Stampa t-test kollu ...


IS-SIBT

 

TAT-VIII ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

 

Salmodija tas-Sibt tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Nisimgħu leħen il-Mulej, biex nidħlu fil-mistrieħ tiegħu.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

O dawl ta’ dejjem, dija ta’ Missierek,

int Xemx li qatt ma tgħib għal min iħobbok;

inroddu lil tjubitek ħajr għax ħlistha

mid-dlam tal-mewt u l-ħtija.

 

Fi sbiħek, Xemx ħanina, r-ruħ tistaħja,

għas-sejħa tiegħek tqum ħawtiela w tħabrek,

twarrab l-imgħoddi msejken tagħha w tħaffef

fit-triq imdawwla b’dawlek.

 

Bik ksibna r-rebħa fuq il-mewt u s-saltna

tad-dlamijiet li għal żmien twil ħakmuna;

u bil-għajnuna tiegħek nibqgħu miexja

f’ħelsien id-dawl ta’ dejjem.

 

Gieħ lill-Missier, u lilek, Kristu Ibnu,

u lill-Ispirtu s-Santu Faraġ tagħna;

it-tlieta Alla wieħed għajn ħanina

ta’ paċi w dawl u ħajja. Ammen.

 

I. Matul il-jum

Alla, setgħa, mingħajr bidu,

Alla, għerf, minn Alla mnissel,

Alla, mħabba, li ġej minnhom,

fittex għinna w ieqaf magħna.

 

Int, ix-xewqa kollha tagħna,

kun il-hena u l-ferħ ta’ qalbna:

ħa tkun fuqna l-ħniena tiegħek,

kif fik hija t-tama tagħna.

 

O Missier u Sid il-ħlejjaq,

flimkien m’Ibnek, frott il-Verġni,

tina b’don l-Ispirtu s-Santu,

ħa jmexxina f’kull ma nagħmlu.

 

Trinità Qaddisa, ftakar

fl-opra kbira ta’ tjubitek:

int mix-xejn sawwart il-bniedem

u bid-demm għażiż salvajtu.

 

Alla wieħed tah il-ħajja,

Kristu ħabbu w tah il-fidwa;

ħa s-salib għalih għax ħabbu,

w issa jħobbu għaliex għażlu.

 

Lilek, Alla, tliet Persuni,

hena w qawwa, sliem u ħakma,

ġieħ u setgħa fl-art u s-sema,

ferħ, tifħir, imħabba w qima. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej sejjaħ is-smewwiet u l-art biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu.

 

Salm 49 (50)

 

I

 

Tkellem il-Mulej, Alla fuq l-allat, *

u sejjaħ l-art.

Minn fejn titla' x-xemx sa fejn tinżel, *

minn Sijon, il-ġmiel tagħha, Alla wera d-dija tiegħu.

Ġej Alla tagħna, ma jibqax sieket; *

quddiemu nar li jeqred, madwaru tempesta qalila.

 

Hu jsejjaħ is-smewwiet mill-għoli, *

u l-art, biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu:

"Iġimgħu 'l ħbiebi quddiemi, *

li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju."

U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu, *

għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej sejjaħ is-smewwiet u l-art biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu.

Ant. 2: Sejjaħli f’jum id-dwejjaq, u jien neħilsek.

 

II

 

"Isma', poplu tiegħi, għax se nitkellem, †

Iżrael, għax se nixhed kontrik. *

Jien Alla, Alla tiegħek.

Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek; *

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek, *

jew gidjien mill-imrieħel tiegħek.

 

Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri, *

eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.

Jien nagħraf it-tjur kollha ta' l-ajru, *

taħt għajnejja kull ma jimxi fir-raba'. 

Li kont bil-ġuħ, m'hux se ngħid lilek, *

għax tiegħi l-art u kull ma fiha.

Huwa jien se niekol laħam il-gniedes, *

jew nixrob id-demm tal-gidjien?

Agħti 'l Alla sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.

Imbagħad sejjaħli f'jum id-dwejjaq; *

jien neħilsek, u int tweġġaħni."

 Glorja.

 

Ant. 2: Sejjaħli f’jum id-dwejjaq, u jien neħilsek.

Ant. 3: Is-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr isebbaħni.

