Stampa t-test kollu ...

 Sejħa għat-Tifħir lil Alla ...


Il-Ħadd wara t-Trinità

 

IL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDES TA’ KRISTU

 

SOLENNITÀ

 

L-1 Għasar

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Agħti, lsien, l-ogħla foħrija,

għax jifdina b’ġismu ried

u għalina jxerred demmu

dak li jsaltan fis-smewwiet:

demm imnissel ġewwa l-maqdes

ta’ ġuf l-omm ta’ l-ommijiet.

 

Lilna mogħti, lilna mwieled

minn omm xebba bla mittiefsa;

hu bħal bniedem għoġbu jgħammar,

jiżra s-sewwa fina ried;

sakemm, fl-aħħar, ħajtu fostna

temm fost l-ogħla għeġubijiet.

 

Tul il-lejl ta’ l-aħħar ċena

qagħad flimkien mal-magħżulin;

magħhom kiel biex radd l-għemejjel

skond il-liġi mitlubin;

lilu nnifsu mbagħad tahom jieklu

lit-tnax miegħu miġburin.

 

Hekk bil-kliem tal-Kelma-Bniedem

il-ħobż veru ġismu sar

u l-inbid inbidel f’demmu:

dawl imgħotti wara star,

li, biex jifhmu, moħħ il-bniedem

mit-twemmin ma jsibx aħjar.

 

Dal-misteru għatkubbtejna

ejjew mela naduraw;

u quddiem ir-riti l-ġodda

suriet qodma jispiċċaw:

bit-twemmin ġo qalbna nħossu

dak li s-sensi le jaraw.

 

Lill-Missier inroddu u ‘l-Iben

b’qalbna kollha kull tifħir:

lejhom, mat-tberik ta’ qalbna,

imħabbitna ‘l fuq ittir:

lill-Ispirtu, li ġej minnhom,

ħajr ukoll xejn inqas kbir. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej twajjeb ta’ l-għajxien lil min jibża’ minnu, b’tifkira ta’ l-għeġubijiet tiegħu.

 

Salm 110 (111)

 

Inrodd ħajr lill-Mulej b'qalbi kollha, *

fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.

 

Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej; *

ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom.

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej; *

għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu.

 

Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu; *

twajjeb u ħanin il-Mulej.

Hu jagħti l-għajxien lil min jibża' minnu, *

jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.

 

Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta' għemilu, *

meta qassam lilhom art il-ġnus.

Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh; *

ta' min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,

imwettqa għal dejjem ta' dejjem, *

magħmula bis-sewwa u bid-dritt.

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu, *

wettaq għal dejjem il-patt tiegħu.

 

Qaddis u tal-biża' hu ismu! *

Il-bidu ta' l-għerf hu l-biża' tal-Mulej:

tassew bil-għaqal kull min jimxi bih, *

għal dejjem jibqa' t-tifħir tiegħu!

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej twajjeb ta’ l-għajxien lil min jibża’ minnu, b’tifkira ta’ l-għeġubijiet tiegħu.

Ant. 2: Il-Mulej iqiegħed fis-sliem il-Knisja tiegħu, u jxebbagħha bl-aħjar qamħ.

 

Salm 147 (147B)

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

 

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isamma' kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej iqiegħed fis-sliem il-Knisja tiegħu, u jxebbagħha bl-aħjar qamħ.

Ant. 3: Ngħidilkom is-sewwa, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema, hallelujah.

 

Kantiku Apok 11:17-18 ; 12:10b-12a

 

Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

 li int u li kont, *

 talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.

 

 Il-ġnus imtlew bil-korla, †

 Imma ġiet il-korla tiegħek * 

 u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin 

 u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

 lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

 lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

 kemm iż-żgħar u kemm il-kbar. 

 Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, 

 u s-Saltna ta' Alla tagħna, * 

 u s-setgħa tal-Messija tiegħu, 

 għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

 li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 U huma ħarġu rebbieħa fuqu

 bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *

 u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

 u xejn ma għożżew ħajjithom, *

 hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

 Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

 u intom li tgħammru fihom. 

 Glorja lill-Missier.......

 

Ant. 3: Ngħidilkom is-sewwa, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 10:16-17

 

Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka m’huwiex xirka mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu m’huwiex xirka mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; għax minn ħobża waħda nieħdu sehem, ilkoll kemm aħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Tahom il-ħobż mis-sema. * Hallelujah, hallelujah. Tahom.

V/. Il-bniedem kiel il-ħobż ta’ l-anġli. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Tahom.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Kemm hu ħelu, Mulej, l-ispirtu tiegħek! Biex turi l-ħlewwa tiegħek ma’ wliedek, int tagħtihom mis-sema l-ħobż li fih kull għaxqa, u bih titma’ sax-xaba’ lil min jixtiequ; imma lill-għonja li ma jfittxuhx tħallihom b’xejn.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Kemm hu ħelu, Mulej, l-ispirtu tiegħek! Biex turi l-ħlewwa tiegħek ma’ wliedek, int tagħtihom mis-sema l-ħobż li fih kull għaxqa, u bih titma’ sax-xaba’ lil min jixtiequ; imma lill-għonja li ma jfittxuhx tħallihom b’xejn.

 

PREĊI

 

Sidna Ġesù ħejjielna ikla, u għaliha jistieden lil kulħadd; fiha tana ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb li jagħtu l-ħajja lid-dinja. Nitolbuh u ngħidulu:

Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Kristu, Bin Alla l-ħaj, int ordnajtilna biex nagħmlu l-ikla ewkaristika b’tifkira tiegħek:

- agħmel li l-Knisja tiegħek tiċċelebra b’fedeltà dan il-misteru ħalli tistagħna bil-ġid tiegħu.

Kristu, li int waħdek il-Qassis ta’ Alla l-Għoli, int ħallejt f’idejn is-saċerdoti biex joffru s-sagrifiċċju u jamministraw is-sagramenti tiegħek:

- għinhom jgħixu ħajja li taqbel mal-qdusija tal-misteri li jiċċelebraw.

Kristu, manna mis-sema, int tagħmel ġisem wieħed flimkien lil dawk kollha li jaqsmu bejniethom ħobża waħda:

- kattar is-sliem u saħħaħ l-għaqda ta’ dawk kollha li jemmnu fik.

Kristu, tabib tagħna mis-sema, int tagħtina l-ħobż tiegħek bħala mezz għall-ħajja ta’ dejjem u rahan tal-qawmien mill-imwiet:

- rodd is-saħħa lill-morda u t-tama ħajja lill-midinbin.

Kristu, is-Sultan li ġej, int ordnajt li ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-misteru ewkaristiku biex tixxandar il-mewt tiegħek, sa ma int tiġi:

- sieħeb miegħek fil-qawmien mill-imwiet lil dawk kollha li raqdu fis-sliem tiegħek.

 

Missierna

Talba

 

O Alla, int f’dan is-sagrament ta’ l-għaġeb ħallejtilna t-tifkira tal-Passjoni tiegħek; agħtina, nitolbuk, li nqimu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm tiegħek hekk li nħossu fina bla heda dak li rebbħitilna l-fidwa tiegħek, Int, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 Glorja.

  

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

Jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu l-Mulej hu l-Ħobż tal-ħajja: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu l-Mulej hu l-Ħobż tal-ħajja: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu l-Mulej hu l-Ħobż tal-ħajja: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu l-Mulej hu l-Ħobż tal-ħajja: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu l-Mulej hu l-Ħobż tal-ħajja: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu l-Mulej hu l-Ħobż tal-ħajja: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu l-Mulej hu l-Ħobż tal-ħajja: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Poplu t’Alla, f’dal-jum hekk solenni,

ħoll ilsienek f’għanjiet ta’ tifħir,

b’ferħ mill-qalb, b’ruħ nadifa w moħħ safi,

sebbaħ ‘l Alla li fdiek minn ilsir.

