Stampa t-test kollu ...


 

1 ta’ Mejju

SAN ĠUŻEPP ĦADDIEM

Salmodija tat-Tlieta tal-I ġimgha

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa: ejjew nadurawh, hallelujah,

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa: ejjew nadurawh, hallelujah,

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa: ejjew nadurawh, hallelujah,

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

Ant. Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa: ejjew nadurawh, hallelujah,

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa: ejjew nadurawh, hallelujah,

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa: ejjew nadurawh, hallelujah,

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa: ejjew nadurawh, hallelujah,

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ħaddiem ta’ ġieħ, Ġużeppi, missier tagħna,

moħbi ġo Nazaret f’dar umli w bieżla,

ilkoll ferħana nersqu biex noffrulek

tifħir u qima.

 

Ilqajt bil-qalb li tgħaddi ħajtek sieket

fix-xogħol kuljum, għalkemm mis-slaten nislek,

u ħdimt, batejt, biex tgħajjex lil Marija

u ‘l Kristu binha.

 

Sirt mera ħaj w eżempju tal-ħaddiema,

sinjal merfugħ għall-poplu u mgħallem għaqli,

biex nagħrfu nqaddsu bħalek għaraq ġbinna

u l-post fejn naħdmu.

 

Missier, ħu ħsieb il-fqar fi ħtiġijiethom,

seddaq fi djarna s-sliem u saħħaħ l-għaqda,

biex jikber f’artna ġisem Kristu w jilħaq

il-milja tiegħu.

 

Jagħtina Alla l-grazzja biex, bla heda,

f’ħajjitna u f’mewtna nsiru nixbħu lilek,

u li, għall-merti tiegħek, niksbu l-hena

fid-dawl tal-glorja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Il-Mulej jagħmel ħaqq ġust lill-foqra, hallelujah.

 

Salm 9B (10)

 

I

 

Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed? *

Għaliex tinħeba waqt il-bżonn?

Fi kburitu l-ħażin lill-fqir jaħqar, *

jaqbdu fin-nases li nasablu. 

Il-ħażin jiftaħar bix-xewqat ta' qalbu, *

fir-regħba tiegħu jisħet u jżeblaħ lill-Mulej.

 

Fi kburitu jkasbar lill-Mulej, u f'xejn ma jfittxu; *

u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu.

Jirnexxi dejjem fi triqtu, †

xejn ma jilħquh il-ġudizzji tiegħek,

bl-għedewwa tiegħu jiddieħak.

Jgħid f'qalbu: "Ma niċċaqlaqx! *

Minn nisel għal nisel ebda ħsara ma tilħaqni!"

 

Saħta, qerq u dnewwa fuq fommu; *

għawġ u ħsara fuq ilsienu.

Wara l-ħitan tas-sejjieħ jissajja, †

fil-moħbi joqtol nies bla ħtija; *

għajnejh ifittxu lill-imsejken.

Jgħasses fil-moħbi bħal iljun fil-bejta; †

jgħasses biex lill-fqajjar jaħtaf; *

jaqbdu u jkaxkru fix-xibka.

Jitbaxxa, ma' l-art jinxteħet; *

l-imsejkna jaqgħu taħt il-qilla tiegħu.

Jgħid bejnu u bejn ruħu: "Alla nesa; *

ħeba wiċċu, ma jħarisx iżjed".

 Glorja.

 

Ant. 1: Il-Mulej jagħmel ħaqq ġust lill-foqra, hallelujah.

Ant. 2: Ara, Mulej, l-għawġ u l-ħsara ta’ l-imsejken, hallelujah.

 

II

 

Qum, Mulej! Erfa' idek, o Alla! *

La tinsihomx lill-imsejknin.

Għax għandu l-ħażin ikasbrek, o Alla, *

u jaħseb li int ma tfittxux?

 

Int tara, tabilħaqq, l-għawġ u l-ħsara, *

u taħseb biex f'idejk teħodhom.

F'idejk jintelaq l-imsejken; *

ta' l-iltim int sirt l-għajnuna.