 

III

 

Lill-ħażin, imma, Alla jgħidlu: †

"Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi, *

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib, *

u tixħet kliemi wara dahrek?

 

Jekk tiltaqa' ma' ħalliel, tissieħeb miegħu; *

u sehmek taqsam maż-żienja.

Fommok ftaħt għall-ħażen, *

u lsienek il-qerq jinseġ.

 

Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ, *

kontra bin ommok tqassas.

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket; *

forsi ħsibt li jiena bħalek.

Issa se nċanfrek, *

u dan kollu nqiegħed quddiemek.

 

Ifhmuha sewwa, intom li tinsew 'l Alla, *

li ma naħtafkomx, u ħadd ma jeħliskom.

Min iroddli sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, *

dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa *

nurih is-salvazzjoni ta' Alla."

Glorja.

 

Ant. 3: Is-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr isebbaħni.

V/. Ma nehdewx nitolbu għalikom.

R/. Biex tagħrfu sewwa r-rieda ta’ Alla.

  

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob Ġob 13:13-14:6

 

Ġob jappella għall-ħaqq mingħand Alla

 

Ġob wieġeb lil ħbiebu u qal:

“Isktu, u ħalluni ngħid tiegħi,

ħa jiġrili li jrid.

 Ħa nieħdu jiena laħmi bejn snieni

u ħajti nqegħedha f'idejja.

 Ħa joqtolni, jekk irid, m'hux se nitkexkex,

Biss il-kawża tiegħi rrid nitħadditha miegħu.

 U dan ikunli r-rahan tar-rebħa

li wieħed ħażin lanqas jidher quddiemu.

 Isimgħu sewwa x'irrid ngħid,

agħtu widen għall-istqarrija tiegħi.

 Araw, ħejjejt il-kawża tiegħi,

naf li noħroġ ħieles.

 Min hu li se jiġi jmerini?

Kieku niskot u nistenna l-mewt.

 Biss eħlisni minn żewġ ħwejjeġ,

u minn quddiemek ma ninħebiex:

 Biegħed idek minn fuqi

 u tħallihx jagħmel bija l-biża tiegħek.

 Mbagħad sejjaħli u jiena nwieġeb,

jew nitkellem jien u int weġibni.

 Kemm huma dnubieti u ħtijieti?

Urini x'għamilt ħażin u fejn dnibt.

 Għaliex taħbi wiċċek minni,

u tqisni għadu tiegħek?

 Trid int tbeżża' werqa mtajjra

Jew tiġri wara tibna niexfa?

 Għax int mhux ħlief tiktibli kundanna iebsa,

u ġġegħelni nħallas għad-dnubiet ta’ żgħożiti,

 tqegħedli fiċ-ċipp riġlejja,

titkixxef il-passi kollha tiegħi

u tqis il-marki ta’ subgħajja. 

 U jien hawn nintemm bħal għuda msewwsa,

bħal libsa mikula mill-kamla.

 Il-bniedem imwieled minn mara

għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.

Bħal warda, jiftaħ u mbagħad jidbiel,

u jaħrab bħal dell li ma jiqafx.

 U fuq dan jixraqlek iżżomm għajnejk miftuħa

u ssejjaħlu quddiemek għall-ħaqq!

 Xi ħadd, mela, jista' jislet is-safi mill-imniġġeż?

Ħadd.

 Ladarba jiemu magħdudin,

ladarba l-għadd tax-xhur qiegħed f'idejk,

u ħażżiżtlu tarf li ma jistax jaqbżu,

 warrab għajnejk minn fuqu,

u ħallih itemm il-jum tiegħu

bħal ħaddiem mikri.

 

RESPONSORJU ara Ġob 13:20. 21; ara Ġer 10:24

 

R/. Minn quddiemek ma ninħebiex, Mulej; biegħed idek minn fuqi. * U tħallix jagħmel bija l-biża’ tiegħek.

V/. Widdibni, Mulej, fil-ħniena tiegħek, u mhux fl-għadab tiegħek, li ma teqridnix għalkollox. * U tħallix jagħmel bija l-biża’ tiegħek.