 

Għax illum b’radd il-ħajr qed infakkru

l-aħħar Ikla ta’ l-Għid wisq magħruf ,

meta Kristu, skond liġi qadima,

ta lil ħutu l-ħobż ażżmu u l-ħaruf.

 

Lid-dgħajfin offra ġismu b’għajnuna,

ried li demmu jkun xorb l-imsejknin;

u qalilhom: “Ixorbu: dal kalċi

huwa demmi f’patt ġdid mal-bnedmin”.

 

B’ħobż is-sema tassew tgħib ix-xbieha,

u ħobż l-anġli jsir ħobż il-bnedmin;

b’għaġeb kbir jieħu w jiekol lil Sidu

l-ilsir fqajjar, bla saħħa w miskin.

 

Nitolbuk, Alla wieħed fi Tlieta,

int li żżurna skond m’aħna nqimuk,

fit-triq tiegħek mexxina w wassalna

biex f’għamartek tad-dawl inberkuk. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Għidu lill-mistednin: Araw, il-mejda tiegħi mħejjija; ejjew għall-festa, hallelujah.

Salm 22 (23)

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, †

xejn ma jonqosni; *

f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; *

hemm hu jrejjaqni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa *

minħabba l-isem tiegħu.

 

Mqar jekk nimxi f'wied mudlam, †

ma nibżax mill-ħsara, *

għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, *

huma jwennsuni.

 

Int tħejji mejda għalija *

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi, *

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena *

il-jiem kollha ta' ħajti.

U ngħammar f'dar il-Mulej *

sakemm indum ħaj!

 Glorja.

 

Ant. 1: Għidu lill-mistednin: Araw, il-mejda tiegħi mħejjija; ejjew għall-festa, hallelujah.

Ant. 2: Min hu bil-għatx, ħa jiġi għandi u jixrob mill-għajn ta’ dejjem.

 

Salm 41 (42)

 

Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta' l-ilma, *

hekk tixxennaq ruħi għalik, Alla tiegħi.

Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; *

meta niġi u nara wiċċ Alla?

Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, *

meta l-jum kollu kienu jgħiduli:

 "Fejn hu Alla tiegħek?"

Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa fija, *

kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ

 sad-dar ta' Alla,

fost l-għajat ta' ferħ u ta' radd il-ħajr, *

qalb folla ferħana.

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 

Tintelaq ruħi ġo fija; †

għalhekk fik niftakar *

minn art il-Ġordan u mill-Ħermon

 u mill-muntanja ta' Misgħar.

Minn irdum għal irdum jidwu *

 il-ħsejjes qawwija ta' l-ilmijiet tiegħek;

il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek *

għaddew minn fuqi.

 

Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; *

jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.

Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi: "Għaliex tlaqtni? *

Għax għandi ngħix imdejjaq

 taħt it-tagħkis ta' l-għadu?"

Kull meta jgħajjruni l-għedewwa tiegħi,

qishom qed ikissruli għadmi; *

meta jgħiduli l-ħin kollu: "Fejn hu Alla tiegħek?"

 

Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, *

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; *

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 Glorja.

 

Ant. 2: Min hu bil-għatx, ħa jiġi għandi u jixrob mill-għajn ta’ dejjem.

Ant. 3: Il-Mulej temagħna b’qamħ mill-aħjar, u xebbagħna bl-għasel mill-blat.

 

Salm 80 (81)

 

Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna, *

għajjtu bil-ferħ lil Alla ta' Ġakobb!

Għollu leħen ta’ l-għana, doqqu t-tnabar, *

doqqu ċ-ċetra ħelwa ma' l-arpa.

Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid, *

mal-qamar mimli f'jum il-festa tagħna.