Kisser int driegħ il-ħażin u l-midneb, *

ilħaqlu ħżunitu sakemm ma ssiblux iżjed.

 

Sultan hu l-Mulej għal dejjem ta' dejjem; *

inqerdu l-ġnus minn artu.

It-talba ta' l-imsejknin smajtha, Mulej; *

int taqtgħalhom ix-xewqa ta' qalbhom,

biex tagħti raġun lill-iltim u l-maħqur; *

u bniedem ta' l-art ma jbeżżax aktar.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ara, Mulej, l-għawġ u l-ħsara ta’ l-imsejken, hallelujah.

Ant. 3: Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija bin-nar, hallelujah.

 

Salm 11 (12)

 

Għajnuna, Mulej, għax m'hawnx aktar twajbin; *

għebu s-sinċiera minn fost il-bnedmin.

Wieħed lil ieħor bil-gideb ikellem; *

b'xufftejn qarrieqa, b'żewġt iqlub jitkellmu.

 

Jaqta' l-Mulej ix-xufftejn qarrieqa, *

kull ilsien li jitkellem bil-kburija,

dawk li jgħidu: "Saħħitna fi lsienna, *

kliem xufftejna magħna; min hu sidna?"

 "Minħabba t-tgħakkis tal-fqajrin *

u l-krib ta' l-imsejknin,

jien issa se nqum," jgħid il-Mulej; *

"nqum biex neħilsu, kif hu jixtieq."

Kliem il-Mulej kliem safi, *

fidda mgħoddija min-nar,

seba' darbiet imsoffija mit-trab.

 

Int, Mulej, tieħu ħsiebna, *

tħarisna minn dan in-nisel għal dejjem.

Għax il-ħżiena ma' kullimkien juru ruħhom, *

aktar ma titgħolla d-dnewwa fost il-bnedmin.

 Glorja.

 

Ant. 3: Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija bin-nar, hallelujah.

 

V/. Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar, hallelujah.

R/. Il-mewt ma ssaltanx aktar fuqu, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-ApokalissiApok 20:1-15

 

L-aħħar taqbida tad-Dragun

 

Jiena, Ġwanni, rajt nieżel Anġlu mis-sema, bil-muftieħ tal-bir bla qiegħ u katina kbira f'idu. U huwa qabad id-Dragun, is-Serp tal-qedem, li hu d-Demonju u x-Xitan, u rabtu għal elf sena, u waddbu fil-bir bla qiegħ, li mbagħad għalqu fuqu u ssiġillah biex ma jqarraqx iżjed bil-ġnus sa ma jintemmu l-elf sena. Wara dawn imbagħad ikun meħtieġ li jinħall għal ftit taż-żmien. 

U rajt tronijiet, u fuqhom qagħdu bilqiegħda xi wħud li lilhom ingħatat is-setgħa li jagħmlu l-ħaqq. Rajt ukoll l-erwieħ ta' dawk li kienu qatgħulhom rashom minħabba fix-xhieda ta' Ġesù u l-Kelma ta' Alla, u lil dawk li ma kinux xteħtu jagħtu qima lill-Bhima u lix-xbieha tagħha, u li ma ħadux il-marka fuq ġbinhom u fuq idhom. U dawn bdew jgħixu u jsaltnu ma' Kristu għal elf sena. Il-bqija tal-mejtin ma reġgħux ħadu l-ħajja sa ma jkunu ntemmu l-elf sena.

Dan hu l-ewwel qawmien ta’ l-imwiet. Hieni u qaddis min għandu sehem fl-ewwel qawmien ta' l-imwiet: it-tieni mewt ma għandha ebda setgħa fuq dawn, imma jkunu qassisin ta' Alla u ta' Kristu, u jsaltnu miegħu matul l-elf sena. 