  

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattati ta’ San Zenone, isqof ta’ Verona

 

Ġob kien xbieha ta’ Kristu

 

 Sa fejn naslu biex nifhmu, ħuti għeżież, Ġob kien tassew xbieha ta’ Kristu, u biex naraw kemm dan hu minnu, infittxu ftit fiex jaqblu flimkien. Alla sejjaħ lil Ġob raġel perfett u tajjeb, jiġifieri raġel ġust. U Alla hu l-istess ġustizzja, li minnha, qisu minn għajn, jixorbu dawk kollu li huwa henjin, għaliex hemm miktub: Għalikom titla’ x-xemx tal-ġustizzja. Ġob jissejjaħ ukoll raġel li jħobb is-sewwa, il-verità. Il-Mulej hu l-istess Verità, għaliex fl-Evanġelju jgħid: Jiena hu t-Triq, il-Verità.

 Ġob kien għani. Min hemm aktar għani minn Alla? L-għonja kollha huma qaddejja tiegħu, id-dinja kollha u l-ħlejjaq kollha huma tiegħu; għalhekk David il-qaddis jgħid: Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, id-dinja u kull ma jgħix fiha. Ix-xitan tliet darbiet ġarrab lil Ġob. Hekk ukoll, kif naqraw fl-Evanġelju, ix-xitan ipprova tliet darbiet jittanta lill-Mulej. Ġob tilef kull ma kellu. Il-Mulej, għall-imħabba tagħna, ħalla warajh il-ġid kollu tiegħu tas-sema, u, għad li kien għani, ftaqar minħabba fina, sabiex nistagħnu permezz tal-faqar tiegħu. Ix-xitan kollu qilla qered ulied Ġob; fil-ġenn tiegħu l-poplu fariżajk qatel il-profeti, l-ulied tal-Mulej. Ġob imtela b’infafet qalila. Il-Mulej, meta sar bniedem bħalma, ittabba’ bil-ħmieġ kollu tad-dnubiet tal-bnedmin.

 Mart Ġob ħajjritu għad-dnub. Is-sinagoga tal-Lhud għamlet minn kollox biex tħajjar il-Mulej iħares it-tradizzjonijiet ħżiena ta’ missirijiethom. Ħbieb Ġob, jgħidu, żebilħuh. Hekk ukoll il-Mulej: ġie mżeblah mill-qassisin tiegħu minn dawk li kienu jqimuh. Ġob intasab fuq l-irmied, mimli dud. Il-Mulej ukoll intasab fuq l-irmied tassew, għax ġie f’nofs il-ħażen kollu ta’ din id-dinja, fost bnedmin mogħtija għal kull xorta ta’ ħażen u qerq, veri dud ta’ l-art.

 Ġob reġa’ kiseb saħħtu u ġidu. Il-Mulej, meta qam mill-imwiet, mhux biss ta s-saħħa imma wkoll l-immortalità lil dawk kollha li jemmnu fih, u reġa’ ħa s-setgħa fuq il-ħlejjaq kollha, kif hu stess jgħid: Kollox kien mogħti lili minn Missieri. Ġob kellu wlied oħra flok dawk li qeridlu x-xitan. Il-Mulej ukoll kellu wlied oħra flok il-profeti, l-Appostli qaddisin. Ġob strieħ hieni fis-sliem. Il-Mulej hu mbierek minn dejjem u għal dejjem, u għal dejjem ta’ dejjem.

 

RESPONSORJU Lhud 12:1ċ-2a; ara 2 Kor 6:4-5

 

R/. B’qalbna qawwija niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna. * Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.

V/. F’kollox inqisu ruħna bħala ministri ta’ Alla bis-sabar kollu fl-hemm, fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-djieqa, fis-swat, fil-ħabsijiet. * Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.

 

TALBA

 

 Agħtina, Mulej, li d-dinja timxi skond l-ordni tiegħek għall-paċi tagħna, u li l-Knisja tiegħek tqimek ferħana fis-sliem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Reġa’ fuqna d-dawl, jum ieħor:

niżżu ħajr bil-ferħ lil Alla,

u nfaħħruh, għax għoġbu jtina

din il-grazzja b’Ibnu Sidna.

 

Permezz tiegħu l-kobor t’Alla

tana l-lejl u l-jum fid-dinja:

ħin ta’dlam biex fih nistrieħu,

ħin ta’ dawl biex naħdmu bieżla.

 

Iżd’għalih m’hemmx ħin u ieħor,

jaħdem dejjem, qatt m’hu wieqaf;

ebda dlam jew dell madwaru,

għaliex huwa d-dawl ta’ dejjem.

