmu kollu:

- tħalliniex inroddu deni b’deni.

 

Missierna

 

Talba

 

Ismagħna, o Alla, Salvatur tagħna: int għamiltna wliedek, ulied id-dawl; agħtina li nibqgħu miexja dejjem f’dan id-dawl u nagħmlu ħidma ta’ ġid tassew, biex iseħħilna nkunu xhieda tiegħek quddiem il-bnedmin. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

Ant.1. Imbierek int, Mulej: għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Salm 118 (119):9-16

 

II (Bet)

 

Kif jista' żagħżugħ jimxi safi fi triqtu? *

Billi jħares il-kelma tiegħek.

B'qalbi kollha jiena nfittxek; *

tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.

 

Jien żammejt kelmtek f'qalbi, *

biex ma nidneb qatt kontrik.

Imbierek int, Mulej! *

Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

B'xufftejja jiena nxandar *

id-digrieti kollha ta' fommok.

Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek, *

daqs kieku kelli l-għana kollu.

 

Fuq il-preċetti tiegħek irrid naħseb, *

u nżomm għajnejja fuq triqatek.

Bil-kmandamenti tiegħek irrid nitgħaxxaq, *

qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.

 Glorja.

 

 Ant.1. Imbierek int, Mulej: għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 Ant.2. Żomm fi triqatek il-mixi tiegħi, Mulej.

 

Salm 16 (17)

 

I

 

Isma', Mulej, il-kawża ġusta tiegħi, *

ilqa' l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi; *

bla qerq huma xufftejja.

Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija, *

għajnejk jaraw is-sewwa.

 

Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni, *

jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija.

Ma żbaljajtx bi kliemi, kif jagħmlu n-nies; *

ħarist ruħi bi kliemek minn triqat il-ħżiena.

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,

qatt ma għotru riġlejja.

 

Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla; *

ressaq widintek lejja, isma' kliemi.

Uri t-tjieba tiegħek ta' l-għaġeb; *

int li teħles mill-għedewwa

lil min jittama fil-leminija tiegħek.

Bħal ħabba ta' l-għajn ħarisni, *

għad-dell ta' ġwenħajk kenninni

mill-ħżiena li jagħfsu fuqi, *

mill-għedewwa qattiela li jdawwruni. 

 Glorja.

 

 Ant.2. Żomm fi triqatek il-mixi tiegħi, Mulej.

 Ant.3. Qum Mulej, eħlisli ħajti.

 

II

 

Għalqu qalbhom għall-ħniena, *

minn fommhom joħroġ kliem kburi.

Jiġu għal fuqi, minn kull naħa għalquni, *

ħarsithom fuqi, biex ma' l-art jitfgħuni.

Huma bħal iljun imxennaq għall-priża, *

bħal ferħ ta' ljun moħbi wara l-mansab.

 

Qum, Mulej, oħroġ għall-għadu u ġarrfu; *

eħlisli ħajti minn id il-ħażin.

B'sejfek, Mulej, b'idek mill-bnedmin eħlisni, *

mill-bnedmin li ħajjet din l-art sehemhom.

Ħa jimtlew bil-ġid tiegħek, †

ħa jieklu sax-xaba' wliedhom, *

u jibqgħalhom xi jħallu liż-żgħar tagħhom!

Imma jien, fil-ħaqq, għad nara 'l wiċċek; *

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

 Glorja.

 

 Ant.3. Qum Mulej, eħlisli ħajti.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 1:13-14

 

Kunu mħażżmin fir-ruħ u mrażżnin għalkollox; ittamaw fil-grazzja li għad tingħatalkom meta jidher Ġesù Kristu. Bħala wlied ubbidjenti, tgħixux skond il-ġibdiet ta’ qabel, meta kontu għadkom tgħixu fl-injoranza tagħkom.

 

 V/. Triqatek, Mulej, għarrafni.

 R/. Il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

 

Talba

 

Mulej, Missier qaddis u Alla li żżomm kelmtek, int bgħattilna l-Ispirtu s-Santu, kif wegħedtna, biex tiġbor flimkien lill-bnedmin li kienu xterdu minħabba d-dnub: agħtina l-grazzja li nagħmlu servizz ta’ ġid għall-għaqda u l-paċi fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 1:15-16

 

Bħalma qaddis hu dak li sejjħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-imġiba tagħkom kollha, għax hu miktub, ‘Kunu qaddisin, għax qaddis jien’.

 

 V/. Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek.

 R/. Jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

 

Talba

 

O Alla ħanin li tista’ kollox, li qiegħed tagħtini ftit ħin ta’ heda f’nofs il-ġurnata, ixħet ħarsa ta’ tjieba fuq il-ħidmiet tagħna ta’ llum, biex twarrab minnhom dak li ma għamilniehx sewwa, u bil-grazzja tiegħek jilħqu l-iskop li jogħġob lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġak 4:7-8a. 10

 

Oqogħdu għar-rieda ta’ Alla. Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom. Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom. Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom.

 

 V/. Għajnejn, il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu.

 R/. Fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu.

