Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


IS-SITT ĦADD TAL-GĦID

Salmodija tal-Ħadd tat-II ġimgħa

L-1 GĦASAR

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Il-Ħaruf temagħna laħmu,

tana l-lbies tas-salvazzjoni,

qsamna sħaħ il-Baħar l-Aħmar:

ngħannu ‘l Kristu l-prinċep tagħna.

 

Fuq l-altar ta’ salib aħrax

offra għalina ġismu mqaddes;

sqiena demmu, li hu xerrdu

ħalli nistgħu ngħixu b’Alla.

 

F’dik il-lejla li l-Qerriedi

għadda joqtol, konna mħarsa;

ħlisna lkoll minn taħt il-qilla

tal-Fargħun u l-jasar tiegħu.

 

F’dan il-Għid, il-Ħaruf tagħna

li hu Kristu, miet bla ħtija;

ħobż tassew bla ħmira w safi,

li kien mogħti b’sagrifiċċju.

 

Tassew vittma safja w xierqa:

biha d-dell u d-dlam ingħelbu,

biha l-poplu lsir infeda,

biha ngħata ħlas il-ħajja!

 

Kristu qam rebbieħ mill-qabar,

minn qiegħ l-art ħareġ imsebbaħ;

jassar l-għadu darba għal dejjem,

u fetħilna bwieb il-ġenna.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, hallelujah.

 

Salm 118 (119):105-112

 

XIV (Nun)

 

Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, *

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

Ħlift, u rrid inżomm kelmti, *

li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.

 

Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond il-kelma tiegħek.

Ilqa', Mulej, il-qima ta' fommi, *

u għallimni d-digrieti tiegħek.

 

Ħajti dejjem fit-tiġrif, *

imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.

Il-ħżiena nasbuli x-xibka, *

imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.

 

Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem; *

huma l-għaxqa ta' qalbi.

Inħajjar 'il qalbi biex tħares il-kmandamenti tiegħek, *

għal dejjem u sa l-aħħar.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ g!al dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Ant. 1: Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, hallelujah.

Ant. 2: Alla qajjem lil Kristu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

 

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi; *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

 

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

 

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq, *

messni sehem tassew għal qalbi.

 

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

Glorja.

 

Ant. 2: Alla qajjem lil Kristu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, hallelujah.

Ant. 3: Ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu? hallelujah.

 

Kantiku (Fil 2, 6-11)

 

Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla, *

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, †

 sar jixbah lill-bniedem *

 u deher minn barra bħala bniedem:

Ċekken lilu nnifsu, †

billi obda sal-mewt, *

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù, †

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr: †

“Ġesù Kristu hu l-Mulej *

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Glorja.

 

Ant. 3: Ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?, hallelujah.

 

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 2:9-10

Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu miksub minn Alla, biex ixxandru l-għemejjel sbieħ ta’ dak li sejjħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta’ l-għaġeb, intom, li darba ma kontux il-poplu ta’ Alla, imma issa sirtu l-poplu tiegħu; li ma kontux sibtu ħniena, imma issa għandkom il-ħniena tiegħu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Id-dixxipli ferħu. * Hallelujah, hallelujah. Id-dixxipli.

V/. Meta raw lill-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Id-dixxipli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Jiena nitlob il-Missier u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ dejjem magħkom, hallelujah.

 

Sena B

Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena; ibqgħu fl-imħabba tiegħi, hallelujah.

 

Sena Ċ

Jekk xi ħadd iħobbni iħares kelmti u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu u nagħmlu l-għamara tagħna għandu, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Jiena nitlob il-Missier u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ dejjem magħkom, hallelujah.

 

Sena B

Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena; ibqgħu fl-imħabba tiegħi, hallelujah.

 

Sena Ċ

Jekk xi ħadd iħobbni iħares kelmti u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu u nagħmlu l-għamara tagħna għandu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Bil-qawmien tiegħu mill-imwiet Kristu qered il-mewt u ġedded il-ħajja. Insejjħulu bil-ħeġġa kollha u ngħidulu:

 Kristu, li int dejjem ħaj, ismagħna.

