Stampa t-test kollu ...


IL-ĠIMGĦA

TAL-V ĠIMGĦA TAL-GĦID

Salmodija tal-Ġimgha tal-1 ġimgħa

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħa jifirħu l-ħlejjaq kollha

fis-smewwiet, fuq l-art, fil-baħar:

Kristu qam mill-mewt, u fetaħ

bieb il-ħajja lil kull bniedem.

 

Ħadna l-ġid taż-żmien it-tajjeb,

rajna l-jum tas-salvazzjoni:

il-Ħaruf ħasilna b’demmu,

biex mid-dlam għad-dawl joħroġna.

 

Daq il-mewt, iżd’aħna ksibna

maħfra sħiħa ta’ dnubietna;

jekk stħajjluh megħlub u mxejjen,

żamm qawwietu w tana r-rebħa.

 

B’hekk titwettaq fina t-tama

li, kif nemmen, għad nissieħbu

fil-qawmien glorjuż ta’ Sidna,

biex nimtlew bil-ferħ tal-ħajja.

 

Ngħaddu mela b’qima kbira

dan iż-żmien ta’ l-Għid hekk hieni,

b’radd il-ħajr għall-ġid u d-doni

li l-Feddej ġibilna miegħu.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Qum, Mulej, biex tagħtini l-għajnuna, hallelujah.

 

Salm 34 (35: 1-2. 3ċ. 9-19. 22. 23. 27-28

 

I

 

Ħudha, Mulej, ma' min jeħodha miegħi, *

tqabad ma' min jitqabad kontrija. 

Aqbad it-tarka, il-kbira u ż-żgħira, †

u qum biex tagħtini l-għajnuna. *

Għidli: "Jiena s-salvazzjoni tiegħek!"

 

Imma jien fil-Mulej nifraħ, *

nitgħaxxaq bis-salvazzjoni tiegħu.

Saħansitra għadmi kollu jgħid: *

"Min hu bħalek, Mulej!

Int teħles l-imsejken minn min hu aqwa minnu, *

l-imsejken u l-fqajjar minn dawk li jisirquh."

 

Iqumu xhieda qarrieqa, †

dak li ma nafx jistaqsuni; *

bid-deni għall-ġid iħallsuni; qerduli ruħi.

Glorja.

 

Ant. 1: Qum, Mulej, biex tagħtini l-għajnuna, hallelujah.

An 2 Mulej Sidi, agħtini raġun, aqbeż għall-kawża tiegħi, għax int qawwi, hallelujah.

 

 

II

 

Iżda meta huma kienu morda, *

jien kont nilbes l-ixkora;

kont ngħakkes bis-sawm lili nnifsi, *

u nitlob b'rasi mgħaddsa fi ħdani.

Bħal ħbieb, bħal ħuti mxejt magħhom; *

bħal min jagħli għal ommu nxtħett fin-niket.

 

Meta wqajt jien, inġemgħu flimkien jifirħu, *

ingħaqdu flimkien kontrija.

Iqassu fuqi nies li ma nafhomx, *

u bla heda jtertquni.

Mal-ħżiena jkasbruni u jiddieħku bija, *

jgħażżu snienhom kontrija.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej Sidi, agħtini raġun, aqbeż għall-kawża tiegħi, għax int qawwi, hallelujah.

Ant. 3: Il-jum kollu lsieni jxandar il-ġustizzja tiegħek, hallelujah.

 

III

 

Int, Mulej Sidi, kemm se ddum tħares? †

Eħlisni mill-qerda tagħhom, *

eħlisli mill-iljuni ħajti l-għażiża.

Niżżik ħajr qalb ġemgħa kbira, *

qalb kotra ta' nies infaħħrek.

 

Tħallix l-għedewwa qarrieqa

jithennew minħabba fija; *

 anqas 'il dawk li għal xejn jobogħduni

 jegħmżu 'l xulxin kontrija.

Int rajtu dan, Mulej; la tibqax sieket; *

Sidi, titbegħidx minni.

Stenbaħ u qum biex tagħtini raġun, †

biex taqbeż għall-kawża tiegħi, *

Alla tiegħi u Sid tiegħi.