U meta jintemmu l-elf sena, ix-Xitan jinħall mill-ħabs tiegħu, u joħroġ iqarraq bil-ġnus li jinsabu fl-erba' rkejjen ta' l-art, jiġifieri Gog u Magog, u jiġborhom għall-gwerra f'kotra kbira daqs ir-ramel tal-baħar. Huma telgħu fuq il-wisa' kollu ta' l-art u dawwru l-kamp tal-qaddisin u l-Belt għażiża. Imma mis-sema niżel nar u belagħhom. Mbagħad id-Demonju, li kien qarraq bihom, sab ruħu mwaddab fil-belliegħa ta' nar u kubrit, fejn hemm ukoll il-Bhima u l-profeta qarrieq, u jibqgħu jbatu lejl u nhar għal dejjem ta' dejjem. 

Rajt imbagħad tron kbir abjad u 'l dak li hu bilqiegħda fuqu. L-art u s-sema ħarbu minn quddiemu, bla ma nstab post għalihom. U rajt il-mejtin, kbar u żgħar, quddiem it-tron. U nfetħu l-kotba. Infetaħ ukoll ktieb ieħor, dak tal-ħajja. Mbagħad il-mejtin sar ħaqq minnhom fuq l-għemejjel tagħhom, skond ma kienu mniżżla fil-kotba.

Il-baħar radd lura l-mejtin li kien hemm ġo fih, u hekk ukoll il-Mewt u l-qiegħ ta' l-art raddew lura l-mejtin li kien hemm ġo fihom, u kull wieħed minnhom sar ħaqq minnu fuq l-għemejjel tiegħu. Mbagħad il-Mewt u Post il-Mejtin ġew mixħuta fil-belliegħa tan-nar: hija t-tieni mewt. Hekk ukoll min ma nstabx imniżżel fil-ktieb tal-ħajja, kien mixħut fil-belliegħa tan-nar.

 

RESPONSORJU 1 Kor 15:25; ara Apok 20:13a. 14

 

R/. Jeħtieġ li Kristu jsaltan sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh. * Fl-aħħar jinqered l-aħħar għadu: il-Mewt, hallelujah.

V/. Il-Mewt u l-qiegħ ta’ l-art iroddu lura l-mejtin li jkun hemm ġo fihom, u mbagħad il-Mewt u Post il-Mejtin jiġu mixħuta fil-belliegħa tan-nar. * Fl-aħħar jinqered l-aħħar għadu: il-Mewt, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Kostituzzjoni pastorali tal-Konċilju Vatikan it-tieni, fuq il-Knisja fiż-żminijiet ta’ llum

 

It-tħabrik tal-bniedem fid-dinja

 

 Bil-ħidma u d-dehen tiegħu l-bniedem minn dejjem kien iħabrek biex itejjeb il-qagħda tiegħu fuq l-art. Iżda llum, l-aktar bis-saħħa tax-xjenza u t-teknika, huwa firex u jkompli jifrex il-ħakma tiegħu tista’ tgħid fuq il-ħlejjaq naturali kollha. Illum żdiedu mezzi ta’ kull xorta biex in-nazzjonijiet jersqu lejn xulxin, u dawn il-mezzi għenu iktar minn kull ħaġa oħra biex bil-mod il-mod il-familja tal-bnedmin tagħraf u ssawwar lilha nfisha bħala xirka waħda fid-dinja kollha. B’hekk ġara li fejn dari l-bniedem kien joqgħod jistenna ħafna ġid, l-aktar mingħand is-setgħat tas-sema, illum dan il-ġid qiegħed jiksbu hu, bil-ħila tiegħu.

Quddiem dan l-isforz bla qjies, li diġà kulħadd mela rasu bih, ħafna huma l-kwistjonjiet li nibtu fost il-bnedmin. Xi tfisser u x’siwi għandha din il-ħidma kollha? Kif għandna ninqdew b’dawn il-ħwejjeġ kollha? Fejn iridu jaslu l-individwi u s-soċjetajiet b’dan it-tħabrik kollu tagħhom?

Il-kelma ta’ Alla tagħtina l-ħjilijiet biex fuqhom nibnu l-ħajja reliġjuża u morali tagħna. It-teżor tal-kelma ta’ Alla huwa fdat f’idejn il-Knisja, u għalhekk, għalkemm il-Knisja mhux dejjem għandha t-tweġiba lesta għal kull kwistjoni li tinqala’, hija tixtieq tħares lejn l-esperjenzi kollha fid-dawl tar-rivelazzjoni, biex hu jdawwal it-triq li l-bniedem qabad f’dawn l-aħħar żminijiet.