Inti l-ġebla li warrbu l-bennejja imma saret il-ġebla tax-xewka:

- agħmel li nkunu ġebel ħaj fil-bini tal-Knisja tiegħek.

Inti x-xhud fidil u veru, il-kbir fost il-mejtin:

- agħmel li l-Knisja tibqa’ tagħtik xhieda bla heda.

Inti waħdek l-għarus tal-Knisja li nissilt minn ġenbek:

- agħmel li nkunu xhieda tal-misteru ta’ din l-għerusija.

Inti l-Ewwel u l-Aħħar, kont mejjet u issa ħaj:

- agħmel li l-imgħammdin kollha jibqgħu fidili sal-mewt, biex jiksbu l-premju tas-sema.

Inti d-dawl u l-musbieħ tal-Belt qaddisa ta’ Alla:

- dawwal lil ħutna l-mejtin, biex isaltnu miegħek għal dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira dawn il-ġranet ta’ ferħ li fihom qegħdin nagħtu ġieħ lill-Mulej li qam mill-imwiet, u agħtina li l-istess għemil tagħna jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Dan tassew hu l-jum imwiegħed,

il-jum t’Alla, b’dawl is-sema,

jum li fih id-demm ta’ Kristu

neħħa d-dnub tad-dinja w fdiena.

 

Radd il-fidi lill-mitlufa,

ta mill-ġdid id-dawl lill-għomja;

m’niex se nibżgħu, meta nafu

li l-ħalliel ukoll sab maħfra?

 

Stagħġbu l-anġli xħin lill-ħati

rawh waqt mewtu jdur bl-indiema

lejn Ġesù li, kollu tjieba,

wiegħdu post fil-ġenna miegħu.

 

Faħħru l-kobor tal-misteru

li bih Kristu, l-bniedem-Alla,

ħassar id-dnubiet u ħeles

lill-bnedmin mill-mewt ta’ dejjem!

 

B’dan l-għemil tassew ta’ l-għaġeb

tgħib il-ħtija w terġa’ l-grazzja,

u fejn saltnu l-mewt u l-biża

terġa’ l-ħajja w tfur l-imħabba.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Hallelujah, il-ġebla kienet imressqa fil-ġenb mid-daħla tal-qabar, hallelujah.

Salm 103 (104)

 

I

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej! *

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes, *

bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb.

 

Inti frixt is-smewwiet bħal tinda, *

waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.

Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek, *

fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.

L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek, *

u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek.

 

Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha, *

b'mod li qatt ma titħarrek;

bl-ibħra, bħal b'libsa, inti ksejtha; *

u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.

 

Malli inti ċċanfarhom, jaħarbu; *

malli jriegħed leħnek, jitkexkxu.

Ma' l-għoljiet jogħlew, fil-widien jinżlu; *

posthom, li int tajthom, jieħdu.

Ma jaqbżux it-tarf li int ħażżejtilhom, *

biex qatt aktar ma jerġgħu jgħattu l-art.

L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien, *

u huma jiġru qalb l-għoljiet.

Jisqu l-bhejjem kollha tar-raba', *

u l-ħmir selvaġġi jaqtgħu l-għatx tagħhom.

Ħdejhom jgħammru l-għasafar ta' l-ajru, *

minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.

Glorja.

 

Ant. 1: Hallelujah, il-ġebla kienet imressqa fil-ġenb mid-daħla tal-qabar, hallelujah.

Ant. 2: Hallelujah, lil min qiegħda tfittex, mara? Lil dak li hu ħaj fost il-mejtin, hallelujah.

 

II

 

Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek, *

u tixba' l-art bil-frott ta' għemilek.

Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, *

u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,

biex joħroġ il-ħobż mill-art, *

inbid li jferraħ qalb il-bniedem,

żejt li jsebbħilhom wiċċhom, *

u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.

