Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT

TAL-V ĠIMGĦA TAL-GĦID

Salmodija tas-Sibt tal-I ġimgha

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħa jifirħu l-ħlejjaq kollha

fis-smewwiet, fuq l-art, fil-baħar:

Kristu qam mill-mewt, u fetaħ

bieb il-ħajja lil kull bniedem.

 

Ħadna l-ġid taż-żmien it-tajjeb,

rajna l-jum tas-salvazzjoni:

il-Ħaruf ħasilna b’demmu,

biex mid-dlam għad-dawl joħroġna.

 

Daq il-mewt, iżd’aħna ksibna

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

jekk stħajjluh megħlub u mxejjen,

żamm qawwietu w tana r-rebħa.

 

B’hekk titwettaq fina t-tama

li, kif nemmen, għad nissieħbu

fil-qawmien glorjuż ta’ Sidna,

biex nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ngħaddu mela b’qima kbira

dan iż-żmien ta’ l-Għid hekk hieni,

b’radd il-ħajr għall-ġid u d-doni

li l-Feddej ġibilna miegħu.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Għannu lill-Mulej, ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel, hallelujah.

 

Salm 104 (105)

 

I

 

 Faħħru l-Mulej u xandru ismu, *

 għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.

 Għannulu u doqqulu, *

 xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.

 Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu; *

 tifraħ il-qalb ta' dawk li jfittxu l-Mulej.

 Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu, *

 fittxu 'l wiċċu l-ħin kollu.

 Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel, *

 fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.

 Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu, *

 ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,

 

 Jaħweh hu Alla tagħna! *

 Ma' l-art kollha l-ġudizzji tiegħu!

 Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu, *

 fil-kelma li ta għal elf nisel,

 fil-patt li għamel ma' Abraham, *

 fil-wegħda li ħalef lil Iżakk,

 li ġedded lil Ġakobb b'liġi, *

 lil Iżrael b'patt għal dejjem,

 meta qal: "Lilek nagħti l-art ta' Kangħan, *

 bħala sehem tal-wirt tagħkom."

 

 Ftit kienu għadhom jgħoddu, *

 ma kinux ħlief ftit barranin f'dik l-art,

 jiġġerrew minn ġens għal ieħor, *

 minn saltna għal għand poplu ieħor.

 Hu ma ħalla 'l ħadd jaħqarhom; *

 slaten rażżan minħabba fihom:

 "Tmissux 'il dawk li huma kkonsagrati lili, *

 tagħmlux deni lill-profeti tiegħi."

Glorja.

 

Ant. 1: Għannu lill-Mulej, ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel, hallelujah.

Ant. 2: Il-Mulej ma nesiex lill-ġust li kien mibjugħ, iżda ħelsu mill-midinbin, hallelujah.

 

II

 

 Mbagħad bagħat il-ġuħ fuq l-art, *

 qerdilhom il-qamħ minn wiċċ ir-raba'.

 Kien bagħat qabilhom raġel, *

 'il Ġużeppi, mibjugħ bi lsir.

 Rabtulu riġlejh bil-ktajjen, *

 dawwrulu l-ħadid ma' għonqu,

 sakemm seħħ dak li kien ħabbar, *

 u l-kelma tal-Mulej rebbieħ ħarġitu.

 

 Is-sultan bagħat iħollu, *

 dak li jaħkem il-popli ħelsu.

 Għamlu sid fuq id-dar tiegħu, *

 ħallielu f'idejh ġidu kollu,

 biex jgħallem hu stess lill-kbarat, *

 u juri l-għerf lill-kapijiet tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej ma nesiex lill-ġust li kien mibjugħ, iżda ħelsu mill-midinbin, hallelujah.

Ant. 3: Ftakar il-Mulej fil-kelma qaddisa tiegħu, u ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu, hallelujah.

 

III

 

 Mbagħad Iżrael niżel fl-Eġittu, *

 Ġakobb għex barrani fl-art ta' Ħam.

 U kattar ħafna l-poplu tiegħu, *

 saħħu aktar mill-għedewwa tiegħu.

 Dawwrilhom qalbhom biex jobogħdu l-poplu tiegħu, *

 biex jimxu bil-qerq mal-qaddejja tiegħu.

