Stampa t-test kollu ...


5 ta’ Ġunju

SAN BONIFAĊJU, ISQOF U MARTRI

 

Salmodija tat-Tlieta tal-1 ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Insellmulek, martri w vittma,

f’dan il-jum tal-festa tiegħek,

li fih ħadt, bi ħlas ra’ demmek,

il-kuruna tar-rebbieħa.

 

Inti llum għelibt il-qawwa

ta’ min ħaqrek u temm ħajtek;

u mid-dlam ta’ dinja msejkna

dħalt fid-dawl u l-ferħ ta’ Sidek.

 

Isseħibt ma’ l-anġli mbierka,

kollok dija w ġmiel bil-libsa

li ħsilt b’demmek, x’ħin bla biża’

tajt quddiem kulħadd ix-xhieda.

 

Ieqaf issa magħna, w itlob

lil Ġesù, ħanin u twajjeb,

biex il-grazzja fuqna jsawwab

u ħtijietna kollha jħassar.

 

Ressaq lejna bit-talb tiegħek

il-għajnuna ta’ Bin Alla, biex

iħeff minn fuqna t-toqol

tul it-triq, bil-maħfra tiegħu.

 

Lill-Missier kull ġieħ jingħata,

ġieħ lill-Iben, lill-Ispirtu,

Alla wieħed, li fis-sema

żejjnek b’sebħ u ferħ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej jagħmel ħaqq ġust lill-foqra.

 

Salm 9 B (10)

 

I

 

Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed? *

Għaliex tinħeba waqt il-bżonn?

Fi kburitu l-ħażin lill-fqir jaħqar, *

jaqbdu fin-nases li nasablu. 

Il-ħażin jiftaħar bix-xewqat ta' qalbu, *

fir-regħba tiegħu jisħet u jżeblaħ lill-Mulej.

 

Fi kburitu jkasbar lill-Mulej, u f'xejn ma jfittxu; *

u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu.

Jirnexxi dejjem fi triqtu, †

xejn ma jilħquh il-ġudizzji tiegħek,

bl-għedewwa tiegħu jiddieħak.

Jgħid f'qalbu: "Ma niċċaqlaqx! *

Minn nisel għal nisel ebda ħsara ma tilħaqni!"

 

Saħta, qerq u dnewwa fuq fommu; *

għawġ u ħsara fuq ilsienu.

Wara l-ħitan tas-sejjieħ jissajja, †

fil-moħbi joqtol nies bla ħtija; *

għajnejh ifittxu lill-imsejken.

Jgħasses fil-moħbi bħal iljun fil-bejta; †

jgħasses biex lill-fqajjar jaħtaf; *

jaqbdu u jkaxkru fix-xibka.

Jitbaxxa, ma' l-art jinxteħet; *

l-imsejkna jaqgħu taħt il-qilla tiegħu.

Jgħid bejnu u bejn ruħu: "Alla nesa; *

ħeba wiċċu, ma jħarisx iżjed".

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej jagħmel ħaqq ġust lill-foqra.

Ant. 2: Ara, Mulej, l-għawġ u l-ħsara ta’ l-imsejken.

  

II

 

Qum, Mulej! Erfa' idek, o Alla! *

La tinsihomx lill-imsejknin.

Għax għandu l-ħażin ikasbrek, o Alla, *

u jaħseb li int ma tfittxux?

 

Int tara, tabilħaqq, l-għawġ u l-ħsara, *

u taħseb biex f'idejk teħodhom.

F'idejk jintelaq l-imsejken; *

ta' l-iltim int sirt l-għajnuna.

Kisser int driegħ il-ħażin u l-midneb, *

ilħaqlu ħżunitu sakemm ma ssiblux iżjed.

 

Sultan hu l-Mulej għal dejjem ta' dejjem; *

inqerdu l-ġnus minn artu.

It-talba ta' l-imsejknin smajtha, Mulej; *

int taqtgħalhom ix-xewqa ta' qalbhom,

biex tagħti raġun lill-iltim u l-maħqur; *

u bniedem ta' l-art ma jbeżżax aktar.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ara, Mulej, l-għawġ u l-ħsara ta’ l-imsejken.

Ant. 3: Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija bin-nar.

