Stampa t-test kollu ...


1 ta’ Ġunju

 

SAN ĠUSTINU, Martri

 

Salmodija tal-Ġimgha tar-IV ġimgħa

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej hu s-Sultan tal-martri: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Insellmulek, martri w vittma,

f’dan il-jum tal-festa tiegħek,

li fih ħadt, bi ħlas ra’ demmek,

il-kuruna tar-rebbieħa.

 

Inti llum għelibt il-qawwa

ta’ min ħaqrek u temm ħajtek;

u mid-dlam ta’ dinja msejkna

dħalt fid-dawl u l-ferħ ta’ Sidek.

 

Isseħibt ma’ l-anġli mbierka,

kollok dija w ġmiel bil-libsa

li ħsilt b’demmek, x’ħin bla biża’

tajt quddiem kulħadd ix-xhieda.

 

Ieqaf issa magħna, w itlob

lil Ġesù, ħanin u twajjeb,

biex il-grazzja fuqna jsawwab

u ħtijietna kollha jħassar.

 

Ressaq lejna bit-talb tiegħek

il-għajnuna ta’ Bin Alla, biex

iħeff minn fuqna t-toqol

tul it-triq, bil-maħfra tiegħu.

 

Lill-Missier kull ġieħ jingħata,

ġieħ lill-Iben, lill-Ispirtu,

Alla wieħed, li fis-sema

żejjnek b’sebħ u ferħ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Titwarrabx, o Alla, mit-talb umli tiegħi minħabba l-għajat tal-ħżiena.

 

Salm 54 (55): 2-15, 17-24

 

I

 

Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi, *

titwarrabx mit-talb umli tiegħi.

Ismagħni u weġibni, *

m'għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi! 

Nirtogħod bil-biża' għall-ħoss ta' l-għedewwa, *

minħabba l-għajat tal-ħżiena;

għax huma jġibu fuqi l-ħsara, *

fil-għadab tagħhom jeħduha kontrija.

Qalbi tinfena ġewwa fija, *

biża' tal-mewt waqa' fuqi.

Biża' u tregħid jiġu fuqi, *

u twerwir jaħkimni.

 

U ngħid: "M'hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, *

biex intir u mmur nistrieħ!

Kont 'il bogħod immur niġġerra, *

u fid-deżert insib fejn noqgħod. 

Kont malajr insib fejn nistkenn *

mir-riħ qawwi u r-riefnu."

 Glorja.

 

Ant. 1: Titwarrabx, o Alla, mit-talb umli tiegħi minħabba l-għajat tal-ħżiena.

Ant. 2: Il-Mulej jeħlisna minn idejn l-għadu u l-qarrieq.

 

II

 

Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom, *

għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.

Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha, *

fiha m'hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.

Il-ħerba tinsab ġo nofsha, *

moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.

 

M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni; *

li kien hekk, kont nissaporti.

M'huwiex xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; *

li kien hekk, kont ninħeba minnu.

Imma int, wieħed bħali, *

sieħbi u ħabib tal-qalb,

li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, *

ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla.

 Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej jeħlisna minn idejn l-għadu u l-qarrieq.

Ant. 3: Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek.

 

III

 

Imma jien lill-Mulej insejjaħ, *

u l-Mulej isalvani.

Fil-għaxija, fil-għodu u f'nofsinhar †

nokrob u nitniehed; *

u hu jisma' l-leħen tiegħi.

Jeħlisli 'l ħajti fis-sliem †

mill-ġlied li qajjmu kontrija, *

għax ħafna huma li ħabtu għalija.

Alla jismagħni u jrażżanhom, *

hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;

għax huma ma jridux jindmu, *

ma għandhomx il-biża' ta' Alla.

 

Idu refa' kontra ħbiebu, *

kiser il-ftehim tiegħu.

Aktar mill-butir hu ħelu fommu, *

imma qalbu bil-ġlied mimlija.

Aktar miż-żejt hu artab kliemu, *

imma hu bħal sejf mislut.