 

Għax dan hu kmandament għal Iżrael, *

din liġi ta' Alla ta' Ġakobb.

Dan l-ordni hu tah lil Ġużeppi, *

huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu.

 

Kliem li ma nafux qiegħed nisma': †

"Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek, *

ħlistlek idek mill-irfigħ tal-qoffa.

Fid-dwejjaq sejjaħtli, u jiena ħlistek; *

b'leħen moħbi, bħal f'ragħda, weġibtek;

ħdejn l-ilma ta' Meribah ġarrabtek.

 

Ismagħni, poplu tiegħi, ħa nlumek: *

Iżrael, m'hux li kont tismagħni!

Ma jkollokx alla ieħor f'nofskom, *

tinxteħitx quddiem alla barrani.

Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, †

li tellajtek mill-art ta' l-Eġittu; *

ftaħtlek ħalqek u tmajtek

 

Iżda l-poplu tiegħi ma semax minni, *

Iżrael ma riedx jaf bija.

Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta' qalbhom, *

biex imxew skond il-fehmiet tagħhom.

 

Jekk il-poplu tiegħi jisma' minni, *

jekk Iżrael jimxi fi triqati,

minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom, *

idi ndawwar fuq dawk li huma kontriehom.

 

Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru quddiemhom; *

din tkun xortihom għal dejjem.

U lilhom nitmagħhom b'qamħ mill-aħjar, *

inxebbagħhom bl-għasel mill-blat."

Glorja.

 

Ant. 3: Il-Mulej temagħna b’qamħ mill-aħjar, u xebbagħna bl-għasel mill-blat.

 

V/. L-Għerf bena dar, hallelujah.

R/. Ħejja l-inbid u firex il-mejda tiegħu, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu Eż 24:1-11

 

Raw lil Alla, kielu u xorbu

 

F’dawk il-jiem : Il-Mulej qal lil Mosè: “Itla' ħdejn il-Mulej, int u Aron, Nadab u Abihu, flimkien ma' sebgħin mix-xjuħ ta' Iżrael; agħtu qima mill-bogħod; mbagħad Mosè jersaq waħdu lejn il-Mulej, imma l-oħrajn ma jersqux, u anqas il-poplu ma għandu jitla' miegħu.”

 Mosè niżel jgħid lill-poplu kull ma qallu l-Mulej u kull ma ordnalu. Il-poplu wieġeb b'leħen għoli u qal: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh.” Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej u fil-għodu qam, bena artal taħt il-muntanja, u waqqaf tnaxil plier għat-tnaxil tribù ta' Iżrael. Mbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Iżrael biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej. Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal. Mbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta' jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu.” U Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxx fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom fuq dan il-kliem kollu.” 

U telgħu Mosè u Aron, Nadab u Abihu, u s-sebgħin mix-xjuħ ta' Iżrael. U huma raw 'l Alla ta' Iżrael: taħt riġlejh kien hemm bħal ċangatura tas-saffiri safja daqs is-sema nnifsu. Lejn il-kbarat ta' Iżrael huwa ma meddx idu. U huma raw 'l Alla, u kielu u xorbu.

 

RESPONSORJU Ġw 6:48-50. 51ab

 

R/. Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu. * Dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.

V/. Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. * Dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Opri ta’ San Tumas ta’ Aquino, saċerdot

 

O mejda għażiża u ta’ l-għaġeb

 

L-Iben waħdieni ta’ Alla ried jagħtina sehem minn-natura tiegħu ta’ Alla u għalhekk ħa n-natura tagħna, biex hu jsir bniedem ħalli aħna nsiru allat. Mhux biss, imma ried juża l-istess natura tagħna l-bnedmin għas-salvazzjoni tad-dinja: offra lill-Missier ġismu bħala vittma fuq l-artal tas-salib biex iħabbibna mill-ġdid mal-Missier; xerred demmu kemm bħala ħlas u kemm bħala ħasil għalina, bħala ħlas għall-fidwa tagħna minn jasar l-aktar kiefer, u bħala ħasil biex inaddafna minn dnubietna kollha.