 

Salm 11 (12)

 

Għajnuna, Mulej, għax m'hawnx aktar twajbin; *

għabu s-sinċiera minn fost il-bnedmin.

Wieħed lil ieħor bil-gideb ikellem; *

b'xufftejn qarrieqa, b'żewġt iqlub jitkellmu.

 

Jaqta' l-Mulej ix-xufftejn qarrieqa, *

kull ilsien li jitkellem bil-kburija,

dawk li jgħidu: "Saħħitna fi lsienna, *

kliem xufftejna magħna; min hu sidna?"

 "Minħabba t-tgħakkis tal-fqajrin *

u l-krib ta' l-imsejknin,

jien issa se nqum," jgħid il-Mulej; *

"nqum biex neħilsu, kif hu jixtieq."

Kliem il-Mulej kliem safi, *

fidda mgħoddija min-nar,

seba' darbiet imsoffija mit-trab.

 

Int, Mulej, tieħu ħsiebna, *

tħarisna minn dan in-nisel għal dejjem.

Għax il-ħżiena ma' kullimkien juru ruħhom, *

aktar ma titgħolla d-dnewwa fost il-bnedmin.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija bin-nar.

 

V/. Il-Mulej imexxi l-imsejkna fis-sewwa.

R/. Jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob Ġob 31:1-8, 13-23, 35-37

 

Il-ġustizzja ta’ Ġob qabel ġie fuqu t-tiġrib

 

Qal Ġob: "Għamilt patt ma' għajnejja

li ma nixħethom fuq ebda xebba.

Imma x’se jmissu l-bniedem mingħand Alla minn fuq?

X’se jkun ħlasu mingħand is-Setgħani mill-għoli?

M'hux telfien hemm merfugħ għall-midneb?

M’hux ħsara għal min jagħmel il-ħażen?

Iżda ma jarax hu l-imġiba tiegħi?

Ma jgħoddx hu l-passi tiegħi kollha?

Qatt imxejt jien bil-gideb?

Qatt ħaffift saqajja għall-qerq?

Ħa jiżinni Alla b'miżien tajjeb,

u jagħraf li ma hemmx nuqqas fija.

Jekk ilwejt mit-triq id-dritta,

Jekk qalbi mxiet wara t-tħajjir ta' għajnejja,

Jekk b’xi tidnis iċċappsu jdejja,

 ħa niżra' jien u l-frott jieħdu ħaddieħor,

u li ħawwilt jien jinqala' mill-għeruq.

Jekk ċħadt xi jedd lill-qaddej tiegħi jew lill-qaddejja,

xħin tlewwmu miegħi,

x'nagħmel jien meta jqum Alla?

X’inwieġeb xħin jiġi jistaqsini?

 M’hux min għamilni fil-ġuf għamel lilu?

M'hux wieħed sawwarna fi ħdan ommijietna?

 Qatt ċħadt jien lill-foqra dak li xtaqu

jew ħallejt għajnejn l-armla jinfnew?

 Qatt kilt waħdi l-bukkun tiegħi

u ma kielx ukoll minnu l-iltim?

 Le, għax l-iltim minn ċkunitu bħal missier rabbejtu

u l-armla sa minn ħdan ommi mexxejtha.

 Jekk rajt xi msejken mifni bil-għera

jew xi fqir li m’għandux biex jitgħatta

 u ma berkunix ġenbejh

jew ma ssaħħanx bis-suf tan-nagħaġ tiegħi,

 jekk erfajt idi biex naħbat għall-innoċenti,

għax fil-bieb kont insib min jaqbeż għalija,

 ħa tinqala' spallti minn ġo għonqi

u driegħi jinkiser mill-minkeb,

 għax kien jagħfas fuqi l-biża ta’ Alla

u jien għall-kobor tiegħu ma niflaħx.

 M'hux li kelli xi ħadd li jismagħni!

Hawn hi l-firma tiegħi!

Ħa jismagħni s-Setgħani.

 U l-libell miktub minn dak li tlewwem miegħi

żgur li nġorru fuq spallejja

u bħal girlanda ndawwru miegħi.

 Nagħtih kont ta’ kull għemil tiegħi

u nidħol għandu bħal wieħed kbir”.