 

Ħalli xortik f'idejn il-Mulej, †

u hu jgħinek u jwieżnek; *

hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.

 

U int, o Alla, itfagħhom *

fil-ħofra tat-telfien.

Nies tad-demm u tal-qerq, †

ma jgħixux nofs ħajjithom! *

Imma jien fik nittama.

 Glorja.

 

Ant. 3: Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek.

 

V/. Ibni, agħti widen għall-għerf tiegħi.

R/. Iftaħ widnejk għall-għaqal tiegħi.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob Ġob 12:1-25

 

Ġob juri li s-setgħa ta’ Alla

hi aqwa mill-għerf kollu tal-bniedem

 

Ġob wieġeb u qal:

 "Tassew li intom biss tifhmu

u l-għerf imut magħkom;

 imma jien għandi moħħ bħalkom,

xejn ma jien inqas minnkom.

U min ma jafx ħwejjeġ bħal dawn?

 Iżda jien sirt tad-daħk għal ħbiebi,

jien li nsejjaħ ‘l Alla u jweġibni;

tad-daħk il-ġust, il-bniedem sewwa.

 Ħażin għalih il-magħkus,'

jgħid dak li xortih tajba.

'Tiġrif għal min riġlu jogħtor.'

 Iżda hemm ir-riżq fi djar il-ħallelin,

ħadu r-riħ dawk li jinbxu 'l Alla,

donnhom għandhom 'l Alla f'idejhom.

 Issa staqsi 'l-bhejjem u jgħallmuk;

lit-tjur ta' l-ajru u jgħidulek;

 staqsi lill-ħniex ta' l-art u jgħallmuk,

u l-ħut tal-baħar ukoll jgħidlek.

 Min fost dawn kollha ma jafx

li l-id ta’ Alla għamlet kollox?

 F'idejh hi l-ħajja ta’ kull ma jgħix,

f'idejh in-nifs tal-ħajjin kollha.

 Forsi l-widna ma ġġarrabx il-kliem

bħalma l-ħalq itiegħem l-ikel?

 M'hux fix-xjuħija ssibu l-għerf?

M'hux il-ħajja twila li ġġib d-dehen?

 Iżda għand Alla hemm l-għerf u l-qawwa,

tiegħu l-parir u wkoll il-fehma.

 Dak li jġarraf hu, ma jibnihx il-bniedem,

lil min isakkar hu, ħadd ma jista' jiftaħlu.

 Ara, hu jżomm l-ilmijiet u taqa' n-nixfa,

hu jerħilhom, u jifqgħu l-art.

 Fih hemm il-qawwa u l-għaqal,

tiegħu hu min jitqarraq u min iqarraq.

 Hu jibgħat ħafjin lill-kunsillieri,

u l-imħallfin jagħmilhom boloh.

 Hu jħoll dak li rabtu s-slaten

u jneżżgħalhom it-terħa tas-setgħa.

 Hu jibgħat ħafja lill-qassisin,

u jniżżel minn posthom lis-setgħanin.

 Hu jbikkem lil dawk li jafu jitkellmu,

u lix-xjuħ jeħdilhom moħħhom.

 Jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat,

u jdgħajjef ħżiem il-qawwijin.

 Hu joħroġ mid-dlam ħwejjeġ mistura,

u fuq id-dlam jixħet id-dawl.

 Jibni l-ġnus u jġarrafhom,

jifrex il-popli u jeqridhom.

 Il-mexxejja tal-pajjiż jeħdilhom id-dehen,

u jitlaqhom jiġġerrew f'deżert bla triq;

 iteftfu fid-dlam mingħajr dawl,

u jixxenglu qishom fis-sakra.

 

RESPONSORJU Ġob 12:13, 14; 23;13

 

R/. Għand Alla hemm l-għerf u l-qawwa, tiegħu l-parir u wkoll il-fehma. * Dak li jġarraf hu, ma jibnihx il-bniedem; lil min isakkar hu, ħadd ma jista’ jiftaħlu.