Biex tibqagħlna tifkira ta’ dan il-ġid kollu li għamlilna, ħalla ‘l ġismu biex ikun ikel u ‘l demmu biex ikun xorb għal dawk kollha li jemmnu fih.

O mejda għażiża, ta’ l-għaġeb, mimlija kull qawwa u kull għaxqa! X’hemm aktar għażiż minn mejda bħal din? Fuqha jitħejja mhux il-laħam tal-mogħoż u l-għoġiela bħalma kien isir fi żmien il-Liġi l-qadima, imma l-Ġisem ta’ Kristu, Alla veru, biex ikun ikel għalina. Hemm xi ħaġa aktar ta’ l-għaġeb mis-sagrament ta’ l-Ewkaristija?

M’hemmx sagrament li hu aktar ta’ għajnuna għalina għas-salvazzjoni tagħna, għaliex bih nitnaddfu minn dnubietna, nissaħħu fil-virtù, u nimtlew b’kotra ta’ doni spiritwali.

Il-Knisja toffri l-Ewkaristija għall-ħajjin u għall-mejtin, biex tkun tiswa għal kulħadd, għax il-Mulej waqqafha biex tkun ta’ ġid għal kulħadd.

Ħadd ma jista’ jfisser l-għaxqa u l-benna ta’ dan is-sagrament: bih induqu l-ħlewwa ta’ l-Ispirtu; u fih issir it-tifkira ta’ l-imħabba bla qjies li l-Mulej uriena fil-passjoni tiegħu.

Biex din l-imħabba, fil-kobor bla qjies tagħha, tagħmel għeruq sa f’qiegħ il-qalb ta’ dawk li jemmnu, il-Mulej, li kien se jħalli din id-dinja biex jerġa’ lura għand il-Missier, fl-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu, wara li ċċelebra l-Għid magħhom, waqqaf dan is-sagrament bħala tifkira għal dejjem tal-Passjoni tiegħu; b’hekk seħħu x-xbihat kollha tal-Liġi l-qadima. Ried ukoll li dan is-sagrament, li hu l-aqwa fost il-mirakli kollha li għamel, ikun ta’ faraġ għal dawk li kienu mnikkta minħabba t-tluq tiegħu mid-dinja.

 

RESPONSORJU

 

R/. Araw f’dan il-ħobż ‘il dak li kien mdendel fuq is-salib, u f’dan il-kalċi d-demm li ħareġ minn ġenbu minfud: Ħudu, mela, u kulu l-Ġisem ta’ Kristu; ħudu u ixorbu d-Demm ta’ Kristu. * Issa li intom membri ta’ Kristu.

V/. Tinfirdux minn xulxin: kulu ‘l dak li jgħaqqadkom flimkien; tqisux ruħkom aktar ilsiera tad-dnub: ixorbu d-Demm li fdiekom. * Issa li intom membri ta’ Kristu.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

 

O Alla, int f’dan is-sagrament ta’ l-għaġeb ħallejtilna t-tifkira tal-Passjoni tiegħek; agħtina, nitolbuk, li nqimu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm tiegħek hekk li nħossu fina bla heda dak li rebbħitilna l-fidwa tiegħek, Int, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Il-Verb t’Alla niżel fostna

u sar bniedem, għammar magħna

bla ma ħalla lil Missieru

ħa sseħħ bih il-fidwa tagħna.

 

F’dik il-lejla li d-dixxiplu

kien se jtih f’idejn l-għedewwa

huwa ngħata lid-dixxipli

fil-ħobż ħaj li fih kull ħlewwa.

 

F’żewġ xbihat għeżież ħallielna

Ġismu w Demmu, l-Ikla tiegħu,

biex ġo fina jiżra’ l-ħajja

li għad ngħixu flimkien miegħu.