 

RESPONSORJU Ġob 31:3; Prov 15:3; Ġob 31:4

 

R/. M’hux telfien hemm merfugħ għall-midneb? M’hux ħsara għal min jagħmel il-ħażen? * F’kull imkien għajnejn il-Mulej huma fuq it-tajbin u l-ħżiena.

V/. Ma jarax hu l-imġiba tiegħi? Ma jgħoddx hu l-passi tiegħi kollha? * F’kull imkien għajnejn il-Mulej huma fuq it-tajbin u l-ħżiena.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Ittri ta’ San Bonifaċju, isqof u martri

 

Raghaj imħeġġeġ, jishar fuq il-merħla ta’ Kristu

 

Il-Knisja qisha dgħajsa kbira qiegħda taqsam il-baħar tad-dinja, il-mewġ tal-ħafna tiġtib iħabbatha f’din il-ħajja. U għalhekk ma tridx min jitlaqha weħidha, imma min imexxiha.

Il-missirijiet ta’ l-imgħoddi jagħtuna eżempju, Klement u Kornelju u ħafna oħrajn f’Ruma, Ċiprijanu f’Kartaġni, Atanasju f’Lixandra, fi żmien l-imperaturi pagani, baqgħu jmexxu d-dgħajsa ta’ Kristu, anzi l-għarusa għażiża tiegħu, jiġifieri l-Knisja, u għallmuha, iddefendewha, u tħabtu u batew għaliha saħansitra sat-tixrid ta’ demmhom.

Jien u naħseb f’dawn in-nies u f’oħrajn bħalhom, inħossni nitkexkex u nirtogħod bil-biża’, u d-dlamijiet ta’ dnubieti jdawrruni. U kont nagħżel bil-qalb kollha li nitlaq għalkollox it-tmun tal-Knisja li darba ħadt f’idejja, li kieku din il-ħaġa stajt inwettaqha bl-eżempju ta’ xi ħadd mill-Missirijiet jew bl-Iskrittura Mqaddsa.

Din hi l-verità. U billi l-verità tista’ tkun imħabbta, imma ma tistax tintrebaħ u titqarraq, l-ispirtu mħabbat tiegħi jmur jistkenn għand dak li permezz ta’ Salamun qal: Ittama f’Alla b’qalbek kollha, u tistrieħx fuq il-fehma tiegħek. Fi triqatek kollha aħseb fih, u hu jwittilek il-mogħdijiet tiegħek. U qal ukoll: Isem il-Mulej hu torri qawwi: fih jistkenn il-ġust u jkun salv.

Nieqfu fis-sewwa u nħejju ruħna għat-tiġrib, biex nistennew l-għajnuna mingħand Alla u ngħidulu: Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel.

Nittamaw f’dak li għabbiena bit-toqol tiegħu. Dak li ma nifilħux inġorru aħna, inġorruh bil-qawwa ta’ dak li jista’ kollox u li qalilna: Il-madmad tiegħi ħelu, u t-toqol tiegħi ħafif.

Nieqfu qawwijin fit-taqbida sa jum il-Mulej, għax ġew fuqna jiem ta’ dwejjaq u niket. U, jekk Alla jogħġbu, ħa mmutu għall-liġi mqaddsa ta’ missirijietna, biex jistħoqqilna niksbu magħhom il-wirt ta’ dejjem.

Ma nkunux bħal klieb li ma jinbħux, ma nagħmlux bħal min jibqa’ jħares sieket, ma nkunux ħaddiema mħallsa li jaħarbu mill-lupu, imma nkunu rgħajja mħeġġa, jishru fuq il-merħla ta’ Kristu, ixandru l-kelma lill-kbar u ż-żgħar, lill-għonja u l-foqra, ta’ kull grad u ta’ kull għomor, skond il-ħila li Alla jagħtina, f’ħin f’waqtu jew le, kif qalilna San Girgor fil-ktieb tiegħu fuq il-ħidma pastorali.

 

RESPONSORJU 1 Tess 2:8; Gal 4:19

 

R/. Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma ħajjitna stess, * Daqskemm sirtu għeżież għalina.