 

Jifirħu u jithennew *

dawk li jgħożżu l-ġustizzja tiegħi;

u jgħidu dejjem: 'Kbir il-Mulej, *

li jgħożż is-sliem tal-qaddej tiegħu!"

Mbagħad ixandar ilsieni l-ġustizzja tiegħek, *

il-jum kollu t-tifħir tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Il-jum kollu lsieni jxandar il-ġustizzja tiegħek, hallelujah.

 

V/. Kristu, fil-qawmien tiegħek, hallelujah.

R/. Jifirħu s-smewwiet u l-art hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi Apok 22:1-9

 

Ix-xmara ta’ l-ilma tal-ħajja

 

l-Anġlu wrieni x-xmara ta' l-ilma tal-Ħajja, ċara daqs il-kristall, tgelgel mit-tron ta' Alla u tal-Ħaruf. F'nofs il-pjazza tal-Belt, fuq naħa u oħra tax-xmara, hemm siġra tal-Ħajja tagħmel frott ta' tnaxil xorta, trodd il-frott tagħha darba fix-xahar; il-weraq tas-siġra huwa duwa tajba għall-ġnus.

Ebda saħta ma jkun hemm iżjed. Fiha jkollha t-tron ta' Alla u tal-Ħaruf, u l-qaddejja tiegħu jaqduh, jaraw wiċċu, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u ma jkunux jeħtieġu dawl ta' musbieħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem ta' dejjem.

Mbagħad qalli: "Dawn il-kelmiet huma minnhom u ta' min joqgħod fuqhom; il-Mulej stess, Alla ta' l-ispirti tal-profeti, bagħat l-Anġlu tiegħu biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu bil-ħwejjeġ li għandhom jiġru dalwaqt. Arani ġej minnufih. Hieni min iħares il-kelmiet tal-profezija ta' dan il-ktieb."

Kont jiena stess, Ġwanni, li smajt u rajt dawn il-ħwejjeġ kollha. U, wara li smajthom u rajthom, nżilt quddiem l-Anġlu li wrihomli biex nagħtih qima f'riġlejh, imma qalli: "Hekk le! Jien qaddej bħalek u bħal ħutek il-profeti, u bħal dawk li jħarsu l-kelmiet ta' dan il-ktieb. Il-qima lil Alla agħtiha."

 

 

 

 

RESPONSORJU Apok 22:5. 3b

 

R/. Lejl ma jkunx hemm iżjed, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuq il-qaddejja tiegħu; * U huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem, hallelujah.

V/. Fil-Belt il-qaddisa jkun hemm it-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf, u l-qaddejja tiegħu jaqduh. * U huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ San Iżakk, abbati tal-monasteru ta’ Stella

 

Il-kbir fost ħafna aħwa

 

 Ir-ras u l-ġisem jagħmlu bniedem wieħed; hekk ukoll Iben il-Verġni Marija u l-membri magħżulin tiegħu kollha huma bniedem wieħed, Bin il-Bniedem il-waħdieni. L-Iskrittura tgħid: Kristu kollu kemm hu, r-ras u l-ġisem, għaliex il-membri kollha flimkien huma ġisem wieħed, magħqud mar-Ras tiegħu, li hu Kristu, Bin il-bniedem li ma’ Bin Alla hu l-Iben waħdieni ta’ Alla, li ma’ Alla hu Alla wieħed.

 Għalhekk il-ġisem kollu flimkien mar-Ras tiegħu hu Bin il-bniedem u Bin Alla, u Alla wkoll. Dan ifissru l-kliem: Irrid, Missier, li jkunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda, biex isiru ħaġa waħda għal kollox magħna.

 Mela, skond il-kliem magħruf ta’ l-Iskrittura, m’hemmx ġisem bla ras jew ras bla ġisem. Lanqas ġisem u ras bla Alla, imma hemm Kristu sħiħ. Mela kull ma hu ma’ Alla hu Alla wieħed: l-Iben ta’ Alla hu ma’ Alla għaliex għandu l-istess natura ta’ Alla, u Bin il-bniedem hu ma’ Bin Alla fil-persuna ta’ l-Iben ta’ Alla, waqt li l-ġisem ta’ Kristu hu miegħu f’misteru, permezz tas-sagramenti mqaddsa.