V/. Dak li hu jrid min jista’ jżommulu? Kull ma jixtieq, hu jagħmlu. * Dak li jġarraf hu, ma jibnihx il-bniedem; lil min isakkar hu, ħadd ma jiftaħlu.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Atti tal-martirju ta’ San Ġustinu u sħabu.

 

Ħaddant it-tagħlim veru nisrani

 

 Arrestaw lill-qaddisin u ħaduhom quddiem Rustiku, il-prefett ta’ Ruma. Mbagħad tellgħuhom il-qorti u Rustiku l-prefett qal lil Ġustinu: “Qabel xejn, stqarr li temmen fl-allat, u isma’ mill-imperatur”. Ġustinu wieġeb: “Jekk aħna nobdu l-kmandamenti ta’ Sidna Ġesù Kristu, din m’hix raġuni biex niġu akkużati u arrestati”.

 Rustiku qallu: “X’tagħlim tistqarr?” Ġustinu wieġeb; “Jiena fittixt it-tagħlim kollu, imma ħaddant it-tagħlim veru nisrani, għalkemm dan it-tagħlim ma jogħġobx lil min hu fl-iżball”.

 Rustiku l-prefett qallu: “Dan hu t-tagħlim li jogħġbok, ja msejken?” Ġustinu wieġeb: “Iva, għax naf li jaqbel mal-prinċipji s-sewwa”.

 Rustiku l-prefett qallu: “U liema huma dawn il-prinċipji?” Ġustinu wieġeb: “Li aħna nqimu lil Alla ta’ l-insara, u ngħidu li hu waħdu ħalaq u sawwar fil-bidu l-ħlejjaq kollha, dawk li jidhru u dawk li ma jidhrux; inqimu lil Sidna Ġesù Kristu, Bin Alla, li l-profeti ħabbru li kellu jiġi biex ixandar is-salvazzjoni u jkun l-imgħallem ta’ dixxipli magħżula. Jien m’iniex ħlief bniedem, u ftit wisq nista’ ngħid fuq dan Alla bla qjies; imma nemmen fil-qawwa tal-profeti li ħabbru minn qabel li dan hu l-Iben ta’ Alla, kif diġa’ għedtlek. Naf li l-profeti kienu mnebbħa mis-sema dwar il-miġja tiegħu fost il-bnedmin”.

 Rustiku qallu: “Jiġifieri, mela, int nisrani?” Ġustinu wieġeb: “Iva, nisrani”.

 Il-prefett qal lil Ġustinu: “Ismagħni, int li mingħalik għaref u taħseb li dan it-tagħlim huwa veru: jekk nagħtik is-swat u naqtagħlek rasek, int persważ li se titla’ s-sema?” Ġustinu wieġeb: “Jekk inbati dan li qiegħed tgħid, nittama li hu jilqagħni għandu; għax naf li Alla, sa l-aħħar taż-żmien, jibqa’ jerfa’ din il-grazzja għal dawk kollha li jkunu għexu sewwa”.

 Rustiku l-prefett qallu: “Mela inti tistenna li se titla’ s-sema biex tieħu xi premju li jixraqlek?” Ġustinu wieġeb: “Mhux nistenna. Imma naf sewwa, u jiena żgur ħafna minn dan”.

 Rustiku l-prefett qallu: “Ara, niġu għall-kwistjoni tagħna, għax jenħtieġ li naqtgħuha u ma għandniex żmien x’nitilfu. Taqblu li toffru flimkien is-sagrifiċċju lill-allat?” Ġustinu wieġeb: “Min hu moħħu floku m’huwiex se jħalli t-tjieba u jaqa’ fil-ħażen”.

