Stampa t-test kollu ...


 

2 ta’ Mejju

SAN ATANASJU, Isqof u Duttur tal-Knisja

Salmodija tal-Erbgha tal-I ġimgħa

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh, hallelujah.

M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh, hallelujah.

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Kristu, l-ewlieni u l-kbir fost ir-rgħajja,

quddiemek jiġi l-poplu tal-wirt tiegħek,

ħa jrodd foħrija xierqa lil ragħaj tajjeb

fil-festa tiegħu.

 

L-Ispirtu tiegħek niżel fih bil-kotra

tad-doni, w sawwab fuqu d-dilka sħiħa

biex jagħmlu suldat qawwi, w qiegħdu jirgħa

 lill-merħla mqaddsa.

 

Tassew mexxej u mudell kbir tal-merħla!

Kien dawl għall-għomja, faraġ għall-imsejkna,

missier ħanin li għal uliedu kollha

sar kollox f’kollox.

 

Kristu, li jagħti l-ħlas mistħoqq fis-sema

lill-ħbieb li jaqduk tajjeb, żomm ‘il qalbna

fit-triq ta’ dan l-imgħallem, sakemm fl-aħħar

nissieħbu miegħu.

 

Tifħir u glorja lill-Missier għal dejjem,

u lilek, Sultan twajjeb, Feddej tagħna;

ikun imsebbaħ kullimkien bla heda

l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej, qawwa tiegħi, agħmel li nkun inħobbok, hallelujah

 

Salm 17 (18):2-30

 

I

 

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi! *

Il-Mulej blata tiegħi,fortizza u ħellies tiegħi,

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi, *

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

Insejjaħ il-Mulej, li hu ta' min ifaħħru, *

u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.

 

Mwieġ tal-mewt ħakmuni, *

widien tal-biża' werwruni,

ħbula ta' l-imwiet dawwruni, *

xbiek tal-mewt inqaleb fuqi.

Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt, *

tlabt l-għajnuna 'l Alla tiegħi;

hu sama' leħni mit-tempju tiegħu, *

f'widnejh waslet l-għajta tiegħi.

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej, qawwa tiegħi, agħmel li nkun inħobbok, hallelujah

Ant. 2: Ħelisni l-Mulej, għax lili jħobbni, hallelujah

 

II

 

Tqanqlet u theżhżet l-art, †

triegħdu s-sisien tal-muntanji, *

u tqanqlu bis-saħna tal-korla tiegħu.

Duħħan ħareġ minn imnifsejh, †

u nar li jħarbat minn fommu, *

minnu jarmi ilsna tan-nar.

Feraq is-smewwiet u niżel, *

bi ċpar iswed taħt riġlejh.

Fuq kerubin rikeb u tar, *

niżel b'ħeffa fuq ġwienaħ ir-riħ.

Bid-dlam insatar bħal b'libsa, *

sħab iswed u magħqud l-għarix tiegħu.

Mid-dija ta' quddiemu sħab joħroġ, *

silġ u ilsna tan-nar.

 

Riegħed il-Mulej mis-smewwiet, *

l-Għoli semma' leħnu.

Telaq il-vleġeġ tiegħu u xerridhom, *

għamel il-beraq u ħarrabhom.

U dehru qigħan il-baħar, *

nkixfu s-sisien ta' l-art,

mat-theddida tiegħek, Mulej, *

man-nefħa ta' mnifsejk.

 

Mill-għoli medd idu u ħatafni, *

ħariġni minn baħar ta' ilma.

Mill-għedewwa b'saħħithom ħelisni, *

mill-għedewwa li jifilħu aktar minni.

Ġew fuqi f'siegħa ħażina, *

iżda l-Mulej waqaf miegħi.

Ħariġni 'l barra fil-wisa'; *

ħelisni, għax lili jħobbni.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ħelisni l-Mulej, għax lili jħobbni, hallelujah

Ant. 3: Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi, iddawwal id-dlam tiegħi, hallelujah.

 

III

 

Ħallasni l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, *

raddli skond is-safa ta' idejja.

Għax jien żammejt triqat il-Mulej, *

ma tbegħidtx bid-dnub minn Alla tiegħi.

Quddiemi huma d-digrieti kollha tiegħu; *

ma warrabtx minni l-preċetti tiegħu.