 Bir-raġun kollu għalhekk il-membri fidili tal-ġisem ta’ Kristu, li qegħdin jgħixu skond l-Ispirtu ta’ Kristu, jistgħu jgħidu li huma dak li hu Kristu: Iben ta’ Alla, Alla wkoll. Iżda Kristu hu l-Iben ta’ Alla u Alla għaliex għandu n-natura ta’ Alla; il-membri tiegħu huma wlied Alla u allat għaliex huma mseħbin miegħu. Kristu hu Alla għaliex għandu l-milja tad-divinità, il-membri tiegħu huma allat għaliex hu seħibhom fin-natura tiegħu ta’ Alla. Kristu hu l-Iben ta’ Alla għaliex Hu mnissel u m’hux magħmul minn Alla, u l-membri tiegħu huma wlied Alla għaliex ulied adottivi ta’ Alla, kif inhu miktub: Irċevejtu l-ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi: li bih aħna nistgħu ngħajjtu: Abba Missier.

 Permezz ta’ dan l-Ispirtu, Alla tana s-setgħa li nsiru wlied Alla, biex dak li hu l-kbir fost ħafna aħwa jgħallimna nitolbu hekk: Missierna, li inti fis-smewwiet. U darb’oħra qal: Nitla’ għand Missieri u gaħnd Missierkom.

 Bin il-bniedem, ir-Ras tagħna, twieled bl-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni: bl-istess Spirtu s-Santu aħna nerġgħu nitwieldu fil-magħmudija ħa nsiru wlied Alla u ġisem ta’ Kristu: hu twieled mingħajr dnub u aħna nerġgħu nitwieldu għall-maħfra ta’ dnubietna kollha.

 Kif, Kristu tgħabba fuq is-salib bid-dnubiet kollha tal-ġisem tiegħu, hekk ta l-grazzja tat-tiġdid lill-ġisem mistiku tiegħu, biex ma jkun ħati ta’ ebda dnub, kif inhu miktub: Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura. Kristu, Bin il-bniedem; hu dak li bħala Alla jaħfer id-dnubiet, bħala bniedem m’għandux dnub x’jinħafirlu, u bħala r-ras tal-ġisem mistiku tiegħu ma hu ħati ta’ ebda dnub.

 Ġust fih innifsu, jiġġustifika lilu nnifsu. Hu biss is-Salvatur, hu biss dak li salva. Hu f’ġismu tgħabba fuq is-salib bi dnubietna, li neħħa minn ġismu bil-ħasil ta’ l-ilma tal-magħmudija. Hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, li tgħabba bid-dnubiet tad-dinja, hu salvana bl-għuda tas-salib u bl-ilma tal-magħmudija; hu l-qassis u s-sagrifiċċju, u Alla, li offra lilu nnifsu u ħabbeb lilu nnifsu miegħu nnifsu u mal-Missier u ma’ l-Ispirtu s-Santu.

 

RESPONSORJU Rum 12:5; Kol 2:9-10a; 1:18

 

R/. Aħna lkoll ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru ta’ l-ieħor. * Fih hemm tgħammar il-milja tad-divinità fil-ġisem, u intom għandkom sehem mill-milja tiegħu, hallelujah.

V/. Hu r-ras tal-ġisem, li hu l-Knisja ; hu li hu l-bidu, l-kbir li qam mill-imwiet, sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox. * Fih hemm tgħammar il-milja tad-divinità fil-ġisem, u intom għandkom sehem mill-milja tiegħu, hallelujah.

 

 

TALBA

 

 Agħtina, Mulej, li ngħixu ħajja xierqa kif jitlob minna l-misteru ta’ l-Għid, biex niċċelebrawh bil-ferħ kollu u dejjem iħarisna u jsalvana bil-qawwa tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Minn ġol qalb tal-Belt il-ġdida

toħroġ għanja ġdida w ħelwa,

biex mad-dinja kollha xxandar

il-ferħ kbir ta’ l-Għid ta’ Kristu.