 

Jalla ngħaddu dil-ġurnata

f’ħidma wtieqa, nfittxu l-glorja

tal-Missier, ħa nogħġbu ‘l Kristu,

mimlijin bl-Ispirtu s-Santu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Tajjeb li ngħannu lil ismek, Mulej, u nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek.

 

Salm 91 (92)

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, *

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

Inxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, *

u billejl il-fedeltà tiegħek,

fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, *

u bid-daqq taċ-ċetra.

 

Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; *

għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.

 

Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, *

kemm huma għolja ħsibijietek!

Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, *

u l-iblah ma jifhimhomx.

Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, *

u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

lkoll għad jinqerdu għal dejjem. *

Imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

 

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej,

l-għedewwa tiegħek jintilfu; *

jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.

Imma lili daqs gendus saħħaħtni, *

żejt ifuħ sawwabtli fuqi.

Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, *

widnejja jisimgħu bit-telfa

 tal-ħżiena li qamu għalija.

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, *

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawwlin f'dar il-Mulej, *

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, *

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, il-blata tiegħi, *

u ebda qerq ma jinsab fih.

 Glorja.

 

Ant. 1: Tajjeb li ngħannu lil ismek, Mulej, u nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek.

Ant. 2: Nagħtikom qalb ġdida u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida.

 

Kantiku Eżek 36:24-28

 

Jien neħodkom minn fost il-ġnus, †

u niġmagħkom mill-artijiet kollha, *

u nerġa' ndaħħalkom f'artkom.

 U nroxx fuqkom ilma safi, †

u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; *

mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. 

 

U nagħtikom qalb ġdida, *

u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida,

U nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel *

u nagħtikom qalb tal-laħam.

U nqiegħed ruħi ġo fikom, †

u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi, *

u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.

 

U tgħammru fl-art li tajt 'il missirijietkom, †

u intom tkunu l-poplu tiegħi, *

u jiena nkun Alla tagħkom.

 Glorja.

 

Ant. 2: Nagħtikom qalb ġdida u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida.

Ant. 3: Mulej, is-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib.

 

Salm 8

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Int qegħedt is-sebħ tiegħek *

'il fuq mis-smewwiet.

Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih *

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, *

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

 

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, *

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, *

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

 

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, *

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

 

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu: *

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, *

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Mulej, Sid tagħna, *

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Glorja.

 

Ant. 3: Mulej, is-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Piet 3:13-14

 

Aħna, li ħadna l-wegħda tal-Mulej, nistennew li jiġu smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja. Għalhekk, għeżież, waqt li tistennew dan kollu, fittxu li tkunu bla tebgħa u bla għajb quddiemu, biex tinstabu fis-sliem. Is-sabar ta’ Sidna qisuh bħala għajnuna għas-salvazzjoni.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Jifirħu xufftejja, * Jien u ngħannilek. Jifirħu.

V/. U lsieni jxandar il-ġustizzja tiegħek. * Jien u ngħannilek. Glorja. Jifirħu.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Mulej, mexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

 

PREĊI

 

Alla, permezz ta’ Ibnu, mela d-dinja bit-tama u taha l-ħajja. Nadurawh, u bl-umiltà kollha nitolbuh:

Mulej, ismagħna.

Mulej, Missier il-ħlejjaq kollha, inroddulek ħajr ta’ din il-ġurnata ġdida li tajtna:

- agħmel li ngħadduha f’għaqda ma’ Kristu għat-tifħir u l-glorja tiegħek.

Int xerridt f’qalbna l-fidi, it-tama u l-imħabba:

- ibqa’ ħarishom dejjem fina.

Mulej, ħa jkunu għajnejna dejjem merfugħa lejk:

- biex b’ħeġġa kbira nwieġbu għas-sejħa tiegħek.

Begħedna mit-tnassis u l-ġibdiet tal-ħażen:

- ħarisna mit-tfixkil fil-mixi tagħna.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti d-dawl sabiħ u veru, inti l-jum li qatt ma jgħib; lejk induru f’din l-għodwa ġdida, u nitolbuk biex tkeċċi minna d-dlamijiet ta’ kull ħażen, u ddawwalna minn issa bid-dija tal-miġja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

 

Salm 118 (119): 169-176

 

XXII (Taw)

 

Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta tiegħi; *

agħtini d-dehen skond il-kelma tiegħek.