Bla tebgħa kont quddiemu, *

mill-ħtija ħarist lili nnifsi.

Raddli l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, *

skond is-safa ta' idejja li ra b'għajnejh.

 

Ma' min hu tajjeb inti timxi bit-tajjeb, *

ma' min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija;

ma' min hu safi inti timxi bis-safa, *

ma' min jgħawweġ timxi bil-għaqal.

Għax inti ssalva l-poplu fqajjar, *

u l-għajnejn kburin tbaxxihom.

Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; *

Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.

Bik jien negħleb il-qtajja' ta' l-għedewwa; *

bl-għajnuna ta' Alla tiegħi nirbaħ is-swar!

 Glorja.

 

Ant. 3: Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi, iddawwal id-dlam tiegħi, hallelujah

 

V/. Alla qajjem lil Kristu mill-imwiet, hallelujah.

R/. Hekk il-fidi tagħna hi wkoll tama f’Alla, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ L-Apokalissi Apok 21:1-8

 

Ġerusalemm il-ġdida

 

Jiena, Ġwanni, rajt sema ġdid u art ġdida, għax is-sema ta' qabel u l-art ta' qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar. U l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla mħejjija bħal għarusa mżejjna għall-għarus tagħha. U smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid: "Din hi l-għamara ta' Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta' qabel." Mbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal: "Ara, se nġedded kollox." Qalli: "Ikteb, għax dawn il-kelmiet huma minnhom u ta' min joqgħod fuqhom." U qalli mbagħad: "Magħmula huma. Jiena l-Alfa u l-Omega, il-Bidu u t-Tmiem. Lil min hu bil-għatx jiena nisqih b'xejn mill-għajn tal-ħajja. Dawn jirithom ir-rebbieħ; u jiena nkun Alla tiegħu u hu jkun ibni. Imma għall-ġwejjef, għal dawk li ma baqgħux fidili, għal dawk ta' ħajja mħassra, għall-qattiela, għaż-żienja, għas-saħħarin, għall-idolatri u għall-giddieba kollha, sehemhom ikun fil-belliegħa tan-nar iħeġġeġ u tal-kubrit; din hi t-tieni mewt."

 

RESPONSORJU Apok 21:3. 4

 

R/. Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom * U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom, hallelujah.

V/. Ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed. * U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom, hallelujah.

 

 

LEZZJONI II

 

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Atanasju

 

L-inkarnazzjoni tal-Verb

 

 Il-Verb ta’ Alla, li m’għandux ġisem u għalhekk m’hux suġġett għat-taħsir bħalma hi kull ħaġa materjali, ġie fostna, fid-dinja tagħna, għalkemm qatt ma kien bogħod minna, għaliex m’hemmx imkien fid-dinja li hu nieqes mill-preżenza tiegħu, billi hu, flimkien mal-Missier, jimla kollox.

 Il-Verb ta’ Alla, imqanqal mit-tjieba tiegħu għalina, ġie fid-dinja biex jidher fostna. Ħenn għalina l-bnedmin u sogħob bih għat-tiġrib li fih ninsabu: imdejjaq bit-taħsir li jaħkimna, ma felaħx jara l-mewt taħkem aktar fuqna. Ħa ġisem, ġisem bħal tagħna, biex dak li kien sar, dak li għamel il-Missier fil-ħolqien tal-bniedem, ma jisfax fix-xejn, ma jintemmx għalkollox. Ħa ġisem għalih għaliex ma riedx ikun biss f’ġisem jew jidher biss qisu f’ġisem.

 Kieku l-Verb ta’ Alla ried biss jidher b’ġisem, kien jagħżel sura ta’ ġisem aqwa: imma ħa ġisem bħal tagħna.

 Ħejja għalih tempju, jiġifieri ġisem, fi ħdan Verġni, u għamlu qisu strument proprju tiegħu biex fih jgħammar u fih jidher fostna. Mingħandna l-bnedmin ħa ġisem bħal tagħna, u, għaliex aħna l-bnedmin ilkoll għandna mmutu, hu, imqanqal b’imħabba li ma bħalha għalina, ta ġismu għall-mewt u offrieh lill-Missier għalina lkoll. Dan għamlu biex iġib fix-xejn dik il-liġi li tgħid li l-bnedmin kollha għandhom imutu; issa li l-bnedmin kollha jmutu fl-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, il-mewt m’għandhiex aktar setgħa fuqhom, għaliex ħliet il-qawwa kollha tagħha f’ġisem il-Mulej. Għalhekk aħna l-bnedmin, li naraw it-taħsir tal-qabar, għad nerġgħu nqumu b’ġisem li ma jarax taħsir, u mill-mewt ngħaddu għal ħajja ġdida. Dan seta’ jsir għaliex l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, bħalma n-nar jeqred tibna, qered għalkollox il-mewt, b’ġisem bħal tagħna, li ħa għalih u qajjem mill-imwiet.