Rustiku l-prefett qallu: “Jekk ma tagħmlux skond l-ordni, tiġu maħqura bla ħniena ta’ xejn.’ Ġustinu wieġeb: “Din hi x-xewqa tagħna, li nbatu għall-imħabba ta’ Sidna Ġesù Kristu, u hekk insalvaw, għax mewt bħal din issaħħaħna bil-fiduċja meta nidhru għall-ħaqq aktar tal-biża’ li Sidna s-Salvatur għad jagħmel minn kulħadd”.

Il-martri l-oħrajn qablu miegħu u qalu: “Agħmel li trid; għax aħna nsara, u ma noffrux sagrifiċċji lill-idoli”.

Rustiku l-prefett xandar is-sentenza u qal: “Dawn li ma ridux jissagrifikaw lill-allat u jobdu l-ordni ta’ l-imperatur, jittieħdu minn hawn u jingħataw is-swat, u mbagħad jieħdu l-piena tal-mewt skond il-liġijiet tagħna”. Il-qaddisin martri taw glorja lil Alla. Mbagħad ħaduhom fil-post tas-soltu, u qatgħulhom rashom. U hekk mietu martri biex jistqarru lis-Salvatur.

 

RESPONSORJU ara Atti 20:21. 24; Rum 1:16

 

R/. Jiena nixhed dwar il-fidi f’Ġesù Sidna. * Jien lil ħajti xejn ma nqisha għażiża għalija jekk mhux biex intemm il-mixja tiegħi u l-missjoni li ħadt mingħand il-Mulej Ġesù li nagħti xhieda ta’ l-Evanġelju tal-grazzja ta’ Alla.

V/. Jien ma nistħix mill-Evanġelju: għax l-Evanġelju hu l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, Lhud l-ewwel, u mbagħad Griegi. * Jien lil ħajti xejn ma nqisha għażiża għalija jekk mhux biex intemm il-mixja tiegħi u l-missjoni li ħadt mingħand il-Mulej Ġesù li nagħti xhieda ta’ l-Evanġelju tal-grazzja ta’ Alla.

 

TALBA

 

 O Alla, int għoġbok li l-martri San Ġustinu jilqa’ l-bluha tas-salib, u b’mod ta’ l-għaġeb urejtu l-qligħ kbir li hemm filli nagħarfu ‘l Ġesù Kristu; bit-talb tiegħu, agħtina li nbiegħdu minna kull tagħlim qarrieq ħalli nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Martri t’Alla, rfajt salibek

u mxejt tajjeb wara Kristu;

b’rebħa kbira fuq l-għedewwa,

ksibt il-hena w sebħ għal dejjem.

 

Ieqaf magħna bit-talb tiegħek,

biex neħilsu minn ħtijietna;

biegħed minna d-deni kollu,

kun fil-hemm il-faraġ tagħna.

 

Int qaċċatt l-irbit tal-ġisem

li kien jorbtok ma’ dil-ħajja;

mill-ġibdiet ta’ l-art ħoll lilna,

għall-imħabba ta’ Bin Alla.

 

Lill-Missier kull ġieħ jingħata,

ġieħ lill-Iben, lill-Ispirtu,

Alla wieħed, li fis-sema

żejjnek b’sebħ u ferħ għal dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Oħloq fija qalb safja o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.

 

Salm 50 (51)

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; *

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; *

naddafni mid-dnub tiegħi.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti; *

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt, *

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, *

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

 

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, *

u fid-dnub nisslitni ommi.

Int li tħobb il-qalb sinċiera, *

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

 

Roxxni bl-ilma, u nissaffa; *

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, *

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

 

Dawwar wiċċek minn ħtijieti; *

ħassar ħżuniti kollha.

Oħloq fija qalb safja, o Alla, *

u spirtu qawwi ġedded fija.

 

La twarrabnix minn quddiemek; *

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, *

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 

Lill-midinbin ngħallem triqatek, *

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, †

Alla tas-salvazzjoni tiegħi; *

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

 

Iftaħli xufftejja, Sidi, *

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; *

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; *

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

 

Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; *

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, †

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; *

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek

 Glorja.

 

Ant. 1: Oħloq fija qalb safja o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.