Il-bniedem, sew waħdu sew flimkien ma’ oħrajn, dejjem tħabat u fittex biex ikollu kondizzjonijiet aħjar għall-ħajja. Dan it-tħabrik bla tarf, jekk aħna nħarsu lejh fih innifsu, jaqbel sewwa mal-pjan ta’ Alla, kif jaf kull nisrani.

Għax Alla, meta ħalaq lill-bniedem għax-xbieha tiegħu, ordnalu biex jaħkem fuq l-art b’kull ma fiha, imexxi d-dinja fis-sewwa u bil-qdusija, u jorbot lilu nnifsu u l-ħolqien kollu ma’ Alla, li hu għandu jagħrfu bħala s-Sid li ħalaq kollox. B’hekk jiġri li, permezz tal-ħakma tal-bniedem fuq il-ħlejjaq kollha, l-isem ta’ Alla jkun ta’ l-għaġeb fl-art kollha.

Dan l-ordni kien mogħti lill-bniedem għal kull xorta ta’ ħidma li jagħmel kuljum. Għax sew l-irġiel sew in-nisa, meta jitħabtu għall-għajxien tagħhom u tal-familja bil-ħsieb li jaqdu dmirhom lejn is-soċjetà kif imiss, għandhom il-jedd kollu biex jifhmu li, bil-ħidma tagħhom, qegħdin jissuktaw l-opra tal-Ħallieq, ifittxu r-riżq ta’ ħuthom il-bnedmin, u bit-tħabrik personali tagħhom jagħtu sehemhom biex il-pjan ta’ Alla jseħħ fl-istorja.

Mela ma jaħsbux l-insara li l-opri tad-dehen u l-ħila tal-bniedem ma għandhomx x’jaqsmu mal-qawwa ta’ Alla, anqas ma jqisu lill-bniedem bħallikieku kien xi rival ta’ Alla; mhux biss , imma aktar imisshom idaħħluha f’moħħhom li r-rebħiet tal-bniedem huma xhieda tal-kobor ta’ Alla, u jinkisbu skond il-pjan għoli tal-Ħallieq.

Dan kollu jurina li l-messaġġ nisrani ma hu ta’ ebda xkiel għall-bniedem biex jibni d-dinja, anqas ma jġagħlu jneħħi minn ħsiebu l-ġid tal-proxxmu, anzi jorbtu iżjed biex jagħmel dawn il-ħwejjeġ bħala dmiru.

 

 

 

RESPONSORJU

 

R/. Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem u qiegħdu fil-ġnien ta’ l-Għeden, * Biex jaħdmu u jieħu ħsiebu, hallelujah.

V/. Il-bniedem hekk qiegħed sa mill-bidu. * Biex jaħdmu u jieħu ħsiebu, hallelujah.

 

TALBA

 

O Alla, li ħlaqt kollox, int għamilt għall-bniedem il-liġi tax-xogħol; fil-ħniena tiegħek, agħtina li bl-eżempju u l-ħarsien ta’ San Ġużepp, nagħmlu dak li inti trid minna u niksbu l-ħlas li wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Tielgħa x-xemx! Filwaqt li ssejjaħ

lill-bnedmin għal jum ta’ ħidma,

tistedinna nsellmu magħha

lid-dar bieżla ta’ Ġużeppi.

 

Sliem għalik, missier imbierek:

dak li ħalaq l-art u s-sema

ried li taħtek b’għaraq ġbinu

jaqla’ l-ħobż fis-sengħa tiegħek.

 

Int, li llum qed tgawdi ħlasek

ħdejn l-Għarusa Mqaddsa tiegħek,

ieqaf magħna, foqra u msejkna,

li fik qiegħda t-tama tagħna.

 

Mit-tilwim u d-dnewwa eħlisna,

minn kull qerq fil-ħlas tal-ħidma;

la tħallix li nkunu nieqsa

f’dak li hu meħtieġ għall-ħajja.