 Il-Verb ta’ Alla, li hu fuq il-ħolqien kollu, ħa għalih ġisem li jmut, biex dan il-ġisem, imsieħeb man-natura ta’ Alla fil-persuna divina tiegħu, darba għal dejjem imut għal kulħadd. Dan il-ġisem, għaliex kien il-ġisem tal-Verb divin, ma rax it-taħsir tal-mewt, u bil-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet biegħed it-taħsir tal-mewt mill-bnedmin kollha.

 Il-ġisem li ħa għalih, il-Verb tah għall-mewt b’sagrifiċċju, bħala vittma safja u bla tebgħa, u offrieh għalina lkoll, biex minnufih ikeċċi l-mewt minna lkoll.

 B’hekk il-Verb ta’ Alla, li hu fuq kollox, offra għal kulħadd it-tempju tiegħu, il-ġisem tiegħu li kien, kif għedna, strument għalih; bil-mewt tiegħu ħallas għad-dejn li kien hemm. Għalhekk l-Iben ta’ Alla, li ma jarax taħsir, u li hu ħaġa waħda magħna lkoll għaliex għandu ġisem bħal tagħna, lilna tana n-nuqqas ta’ taħsir, bil-wegħda li għamlilna tal-qawmien mill-imwiet. It-taħsir tal-mewt issa m’għandux aktar setgħa fuqna l-bnedmin, minħabba l-Verb li jgħammar fina permezz ta’ ġisem wieħed.

 

RESPONSORJU Ġer 15:19. 29; 2 Piet 2:1

 

R/. Int tkun bħal fommi: nagħmlek sur qawwi tal-bronż kontra dan il-poplu: * Huma jaħbtu għalik, iżda ma jkunux jifilħu għalik, għax jiena miegħek, hallelujah.

V/. Ikun hemm għalliema foloz: dawn idaħħlu firdiet, li jġibu l-qerda, sa jaslu biex jiċħdu s-Sid, li għalih kisibhom. * Huma jaħbtu għalik iżda ma jkunux jifilħu għalik, għax jiena miegħek, hallelujah.

 

TALBA

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti mlejt bil-qawwa lill-isqof San Atanasju biex b’għerf kbir jiddefendi l-verità li Ibnek huwa Alla; fil-ħniena tiegħek, agħtina li nifirħu bit-tagħlim u l-ħarsien tiegħu, u li dejjem iżjed nagħrfuk u nikbru fi mħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Inxandru r-rebħ u l-ġieħ ta’ bniedem t’Alla,

li kien mexxej imfaħħar, missier għaqli,

qaddej fidil, li Sidu mlieh bil-hena

fis-saltna tiegħu.

 

Bagħtu l-Mulej fil-popli, biex jaqdihom

ta’ saċerdot, mexxej u mgħallem tajjeb;

bl-imħabba w l-għerf, bi kliemu w ħajtu wriehom

it-triq tas-sema.

 

Nersqu bit-tama w nitolbuh li fuqna

tinżel il-maħfra w kull għajnuna f’waqtha;

u bit-talb tiegħu jerfa’ lejn is-sema

xewqatna kollha.

 

Lil Alla waħdu s-setgħa, l-ġieħ u s-saltna,

għax tiegħu l-glorja fis-smewwiet għal dejjem;

hu jmexxi d-dinja kollha w sħiħa jżommha

bil-liġi tiegħu. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej għandek hemm l-għajn tal-ħajja, hallelujah.

 

Salm 35 (36)

 

Il-ħażen ifesfes lill-ħażin f'qiegħ qalbu; *

m'hemmx biża' ta' Alla quddiem għajnejh.

 

Għax hu jiddandan bil-fehma tiegħu, *

li Alla ma jsibx fih ħtija x'jistmell.