 

 Bagħtilhom ‘il Mosè, il-qaddej tiegħu, *

 u lil Aron, li hu kien għażel.

 Wera bihom għeġubijiet, *

 ħwejjeġ ta' l-għaġeb fl-art ta' Ħam.

 

 Bagħat id-dlam, u dalam; *

 iżda huma webbsu rashom għal kliemu.

 Biddlilhom l-ilma f'demm, *

 qerdilhom il-ħut tagħhom.

 Arthom imtliet biż-żrinġijiet, *

 sa ġol-kmamar tas-slaten tagħhom.

 Mal-kelma tiegħu ġew qtajja' ta' dubbien, *

 u nemus ma' arthom kollha.

 Tahom is-silġ flok ix-xita, *

 ilsna tan-nar ileħħu f'arthom.

 Laqtilhom id-dwieli u s-siġar tat-tin, *

 qerdilhom is-siġar tar-raba' tagħhom.

 

 Mal-kelma tiegħu ġew il-ġradijiet, *

 ġradijiet żgħar li ħadd ma jgħoddhom.

 U belgħu l-ħxejjex kollha f'arthom, *

 kielu l-frott tar-raba' tagħhom.

 Qatel l-ulied il-kbar kollha ta' arthom, *

l-ewwel frott tas-saħħa tagħhom.

 

 Ħariġhom mgħobbija bil-fidda u d-deheb, *

 ħadd ma kien għajjien fit-tribù tagħhom.

 Ferħu l-Eġizzjani bit-tluq tagħhom, *

 għax fuqhom kien waqa' l-biża' tagħhom.

 Firex sħaba biex ikenninhom, *

xegħel in-nar biex idawwlilhomgħad-dawl il-lejl.

 

 Talbuh u bagħtilhom is-summien; *

 temagħhom sax-xaba' bil-ħobż mis-sema.

 Xaqqaq blata u minnha ħareġ l-ilma, *

 li ġera mad-deżert bħal xmara.

 Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu, *

 u f'Abraham, il-qaddej tiegħu.

 

 U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu, *

 bl-għajat ta' ferħ lill-magħżulin tiegħu.

 U tahom artijiet il-ġnus, *

 u xogħol il-popli wirtuh huma,

 biex iħarsu l-kmandamenti tiegħu, *

 u jżommu l-liġijiet tiegħu.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ftakar il-Mulej fil-kelma qaddisa tiegħu, u ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu, hallelujah.

 

V/. Alla tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja, hallelujah.

R/. Bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi Apok 22:10-21

 Xhieda għat-tama tagħna

 

 Jiena, Ġwanni, smajt l-Anġlu jgħidli: "Il-kelmiet tal-profezija ta' dan il-ktieb tagħlaqhomx b'siġill, għax qorob iż-żmien. Min jagħmel il-ħażen, erħilu jagħmel iżjed; u min hu maħmuġ, ħallih jitħammeġ iżjed. Min jagħmel is-sewwa, ħa jżid jagħmel is-sewwa; u min hu qaddis, jalla jkompli jitqaddes.

 Ara, jiena ġej dalwaqt, u miegħi nġib il-ħlas ħalli nrodd lil kull wieħed skond ma ħaqqu għal għemilu. Jiena l-alfa u l-omega, l-Ewwel u l-Aħħar, il-bidu u t-tmiem! Hienja dawk li jaħslu lbieshom, sabiex ikollhom is-setgħa fuq is-siġra tal-ħajja u jidħlu fil-Belt mill-bibien. Jibqgħu barra l-klieb u s-saħħarin, iż-żienja u l-qattiela, l-idolatri u dawk kollha li jħobbu l-qerq u jagħmluh!"

 Jien, Ġesù, bgħatt l-Anġlu tiegħi ħalli jixhdilkom dawn il-ħwejjeġ dwar il-Knejjes. Jiena r-Rimja tal-familja ta' David, il-kewkba tiddi ta' filgħodu."

 L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: "Ejja!" Min jisma', ħa jgħid: "Ejja!" U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b'xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.

 Jiena nwissi lil kull min jisma' l-kelmiet tal-profezija ta' dan il-ktieb: jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla jixħet fuqu l-kastigi msemmijin f'dan il-ktieb; u jekk xi ħadd ineħħi xi kliem milli hawn fil-ktieb ta' din il-profezija, Alla jneħħilu s-sehem li jmissu mis-siġra tal-Ħajja u mill-Belt il-qaddisa msemmijin f'dan il-ktieb.