Ant. 2: Ifraħ, Ġerusalemm, għax bik il-bnedmin kollha għad jinġabru quddiem il-Mulej.

 

Kantiku Tob 13:8-11, 13-14ab. 15-16ab

 

Bierku l-Mulej, intom il-magħżulin kollha tiegħu; *

Agħmlulu festi ta’ ferħ, u agħtuh glorja.

 Int, Ġerusalemm, belt ta’ Alla, *

Għal kull m’għamilt b’idejk il-Mulej sawwtek.

 

 Rodd il-ħajr lill-Mulej għall-ġid li għamillek, *

 bierek lil Alla ta’ dejjem;

 ħalli fik jerġa jibni t-tempju tiegħu, †

u jroddlok lura l-imjassra kollha, *

biex għal dejjem ta’ dejjem tithenna.

 

 B’dija ta’ l-għaġeb għad tiddi; *

tagħtik ġieħ l-art kollha minn tarf għall-ieħor.

 Ġnus mill-bogħod għad jiġu għandek, †

bid-doni f’idejhom, *

biex fik jaduraw lill-Mulej.

 Artek għalihom tkun art qaddisa, *

għax fik jiġu jsejjħu l-isem kbir tal-Mulej.

 Int għad titgħaxxaq b’uliedek, *

għax ilkoll għad jitbierku

 u jinġabru quddiem il-Mulej.

 

 Hienja dawk kollha li jħobbuk, *

li jifirħu bis-sliem tiegħek.

 Bierku, ruħ tiegħi, il-Mulej! †

 Għax il-Mulej, Alla tagħna, *

 ħeles lil Ġerusalemm, il-belt tiegħu,

 mill-hemm kollu tagħha.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ifraħ, Ġerusalemm, għax bik il-bnedmin kollha għad jinġabru quddiem il-Mulej.

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 

Salm 147 (147B)

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; *

faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!

 

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, *

u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, *

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; *

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. 

Jibgħat is-silġ bħas-suf; *

ixerred bħar-rmied il-ġlata.

Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; *

u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.

Isamma' kelmtu, u jinħall is-silġ; *

jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, *

l-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael. 

Ma għamel hekk ma' ebda poplu; *

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. 

Glorja.

 

Ant. 3: Faħħar ‘l Alla tiegħek, Sijon, li jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 1:3-5

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta' kull faraġ. Hu jfarraġna fid-dwejjaq kollha tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f'kull xorta ta' dwejjaq. Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta' Kristu, hekk ukoll permezz ta' Kristu, joktor fina l-faraġ.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi * U l-għana tat-tifħir tiegħi. Il-Mulej.

V/. Hu kien is-salvazzjoni tiegħi. * U l-għana tat-tifħir tiegħi. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fl-offerti kollha tagħna nfaħħru l-Ħallieq ta’ kollox b’Ibnu Ġesù Kristu u bl-Ispirtu s-Santu.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Fl-offerti kollha tagħna nfaħħru l-Ħallieq ta’ kollox b’Ibnu Ġesù Kristu u bl-Ispirtu s-Santu.

 

PREĊI

 

Ħuti għeżież, permezz tal-martri li taw ħajjithom għall-kelma ta’ Alla, infaħħru s-Salvatur tagħna, li hu x-xhud ta’ min joqgħod fuqu, u ngħidulu:

Int fdejtna għal Alla b’demmek.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li b’rieda sħiħa għażlu l-mewt biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom,

- agħmel, Mulej, li aħna nkunu tassew ħielsa.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li stqarrew il-fidi tagħhom sat-tixrid ta’ demmhom,

- agħtina, Mulej, fidi safja u qawwija sa l-aħħar.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li refgħu salibhom u mxew warajk,

- agħmel, Mulej, li b’qalb sħiħa nistabru bl-hemm ta’ din il-ħajja.