Kliem fommu kollu qerq u gideb, *

ma jimxix bil-għaqal, ma jagħmilx il-ġid.

Fuq friexu jaħseb kif se jqarraq, *

triq ħażina qabad, ma jwarrabx dak li hu ħażin.

 

Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek, *

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, *

baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek;

Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla! †

Għad-dell ta' ġwenħajk

 jistkennu wlied il-bnedmin. *

 bnedmin u bhejjem int tgħinhom, Mulej.

Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek, *

tisqihom ix-xmara ta' l-hena tiegħek.

Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja, *

fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.

 

Żomm it-tjieba tiegħek ma' min jagħrfek, *

il-ġustizzja tiegħek ma' min hu qalbu safja.

Ma jersaqx għal fuqi riġel il-kburi, *

ma titfagħnix 'il barra id il-ħażin.

Hemm waqgħu dawk li jagħmlu l-ħażen, *

intefgħu 'l isfel u ma jistgħux iqumu.

 Glorja.

 

Ant. 1: Mulej għandek hemm l-għajn tal-ħajja, hallelujah.

Ant. 2: Mulej, int bgħatt l-Ispirtu tiegħek, u hu għamel il-ħlejjaq, hallelujah.

 

Kantiku Ġudit 16:1b-2. 13-16

 

 Insġu għanja ta’ tifħir lil Alla tiegħi, *

Għolluh, u sejjħu lil ismu.

Għax il-Mulej hu Alla li jxejjen il-gwerer; *

minn idejn l-għedewwa ħelisni.

 

 Ngħanni lil Alla tiegħi għanja ġdida: *

 Mulej, kbir int u msebbaħ ta’ l-għaġeb u b’saħħtek.

 Lilek jaqdu l-ħlejjaq kollha, *

 għax int tkellimt, u huma saru;

 int bgħatt l-ispirtu tiegħek, u hu għamilhom. *

 Ħadd ma jista’ jieqaf lill-leħen tiegħek.

 Jitheżżu l-muntanji mill-qigħan tagħhom ma’ l-ibħra, *

 jinħall il-ġebel bħax-xama’ quddiemek;

 imma int tibqa’ turi ħnientek *

 ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħek.

 

 Kbir hu għal dejjem *

 min għandu l-biża’ tal-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 2: Mulej, int bgħatt l-Ispirtu tiegħek, u hu għamel il-ħlejjaq, hallelujah.

Ant. 3: Alla hu s-sultan ta’ l-art kollha: għannulu b’sengħa għanja sabiħa, hallelujah.

 

Salm 46 (47)

 

Popli kollha, ċapċpu idejkom, *

għajjtu b'leħen ta' ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża', *

sultan kbir fuq l-art kollha.

 

Irażżan il-popli taħtna, *

u l-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.

Hu jagħżlilna l-wirt tagħna, *

il-kburija ta' Ġakobb, il-maħbub tiegħu.

Tela' Alla b'għajat ta' ferħ, *

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

 

Għannu lil Alla, għannu, *

għannu lis-sultan tagħna, għannu.

Għax Alla s-sultan ta' l-art kollha: *

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

 

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha, *

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.

Jinġemgħu l-kbarat tal-popli *

mal-poplu ta' Alla ta' Abraham.

Għax ta' Alla huma l-kapijiet ta' l-art; *

hu fil-għoli ħafna fuq kulħadd.

Glorja.

 

Ant. 3: Alla hu s-sultan ta’ l-art kollha: għannulu b’sengħa għanja sabiħa, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Għerf 7:13-14

 

Tgħallimt l-għerf bla ebda fehma ħażina, u t-tagħlim li ħadt ma għandix sogħba ngħaddih lill-oħrajn ; ma rridx naħbi l-għana tiegħu. Hu teżor bla qiegħ għall-bnedmin, u dawk kollha li jiksbu lilu jiksbu wkoll il-ħbiberija ta’ Alla, għax minħabba d-doni tat-tagħlim isiru jogħġbuh.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. L-għerf tal-qaddisin ixandruh il-popli. * Hallelujah, hallelujah. L-għerf.

V/. U l-Knisja ttenni t-tifħir tagħhom. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. L-Għerf.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu hu r-ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Inroddulek ħajr, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:

Irgħa l-poplu tiegħek, Mulej.