Ħa jasal quddiemek it-tħannin tiegħi; *

eħlisni skond il-wegħda tiegħek.

 

Jinfexxu xufftejja fit-tifħir tiegħek, *

għax int tgħallimni l-kmandamenti tiegħek.

Ixandar ilsieni l-wegħda tiegħek, *

għax kollha ġusti l-kmandamenti tiegħek.

 

Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, *

għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

Jien nixtieq is-salvazzjoni tiegħek, Mulej; *

il-liġi tiegħek hija l-għaxqa tiegħi.

Ħa nibqa' ħaj, biex infaħħrek! *

Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi!

Jien ħriġt mit-triq bħal nagħġa mitlufa; *

fittex il-qaddej tiegħek,

 għax jien ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.

 Glorja.

 

Ant.1 Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.

Ant.2 It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

 

Salm 44 (45)

 

I

 

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †

ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *

ilsieni pinna ta' kittieb ħafif. 

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †

imsawwba l-ħlewwa fuq xufftejk; *

għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

 

Tħażżem, qalbieni, b'sejfek fuq ġenbek; *

ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!

Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *

turik lemintek ħwejjeġ ta' l-għaġeb!

Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †

taħtek jaqgħu l-popli; *

jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

 

It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta' dejjem; *

xettru tas-sewwa hu x-xettru ta' saltnatek!

Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *

għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,

 b'żejt il-hena aktar minn sħabek.

 

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja, kollha fwieħa lbiesek. *

Mill-palazzi ta' l-avorju

 jferrħek id-daqq tal-kordi.

Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *

f'lemintek is-sultana mżejjna b'deheb ta' Ofir.

 Glorja.

 

Ant.2 It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

Ant.3 Rajt lil Ġerusalemm il-ġdida, bħal għarusa mżejjna għall-għarus tagħha.

 

II

 

Isma', binti, ħares u agħti widen, *

insa 'l ġensek u 'l dar missierek.

Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; *

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

In-nies ta' Tir bir-rigali jiġu, *

il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

 

Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, *

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, *

it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.

Jittieħdu b'għajat ta' ferħ u hena; *

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

 

Flok missirijietek jilħqu wliedek; *

inti tqegħedhom kapijiet fuq l-art kollha.

Infakkar ismek minn nisel għal nisel; *

ifaħħruk il-popli għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant.3 Rajt lil Ġerusalemm il-ġdida, bħal għarusa mżejjna għall-għarus tagħha.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Dan 6:27b. 28

 

Alla tagħna hu l-ħaj u ta’ dejjem, li s-saltna tiegħu ma tinqeridx, u l-ħakma tiegħu ddum sa l-aħħar; minnu l-ħelsien u s-salvazzjoni, hu jagħmel il-mirakli u l-għeġubijiet fis-sema u fl-art.

 

 V/. Kunu afu li jien Alla.

 R/. Għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art.

Talba

 

Mulej Alla, Missier li tista’ kollox, sawwab id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqna, ulied is-saltna tiegħek, u żommna ‘l bogħod minn kull għadu, biex inkunu fl-hena u s-sliem u nfaħħruk bla heda. Bi Kristu Sidna. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 15:5-7

 

Alla li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesù, biex b’fomm wieħed u qalb waħda tfaħħru ‘l Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk ilqgħu ‘l xulxin, bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għas-sebħ ta’ Alla.

 

 V/. Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu.

 R/. U jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Talba

 

Ħeġġiġna, Mulej, bin-nhar ta’ l-imħabba ta’ dejjem, u tħallih qatt jonqos fina, biex bi mħabba waħda u sħiħa nħobbu lilek fuq kollox, u lil ħutna minħabba fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Fil 4:8.9b

 

Ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, kull ma hu xieraq, kull ma hu qaddis, kull ma hu safi, kull ma jiġbed l-imħabba, kull ma jistħoqqlu l-qima, kull ma hu virtù, kull ma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu. U Alla tas-sliem ikun magħkom.

 

 V/. Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan.

 R/. U nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.

 

Talba

 

Isma’, Mulej, it-talb li nagħmlulek biex ikollna paċi sħiħa, u, bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħmel li ningħataw għalik tul ħajjitna kollha, ħalli żgur iseħħilna naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.