 

Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej, *

iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.

Fihom ibejjtu l-għasafar, *

iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.

Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev, *

l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri.

 

Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien, *

u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.

Titfa' d-dlam, u jsir il-lejl; *

fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.

Frieħ l-iljun jgħajjtu biex jaħtfu, *

jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.

Malli titla' x-xemx jinġabru, *

fl-għerien tagħhom jitgeddsu.

U l-bniedem joħroġ għax-xogħol, *

u jibqa' jaħdem sa filgħaxija. 

 Glorja.

 

Ant.2: Hallelujah, lil min qiegħda tfittex, mara? Lil dak li hu ħaj fost il-mejtin, hallelujah.

Ant.3: Hallelujah, tibkix, Marija: il-Mulej qam mill-imwiet, hallelujah.

 

III

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! †

Kollha bl-għerf għamilthom; *

mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Dan il-baħar ta' kobor u wisa' bla tarf, †

li fih jimraħ ħut bla għadd; *

bhejjem żgħar u bhejjem kbar.

Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu; *

fih jitliegħeb il-Levjatan, li int għamilt.

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha *

li tagħtihom ikilhom f'waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru; *

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu; †

jekk teħdilhom nifishom, imutu, *

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat l-ispirtu tiegħek, jinħolqu, *

u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.

 

Jibqa' sebħ il-Mulej għal dejjem! *

Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!

Kif hu jħares lejn l-art titheżheż; *

kif imiss l-għoljiet, idaħħnu.

Ngħanni lill-Mulej tul ħajti kollha, *

indoqq lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.

Ħa togħġbu l-għanja tiegħi, *

għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.

 

Jintemmu minn fuq l-art il-midinbin, †

u jgħibu l-ħżiena, *

 Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 3: Hallelujah, tibkix, Marija: il-Mulej qam mill-imwiet, hallelujah.

 

V/. Alla tani ħajja ġdida, hallelujah.

R/. Inroddlu ħajr minn qalbi, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Bidu ta’ l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 1:1-10

 

Il-kelma tal-ħajja u d-dawl ta’ Alla

 

Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b'għajnejna, li lejh ħarisna u li missew idejna, jiġifieri l-Verb, il-kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom. Għax il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta' dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma' Ibnu Ġesù Kristu. U qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Din hi l-aħbar li smajna mingħand Kristu, u li qegħdin inxandrulkom: li Alla hu dawl u li ebda dlam ma hemm fih. Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu imma nimxu fid-dlam, inkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux il-verità. Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissieħbu flimkien u d-demm ta' Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub.

Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.

 

RESPONSORJU 1 Ġw 1:2; 5:20a. 20ċ

 

R/. Il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha; qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem: * Il-ħajja li kienet għand il-Missier u li dehret lilna, hallelujah.

V/. Nafu li l-Iben ta’ Alla ġie: dan hu Alla l-veru, u l-ħajja ta’ dejjem. * Il-ħajja li kienet għand il-Missier u li dehret lilna, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Tifsir fuq it-Tieni Ittra lill-Korintin, ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Lixandra

 

Alla ħabbibna miegħu bi Kristu

u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija

 

 Dawk li għandhom ir-rahan ta’ l-Ispirtu u t-tama tal-qawmien għall-ħajja diġà qegħdin jagħmluh tagħhom dak li jittamaw, u jgħidu li issa ma huma jqisu lil ħadd skond il-ġisem: għax issa aħna lkoll bnedmin spiritwali, meħlusin mit-taħsir tal-ġisem. Bid-dawl li tana l-Iben waħdieni ta’ Alla aħna ninbidlu fl-istess Verb li jagħti l-ħajja lil kulħadd. U bħalma konna fil-jasar tal-mewt taħt is-setgħa tad-dnub, hekk issa Kristu ġġustifikana u warrabna t-taħsir.