 

Radd ta’ ħajr u glorja ‘l Alla,

li kull barka fuqna jxerred

u fit-triq tas-sliem iżommna

bil-għajnuna tat-talb tiegħek. Ammen.

 

 

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, hallelujah.

 

Salm 23 (24)

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, *

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, *

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.

 

Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej, *

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja, †

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, *

u anqas ma jaħlef bil-qerq.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, *

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh; *

li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej setgħan u qawwi,

il-Mulej qawwi fit-taqbida.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, *

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

Min hu dan is-Sultan tal-glorja? *

Hu l-Mulej ta' l-eżerċti:

dan hu s-Sultan tal-glorja!

 Glorja.

 

Ant. 1: Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, hallelujah.

Ant. 2: Agħmlu festi ta’ ferħ lill-Mulej, u agħtuh glorja, hallelujah.

 

 

 

Kantiku Tob 13:2-8

 

Mulej, int kbir minn dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem saltnatek.

Int issawwat u int issalva, †

tniżżel fl-imwiet u terġa ttella’, *

u ħadd minn taħt idejk ma jista’ jaħrab.

 

Sebbħu l-Mulej, ulied Iżrael; *

faħħruh quddiem il-ġnus,

Hu xerridkom fost il-ġnus, li ma jagħrfuhx, *

u intom għidulhom bl-għeġubijiet tiegħu;

għarrfuhom li hu Alla li jista’ kollox, *

u ma hemmx alla ieħor ħliefu.

 

Hu sawwatna minħabba ħtijietna, *

imma jsalvana għall-ħniena tiegħu.

Araw kull ma għamel magħna, *

u bil-biża’ u t-tregħid roddulu ħajr.

F’dak kollu li intom tagħmlu, *

għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem.

 

Jiena nfaħħru f’art il-jasar tiegħi, *

għax wera l-kobor tiegħu quddiem ġens midneb.

 Duru, midinbin, lejn Alla, *

u agħmlu s-sewwa quddiemu;

 emmnu fih li jista’ jħenn għalikom; *

jiena nnifsi fih insib l-hena tiegħi.

 

 Bierku l-Mulej, intom il-magħżulin kollha tiegħu; *

agħmlulu festi ta ferħ, u agħtuh glorja.

 Glorja.

 

Ant. 2: Agħmlu festi ta’ ferħ lill-Mulej, u agħtuh glorja, hallelujah.

Ant. 3: Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art, hallelujah.

 

 

Salm 32 (33)

 

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej; *

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra; *

għannulu fuq l-arpa b'għaxar kordi.

Għannulu għanja ġdida; *

għajjtu bil-ferħ, doqqulu bis-sengħa.

 

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej, *

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa; *

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, *

u b'nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.

Bħal f'ġarra l-ilmijiet ġabar, *

u l-ibħra kbar fi mħażen.

 

Ħa tibża' mill-Mulej l-art kollha; *

jitbeżża' minnu kull min jgħammar fid-dinja.

Għax hu tkellem, u hi saret; *

hu ordna, u hi twaqqfet.

Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus, *

ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.

Imma l-fehma tal-Mulej tibqa' għal dejjem, *

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta' moħħu.

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu, *

il-poplu li hu għażel b'wirtu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej, *

u jara l-bnedmin kollha;

mill-post fejn jgħammar jistħarreġ *

fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.

Hu jsawwar il-qalb ta' kull wieħed, *

u jagħraf għemilhom kollu.

 

Ma jagħmel xejn is-sultan bl-eżerċtu tiegħu kollu, *

anqas ma jeħlisha l-gwerrier bil-ħila kollha tiegħu.

Xejn ma jiswa ż-żiemel għar-rebħa, *

b'saħħtu kollha 'l ħadd ma jeħles.

Araw, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu, *

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom, *

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Fih jinsab l-hena ta' qalbna, *

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Glorja.