F’ġieħ il-martri tiegħek, li ħaslu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf,

- agħtina, Mulej, ir-rebħa fuq il-qerq tal-ġisem u tad-dinja.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int għoġbok li l-martri San Ġustinu jilqa’ l-bluha tas-salib, u b’mod ta’ l-għaġeb urejtu l-qligħ kbir li hemm filli nagħarfu ‘l Ġesù Kristu; bit-talb tiegħu, agħtina li nbiegħdu minna kull tagħlim qarrieq ħalli nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

  

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant.1 Hemm sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek, Mulej.

 

Salm 118 (119):161-168

 

XXI (Sin)

 

Il-kbarat għal xejn b'xejn jagħmlu għalija, *

imma minn kelmtek tibża' qalbi.

Ferħan jien minħabba l-wegħda tiegħek, *

bħal min isib xi priża kbira.

 

Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu, *

imma l-liġi tiegħek inħobbha.

Seba' darbiet kull jum infaħħrek *

għad-digrieti ġusti tiegħek.

 

Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek; *

ma hemm ebda tfixkil għalihom.

Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej; *

u nħares il-kmandamenti tiegħek.

 

Ruħi tħares il-preċetti tiegħek; *

u jiena nħobbhom ħafna.

Inħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek; *

quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha.

Glorja.

 

Ant.1 Hemm sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek, Mulej.

Ant.2 Il-ġemgħa kbira ta’ dawk li emmnu kienu ruħ waħda u qalb waħda.

 

Salm 132 (133)

 

Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, *

li l-aħwa jgħammru flimkien! 

Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras, *

li jinżel mal-leħja tiegħu,

li jinżel mal-leħja ta' Aron, *

sa fuq l-għonq ta' ħwejġu.

Hu bħan-nida tal-Ħermon, *

li tinżel fuq l-għoljiet ta' Sijon;

għax hemm il-Mulej jagħti l-barka, *

hemm jagħti l-ħajja għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant.2 Il-ġemgħa kbira ta’ dawk li emmnu kienu ruħ waħda u qalb waħda.

Ant.3 Żommni minn idejn il-ħżiena, Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Salm 139 (140):1-9. 13-14

 

Eħlisni, Mulej, mill-bnedmin ħżiena, *

min-nies tad-dnewwa ħarisni,

li f'qalbhom inisslu ħsibijiet ħżiena, *

li jqajjmu l-ġlied kuljum.

Ilsienhom daqs tas-serp isinnu, *

semm ta' lifgħa taħt xufftejhom.

 

Żommni, Mulej, minn idejn il-ħżiena, †

minn-nies tad-dnewwa ħarisni, *

li ħsiebhom hu li jfixkluni.

Nies kburin ħejjewli nassa, †

firxuli l-ħbula bħal xibka, *

u tul it-triq nasbu għalija.

 

Jien għedt lill-Mulej: "Int Alla tiegħi; *

isma', Mulej, leħen it-tħannin tiegħi."

Sidi Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi, *

inti l-għata ta' rasi f'jum it-taqbida. 

Taqtgħalhomx xewqithom, Mulej, lill-ħżiena, *

tħallihomx jilħqu l-għanijiet tagħhom.

 

Jien naf li l-Mulej jagħmel ħaqq ma' l-imsejken, *

u jagħti raġun lill-fqajjar.

Iva, il-ġusti jfaħħru ismek; *

u t-tajbin jgħammru quddiemek.

 Glorja.

 

Ant.3 Żommni minn idejn il-ħżiena, Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 12:17a. 19b-21

 

Troddu lil ħadd deni b’deni. Għax hemm miktub: Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej. Imma jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk inhu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk, tkun qiegħed tiġma ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.

 

 V/. It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.

 R/. Is-sewwa tiegħu ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, madwar id-disgħa ta’ filgħodu ħaduk għall-mewt tas-salib biex hekk issalva d-dinja; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex dejjem tagħtina l-maħfra tiegħek għal ħtijietna l-imgħoddija, u tħarisna bla heda għal li ġej. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 3:16

 

B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li hu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa.