 

Twieled, u sar wieħed minna:

għex, u fl-Ikla baqa’ magħna;

miet, u ħallas prezz il-fidwa;

issa jsaltan, jippremjana.

 

Vittma mqaddsa, li salvajtna,

li ftaħtilna l-bieb tal-ġenna,

biegħed minna l-ħbit ta’ l-għadu,

qawwi l-qalb li bik tithenna.

 

‘L Alla wieħed, tliet Persuni,

nagħtu ġieħ u nfaħħru u nbierku;

hu jagħtina li fil-glorja

ta’ bla tmiem flimkien nixxierku. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Int tgħajjex lill-poplu tiegħek bl-ikel ta’ l-Anġli, tagħtihom il-ħobż mis-sema, hallelujah.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1: Int tgħajjex lill-poplu tiegħek bl-ikel ta’ l-Anġli, tagħtihom il-ħobż mis-sema, hallelujah.

Ant. 2: Saċerdoti qaddisa joffru inċens u ħobż lil Alla, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Saċerdoti qaddisa joffru inċens u ħobż lil Alla, hallelujah.

Ant. 3: Lir-rebbieħ nagħtih mill-manna l-moħbija u nżejjnu b’isem ġdid, hallelujah.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Lir-rebbieħ nagħtih mill-manna l-moħbija u nżejjnu b’isem ġdid, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Mal 1:11

 

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha kbir hu ismi fost il-ġnus, u kullimkien isir lil ismi sagrifiċċju bl-inċens u offerta safja, għax kbir hu ismi fost il-ġnus, jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Int toħroġ il-ħobż mill-art. * Hallelujah, hallelujah. Int.

V/. U nbid li jferraħ qalb il-bniedem. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Int.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema; jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema; jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem, hallelujah.

 

PREĊI

 

Ġesù Kristu huwa l-ħobż tal-ħajja. Nitolbuh, u b’ferħ kbir ngħidulu:

 Mulej, hieni min jiekol il-ħobż fis-saltna tiegħek.

Kristu, inti l-Qassis tagħna tal-Patt il-ġdid u ta’ dejjem, li fuq is-salib offrejt sagrifiċċju perfett lill-Missier:

- għallimna noffruh flimkien miegħek.

Kristu, inti s-Sultan għoli tal-paċi u l-ġustizzja li kkonsagrajt il-ħobż u l-inbid b’sinjal ta’ l-offerta tiegħek:

- sieħeb lilna miegħek bħala vittmi fis-sagrifiċċju tiegħek.

Kristu, int adurajt lill-Missier fil-verità, u l-Knisja ġġedded l-offerta safja tiegħek f’kull post fid-dinja:

- għaqqad ħaġa waħda fil-Ġisem tiegħek lil dawk li titma’ minn ħobża waħda.

Kristu, inti l-manna li nżilt mis-sema, u tgħajjex lill-Knisja tiegħek b’Ġismek u Demmek:

- saħħaħ il-mixja tagħna sa ħdejk bil-qawwa ta’ dan l-ikel.

Kristu, inti l-ħabib l-aktar fidil li tgħix għalina fuq l-artal biex dejjem insibuk:

- mit-tabernakli mqaddsa, imxerrda ma’ art twelidna, ibqa’ saltan u ixħet il-barka tiegħek fuq il-bliet u l-irħula tagħna li dejjem ħabbewk.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int f’dan is-sagrament ta’ l-għaġeb ħallejtilna t-tifkira tal-Passjoni tiegħek; agħtina, nitolbuk, li nqimu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm tiegħek hekk li nħossu fina bla heda dak li rebbħitilna l-fidwa tiegħek, Int, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

Ant. Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla ta’ l-Għid magħkom qabel ma nbati, hallelujah.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, u newwlu lid-dixxipli, hallelujah.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Huma għarfu lill-Mulej Ġesù fil-qsim tal-ħobż, hallelujah.