 

Ant. 3: Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA2 Sam 7:28-29

 

Sidi Mulej, int Alla, il-kelma tiegħek hi s-sewwa, u int wegħidt dan il-ġid kollu lill-qaddej tiegħek. Qum u bierek il-familja tal-qaddej tiegħek, ħalli tibqa’ quddiemek għal dejjem! Għax int, Sidi Mulej, tkellimt, u l-familja tal-qaddej tiegħek tkun imbierka għal dejjem bil-barka tiegħek.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-Mulej Alla għamlu sid fuq id-dar tiegħu. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.

V/. Ħallielu f’idejh ġidu kollu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 San Ġużepp kien jaħdem fis-sengħa ta’ mastrudaxxa b’fedeltà kbira, u hekk sar eżempju sabiħ u ta’ l-għaġeb fix-xogħol, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 San Ġużepp kien jaħdem fis-sengħa ta’ mastrudaxxa b’fedeltà kbira, u hekk sar eżempju sabiħ u ta’ l-għaġeb fix-xogħol, hallelujah.

 

PREĊI

 

Il-Mulej waħdu jiġġustifika lill-bnedmin. Nitolbuh bl-umiltà:

Mulej, żommna fil-ħajja ġusta tiegħek.

Int, Alla Sidna, sejjaħt lil missirijietna biex jgħixu b’qalb perfetta quddiemek:

- agħmel li nimxu fuq il-passi tagħhom biex inkunu perfetti kif tridna int.

Int għażilt lil Ġużeppi, raġel ġust, biex irabbi lil Ibnek li sar bniedem:

- agħmel li naqdu lill-ġisem ta’ Kristu f’ħutna, il-membri tiegħu.

Int fdajt id-dinja f’idejn il-bnedmin, biex jimlewha u jsaltnu fuqha:

- għallimna nkunu ħabrieka u bieżla fuq din l-art, u nfittxu bla heda l-glorja tiegħek.

Missier tagħna lkoll, ftakar fl-opra kbira ta’ jdejk:

- agħmel li lkoll kemm aħna ngħixu ħajja xierqa ta’ bnedmin u naħdmu fis-sliem u b’qalb mistrieħa.

 

Missierna

 

 

Talba

 

O Alla, li ħlaqt kollox, int għamilt għall-bniedem il-liġi tax-xogħol; fil-ħniena tiegħek, agħtina li bl-eżempju u l-ħarsien ta’ San Ġużepp, nagħmlu dak li inti trid minna u niksbu l-ħlas li wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

 

Salm 118 (119): 1-8

 

I (Alef)

 

Ħenjin dawk li triqthom bla ħtija, *

li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Ħenjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu, *

u li jfittxuh b’qalbhom kollha.

 

Huma ma jagħmlux ħażen, *

imma jimxu fit-triqat tal-Mulej.

Int tajt il-preċetti tiegħek, *

biex inħarsuhom bir-reqqa.

Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi *

fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!

Mbagħad ma jkollix għax nistħi,

la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha.

 

Mbagħad infaħħrek b'qalb safja, *

Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.

Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek; *

la tħallinix għalkollox!

 Glorja.

 

 

Salm 12 (13)

 

Mulej, għal dejjem se tinsieni? *

Kemm se ddum taħbi wiċċek minni? 

Kemm se ndum b'qalbi ttaqtaq, †

bl-imrar kuljum f'qalbi? *

Kemm se jdum jintrefa' l-għadu fuqi?

 

Ħares u weġibni, Mulej, Alla tiegħi, *

agħti d-dawl lil għajnejja,

li ma naqax fir-raqda tal-mewt;

li ma jgħidx l-għadu tiegħi: "Għelibtu!", *

li ma jifirħux l-għedewwa għax jarawni nogħtor.

 

Imma jien fit-tjieba tiegħek nitma, †

tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek. *

Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli.

 Glorja.

 

Salm 13 (14)

 

Jgħid l-iblah f’qalbu: “M’hemmx Alla!” *

Tħassru l-bnedmin,

 Għamlu ħwejjeġ ta’ min jistmellhom; *

m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.

 Il-Mulej mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, *

biex jara jekk hemmx min hu għaqli,

min ifittex lil Alla.

 

Ilkoll intilfu, lkoll flimkien tħażżnu; *

ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.

Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, *

dawk li qatt ma jsejjħu l-Mulej,

li jaħtfu l-poplu tiegħi, *

kif wieħed jaħtaf il-ħobż?

 

Biża' kbir waqa' fuqhom, *

għax Alla hu ma' nisel il-ġust.

Intom tidħku bil-ħsieb ta' l-imsejken; *

imma l-Mulej hu l-kenn tiegħu.

Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael? *

Meta jerġa' jqajjem il-Mulej il-poplu tiegħu,

 jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.

 Glorja.

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA ara Atti 4:11-12

 

Din hi l-ġebla mwarrba mill-bennejja, li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd aktar ma hemm salvazzjoni, għax taħt is-sema ma hemmx isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi.

 

V/. Il-Mulej qam tassew mill-imwiet, hallelujah.

R/. U deher lil Xmun Pietru, hallelujah.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRAara 1 Piet 3:21-22a

 

L-ilma tal-magħmudija issa jsalva lilkom ukoll; m’huwiex ilma biex inaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma hu talba li ssir lil Alla b’kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu, li qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

 

V/. Id-dixxipli ferħu, hallelujah.

R/. Meta raw lill-Mulej, hallelujah.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:1-2

 

Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.

 

V/. Ibqa’ magħna, Mulej, hallelujah.

R/. Għax il-jum wasal biex jispiċċa, hallelujah.

 

 

Talba

 

O Alla, bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet inti ġġeddidna għall-ħajja ta’ dejjem: qawwi l-poplu tiegħek bil-fidi u t-tama, biex nemmnu sħiħ u b’qalb qawwija li dak kollu li wegħedtna għad iseħħ. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Ġużeppi, s-sema jgħanni t-tifħir tiegħek,

u jidwi ma’ l-art kollha l-għana ħlejju,

għax stħaqqlek b’merti kbar tieħu ‘l Marija

b’Għarusa safja tiegħek.

 

Stagħġibt xħin rajt li saret omm mingħajrek,

u f’qalbek dritta nibet ħsieb li ħawwdek;

iżd’anġlu nebbħek li t-tarbija tnisslet

b’għemil l-Ispirtu s-Santu.

 

Ħaddant bil-ħlewwa ‘l Sidek, meta twieled;

warrabtu minn Erodi ‘l bogħod fl-Eġittu;

f’Ġerusalemm fittixtu meta ntilef,

u bkejt bil-ferħ kif sibtu.

 

Hi l-mewt li tissiġilla l-ħajja mseddqa

tal-magħżulin li l-Għoli jsejjaħ miegħu;

int iżda f’ħajtek stess titgħaxxaq b’Alla,

meqjus bħal ibnek f’darek.

 

Quddiemek nersqu, Trinità Qaddisa:

għall-merti ta’ Ġużeppi, ħenn għalina,

biex nistgħu niġu w ngħannu flimkien miegħu

is-sebħ tal-kobor tiegħek. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Issa ġiet is-saltna ta’ Alla tagħna, u s-setgħa tal-Messija tiegħu, hallelujah.

 

 

Salm 19 (20)

 

Jisimgħek il-Mulej fi żmien in-niket; *

iħarsek l-isem ta' Alla ta' Ġakobb!

Mit-tempju mqaddes tiegħu jibgħatlek l-għajnuna, *

u minn Sijon jagħtik is-saħħa.

 

Jiftakar fl-offerti tiegħek kollha, *

u jilqa' bil-qalb is-sagrifiċċju tiegħek.

Jagħtik dak li tixtieq qalbek, *

u jtemm ħsibijiet tiegħek kollha.

 Naqbżu bil-ferħ għar-rebħa tiegħek, †

ngħollu l-bnadar f'isem Alla tagħna. *

Jagħtik il-Mulej kull ma titolbu!

 

Jien issa naf li l-Mulej *

irebbaħ lis-sultan, il-midluk tiegħu,

u jwieġbu mis-sema mqaddes tiegħu *

bir-rebħa qawwija tal-leminija tiegħu.

 

Xi wħud fil-karrijiet, oħrajn fiż-żwiemel, *

imma aħna f'isem il-Mulej Alla l-qawwa tagħna.