 Għalhekk ħadd minna ma għadu jitqies skond il-ġisem, jiġifieri skond dak li hu dgħajjef fina; u, ma għandniex xi ngħidu, fost dak li hu marbut man-natura dgħajfa tagħna hemm it-taħsir. Għalhekk żied jgħid: Jekk darba lil Kristu għarafnieh bl-għajnejn tal-ġisem, issa ma nagħrfuhx hekk iżjed. Qisu ried jgħid: Il-Verb sar bniedem u għammar fostna, miet bħala bniedem biex jagħti l-ħajja lilna lkoll, u aħna għarafnieh hekk; imma minn issa ‘l quddiem ma nagħrfuhx hekk iżjed. Għax għalkemm irxoxta fit-tielet jum u tela’ s-sema bil-ġisem għand il-Missier, ma għadux taħt is-setgħa tal-ġisem: Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar: il-mewt ma ssaltanx aktar fuqu; hu miet, miet għal darba għad-dnub; imma issa qiegħed jgħix għal Alla.

 Mela jekk dan ġara f’dak li mexa quddiemna għall-ħajja, jeħtieġ tassew li aħna wkoll nimxu fuq il-passi tiegħu, u ma nitqisux iżjed skond il-ġisem imma skond dak li hu aqwa mill-ġisem. Għalhekk jgħid tajjeb ħafna San Pawl: Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu jsir ħolqien ġdid: il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku. Infatti konna ġġustifikati bil-fidi fi Kristu, u s-saħta tilfet il-qawwa tagħha. Hu miet minħabba fina u xejjen is-setgħa tal-mewt, u b’hekk għarafna lil Alla veru fih innifsu, li aħna nadurawh fl-ispirtu u l-verità, permezz ta’ Ibnu l-medjatur tagħna, li mis-sema jsawwab il-barka tal-Missier fuq id-dinja.

 San Pawl wera għerf kbir meta qal: Kollox ġej minn Alla, li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu. Għax tabilħaqq, il-misteru ta’ l-imkarnazzjoni, u t-tiġdid li sar warajha, m’humiex barra mir-rieda tal-Missier. Permezz ta’ Kristu għandna d-dħul għal għand il-Missier, għax, kif qalilna hu stess, ‘ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija’. Għalhekk kollox ġej minn Alla, li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

 

 

 

RESPONSORJU Rum 5:11; Kol 1:19-20a

 

R/. Aħna niftaħru f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu, * Li permezz tiegħu ksibna l-ħbiberija ma’ Alla, hallelujah.

V/. Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu. * Li permezz tiegħu ksibna l-ħbiberija ma’ Alla, hallelujah.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

 Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

 Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

 Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

 bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

 Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

 l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

 il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

 bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

 erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

 u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

 inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

 kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

 ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

 O Alla li tista’ kollox, agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira dawn il-ġranet ta’ ferħ li fihom qegħdin nagħtu ġieħ lill-Mulej li qam mill-imwiet, u agħtina li l-istess għemil tagħna jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Feġġ il-jum fis-sebħ u l-ħmura,

mas-smewwiet il-għana jidwi;

taqbeż l-art bil-ferħ u l-hena,

l-għadu mxejjen jara w jagħdab.

 

Is-Sultan il-qawwi jġarraf

is-setgħat tal-mewt li ħakmet;

taħt riġlejh l-infern iqiegħed,

biex irbit l-ilsiera jqaċċat.

 

Xejn ma swiet il-ġebla tqila

bis-suldat mal-qabar għassa;

Kristu qam rebbieh, u ħareġ

mimli glorja w ħajja ġdida.

 

Jidher anġlu f’dija tgħammex,

il-qawmien ta’ Kristu jxandar;

għab is-swied ta’ qalb u l-biża’,

il-Mulej temm it-tbatija.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, hallelujah.

 

Salm 117 (118)

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

 milli tittama fil-kbarat.

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi,

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

 

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

 

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila.