 

Salm 117 (118)

 

I

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

 milli tittama fil-kbarat.

Glorja.

 

II

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi,

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

 

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

 

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila.

 

 Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

imma ma telaqnix għall-mewt.

 Glorja.

 

III

 

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

 

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni bil-friegħi f'idejkom

sa ħdejn l-altar.

 

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr, *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Glorja.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla ta’ l-Għid magħkom qabel ma nbati, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 16:20

 

Mulej, int tajt lill-poplu tiegħek ikel ta’ l-anġli, bgħattilhom mis-sema ħobż li ħejjejthulhom int bla ma tħabtu għalih huma, ħobż li fih kull għaxqa u tajjeb għal kull togħma.

 

V/. Nersaq lejn l-artal ta’ Alla, hallelujah.

R/. Nirċievi ‘l Kristu li jġedded żgħożiti, hallelujah.

  

F’Nofsinhar

 

Ant. Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, u newwlu lid-dixxipli, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Prov 9:1-2

 

L-Għerf bena dar, imwaqqfa fuq seba’ kolonni; qatel il-bhejjem imsemmna, ħejja l-inbid tiegħu, u firex il-mejda tiegħu.

 

V/. Tajthom ħobż mis-sema, hallelujah.

R/. Li fih għandu kull għaxqa, hallelujah.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Huma għarfu lill-Mulej Ġesù fil-qsim tal-ħobż, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Atti 2:42-47a

 

Id-dixxipli kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim ta’ l-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż, u fit-talb. Kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom.

 

V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

O Alla, int f’dan is-sagrament ta’ l-għaġeb ħallejtilna t-tifkira tal-Passjoni tiegħek; agħtina, nitolbuk, li nqimu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm tiegħek hekk li nħossu fina bla heda dak li rebbħitilna l-fidwa tiegħek, Int, li int Alla, u tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Agħti, lsien, l-ogħla foħrija,

għax jifdina b’ġismu ried

u għalina jxerred demmu

dak li jsaltan fis-smewwiet:

demm imnissel ġewwa l-maqdes

ta’ ġuf l-omm ta’ l-ommijiet.

 

Lilna mogħti, lilna mwieled

minn omm xebba bla mittiefsa;

hu bħal bniedem għoġbu jgħammar,

jiżra s-sewwa fina ried;

sakemm, fl-aħħar, ħajtu fostna

temm fost l-ogħla għeġubijiet.

 

Tul il-lejl ta’ l-aħħar ċena

qagħad flimkien mal-magħżulin;

magħhom kiel biex radd l-għemejjel

skond il-liġi mitlubin;

lilu nnifsu mbagħad tahom jieklu

lit-tnax miegħu miġburin.

 

Hekk bil-kliem tal-Kelma-Bniedem

il-ħobż veru ġismu sar

u l-inbid inbidel f’demmu:

dawl imgħotti wara star,

li, biex jifhmu, moħħ il-bniedem

mit-twemmin ma jsibx aħjar.

 

Dal-misteru għatkubbtejna

ejjew mela naduraw;

u quddiem ir-riti l-ġodda

suriet qodma jispiċċaw:

bit-twemmin ġo qalbna nħossu

dak li s-sensi le jaraw.

 

Lill-Missier inroddu u ‘l-Iben

b’qalbna kollha kull tifħir:

lejhom, mat-tberik ta’ qalbna,

imħabbitna ‘l fuq ittir:

lill-Ispirtu, li ġej minnhom,

ħajr ukoll xejn inqas kbir. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kristu l-Mulej, il-Qassis għal dejjem bħal Melkisedek, offra ħobż u nbid.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ant. 1: Kristu l-Mulej, il-Qassis għal dejjem bħal Melkisedek, offra ħobż u nbid.

Ant. 2: Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u noffri sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr.