 

Hu l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda,

ġieb fix-xejn lill-għadu tagħna:

qam mill-mewt u, b’leħen qawwi,

sejjaħ lill-mejtin għall-ħajja.

 

U mill-qiegħ ta’ l-art u d-dalma

ħarġet ħielsa l-priża mjassra;

marru l-qtajja’ tal-mifdija

wara Kristu, s-Sultan tagħhom.

 

Bl-istendard tar-rebħa f’idu,

Ġesù radd is-sliem lill-ħlejjaq,

għaqqad l-art u s-sema, w nieda

żmien is-saltna ta’ Missieru.

 

Nitolbuh għalhekk il-barka

fuqna lkoll u jżommna miegħu,

ħalli nimxu wrajh bla nieqfu,

sa ma niksbu l-glorja mwiegħda.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej Alla, ftakar fija meta tiġi fis-saltna tiegħek, hallelujah.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 

Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Imbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Mulej Alla, ftakar fija meta tiġi fis-saltna tiegħek, hallelujah.

Ant. 2: Alla, is-salvatur ta’ Israel, hu tassew Alla mistur, hallelujah.

 

Kantiku Iż 45:15-25

 

Tassew int Alla mistur, *

Alla ta' Iżrael, salvatur. 

Ilkoll imtlew bil-mistħija u l-għajb, *

telqu lkoll flimkien imriegħxa

dawk li jsawwru l-idoli.

Iżrael salva bis-saħħa tal-Mulej, *

b'salvazzjoni għal dejjem;

qatt ma jkollkom m'niex tistħu u tiregħxu, *

għal dejjem ta' dejjem.

 

Għax dan jgħid il-Mulej li ħalaq is-smewwiet; *

Alla hu, li sawwar l-art, għamilha u wettaqha,

ma ħalaqhiex għal xejn, *

sawwarha biex jgħammru fiha:

"Jien hu l-Mulej, ma hemm ħadd ħliefi! *

Jien ma tkellimtx bil-moħbi,

f'xi mkien mudlam ta' l-art.

Ma għedtx lin-nisel ta’ Ġakobb: *

'Fittxuni fil-fieragħ' ; *

 Jiena hu l-Mulej li ngħid is-sewwa,

 u nxandar id-dritt."

 

Inġemgħu, ejjew, ersqu flimkien, *

intom il-fdal tal-ġnus.

M'għandhomx għaqal dawk li jġorru

l-idoli tagħhom ta' l-għuda, *

 dawk li jitolbu lil Alla li ma jsalvax.

Xandru u għidu bil-qawwa, *

 u ftiehmu lkoll bejnietkom :

Min ħabbru dan sa minn qabel? *

min xandru sa minn dak iż-żmien ?

Mhux jiena l-Mulej? †

U ma hemm ebda Alla ħliefi; *

Alla ġust u salvatur, ma hemm ħadd għajri.

 

Duru lejja mill-ġdid, truf kollha ta' l-art,

u intom tkunu salvi, *

 għax jien hu Alla, u ma hemm ħadd ħliefi!

 

Bija nnifsi ħlift, †

minn fommi ħarġet il-ġustizzja, *

u l-kelma ma terġax lura:

għax quddiemi tiltewa kull irkobba, *

bija jaħlef kull ilsien;

għalija għad jgħidu; *

'Fil-Mulej waħdu hemm il-ħaqq u l-qawwa,

għandu għad jiġu, kollhom mistħija, *

dawk kollha li nkurlaw għalih ;

bil-Mulej isib il-ġustizzja u jitfaħħar *

in-nisel kollu ta' Iżrael.'

 Glorja.

 

Ant. 2: Alla, is-salvatur ta’ Israel, hu tassew Alla mistur, hallelujah.

Ant. 3: Aqdu bil-ferħ lill-Mulej, hallelujah.

 

Salm 99 (100)

 

Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, *

nies kollha ta' l-art,

aqdu bil-ferħ lill-Mulej, *

idħlu quddiemu b'għana ferrieħi.