 

 Min qiegħed jagħti xhieda ta' dawn il-ħwejjeġ jgħid: "Iva, jien dalwaqt ġej!"

 Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù! 

 Il-grazzja ta' Sidna Ġesù tkun ma' kulħadd! Ammen.

 

RESPONSORJU Apok 22:16b. 17ab. 20ċ; Iż 55:1a. 3a

 

R/. Jiena r-Rimja tal-familja ta’ David, il-kewkba tiddi ta’ filgħodu. L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: Ejja! * Min jisma’, ħa jgħid: Ejja! Ejja, Mulej Ġesù, hallelujah.

V/. Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma; Ejja! Ejja, Mulej Ġesù, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof Santu Wistin fuq is-salmi

 

L-Hallelujah ta’ l-Għid

 

 Il-ħsieb tagħna f’din il-ħajja għandu jkun it-tifħir ta’ Alla, għax il-ferħ ta’ dejjem fil-ħajja tagħna li ġejja jkun it-tifħir ta’ Alla. U jekk xi ħadd ma jħejjix ruħu minn issa għall-ħajja li ġejja, ma jkunx tajjeb għaliha. Mela nfaħħru lil Alla minn issa, mhux biss, imma nitolbuh ukoll. It-tifħir isir bil-ferħ, it-talb bit-tnehid. Għax lilna hi mwiegħda ħaġa li għadha m’hijiex tagħna; billi min għamlilna l-wegħda hu ta’ kelmtu, għalhekk nifirħu bit-tama; imma billi għadna ma ksibniex il-wegħda, għalhekk nitniehdu bix-xewqa tagħha. Tajjeb għalina jekk nibqgħu sħaħ sa l-aħħar fix-xewqa, sa ma l-wegħda sseħħ, u mbagħad jieqaf it-tnehid u jibqa’ biss il-ferħ.

 Mela għandna żewġ żminijiet: wieħed issa, fit-tiġrib u t-taħbit ta’ din il-ħajja; l-ieħor għad irid jiġi, fil-mistrieħ u l-ferħ ta’ dejjem. Kien għalhekk li twaqqfet għalina ċ-ċelebrazzjoni ta’ żewġ żminijiet, iż-żmien ta’ qabel l-Għid, u dak ta’ wara l-Għid. Iż-żmien ta’ qabel l-Għid ifisser it-taħbit li fih ninsabu issa, filwaqt li dawn il-ġranet taż-żmien ta’ wara l-Għid ifissru l-hena li għad inkunu fih. Dak li niċċelebraw qabel l-Għid nagħmluh ukoll f’din il-ħajja; dak li niċċelebraw wara l-Għid infissru bih dak li għadu m’huwiex tagħna. Għalhekk qabel l-Għid hu għalina żmien ta’ sawm u talb; wara l-Għid nieqfu mis-sawm u hu għalina żmien ta’ tifħir. Dan hu l-Hallelujah li nkantaw.

 Fi Kristu, ir-ras tagħna, għandna x-xbieha taż-żewġ żminijiet; it-tnejn rajniehom fih. Il-passjoni tal-Mulej urietna l-ħajja li rridu ngħaddu issa, għax jeħtieġ nitħabtu u nbatu u fl-aħħar immutu; imma l-qawmien u l-glorja tal-Mulej juruna l-ħajja li għad niksbu.

 Mela issa, ħuti, inħeġġukom biex tfaħħru lil Alla; dan hu li aħna lkoll ngħidu lil xulxin, meta ngħidu: Hallelujah. Faħħru lill-Mulej, tgħid int lil ieħor u ieħor jgħid lilek; ilkoll inħeġġu lil xulxin, u lkoll nagħmlu dak li nwissu ‘l xulxin. Imma faħħru b’dak kollu li hu fikom, jiġifieri, mhux biss ilsienkom u leħinkom għandhom ifaħħru lil Alla, imma ruħkom kollha, ħajjitkom kollha, l-għemil kollu tagħkom.