Kristu, int għoġbok tqiegħed fil-Knisja tiegħek rgħajja qaddisin bħal eżempju tat-tjieba u l-imħabba tiegħek:

- ibqa’ uri l-ħniena tiegħek magħna b’rgħajja bħalhom.

Int għadek taqdi l-uffiċċju ta’ ragħaj spiritwali permezz ta’ dawk li tqiegħed f’ismek fuq il-merħla tiegħek:

- żommna dejjem fit-triq it-tajba taħt il-ħarsien tal-mexxejja tagħna.

Bil-qaddisin tiegħek, li f’idejhom tafda l-popli, turina lilek innifsek bħala t-tabib tar-ruħ u tal-ġisem:

- kompli fina bla heda l-ministeru tal-ħajja u l-qdusija.

Int tipprovdi bnedmin qaddisa biex jirgħu l-merħla tiegħek bl-għaqal u bl-imħabba;

- xerred id-doni tiegħek fuq ir-rgħajja spiritwali tagħna f’dawn il-gżejjer biex jagħarfu jqaddsuna.

 

Missierna

 

 

 

Talba

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti mlejt bil-qawwa lill-isqof San Atanasju biex b’għerf kbir jiddefendi l-verità li Ibnek huwa Alla; fil-ħniena tiegħek, agħtina li nifirħu bit-tagħlim u l-ħarsien tiegħu, u li dejjem iżjed nagħrfuk u nikbru fi mħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 118 (119):9-16

 

II (Bet)

 

Kif jista' żagħżugħ jimxi safi fi triqtu? *

Billi jħares il-kelma tiegħek.

B'qalbi kollha jiena nfittxek; *

tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.

 

Jien żammejt kelmtek f'qalbi, *

biex ma nidneb qatt kontrik.

Imbierek int, Mulej! *

Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

B'xufftejja jiena nxandar *

id-digrieti kollha ta' fommok.

Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek, *

daqs kieku kelli l-għana kollu.

 

Fuq il-preċetti tiegħek irrid naħseb, *

u nżomm għajnejja fuq triqatek.

Bil-kmandamenti tiegħek irrid nitgħaxxaq, *

qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.

 Glorja.

 

Salm 16 (17)

 

I

 

Isma', Mulej, il-kawża ġusta tiegħi, *

ilqa' l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi; *

bla qerq huma xufftejja.

Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija, *

għajnejk jaraw is-sewwa.

 

Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni, *

jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija.

Ma żbaljajtx bi kliemi, kif jagħmlu n-nies; *

ħarist ruħi bi kliemek minn triqat il-ħżiena.

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,

qatt ma għotru riġlejja.

 

Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla; *

ressaq widintek lejja, isma' kliemi.

Uri t-tjieba tiegħek ta' l-għaġeb; *

int li teħles mill-għedewwa

lil min jittama fil-leminija tiegħek.

Bħal ħabba ta' l-għajn ħarisni, *

għad-dell ta' ġwenħajk kenninni

mill-ħżiena li jagħfsu fuqi, *

mill-għedewwa qattiela li jdawwruni. 

 Glorja.

 

II

 

Għalqu qalbhom għall-ħniena, *

minn fommhom joħroġ kliem kburi.

Jiġu għal fuqi, minn kull naħa għalquni, *

ħarsithom fuqi, biex ma' l-art jitfgħuni.

Huma bħal iljun imxennaq għall-priża, *

bħal ferħ ta' ljun moħbi wara l-mansab.

 

Qum, Mulej, oħroġ għall-għadu u ġarrfu; *

eħlisli ħajti minn id il-ħażin.

B'sejfek, Mulej, b'idek mill-bnedmin eħlisni, *

mill-bnedmin li ħajjet din l-art sehemhom.

Ħa jimtlew bil-ġid tiegħek, †

ħa jieklu sax-xaba' wliedhom, *

u jibqgħalhom xi jħallu liż-żgħar tagħhom!

Imma jien, fil-ħaqq, għad nara 'l wiċċek; *

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

 Glorja.

 

 Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

 

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA ara Rum 4:24-25

 

Aħna nemmnu f’dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna, li kien mogħti għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.

 

 V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

 R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 5:5-6a

 

Min hu dak li jirbaħ lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? Dan hu dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm.