 

Kunu afu li Jaħweh hu Alla; †

hu ħalaqna, u aħna tiegħu, *

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

 

Idħlu b'għana ta' ħajr mill-bibien tiegħu; †

bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu; *

roddulu ħajr u bierku ismu!

Għax twajjeb il-Mulej, †

għal dejjem it-tjieba tiegħu; *

minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. 

Glorja.

 

Ant. 3: Aqdu bil-ferħ lill-Mulej, hallelujah.

 

 EZZJONI QASIRA Atti 5:30-32

 

Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Lilu Alla bil-leminija tiegħu għolla, u għamlu Kap u Salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn aħna xhieda u l-Ispirtu s-Santu, li Alla ta lil dawk li jobduh.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej qam mill-qabar. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Hu ħa l-mewt tas-salib għalina. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien, hallelujah.

 

 

 

PREĊI

 

Alla l-Missier tana ħajja ġdida bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet. Nitolbuh bil-ħrara ta’ qalbna u ngħidulu:

Missier, dawwalna bid-dawl ta’ Kristu.

O Alla, int ħlaqt id-dinja u permezz ta’ l-opri tiegħek urejtna l-pjan tiegħek tas-salvazzjoni:

- ħenn għalina, int li dejjem żammejt kelmtek magħna.

Agħmilna sinċieri bis-saħħa tal-verità tiegħek u mexxina fil-qdusija tassew:

- għinna nagħmlu dejjem dak li jogħġob lilek u li hu sewwa quddiemek.

Itfa’ d-dija ta’ wiċċek fuqna:

- eħlisna mid-dnub u fawwarna bil-ġid ta’ darek.

Inti tajt is-sliem lill-appostli tiegħek:

- agħmel li fid-dinja kollha kulħadd jgħix fil-paċi.

 

Missierna

 

Talba

 

Agħtina, Mulej, li ngħixu ħajja xierqa kif jitlob minna l-misteru ta’ l-Għid, biex niċċelebrawh bil-ferħ kollu u dejjem iħarisna u jsalvana bil-qawwa tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

Salm 118 (119): 25-32

 

IV (Dalet)

 

Mixħuta fit-trab hi ruħi; *

aħjini int skond il-kelma tiegħek.

Triqati wrejtek, u int weġibtni; *

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

Fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek, *

biex naħseb fuq l-għeġubijiet tiegħek.

Jiena nfejt bin-niket; *

erfagħni int skond il-kelma tiegħek.

 

Biegħed minni triq tal-gideb; *

agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.

Jien għażilt it-triq tas-sewwa; *

ħtart għalija d-digrieti tiegħek.

 

Inżomm sħiħ mal-preċetti tiegħek; *

Mulej, tħallinix naqa' fil-mistħija.

Jien niġri fit-triq tal-kmandamenti tiegħek, *

għax int saħħaħtli qalbi.

 Glorja.

 

Salm 25 (26)

 

Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej! †

Bla ħtija l-imġiba tiegħi, *

sħiħa fil-Mulej it-tama tiegħi.

Ġarrabni, Mulej, u għarbilni, *

iflili moħħi u qalbi.

Tjubitek quddiem għajnejja, *

imxejt skond is-sewwa tiegħek.

Ma qgħadtx man-nies giddieba, *

ma sseħibtx ma' nies qarrieqa.

Nobgħod il-ġemgħa tal-ħżiena, *

ma nagħmilhiex mal-midinbin.

 

Naħsel fis-safa idejja, *

u ndur madwar l-artal tiegħek, Mulej,

biex ngħannilek ir-radd ta' ħajr, *

u nxandar għeġubijietek kollha.

Mulej, nħobb id-dar ta' l-għamara tiegħek, *

il-post fejn jgħammar sebħek.

 

Tgħoddnix man-nies midinba, *

anqas ma' min ixerred id-dmija;

dawk li għandhom f'idejhom il-ħażen, *

u f'leminthom rigali qarrieqa.

Iżda jien nimxi bla ħtija; *

eħlisni int, u ħenn għalija.

Jien b'riġli wieqaf fil-wita; *

fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek. 

 Glorja.