V/. Uliedi, minħabba fikom jien qiegħed inħoss mill-ġdid l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar ġewwa fikom. * Daqskemm sirtu għeżież għalina.

 

TALBA

 

 Agħtina, Mulej, l-għajnuna bit-talb tal-martri San Bonifaċju, li għallem il-fidi tiegħek u ta xhieda għaliha bit-tixrid ta’ demmu; agħmel li aħna wkoll inżommu sħiħ fl-istess fidi u b’qalbna qawwija nistqarruha bl-għemil. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Martri t’Alla, rfajt salibek

u mxejt tajjeb wara Kristu;

b’rebħa kbira fuq l-għedewwa,

ksibt il-hena w sebħ għal dejjem.

 

Ieqaf magħna bit-talb tiegħek,

biex neħilsu minn ħtijietna;

biegħed minna d-deni kollu,

kun fil-hemm il-faraġ tagħna.

 

Int qaċċatt l-irbit tal-ġisem

li kien jorbtok ma’ dil-ħajja;

mill-ġibdiet ta’ l-art ħoll lilna,

għall-imħabba ta’ Bin Alla.

 

Lill-Missier kull ġieħ jingħata,

ġieħ lill-Iben, lill-Ispirtu,

Alla wieħed, li fis-sema

żejjnek b’sebħ u ferħ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Min għandu jdejh indaf u qalbu safja jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej.

 

Salm 23 (24)

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.

 

Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej, *

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja, †

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *

u anqas ma jaħlef bil-qerq.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, *

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh; *

li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej setgħan u qawwi,

il-Mulej qawwi fit-taqbida.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej ta' l-eżerċti:

dan hu s-Sultan tal-glorja!

 Glorja.

 

Ant. 1: Min għandu jdejh indaf u qalbu safja jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej.

Ant. 2: F’dak kollu li intom tagħmlu, għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem.

 

Kantiku Tob 13:2-8

 

Mulej, int kbir minn dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem saltnatek.

Int issawwat u int issalva, †

tniżżel fl-imwiet u terġa ttella’, *

u ħadd minn taħt idejk ma jista’ jaħrab.

 

Sebbħu l-Mulej, ulied Iżrael; *

faħħruh quddiem il-ġnus,

Hu xerridkom fost il-ġnus, li ma jagħrfuhx, *

u intom għidulhom bl-għeġubijiet tiegħu;

għarrfuhom li hu Alla li jista’ kollox, *

u ma hemmx alla ieħor ħliefu.

 

Hu sawwatna minħabba ħtijietna, *

imma jsalvana għall-ħniena tiegħu.

Araw kull ma għamel magħna, *

u bil-biża’ u t-tregħid roddulu ħajr.

F’dak kollu li intom tagħmlu, *

għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem.

 

Jiena nfaħħru f’art il-jasar tiegħi, *

għax wera l-kobor tiegħu quddiem ġens midneb.

 Duru, midinbin, lejn Alla, *

u agħmlu s-sewwa quddiemu;

 emmnu fih li jista’ jħenn għalikom; *

jiena nnifsi fih insib l-hena tiegħi.

 

 Bierku l-Mulej, intom il-magħżulin kollha tiegħu; *

agħmlulu festi ta ferħ, u agħtuh glorja.

 Glorja.

 

Ant. 2: F’dak kollu li intom tagħmlu, għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem.

Ant. 3: In-nies sewwa jixirqilhom ifaħħru lill-Mulej.

 

Salm 32 (33)

 

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej; *

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra; *

għannulu fuq l-arpa b'għaxar kordi.

Għannulu għanja ġdida; *

għajjtu bil-ferħ, doqqulu bis-sengħa.

 

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej, *

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa; *

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, *

u b'nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.

Bħal f'ġarra l-ilmijiet ġabar, *

u l-ibħra kbar fi mħażen.

 

Ħa tibża' mill-Mulej l-art kollha; *

jitbeżża' minnu kull min jgħammar fid-dinja.

Għax hu tkellem, u hi saret; *

hu ordna, u hi twaqqfet.

Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus, *

ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.

Imma l-fehma tal-Mulej tibqa' għal dejjem, *

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta' moħħu.