 

 Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

imma ma telaqnix għall-mewt.

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

 

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni bil-friegħi f'idejkom

sa ħdejn l-altar.

 

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr, *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Glorja.

 

Ant. 1: Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema, u ta’ min isebbħek fuq kollox, Alla tagħna, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3:52-57)

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna, *

ta’ min ifaħħrek u jgħolik fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ, *

ta’ min ifaħħru sewwa u jgħollih fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, †

li ħarstek tinfed l-abbissi, *

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek, *

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Bierku għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema, u ta’ min isebbħek fuq kollox, Alla tagħna, hallelujah.

Ant. 3: Aduraw lil Alla li qiegħed fuq it-tron tiegħu, u għidu: Ammen, hallelujah.

 

Salm 150

 

Faħħru 'l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu, *

faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu!

Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu, *

faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf!

 

Faħħruh bid-daqq tat-tromba, *

faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra!

Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin, *

faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar!

Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali, †

faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali! *

Kull ma jieħu nifs,ħa jfaħħar il-Mulej!

 Glorja.

 

Ant. 3: Aduraw lil Alla li qiegħed fuq it-tron tiegħu, u għidu: Ammen, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 10:40-43

 

Alla qajjem lil Ġesù mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd imma lilna bħala xhieda li għażilna minn qabel, aħna li miegħu kilna u xrobna wara li qam mill-imwiet. Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li hu dak li ġie magħmul minn Alla mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Għalih jagħtu xhieda l-profeti kollha: li kull min jemmen fih jaqla’ f’ismu l-maħfra tad-dnubiet.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kristu Bin Alla l-ħaj, ħenn għalina. * Hallelujah, hallelujah. Kristu.

V/. Int, li qomt mill-imwiet. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Kristu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Ma nħallikomx iltiema; immur, imma nerġa’ niġi għandkom u tifraħ qalbkom, hallelujah.

 

Sena B

 Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun fil-milja tiegħu, hallelujah.

 

Sena Ċ

 L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 Ma nħallikomx iltiema; immur, imma nerġa’ niġi għandkom u tifraħ qalbkom, hallelujah.

 

Sena B

 Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun fil-milja tiegħu, hallelujah.

 

Sena Ċ

 L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom, hallelujah.

 

PREĊI

 

Alla, il-Missier li jista’ kollox, qajjem lil Ġesù li għamlu prinċep u salvatur tagħna. Nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, dawwalna bid-dawl ta’ Kristu.

Missier qaddis, int għaddejt lil Ibnek l-għażiż mid-dlam tal-mewt għad-dawl tal-glorja:

- sejjħilna għad-dawl tiegħek ta’ l-għaġeb.

Int salvajtna bis-saħħa tal-fidi:

- agħtina li llum ngħixu skond il-fidi tal-magħmudija tagħna.

Int tridna nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin tiegħek:

- ħarisna mit-tlellix u l-frugħa tad-dnub.

Ħa tkun ħajjitna moħbija flimkien ma’ Kristu fik:

- ħa jidher id-dawl tagħna quddiem il-bnedmin, biex inkunu sinjal minn qabel tas-sema ġdid u l-art ġdida li wegħedtna.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira dawn il-ġranet ta’ ferħ li fihom qegħdin nagħtu ġieħ lill-Mulej li qam mill-imwiet, u agħtina li l-istess għemil tagħna jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.

 

  

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 22 (23)

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, †

xejn ma jonqosni; *

f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; *

hemm hu jrejjaqni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa *

minħabba l-isem tiegħu.

 

Mqar jekk nimxi f'wied mudlam, †

ma nibżax mill-ħsara, *

għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, *

huma jwennsuni.

 

Int tħejji mejda għalija *

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi, *

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena *

il-jiem kollha ta' ħajti.

U ngħammar f'dar il-Mulej *

sakemm indum ħaj!

 Glorja.