 

 V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

 R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:23-24

 

Iġġeddu fl-ispirtu tal-fehma tagħkom u ilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.

 

 V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

 R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

Talba

 

O Alla, inti tħobb is-safa u troddhulna mill-ġdid jekk nitilfuh: mexxi lejk il-qlub tal-qaddejja tiegħek, li inti ħlisthom mid-dlamijiet tan-nuqqas ta’ fidi, u agħmel li qatt iżjed ma jitbiegħdu mid-dawl tal-verità tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah

 

INNU

 

Bniedem sewwa, mudell jiddi

ta’ virtù ninsġulek innu;

bih nixtiequ nfaħħru lilek

u l-għemejjel kbar ta’ Alla.

 

Il-Qassis il-kbir ta ħajtu

biex ħbieb t’Alla nerġgħu nsiru:

bil-patt ġdid li għamel magħna,

radd is-sliem lill-poplu mifdi.

 

Inti minnu nħtart ministru

biex tissokta l-ħidma tiegħu,

tagħti glorja lil Missieru

u ssalvalu l-ġemgħa tiegħu.

 

Għalhekk tak id-dilka mqaddsa

ta’ l-Ispirtu, u qiegħdek isqof:

int mexxejt il-merħla tiegħu

f’mergħat bnina w kollhom ħdura.

 

Mis-smewwiet, fejn int tithenna,

la tinsiex il-Knisja mqaddsa;

tħalli qatt li n-ngħaġ ta’ Kristu

tkun tonqoshom mergħa tajba.

 

Sebħ lit-Trinità qaddisa,

li, fit-tjieba kbira tagħha,

issa tatek il-ħlas xieraq

ta’ qaddej fidil u tajjeb. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Alla bil-leminija tiegħu għolla ‘l Ġesù u għamlu kap u salvatur, hallelujah.

 

Salm 26 (27)

 

I

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; *

minn min għandi nibża'?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi; *

quddiem min għandi nitwerwer?

Meta jqumu għalija l-ħżiena, *

biex jaħtfuni u jikluni,

dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi, *

huma jitfixklu u jaqgħu.

Mqar jekk eżerċtu jqum għalija, *

xejn ma tibża' qalbi;

mqar jekk gwerra tqum kontrija, *

jiena nibqa' qalbi qawwija.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, *

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f'dar il-Mulej *

tul il-jiem kollha ta' ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej *

u nbakkar fit-tempju tiegħu.

 

Għax hu jaħbini fl-għarix tiegħu *

meta nsib ruħi fil-għawġ;

jistorni fis-satra ta' daru, *

fuq blata fl-għoli jqegħedni.

U issa tintrefa' rasi *

fuq l-għedewwa ta' madwari.

U jien noffri fit-tempju tiegħu

sagrifiċċju b'għajat ta' ferħ. *

Ngħanni u nfaħħar il-Mulej!

 

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

 u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Ant. 1: Alla bil-leminija tiegħu għolla ‘l Ġesù u għamlu kap u salvatur, hallelujah.

Ant. 2: Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin, hallelujah.

 

II

 

Isma', Mulej, leħen l-għajta tiegħi, *

ħenn għalija u weġibni.

"Ejja," għedt f'qalbi, "fittex 'il wiċċu"; *

jien wiċċek infittex, Mulej.

La taħbix wiċċek minni, *

la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.

Inti l-għajnuna tiegħi; tħallinix *

titlaqnix, Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Għalkemm telquni missieri u ommi, *

il-Mulej jilqagħni għandu.

 

Urini, Mulej, it-triq tiegħek, *

mexxini minn mogħdija dritta

minħabba l-għedewwa tiegħi.

 

Titlaqnix għax-xewqa ta' l-għedewwa tiegħi; †

għaliex xhieda qarrieqa qamu kontrija, *

li l-qerq jarmu man-nifs tagħhom.

 

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej *

f'art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; *

ittama fil-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 2: Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin, hallelujah.

Ant. 3: Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu kollox għalih: lilu glorja għal dejjem, hallelujah.

 

Kantiku ara Kol 1:12-20

 

Roddu ħajr lill-Missier, †

li għamilkom denji *

li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.

Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, *

u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż,

 li bih għandna l-fidwa, *

il-maħfra tad-dnubiet.