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu, *

il-poplu li hu għażel b'wirtu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej, *

u jara l-bnedmin kollha;

mill-post fejn jgħammar jistħarreġ *

fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.

Hu jsawwar il-qalb ta' kull wieħed, *

u jagħraf għemilhom kollu.

 

Ma jagħmel xejn is-sultan bl-eżerċtu tiegħu kollu, *

anqas ma jeħlisha l-gwerrier bil-ħila kollha tiegħu.

Xejn ma jiswa ż-żiemel għar-rebħa, *

b'saħħtu kollha 'l ħadd ma jeħles.

Araw, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu, *

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom, *

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Fih jinsab l-hena ta' qalbna, *

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, *

kif fik hi t-tama tagħna.

 Glorja.

 

Ant. 3: In-nies sewwa jixirqilhom ifaħħru lill-Mulej.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 1:3-5

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta' kull faraġ. Hu jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f'kull xorta ta' dwejjaq. Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta' Kristu, hekk ukoll permezz ta' Kristu, joktor fina l-faraġ.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi * U l-għana tat-tifħir tiegħi. Il-Mulej.

V/. Hu kien is-salvazzjoni tiegħi. * U l-għana tat-tifħir tiegħi. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, permezz tal-martri li taw ħajjithom għall-kelma ta’ Alla, infaħħru s-Salvatur tagħna, li hu x-xhud ta’ min joqgħod fuqu, u ngħidulu:

Int fdejtna għal Alla b’demmek.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li b’rieda sħiħa għażlu l-mewt biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom,

- agħmel, Mulej, li aħna nkunu tassew ħielsa.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li stqarrew il-fidi tagħhom sat-tixrid ta’ demmhom,

- agħtina, Mulej, fidi safja u qawwija sa l-aħħar.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li refgħu salibhom u mxew warajk,

- agħmel, Mulej, li b’qalb sħiħa nistabru bl-hemm ta’ din il-ħajja.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li ħaslu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf,

- agħtina, Mulej, ir-rebħa fuq il-qerq tal-ġisem u tad-dinja.

 

Missierna

  

Talba

 

Agħtina, Mulej, l-għajnuna bit-talb tal-martri San Bonifaċju, li għallem il-fidi tiegħek u ta xhieda għaliha bit-tixrid ta’ demmu; agħmel li aħna wkoll inżommu sħiħ fl-istess fidi u b’qalbna qawwija nistqarruha bl-għemil. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1. Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

 

Salm 118 (119): 1-8

I

 

Ħenjin dawk li triqthom bla ħtija, *

li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Ħenjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu, *

 u li jfittxuh b’qalbhom kollha.

 

Huma ma jagħmlux ħażen, *

imma jimxu fit-triqat tal-Mulej.

Int tajt il-preċetti tiegħek, *

biex inħarsuhom bir-reqqa.

Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi *

fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!

Mbagħad ma jkollix għax nistħi,

la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha.

 

Mbagħad infaħħrek b'qalb safja, *

Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.

Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek; *

la tħallinix għalkollox!

 Glorja.

 

Ant.1. Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Ant.2. Tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.

 

Salm 12 (13)

 

Mulej, għal dejjem se tinsieni? *

Kemm se ddum taħbi wiċċek minni? 

Kemm se ndum b'qalbi ttaqtaq, †

bl-imrar kuljum f'qalbi? *

Kemm se jdum jintrefa' l-għadu fuqi?

 

Ħares u weġibni, Mulej, Alla tiegħi, *

agħti d-dawl lil għajnejja,

li ma naqax fir-raqda tal-mewt;

li ma jgħidx l-għadu tiegħi: "Għelibtu!", *

li ma jifirħux l-għedewwa għax jarawni nogħtor.

 

Imma jien fit-tjieba tiegħek nitma, †

tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek. *

Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli.

 Glorja.

 

Ant.2. Tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.

Ant.3. Alla ħalla ‘l kulħadd fid-dnub, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.

 

Salm 13 (14)

 

Jgħid l-iblah f’qalbu: “M’hemmx Alla!” *

Tħassru l-bnedmin,

 Għamlu ħwejjeġ ta’ min jistmellhom; *

m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.

 Il-Mulej mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, *

biex jara jekk hemmx min hu għaqli,

min ifittex lil Alla.