 

Salm 115 (116)

 

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: *

"Jiena mdejjaq ħafna!"

Jien għedt fin-niket tiegħi: *

"Qarrieq hu kull bniedem."

 

Xi nrodd lill-Mulej *

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f'għajnejn il-Mulej *

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, *

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. †

Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u isem il-Mulej insejjaħ.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, *

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta' dar il-Mulej, *

ġo nofsok, Ġerusalemm!

 Glorja.

 

Ant. 2: Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u noffri sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr.

Ant. 3: Int it-triq, int il-verità, int il-ħajja tad-dinja, Mulej.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

intom li tibżgħu minnu,iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Int it-triq, int il-verità, int il-ħajja tad-dinja, Mulej.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Kor 11:23-25

 

 Jiena rċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u, wara li radd il-ħajr, kisru u qal: Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi. Hekk ukoll, wara li kiel, ħa l-kalċi u qal: Dan hu l-kalċi tal-Patt il-ġdid b’demmi; kull meta tixorbu, agħmlu dan b’tifkira tiegħi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Tahom il-ħobż mis-sema. * Hallelujah, hallelujah. Tahom.

V/. Il-bniedem kiel il-ħobż ta’ l-anġli. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Tahom.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Kemm hi qaddisa l-mejda li fiha nieklu l-Ġisem ta’ Kristu u nixorbu Demmu, niċċelebraw it-tifkira tal-Passjoni tiegħu, ruħna timtela bil-grazzja, u nirċievu r-rahan tal-ħajja ta’ dejjem!

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 Kemm hi qaddisa l-mejda li fiha nieklu l-Ġisem ta’ Kristu u nixorbu Demmu, niċċelebraw it-tifkira tal-Passjoni tiegħu, ruħna timtela bil-grazzja, u nirċievu r-rahan tal-ħajja ta’ dejjem!

 

PREĊI

 

Sidna Ġesù ħejjielna ikla, u għaliha jistieden lil kulħadd; fiha tana ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb li jagħtu l-ħajja lid-dinja. Nitolbuh u ngħidulu:

Kristu, ħobż mis-sema, agħtina l-ħajja ta’ dejjem.

Kristu, Bin Alla l-ħaj, int ordnajtilna biex nagħmlu l-ikla ewkaristika b’tifkira tiegħek:

- agħmel li l-Knisja tiegħek tiċċelebra b’fedeltà dan il-misteru ħalli tistagħna bil-ġid tiegħu.

Kristu, li int waħdek il-Qassis ta’ Alla l-Għoli, int ħallejt f’idejn is-saċerdoti biex joffru s-sagrifiċċju u jamministraw is-sagramenti tiegħek:

- għinhom jgħixu ħajja li taqbel mal-qdusija tal-misteri li jiċċelebraw.

Kristu, manna mis-sema, int tagħmel ġisem wieħed flimkien lil dawk kollha li jaqsmu bejniethom ħobża waħda:

- kattar is-sliem u saħħaħ l-għaqda ta’ dawk kollha li jemmnu fik.

Kristu, tabib tagħna mis-sema, int tagħtina l-ħobż tiegħek bħala mezz għall-ħajja ta’ dejjem u rahan tal-qawmien mill-imwiet:

- rodd is-saħħa lill-morda u t-tama ħajja lill-midinbin.

Kristu, is-Sultan li ġej, int ordnajt li ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-misteru ewkaristiku biex tixxandar il-mewt tiegħek, sa ma int tiġi:

- sieħeb miegħek fil-qawmien mill-imwiet lil dawk kollha li raqdu fis-sliem tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int f’dan is-sagrament ta’ l-għaġeb ħallejtilna t-tifkira tal-Passjoni tiegħek; agħtina, nitolbuk, li nqimu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm tiegħek hekk li nħossu fina bla heda dak li rebbħitilna l-fidwa tiegħek, Int, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.