  

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, inti ftaħt idejk fuq is-salib biex issalva l-bnedmin; agħmel li l-ħidma kollha tagħna tkun togħġbok, biex biha jseħħilna nuru fid-dinja l-għemil tiegħek tal-fidwa. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Alla, Sid qaddis tas-sema,

waqt li x-xemx qed tgħib minn fuqna,

kullimkien bi ġmielek tiksi

mad-dawl fietel fil-għaxija.

 

Meta r-raba’ jum issebbaħ

taħt idejk bix-xemx ħanina,

inti tajtna wkoll il-qamar,

b’għadd bla tarf ta’ kwiekeb ħelwa.

 

Bihom int turina l-bidla

bla waqfien tax-xhur u l-iżmna,

sabiex aħna wkoll infittxu

bla mistrieħ it-tiġdid tagħna.

 

Għalhekk dawwal il-qlub tagħna,

saffi ‘l ruħna minn kull tebgħa,

ħoll il-ktajjen ta’ dnubietna,

u ħarisna ‘l bogħod mill-ħtija.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Alla jagħtini d-dawl u jsalvani, jeħlisni minn kull biża’.

 

Salm 26 (27)

 

I

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; *

minn min għandi nibża'?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi; *

quddiem min għandi nitwerwer?

Meta jqumu għalija l-ħżiena, *

biex jaħtfuni u jikluni,

dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi, *

huma jitfixklu u jaqgħu.

Mqar jekk eżerċtu jqum għalija, *

xejn ma tibża' qalbi;

mqar jekk gwerra tqum kontrija, *

jiena nibqa' qalbi qawwija.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, *

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f'dar il-Mulej *

tul il-jiem kollha ta' ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej *

u nbakkar fit-tempju tiegħu.

 

Għax hu jaħbini fl-għarix tiegħu *

meta nsib ruħi fil-għawġ;

jistorni fis-satra ta' daru, *

fuq blata fl-għoli jqegħedni.

U issa tintrefa' rasi *

fuq l-għedewwa ta' madwari.

U jien noffri fit-tempju tiegħu

sagrifiċċju b'għajat ta' ferħ. *

Ngħanni u nfaħħar il-Mulej!

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Alla jagħtini d-dawl u jsalvani, jeħlisni minn kull biża’.

Ant. 2: Jien wiċċek infittex, Mulej: la taħbix wiċċek minni.

 

II

 

Isma', Mulej, leħen l-għajta tiegħi, *

ħenn għalija u weġibni.

"Ejja," għedt f'qalbi, "fittex 'il wiċċu"; *

jien wiċċek infittex, Mulej.

La taħbix wiċċek minni, *

la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.

Inti l-għajnuna tiegħi; tħallinix *

titlaqnix, Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Għalkemm telquni missieri u ommi, *

il-Mulej jilqagħni għandu.

 

Urini, Mulej, it-triq tiegħek, *

mexxini minn mogħdija dritta

minħabba l-għedewwa tiegħi.

 

Titlaqnix għax-xewqa ta' l-għedewwa tiegħi; †

għaliex xhieda qarrieqa qamu kontrija, *

li l-qerq jarmu man-nifs tagħhom.

 

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej *

f'art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; *

ittama fil-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 2: Jien wiċċek infittex, Mulej: la taħbix wiċċek minni.

Ant. 3: Hu l-kbir fost il-ħlejjaq kollha, hu l-ewwel f’kollox.

 

Kantiku ara Kol 1:12-20

 

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

 li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 Glorja.

 

Ant. 3: Hu l-kbir fost il-ħlejjaq kollha, hu l-ewwel f’kollox.

 

LEZZJONI QASIRA Ġak 1:22. 25

 

Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-liberta’ u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; u dan ikun hieni fl-għemil tiegħu.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Eħlisni int, Mulej, * U ħenn għalija. Eħlisni.

V/. Tgħoddnix man-nies midinba. * U ħenn għalija. Glorja. Eħlisni.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

 

PREĊI

 

Ikun f’kollox igglorifikat l-isem tal-Mulej, għax hu jħobb bi mħabba bla qjies lill-poplu għażiż tiegħu.

Uri lilna, Mulej, l-imħabba tiegħek.

Ftakar, Mulej, fil-Knisja tiegħek:

- ħarisha minn kull deni u żommha fl-imħabba perfetta tiegħek.

Agħmel li l-ġnus kollha jagħrfu lilek, li int waħdek Alla:

- u lil Ibnek Ġesù Kristu, li inti bgħatt.

Ibgħat ir-riżq it-tajjeb fuq art twelidna:

- sawwab dejjem fuqha l-barka tiegħek.

Serraħ lil dawk li huma mtaqqlin bix-xogħol u t-taħbit:

- ħu f’idejk il-kawża ta’ min hu mżeblaħ u ġiegħel li tintraddlu d-dinjita tiegħu.

Iftaħ id-dirgħajn tal-ħniena tiegħek għall-bnedmin kollha li llum ħallew din id-dinja:

- ilqagħhom fis-sliem tas-saltna tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

Kun fostna, Mulej, aħna u nitolbuk, u lejl u nhar iġborna taħt il-ħarsien tiegħek; int, li qatt ma titbiddel, żommna dejjem sħaħ u mexxina int f’dawn iż-żminijiet li dejjem jitbiddlu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

 

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn, *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

 

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.