 

Ilkoll intilfu, lkoll flimkien tħażżnu; *

ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.

Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, *

dawk li qatt ma jsejjħu l-Mulej,

li jaħtfu l-poplu tiegħi, *

kif wieħed jaħtaf il-ħobż?

 

Biża' kbir waqa' fuqhom, *

għax Alla hu ma' nisel il-ġust.

Intom tidħku bil-ħsieb ta' l-imsejken; *

imma l-Mulej hu l-kenn tiegħu.

Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael? *

Meta jerġa' jqajjem il-Mulej il-poplu tiegħu,

jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.

 Glorja.

 

Ant.3. Alla ħalla ‘l kulħadd fid-dnub, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 17:7-8

 

Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej. Ikun bħal sigra ħdejn l-ilma mħawwla, li għeruqha xxenxel lejn il-wied ; ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar ; fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx, u ma tehdiex milli tagħmel il-frott.

 

V/. Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej lil min jimxi bis-sewwa.

R/. Mulej ta’ l-eżerċti, hieni l-bniedem li jittama fik.

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, f’din is-siegħa tal-ġurnata int sawwabt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli; ibgħat fuqna wkoll l-istess Spirtu ta’ l-imħabba, biex b’fedeltà sħiħa nixhdu għalik quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Prov 3:13-15

 

Hieni l-bniedem li jsib l-għerf, il-bniedem li jikseb id-dehen ; għax aħjar tikseb lilu milli tikseb il-fidda, u l-qligħ tiegħu aqwa mid-dehen. Hu egħżeż mill-ġawhar ; u, minn kull ma tista’ tixtieq, xejn ma jitqies miegħu.

 

V/. Mulej, int tħobb il-qalb sinċiera.

R/. Għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi.

 

Talba

 

O Alla, int għarraft lil Pietru l-pjan li għamilt biex issalva l-ġnus; fit-tjieba tiegħek, agħtina li nkunu nogħġbuk f’dak kollu li nagħmlu, u għinna bil-grazzja tiegħek biex ilkoll naqduk skond il-ħsieb ta’ l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ġob 5:17-18

 

 Hieni l-bniedem li Alla jwiddbu. Mela żżeblaħx iċ-ċanfir ta’ dak li jista’ kollox; għax hu jagħmillek ġerħa, iżda mbagħad jorbothielek; iweġġgħek, iżda mbagħad b’idejh stess ifejjqek.

 

V/. Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba tiegħek.

R/. Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Talba

 

O Alla, int bgħatt l-anġlu tiegħek lil Kornelju ċ-ċenturjun biex jurih it-triq tas-salvazjoni; agħtina l-grazzja li nħabirku minn qalbna għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex flimkien magħhom nimxu fil-Knisja tiegħek sa ma naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mulej Alla, inti x-xorti

waħdanija, l-ġieħ u l-premju

tal-qalbiena kollha tiegħek

li fuq l-art għalik issieltu.

 

Aħna llum qegħdin infaħħru

martri tiegħek li ta xhieda

ta’ twemminu b’tixrid demmu,

biex jintrabat sħiħ ma’ Kristu.

 

Ċaħad l-hena ta’ did-dinja,

rifes b’qawwa fuq kull frugħa;

ħsiebu biss li jikseb lilek

u l-wegħdiet imbierka tiegħek.

 

B’ħila barranija w sabar

tbatijiet qalila ġarrab;

demmu xerred, w int, fi mħabbtek,

ħadtu jgħix għal dejjem miegħek.

 

F’ġieħ ir-rebħ ta’ dan il-martri,

Alla ta’ kull tjieba w ħniena,

nitolbuk fiċ-ċokon tagħna,

aħfer lill-qaddejja tiegħek.

 

Sabiex niġu naqsmu miegħu

l-istess xorti ġewwa s-sema,

miġburin ilkoll madwarek

fid-dar tiegħek, għajn tal-ħajja.

 

Lilek, o Missier, u miegħek

‘l Ibnek u ‘l-Ispirtu s-Santu,

ġieħ jintradd, tifħir u glorja,

kif mill-bidu, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej rebbaħ lis-Sultan, il-Midluk tiegħu.