Huma jixxenglu u jaqgħu; *

imma aħna b'saħħitna, weqfin fuq riġlejna.

 

Mulej, salva s-sultan; *

weġibna meta nsejjħulek.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Ant. 1: Issa ġiet is-saltna ta’ Alla tagħna, u s-setgħa tal-Messija tiegħu, hallelujah.

Ant. 2: Int ħadt il-qawwa kbira tiegħek u bdejt issaltan, hallelujah.

 

Salm 20 (21):2-8, 14

 

Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan; *

kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!

Ix-xewqa ta' qalbu int qtajthielu, *

ma ċħadtlux it-talba ta' fommu.

Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq, *

kuruna ta' deheb fin qegħedtlu fuq rasu.

Il-ħajja talbek, u int tajthielu, *

għomor twil minn żmien għal żmien.

 

Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu; *

ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.

Lilu tagħti barkiet għal dejjem, *

tferrħu u thennih bis-sebħ ta' wiċċek.

Għalhekk is-sultan fil-Mulej jittama, *

għall-ħniena ta' l-Għoli qatt ma jitħarrek.

 

Tkabbar, Mulej, bil-qawwa tiegħek! *

Ħa ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek.

 Glorja.

 

Ant. 2: Int ħadt il-qawwa kbira tiegħek u bdejt issaltan, hallelujah.

Ant. 3: Lilek jaqdu l-ħlejjaq kollha, għax int tkellimt u huma saru, hallelujah.

 

Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

u tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin *

li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

 Glorja.

 

Ant. 3: Lilek jaqdu l-ħlejjaq kollha, għax int tkellimt u huma saru, hallelujah.

 

 

LEZZJONI QASIRA Kol 3:23-24

 

Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom, bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin, għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja għalikom il-Mulej bħala wirt. Aqdu lil Kristu Sidna.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Il-bniedem ġust jiżhar bħall-ġilju. * Hallelujah, hallelujah. Il-bniedem.

V/. Iwarrad għal dejjem quddiem il-Mulej. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-bniedem.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Kristu l-Mulej għoġbu li n-nies jaħsbuh bin il-mastrudaxxa, hallelujah.

 

PREĊI

 

Nersqu bl-umiltà kollha quddiem Alla, li minnu tissemma kull familja fis-sema u fl-art, u fiċ-ċokon tagħna ngħidulu:

Missierna, li inti fis-smewwiet, ismagħna.

Missier qaddis, int għarraft lil San Ġużepp il-misteru ta’ Kristu, li kien moħbi sa minn dejjem:

- agħmel li l-bnedmin kollha jagħrfu dejjem aħjar lil Ibnek, Alla u bniedem.

Missier tas-sema, int titma’ t-tjur ta’ l-ajru u tlibbes bil-ġmiel il-ħaxix tar-raba’:

- ipprovdi l-ħobża meħtieġa ta’ kuljum lill-bnedmin kollha.

Int sawwart il-ħolqien u fdajtu f’idejna:

- agħmel li l-ħaddiema jgawdu kif jixirqilhom il-frott tax-xogħol tagħhom.

Alla ta’ kull tjieba, int trid li l-bnedmin kollha jkunu tajba:

- bit-talb ta’ San Ġużepp, agħtina li nogħġbuk f’kollox tul ħajjitna kollha.

Alla ħanin dawwar għajnejk lejn ħutna l-moribondi u l-mejtin kollha:

- permezz ta’ Ibnek u ta’ ommu Marija u ta’ San Ġużepp, xerred għal dejjem il-ħniena tiegħek fuqhom.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla, li ħlaqt kollox, int għamilt għall-bniedem il-liġi tax-xogħol; fil-ħniena tiegħek, agħtina li bl-eżempju u l-ħarsien ta’ San Ġużepp, nagħmlu dak li inti trid minna u niksbu l-ħlas li wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IT-TLIETA

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 142 (143): 1-11

 

Talba fid-dwejjaq

 

Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16)

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena;

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

 

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi. *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama.

 

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9

 

Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. Iqfulu, sħaħ fil-fidi.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

 

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKULq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

 

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.