 

 V/. Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb.

 R/. Għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, meta sallbuk, għalkemm bla ħtija, biex tifdina, minn nofsinhar ‘il quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu; agħmel li dejjem jiddi fuqna dak id-dawl li bih jistħoqqilna naslu fil-ħajja ta’ dejjem. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 4:9-11

 

B’dan dehritilna l-imħabba ta’ Alla, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla, imma għax ħabbna hu, u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna. Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu ‘l xulxin.

 

 V/. Ħares, o Alla, tarka tagħna.

 R/. Ħares lejn Kristu tiegħek.

 

Talba

 

Mulej Ġesù Kristu, int ħfirt lill-ħalliel it-tajjeb għax nidem, u, wara li miet fuq is-salib, daħħaltu fis-saltna tiegħek; aħna wkoll nistqarru li aħna midinbin, u b’fiduċja kbira nitolbuk biex wara l-mewt tagħna tilqagħna fl-hena tal-ġenna. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mulej Alla, inti x-xorti

waħdanija, l-ġieħ u l-premju

tal-qalbiena kollha tiegħek

li fuq l-art għalik issieltu.

 

Aħna llum qegħdin infaħħru

martri tiegħek li ta xhieda

ta’ twemminu b’tixrid demmu,

biex jintrabat sħiħ ma’ Kristu.

 

Ċaħad l-hena ta’ did-dinja,

rifes b’qawwa fuq kull frugħa;

ħsiebu biss li jikseb lilek

u l-wegħdiet imbierka tiegħek.

 

B’ħila barranija w sabar

tbatijiet qalila ġarrab;

demmu xerred, w int, fi mħabbtek,

ħadtu jgħix għal dejjem miegħek.

 

F’ġieħ ir-rebħ ta’ dan il-martri,

Alla ta’ kull tjieba w ħniena,

nitolbuk fiċ-ċokon tagħna,

aħfer lill-qaddejja tiegħek.

 

Sabiex niġu naqsmu miegħu

l-istess xorti ġewwa s-sema,

miġburin ilkoll madwarek

fid-dar tiegħek, għajn tal-ħajja.

 

Lilek, o Missier, u miegħek

‘l Ibnek u ‘l-Ispirtu s-Santu,

ġieħ jintradd, tifħir u glorja,

kif mill-bidu, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kuljum irrid imbierkek, Mulej, u fuq l-għeġubijiet tiegħek nitħaddet.

 

Salm 143 (144)

 

I

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, *

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kuljum irrid inbierkek, *

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

 

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, *

bla tarf il-kobor tiegħu.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, *

u s-setgħa tiegħek ixandru.

 

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru, *

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.

Il-qawwa ta' l-għemejjel tiegħek tal-biża' jxandru; *

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, *

jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej, *

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej, *

tjubitu fuq kull ma għamel.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej; *

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, *

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,

biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek, *

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, *

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 1: Kuljum irrid imbierkek, Mulej, u fuq l-għeġubijiet tiegħek nitħaddet.

Ant. 2: Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej; inti qrib lejn kull min isejjaħlek.

 

II

 

Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa', *

iqajjem 'il kull min hu mitluq.

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, *

u inti tagħtihom l-ikel f'waqtu.

Int tiftaħ idek, *

u xxabba' 'l kulħadd bil-ġid.

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, *

twajjeb f'dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, *

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.

Jaqtgħalhom xewqthom 'il dawk li jibżgħu minnu, *

jisma' l-għajta tagħhom, u jsalvahom.

Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, *

imma lill-ħżiena jeqridhom.

 

Tifħir il-Mulej ixandar fommi; †

u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu *

għal dejjem ta' dejjem!

 Glorja.

 

Ant. 2: Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej; inti qrib lejn kull min isejjaħlek.

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

Kantiku Apok 15:3-4

 

 Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, *

 Mulej, Alla li tista' kollox; 

 sewwa u veri t-triqat tiegħek, *

 Sultan tal-ġnus.