  

Salm 19 (20)

 

Jisimgħek il-Mulej fi żmien in-niket; *

iħarsek l-isem ta' Alla ta' Ġakobb!

Mit-tempju mqaddes tiegħu jibgħatlek l-għajnuna, *

u minn Sijon jagħtik is-saħħa.

 

Jiftakar fl-offerti tiegħek kollha, *

u jilqa' bil-qalb is-sagrifiċċju tiegħek.

Jagħtik dak li tixtieq qalbek, *

u jtemm ħsibijiet tiegħek kollha.

 Naqbżu bil-ferħ għar-rebħa tiegħek, †

ngħollu l-bnadar f'isem Alla tagħna. *

Jagħtik il-Mulej kull ma titolbu!

 

Jien issa naf li l-Mulej *

irebbaħ lis-sultan, il-midluk tiegħu,

u jwieġbu mis-sema mqaddes tiegħu *

bir-rebħa qawwija tal-leminija tiegħu.

 

Xi wħud fil-karrijiet, oħrajn fiż-żwiemel, *

imma aħna f'isem il-Mulej Alla l-qawwa tagħna.

Huma jixxenglu u jaqgħu; *

imma aħna b'saħħitna, weqfin fuq riġlejna.

 

Mulej, salva s-sultan; *

weġibna meta nsejjħulek.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Il-Mulej rebbaħ lis-Sultan, il-Midluk tiegħu.

Ant. 2: Ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek, Mulej.

 

Salm 20 (21):2-8, 14

 

Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan; *

kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!

Ix-xewqa ta' qalbu int qtajthielu, *

ma ċħadtlux it-talba ta' fommu.

Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq, *

kuruna ta' deheb fin qegħedtlu fuq rasu.

Il-ħajja talbek, u int tajthielu, *

għomor twil minn żmien għal żmien.

 

Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu; *

ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.

Lilu tagħti barkiet għal dejjem, *

tferrħu u thennih bis-sebħ ta' wiċċek.

Għalhekk is-sultan fil-Mulej jittama, *

għall-ħniena ta' l-Għoli qatt ma jitħarrek.

 

Tkabbar, Mulej, bil-qawwa tiegħek! *

Ħa ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek, Mulej.

Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

 l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

 ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

 u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

 bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

 li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

 l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

 l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet. 4:13-14

 

Għeżież, ifirħu, għax intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu, għax aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu. Jekk imaqdrukom minħabba l-isem ta’ Kristu, henjin intom! Fuqkom għandkom l-Ispirtu tal-glorja, li hu l-Ispirtu ta’ Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Ġarrabtna, o Alla, * Iżda ħriġtna fil-wisa’. Garrabtna.

V/. Għaddejtna mill-prova bħall-fidda. * Iżda ħriġtna fil-wisa’. Glorja, Ġarrabtna.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-qaddisin jgħammru fis-saltna tas-smewwiet: hemm jistrieħu għal dejjem.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-qaddisin jgħammru fis-saltna tas-smewwiet: hemm jistrieħu għal dejjem.

 

PREĊI

 

F’din is-siegħa s-Sultan tal-martri offra lilu nnifsu fl-ikla ta’ l-aħħar u miet fuq is-salib. Inroddulu ħajr u ngħidulu:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk għax ħabbejtna għall-aħħar, int, is-Salvatur tagħna,l-agħjn u l-eżempju ta’ kull qawwa fil-martirju:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax inti ssejjaħ lill-midinbin kollha ħalli jindmu biex tagħtihom il-ħajja.

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax tajt is-setgħa lill-Knisja biex toffri d-demm tiegħek li int xerridt għall-maħfra tad-dnubiet, id-demm tal-patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax illum bil-grazzja tiegħek żammejtna sħaħ fil-fidi:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax illum seħibt miegħek ħafna aħwa fil-mewt:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

 

Missierna

 

Talba

 

Agħtina, Mulej, l-għajnuna bit-talb tal-martri San Bonifaċju, li għallem il-fidi tiegħek u ta xhieda għaliha bit-tixrid ta’ demmu; agħmel li aħna wkoll inżommu sħiħ fl-istess fidi u b’qalbna qawwija nistqarruha bl-għemil. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.