 

Salm 27 (28):1-3, 6-9

 

Lilek, Mulej, nsejjaħ; *

blata tiegħi, tittarraxx għalija.

Jekk int tibqa' sieket miegħi, *

inkun nixbah lil min jinżel fil-ħofra.

 

Isma' leħen it-tnehid tiegħi

 meta nsejjaħ l-għajnuna tiegħek, *

 kull meta nerfa' idejja

lejn is-santwarju mqaddes tiegħek.

 

Tiġbornix man-nies ħżiena, *

ma' dawk li jagħmlu l-ħażen,

li kliem ta' sliem jgħidu lil għajrhom, *

u qalbhom bil-qerq mimlija.

 

Imbierek il-Mulej, *

għax sema' leħen it-tnehid tiegħi.

Il-Mulej hu l-qawwa u t-tarka tiegħi, *

fih ittamat qalbi;

ksibt l-għajnuna u ferħet qalbi; *

inroddlu ħajr bl-għana tiegħi.

 

Il-Mulej hu s-saħħa tal-poplu tiegħu, *

kenn tas-salvazzjoni għas-sultan, il-midluk tiegħu.

Salva l-poplu tiegħek, bierek 'il wirtek, *

kun ir-ragħaj tagħhom, erfagħhom għal dejjem!

 Glorja.

 

 Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Atti 2:32. 36

 

Alla qajjem lil Ġesù, u ta’ dan aħna lkoll xhieda. Mela ħa jkun jaf bi żgur il-ġens kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtu, Alla għamlu Mulej u Kristu.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Gal 3:27-28

 

Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ‘l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 5:7-8

 

Naddfu ‘l barra l-ħmira l-qadima ħa tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf ta’ l-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul. Nagħmlu festa, mela, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

Agħtina, Mulej, li ngħixu ħajja xierqa kif jitlob minna l-misteru ta’ l-Għid, biex niċċelebrawh bil-ferħ kollu u dejjem iħarisna u jsalvana bil-qawwa tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Il-Ħaruf temagħna laħmu,

tana l-lbies tas-salvazzjoni,

qsamna sħaħ il-Baħar l-Aħmar:

ngħannu ‘l Kristu l-prinċep tagħna.

 

Fuq l-altar ta’ salib aħrax

offra għalina ġismu mqaddes;

sqiena demmu, li hu xerrdu

ħalli nistgħu ngħixu b’Alla.

 

F’dik il-lejla li l-Qerriedi

għadda joqtol, konna mħarsa;

ħlisna lkoll minn taħt il-qilla

tal-Fargħun u l-jasar tiegħu.

 

F’dan il-Għid, il-Ħaruf tagħna

li hu Kristu, miet bla ħtija;

ħobż tassew bla ħmira w safi,

li kien mogħti b’sagrifiċċju.

 

Tassew vittma safja w xierqa:

biha d-dell u d-dlam ingħelbu,

biha l-poplu lsir infeda,

biha ngħata ħlas il-ħajja!

 

Kristu qam rebbieħ mill-qabar,

minn qiegħ l-art ħareġ imsebbaħ;

jassar l-għadu darba għal dejjem,

u fetħilna bwieb il-ġenna.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kristu ftaqar minħabba fina, biex nistagħnu aħna, hallelujah.

 

Salm 40 (41)

 

Hieni min jaħseb fil-fqir u d-dgħajjef; *

f'jum l-għawġ jeħilsu l-Mulej.

Il-Mulej iħarsu, †

jagħtih il-ħajja u jhennih fuq l-art; *

ma jitilqux għar-rieda ta' l-għedewwa tiegħu.

Il-Mulej jieqaf miegħu fuq is-sodda tal-mard; *

ifejjqu mill-mard meta jkun mixħut.

 

Jien għedt: "Ħenn għalija, Mulej; *

fejjaqni, għax dnibt kontra tiegħek."

L-għedewwa jixtiquli d-deni u jgħidu: *

 "Meta se jmut u jintemm ismu?"

Min jiġi jżurni jgħid kliem fieragħ; †

jixtieq isir jaf aħbarijiet ħżiena, *

biex ixandarhom kif joħroġ barra.