 Bħalissa, kif aħna miġburin fil-knisja, ilkoll infaħħru; meta mbagħad kull wieħed minna jmur id-dar, qisu jieqaf mit-tifħir lil Alla. Imma ħalli ma jiqafx jgħix sewwa, u hekk jibqa’ dejjem ifaħħar lil Alla. Tieqaf tfaħħar lil Alla meta ma tibqax tagħmel dak li hu ġust u jogħġob lilu. Imma jekk qatt ma twarrab mill-ħajja t-tajba, ukoll jekk ilsienek jieqaf, tgħajjat ħajtek; u l-widnejn ta’ Alla jkunu miftuħa għal qalbek. Għax bħalma aħna niftħu widnejna għall-kliem tagħna, hekk Alla jiftaħ widnejh għall-ħsibijiet tagħna.

 

RESPONSORJU Ġw 16:20a

 

R/. In-niket tagħkom * Għad jitbiddel f’hena, hallelujah.

V/. Id-dinja għad tifraħ, u intom għad tħossu n-niket; imma n-niket tagħkom * Għad jitbiddel f’hena, hallelujah.

 

TALBA

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int nissiltna mill-ġdid bil-magħmudija biex tajtna l-ħajja tal-grazzja, u għoġbok isseddaqna biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem; ibqa’ mexxina ‘l quddiem sa ma naslu fil-milja tal-glorja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Minn ġol qalb tal-Belt il-ġdida

toħroġ għanja ġdida w ħelwa,

biex mad-dinja kollha xxandar

il-ferħ kbir ta’ l-Għid ta’ Kristu.

 

Hu l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda,

ġieb fix-xejn lill-għadu tagħna:

qam mill-mewt u, b’leħen qawwi,

sejjaħ lill-mejtin għall-ħajja.

 

U mill-qiegħ ta’ l-art u d-dalma

ħarġet ħielsa l-priża mjassra;

marru l-qtajja’ tal-mifdija

wara Kristu, s-Sultan tagħhom.

 

Bl-istendard tar-rebħa f’idu,

Ġesù radd is-sliem lill-ħlejjaq,

għaqqad l-art u s-sema, w nieda

żmien is-saltna ta’ Missieru.

 

Nitolbuh għalhekk il-barka

fuqna lkoll u jżommna miegħu,

ħalli nimxu wrajh bla nieqfu,

sa ma niksbu l-glorja mwiegħda.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, żommni ħaj, hallelujah.

 

Salm 118 (119):145-152

 

XIX (Kof)

 

B'qalbi kollha ngħajjatlek; †

weġibni, Mulej; *

 irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.

Lilek insejjaħ: salvani int; *

u nħares il-preċetti tiegħek.

 

Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *

u fi kliemek jien nittama.

B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *

jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.

Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *

u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.

Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *

dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.

Imm'inti ħdejja, Mulej; *

sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.

Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *

li għal dejjem int waqqafthom.

 Glorja.

 

Ant. 1: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, żommni ħaj, hallelujah.

Ant. 2: Ir-rebbieħa jgħannu l-kantiku ta’ Mosè l-qaddej ta’ Alla u l-kantiku tal-Ħaruf, hallelujah.

 

Kantiku Eż 15:1-4a. 8-13. 17-18

 

 Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ; * 

 żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.

 

 Qawwieti u għanjieti l-Mulej: *

 għalija sar is-salvazzjoni. 

 Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar; *

 Alla ta' missieri, u lilu ngħolli!

 Il-Mulej gwerrier, Jahweh ismu! *

 Il-karrijiet tal-Fargħun u qawwietu

Tefagħhom fil-baħar; 

 

 Mar-riħ qawwi ta’ mnifsejk inġemgħu l-ilmijiet, †

 bħal gods twaqqfu l-gliegel, *

 għaqdu l-imwieġ f’nofs il-baħar.

 Qal l-għadu: 'Niġri warajhom, nilħaqhom; *

 naqsam il-priża, u jkolli bix-xaba’; 

 is-sejf tiegħi nislet, *

idi teqridhom”.

 Infaħt bir-riħ tiegħek, †

għattiehom il-bahar, *

 għerqu bħaċ-ċomb fl-ilmijiet qawwija.

 

 Min hu bħalek fost l-allat, Mulej, *

 min hu bħalek, kbir fil-qdusija ?

 Int tal-biża' fil-glorji tiegħek ; *

int li tagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb !

 Int meddejt il-leminija tiegħek, *

 u belgħethom l-art ġo fiha.

 Fi tjubitek mexxejt dan il-poplu li fdejt; *

 b'ħiltek mexxejtu lejn l-għamara qaddisa tiegħek.

 Twassalhom u tħawwilhom *

 fuq il-muntanja, wirt tiegħek; 

 il-post, Mulej, li int għamiltu l-għamara tiegħek, * 

 il-maqdes, ja Sidi, li ħejjew idejk.

 Il-Mulej isaltan *

għal dejjem ta' dejjem.”

 Glorja.

 

Ant. 2: Ir-rebbieħa jgħannu l-kantiku ta’ Mosè l-qaddej ta’ Alla u l-kantiku tal-Ħaruf, hallelujah.

Ant. 3: Kbira hi t-tjieba tal-Mulej magħna, hallelujah.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli lkoll!

 

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 3: Kbira hi t-tjieba tal-Mulej magħna, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Rum 14:7-9

 

Ħadd ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Mela sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin, hallelujah.

 

PREĊI

 

Ġesù, li hu l-ħobż tal-ħajja, fl-aħħar jum għad iqajjem lil dawk li jieħdu sehem mill-mejda tal-kelma tiegħu u tal-ġisem tiegħu. B’din it-tama qawwija fina, nitolbuh u ngħidulu:

Mulej, xerred fuqna s-sliem u l-ferħ tiegħek.

Ġesù Bin Alla, li qomt mill-imwiet, inti l-prinċep tal-ħajja:

- bierek u qaddes lilna u lil ħutna kollha.

Inti tagħti s-sliem u l-ferħ lil dawk kollha li jemmnu fik:

- agħmel li nimxu ta’ wlied id-dawl li aħna, u nifirħu bir-rebħ tiegħek.

Kattar il-fidi tal-Knisja tiegħek fil-mixja tagħha f’din l-art:

- saħħaħ ix-xhieda tal-qawmien tiegħek li hi tagħti lid-dinja.

Int kellek tbati ħafna biex tidħol fil-glorja tal-Missier:

- biddel ix-xorti ta’ l-imnikktin u ferrħilhom qalbhom.

 Missierna

Talba

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int nissiltna mill-ġdid bil-magħmudija biex tajtna l-ħajja tal-grazzja, u għoġbok isseddaqna biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem; ibqa’ mexxina ‘l quddiem sa ma naslu fil-milja tal-glorja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

 

 

 

Salm 118 (119): 33-40

 

V (He)

 

Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek; *

jiena rrid nibqa' fiha sa l-aħħar.

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek *

u nagħmilha b'qalbi kollha.

 

Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, *

għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.

Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek, *

u mhux lejn ir-regħba.

 

Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa; *

agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.

Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek, *

li int għamilt ma' dawk li jibżgħu minnek.

 

Warrab minni l-għajb li nibża' minnu, *

għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.

Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek; *

fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.

 Glorja.

 

Salm 33 (34)

 

I

 

Kull ħin inbierek il-Mulej; *

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

Ħarsu lejh, u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *

u ma jkollkomx għax tistħu.

 

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, *

 u jeħlishom.

 

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 Glorja.

 

II

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili; *

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,*

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 Ħares ilsienek mill-ħażen, *

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej lejn il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †

u l-Mulej jismagħhom; *

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, *

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha, *

ebda waħda ma titkissirlu.

 Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 5:10-11

 

Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm aktar issa li aħna ħbieb miegħu nsalvaw permezz tal-ħajja tiegħu! Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu issa ksibna l-ħbiberija ma’ Alla.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 15:20-22

 

Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet l-ewwel fost dawk li raqdu. Għaliex jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

 

 

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 5:14-15

 

L-imħabba ta’ Kristu ssuqna, lilna li nafu li wieħed miet għal kulħadd; mela miet kulħadd. U hu miet għal kulħadd, sabiex dawk li jgħixu jgħixu għalihom infushom iżda għal dak li miet u rxoxta minħabba fihom.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int nissiltna mill-ġdid bil-magħmudija biex tajtna l-ħajja tal-grazzja, u għoġbok isseddaqna biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem; ibqa’ mexxina ‘l quddiem sa ma naslu fil-milja tal-glorja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.