 

Salm 75 (76)

 

I

 

Magħruf hu Alla f'Ġuda, *

kbir hu ismu f'Iżrael.

F'Salem hemm l-għarix tiegħu, *

u l-għamara tiegħu f'Sijon.

Hemm hu kisser il-vleġeġ ta' l-ark, *

it-tarka, is-sejf u l-armi tal-gwerra.

 

Int kollok dija u glorja, *

aktar mill-aqwa muntanji.

L-irġiel ta' qalbhom qawwija *

tilfu l-priża tagħhom;

il-gwerriera qalbiena waqgħu f'raqda, *

idejhom tmewwtulhom.

Għall-għajta tiegħek, Alla ta' Ġakobb, *

f'telfa jaqgħu r-rikkieba u ż-żwiemel.

 Glorja.

 

II

 

Tal-biża' int; int, min jiqaflek, *

meta tqum fuq tiegħek, Mulej?

Mis-smewwiet semmajt il-ħaqq tiegħek; *

twerwret l-art u tbikkmet,

meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq, *

biex isalva l-imsejkna kollha ta' l-art.

 

Mqar fil-korla tiegħek il-bnedmin ifaħħruk; *

u kull min jeħles mill-għadab tiegħek ifaħħrek.

Wiegħdu u roddu lill-Mulej, Alla tagħkom; *

ta' madwaru lkoll iġibulu d-doni,

 lilu, li hu tal-biża';

lil dak li jifni l-kbarat, *

li jnissel il-biża' fis-slaten ta' l-art.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 15:3b-5

 

Kristu miet minħabba fi dnubietna, skond l-Iskrittura; difnuh, u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lt-Tnax.

 

V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ef 2:4-6

 

Alla għani fil-ħniena, bis-saħħa ta’ l-imħabba kbira li biha ħabbna, meta konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi! – qajjimna miegħu, u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù.

 

V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 6:4

 

Aħna ndfinna ma’ Kristu permezz tal-magħmudija fil-mewt, biex kif Kristu qam mill-imwiet bil-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk ukoll aħna ngħixu ħajja ġdida.

 

V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira dawn il-ġranet ta’ ferħ li fihom qegħdin nagħtu ġieħ lill-Mulej li qam mill-imwiet, u agħtina li l-istess għemil tagħna jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Il-Ħaruf temagħna laħmu,

tana l-lbies tas-salvazzjoni,

qsamna sħaħ il-Baħar l-Aħmar:

ngħannu ‘l Kristu l-prinċep tagħna.

 

Fuq l-altar ta’ salib aħrax

offra għalina ġismu mqaddes;

sqiena demmu, li hu xerrdu

ħalli nistgħu ngħixu b’Alla.

 

F’dik il-lejla li l-Qerriedi

għadda joqtol, konna mħarsa;

ħlisna lkoll minn taħt il-qilla

tal-Fargħun u l-jasar tiegħu.

 

F’dan il-Għid, il-Ħaruf tagħna

li hu Kristu, miet bla ħtija;

ħobż tassew bla ħmira w safi,

li kien mogħti b’sagrifiċċju.

 

Tassew vittma safja w xierqa:

biha d-dell u d-dlam ingħelbu,

biha l-poplu lsir infeda,

biha ngħata ħlas il-ħajja!

 

Kristu qam rebbieħ mill-qabar,

minn qiegħ l-art ħareġ imsebbaħ;

jassar l-għadu darba għal dejjem,

u fetħilna bwieb il-ġenna.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Alla l-Missier qajjem lil Kristu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet, hallelujah.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

 sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq il-leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Ant. 1: Alla l-Missier qajjem lil Kristu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet, hallelujah.

Ant. 2: Intom dortu lejn Alla mill-idoli biex taqdu lil Alla l-ħaj, hallelujah.

 

Salm 113 B (115)

 

Mhux lilna, Mulej, mhux lilna, †

iżda lil ismek sebbaħ, *

għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.

Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: *

"Fejn hu Alla tagħhom?"

Fis-smewwiet hu Alla tagħna; *

hu jagħmel kull ma jogħġbu.

 

Fidda u deheb huma l-allat tagħhom, *

xogħol ta' idejn il-bniedem.

Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; *

għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;

għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; *

għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;

għandhom l-idejn, u ma jmissux; †

għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux; *

ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.

Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, *

u dawk kollha li jittamaw fihom.

 

Iżrael ittama fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

Dar Aron ittamaw fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

Dawk li jibżgħu mill-Mulej ittamaw fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

 

Il-Mulej jiftakar fina u jberikna; *

ibierek 'il dar Iżrael, ibierek 'il dar Aron.

Ibierek 'il dawk li jibżgħu mill-Mulej, *

kemm iż-żgħar u kemm il-kbar.

 

Ikattarkom ħafna l-Mulej, *

lilkom u 'l uliedkom.

Imberkin intom mill-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej; *

imma l-art hu taha lill-bnedmin.

M'humiex il-mejtin li jfaħħru l-Mulej, *

anqas ħadd minn dawk li jmorru fis-skiet;

imma aħna li nbierku l-Mulej, *

minn issa u għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 2: Intom dortu lejn Alla mill-idoli biex taqdu lil Alla l-ħaj, hallelujah.

Ant. 3: Hallelujah, is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa huma ta’ Alla tagħna, hallelujah.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

 Huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

 Għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

 Intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

 intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej,

 Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

 Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

 u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Hallelujah, is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa huma ta’ Alla tagħna, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 10:12-14

 

 Kristu wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. Għax hu, b’offerta waħda, għamel perfetti għal dejjem lil dawk li hu jqaddes.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. U deher lil Xmun Pietru. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Min iħobbni jkun maħbub minn Missieri u jiena nħobbu u nuri lili nnifsi lilu, hallelujah.

 

Sena B

Dan hu l-kmandament tiegħi li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien; ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu, hallelujah.

 

Sena Ċ

Jiena nħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux ‘il qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Min iħobbni jkun maħbub minn Missieri u jiena nħobbu u nuri lili nnifsi lilu, hallelujah.

 

Sena B

Dan hu l-kmandament tiegħi li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien; ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu, hallelujah.

 

Sena Ċ

Jiena nħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux ‘il qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’, hallelujah.

 

PREĊI

 

Alla l-Missier qajjem lil Kristu u għollieh fil-leminija tiegħu. Ninxteħtu quddiemu u nitolbuh:

Għall-glorja ta’ Kristu, ħares lill-poplu tiegħek, Mulej.

Missier ġust, inti rfajt lil Ġesù ‘l fuq mill-art u tajtu r-rebħa tas-salib:

- agħmel li l-bnedmin kollha jħalluh jiġbidhom lejh.

B’Ibnek igglorifikat minnek, ibgħat l-Ispirtu s-Santu fil-Knisja:

- ħa tkun is-sagrament ta’ l-għaqda għall-bnedmin kollha.

Ħares lejn l-ulied ġodda li nissilt bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu:

- żommhom fidili mal-magħmudija tagħhom sal-ħajja ta’ dejjem.

B’Ibnek li int għollejt, għin lil min hu msejken, eħles lil min hu fil-ħabs, fejjaq il-morda kollha:

- ferraħ lid-dinja bil-ġid tiegħek.

Ftakar f’dawk ħutna li, meta kienu għadhom fid-dinja, tmajthom bil-ġisem u d-demm ta’ Ibnek igglorifikat:

- agħmel li huma wkoll iqumu fl-aħħar jum.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla li tista’ kollox, agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira dawn il-ġranet ta’ ferħ li fihom qegħdin nagħtu ġieħ lill-Mulej li qam mill-imwiet, u agħtina li l-istess għemil tagħna jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgĦa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Amen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Amen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Amen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.