 

Dawk kollha li jobogħduni

jfesfsu bejniethom kontrija; *

 jaħsbu dak li hu ħażin għalija:

"Marda mill-agħar ġiet fuqu; *

ma jqumx iżjed mnejn hu mixħut!"

Mqar ħabibi, li fih kont nafda, *

li kiel minn ħobżi, intrefa' kontrija.

 

Imma int, Mulej, ħenn għalija u qajjimni, *

u nkun nista' nagħtihom li ħaqqhom.

Minn dan nagħraf li int kuntent bija, *

li l-għadu ma jifraħx minħabba fija.

U lili inti żżommni, għax jien bla ħtija, *

u tqegħedni għal dejjem quddiemek.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, *

minn dejjem għal dejjem. Amen! Amen!

 Glorja.

 

Ant. 1: Kristu ftaqar minħabba fina, biex nistagħnu aħna, hallelujah.

Ant. 2: Hemm xmara li s-swieqi tagħha jferrħu l-belt ta’ Alla, hallelujah.

 

Salm 45 (46)

 

Kenn u qawwa hu Alla għalina, *

għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.

Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed, *

jew jiġġarrfu l-muntanji f'nofs ta' baħar;

anqas jekk jgħajjtu u jogħlew ilmijietu, *

jew jitheżhżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.

 

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, *

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 

Hemm xmara li s-swieqi tagħha,

jferrħu l-belt ta' Alla, *

 l-għamara qaddisa ta' l-Għoli.

Hemm Alla f'nofsha, ma titħarrikx; *

jgħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.

Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet, *

iddewwbet l-art, malli semma' leħnu.

 

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, *

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 

Ejjew, araw x'għamel il-Mulej, *

għemejjel ta' l-għaġeb fuq l-art.

Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; †

l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, *

jaħraq it-tarki bin-nar, u jgħid:

"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla; *

għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art!"

 

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, *

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 Glorja.

 

Ant. 2: Hemm xmara li s-swieqi tagħha jferrħu l-belt ta’ Alla, hallelujah.

Ant. 3: Ngħannu lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ, hallelujah.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox; 

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, * 

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *

 Min ma jsebbħux? 

 Għaliex int waħdek qaddis; †

 u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ngħannu lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Lhud 5:8-10

 

Kristu, għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu, wara li ġie magħmul minn Alla qassis skond l-ordni ta’ Melkisedek.

 

 RESPONSORJU QASIR

 

R/. Id-dixxipli ferħu. * Hallelujah, hallelujah. Id-dixxipli.

V/. Meta raw lill-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Id-dixxipli.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Infaħħru lil Kristu, li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, u nitolbuh ixerred il-barka tiegħu fuqna:

Kristu, Bin Alla l-ħaj, bierek il-poplu tiegħek.

Kristu, nitolbuk għall-ministri kollha tal-Knisja tiegħek, li jqassmu l-ħobż tal-ħajja lil ħuthom:

- għajjex u qawwi lilhom ukoll bis-saħħa tiegħu.

Nitolbuk għall-poplu nisrani kollu biex jgħix kif jixraq lis-sejħa tiegħu:

- u jżomm l-għaqda ta’ l-Ispirtu fir-rabta tas-sliem.

Nitolbuk għal dawk li għandhom is-setgħa biex imexxuna f’dawn il-gżejjer:

- agħmel li jaqdu dmirhom bil-ġustizzja u l-ħniena biex fuq kollox inkunu qalb waħda u fis-sliem bejnietna.

Nitolbuk għalina nfusna, biex ikun jistħoqqilna nfaħħruk b’qalb sinċiera fix-xirka tal-qaddisin:

- nirrikmandawlek lil ħutna l-mejtin, biex fit-tjieba tiegħek tiġborhom miegħek ħa jfaħħruk għal dejjem.

 

Missierna

 

Talba

 

Agħtina, Mulej, li ngħixu ħajja xierqa kif jitlob minna l-misteru ta’ l-Għid, biex niċċelebrawh bil-ferħ kollu u dejjem iħarisna u jsalvana bil-qawwa tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

 

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int begħidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

 

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.