 

 Min, Mulej, ma jibżax minn ismek? *

 Min ma jsebbħux? 

 Għaliex int waħdek qaddis: † 

 u l-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, *

 għax magħrufa saru l-ġudizzji tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 3: Sewwa u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet. 4:13-14

 

Għeżież, ifirħu, għax intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu, għax aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu. Jekk imaqdrukom minħabba l-isem ta’ Kristu, henjin intom! Fuqkom għandkom l-Ispirtu tal-glorja, li hu l-Ispirtu ta’ Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Ġarrabtna, o Alla, * Iżda ħriġtna fil-wisa’. Garrabtna.

V/. Għaddejtna mill-prova bħall-fidda. * Iżda ħriġtna fil-wisa’. Glorja, Ġarrabtna.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Minnufih tkebbes nar fl-ispirtu tiegħi, u mtlejt bl-imħabba tal-profeti u ta’ dawk li huma ħbieb Kristu.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Minnufih tkebbes nar fl-ispirtu tiegħi, u mtlejt bl-imħabba tal-profeti u ta’ dawk li huma ħbieb Kristu.

 

PREĊI

 

F’din is-siegħa s-Sultan tal-martri offra lilu nnifsu fl-ikla ta’ l-aħħar u miet fuq is-salib. Inroddulu ħajr u ngħidulu:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk għax ħabbejtna għall-aħħar, int, is-Salvatur tagħna, l-għajn u l-eżempju ta’ kull qawwa fil-martirju:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax inti ssejjaħ lill-midinbin kollha ħalli jindmu biex tagħtihom il-ħajja.

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax tajt is-setgħa lill-Knisja biex toffri d-demm tiegħek li int xerridt għall-maħfra tad-dnubiet, id-demm tal-patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax illum bil-grazzja tiegħek żammejtna sħaħ fil-fidi:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

Infaħħruk għax illum seħibt miegħek ħafna aħwa fil-mewt:

Bil-ferħ kollu, Mulej, infaħħruk.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, int għoġbok li l-martri San Ġustinu jilqa’ l-bluha tas-salib, u b’mod ta’ l-għaġeb urejtu l-qligħ kbir li hemm filli nagħarfu ‘l Ġesù Kristu; bit-talb tiegħu, agħtina li nbiegħdu minna kull tagħlim qarrieq ħalli nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĠIMGĦA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 87 (88)

 

Talba fil-mard

Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet. (Lq 22:53)

 

Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, *

billejl jien nitniehed quddiemek.

Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, *

agħti widen għat-talba tiegħi.

 

Għax ruħi mimlija bl-hemm, *

lejn il-qabar qed toqrob ħajti.

Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, *

sirt qisni bniedem bla saħħa.

Fost il-mejtin hu friexi, *

bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,

li fihom ma tiftakarx iżjed *

u m'humiex aktar taħt idejk.

 

Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, *

fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.

Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, *

fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.

 

Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, *

għamiltni ħaġa ta' l-għajb għalihom;

ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ; *

għajnejja mdallma bl-għali.

Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, *

lejk immidd idejja.

 

Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, *

jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?

Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, *

jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?

Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, *

jew f'art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?

 

Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, *

fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.

Għaliex, Mulej, twarrabni, *

u taħbi wiċċek minni?

 

Imsejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, *

inħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.

Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, *

fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'. 

Kuljum bħall-ilma jdawwruni, *

flimkien minn kull naħa jagħlquni.

Int beidt minni l-ħbieb u l-qraba, *

sħabi huma d-dlamijiet. 

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Binhar u bil-lejl, Mulej, nitniehed quddiemek.

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Ġer 14:9

 

Int qiegħed f’nofsna, Mulej, u aħna msemmija għalik: la tħalliniex, Mulej, Alla tagħna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li b’qalbna kollha ningħaqdu ħaġa waħda ma’ Ibnek midfun, biex jistħoqqilna nqumu miegħu f’ħajja ġdida. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.