 

Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, *

il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;

għax bih kien maħluq kollox, *

fis-sema u fl-art,

dak kollu li jidher †

u dak kollu li ma jidhirx, *

troni u ħakmiet, prinċipati u setgħat.

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, †

hu qabel kollox, *

u kollox bih qiegħed iżomm.

 

Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; †

hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, *

sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, *

fih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu,

u bid-demm tiegħu imxerred fuq is-salib, *

ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu kollox għalih: lilu glorja għal dejjem, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:1-4

 

Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll u xhud tat-tbatijiet ta' Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mis-sebħ li għad irid jidher: irgħu l-merħla ta' Alla li hi f'idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma bil-qalb, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, iżda mħeġġin mill-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li ġew mogħtijin f’idejkom, imma billi tkunu eżempju għall-merħla. Mbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tas-sebħ, magħmula minn ward li qatt ma jidbiel.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Dan hu l-ħabib ta’ ħutu, u jitlob ħafna ghall-poplu. * Hallelujah, hallelujah.

V/. Huwa ta ħajtu għal ħutu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Dan.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Dan hu amministratur fidil u għaqli, li s-Sid qiegħdu fuq in-nies tad-dar, biex jagħtihom l-ikel f’waqtu, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

 ħax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

 b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Dan hu amministratur fidil u għaqli, li s-Sid qiegħdu fuq in-nies tad-dar, biex jagħtihom l-ikel f’waqtu, hallelujah

 

PREĊI

 

Kristu hu l-Qassis il-Kbir, imqiegħed għall-bnedmin f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Nagħtuh tifħir xieraq, u bl-umiltà kollha nitolbuh u ngħidulu:

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej.

Int xerridt dawl ta’ l-għaġeb fuq il-Knisja tiegħek permezz ta’ mexxejja kbar u qaddisa:

- ferraħ dejjem u sebbaħ bl-istess dawl lill-poplu nisrani.

Int ħfirt id-dnubiet tal-poplu tiegħek kull meta r-rgħajja qaddisa talbuk bħal Mosè:

- bit-talb tagħhom ibqa’ saffi u qaddes il-Knisja tiegħek.

Int ikkonsagrajt għalik il-qaddisin tiegħek minn fost l-aħwa u bgħatt fuqhom l-Ispirtu tiegħek:

- agħti l-milja ta’ l-Ispirtu s-Santu lill-mexxejja kollha tal-poplu tiegħek.

Inti nnifsek għoġbok tkun is-sehem u l-wirt tar-rgħajja qaddisa tiegħek:

- tħallix li xi ħadd minna l-mifdija b’demmek jibqa’ mingħajrek.

Bir-rgħajja tal-Knisja inti tagħti l-ħajja ta’ dejjem lin-nagħaġ tiegħek, biex ħadd ma jaħtafhomlok minn idejk:

- salva lil ħutna l-mejtin li għalihom tajt ħajtek.

 

Missierna

 

 

Talba

 

 O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti mlejt bil-qawwa lill-isqof San Atanasju biex b’għerf kbir jiddefendi l-verità li Ibnek huwa Alla; fil-ħniena tiegħek, agħtina li nifirħu bit-tagħlim u l-ħarsien tiegħu, u li dejjem iżjed nagħrfuk u nikbru fi mħabbtek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

L-ERBGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 30 (31): 1-6

 

Talba ta’ mnikket, li jittama

 

Missier, nerħi ruħi f’idejk. (Lq 23:46)

 

Fik, Mulej, jien nistkenn, *

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani, *

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija, *

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; *

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, *

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

F'idejk jien nerħi ruħi; *

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Mulej, kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 129 (130)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħ

 

Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. (Mt 1:21)

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa, *

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, *

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra, *

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

 

Jien lill-Mulej nistenna, *

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi, *

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, *

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba, *

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael *

minn ħtijietu kollha.

Glorja.

Barra Z.GĦ.:

Ant.2: Min qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

 

 

LEZZJONI QASIRA Ef 4:26-27

 

Tidinbux tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux il-wisa’ lix-xitan.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int b’qalb ħelwa u umli toffri madmad ħelu u toqol ħafif lil min jimxi warajk; ilqa’ x-xewqat qaddisa u l-ħidmiet li għamilna llum u agħtina li nistrieħu fis-sliem biex inqumu aktar ħfief għas-servizz tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

 għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.