EDITORJAL - ĦARĠA NRU 7,939

Il-Milied: festa kbira li jifraħ biha kulħadd

Ninsabu erbat ijiem ‘il bogħod mill-Milied. Miċ-ċelebrazzjoni ta’ egħluq snin Ġesú. U l-messaġġ ta’ dan il-Milied – ftit ġranet biss mill-bidu tas-Sena tal-Ħniena – għandu jkollu għalina sinifikat akbar.

Ilna issa ġimgħat, jekk mhux xhur, bi ħwienet, toroq u djar armati u mixgħula. Ilna daqstant ieħor naħsbu fir-rigali, fil-parties u fl-ikliet. Minn daqshekk m’aħniex lura. Iżda ħafna jiefqu hemm. Dak hu l-Milied għalihom. Qed jiċċelebraw egħluq snin Ġesú u lil Ġesú iħalluh barra għal kollox.

Suppost li l-iskop ta’ danakollu, ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kollha, hu l-ferħ tal-miġja ta’ Ġesú bambin fostna. Suppost li t-twelid ta’ tarbija fil-familja jġib miegħu ħafna ferħ. Nifirħu b’bidu ġdid li jagħti kuraġġ u tama għall-ġejjieni. Imma qegħdin nifirħu bil-miġja fostna ta’ Ġesú? Qiegħed il-Milied ikun ta’ kuraġġ u ta’ tama għalina? Qiegħed il-Milied jagħtina l-qawwa li nibdew jew inkomplu l-mixja tagħna ‘l quddiem fl-impenn tagħna li ngħix ħajja tassew Nisranija?

Dan qed nistaqsih għax il-Milied għandu jkollu għalina grazzja speċjali. Għandu suppost jagħtina l-kuraġġ u t-tama li nerġgħu nibdew jew inżidu l-isforzi tagħna biex ngħixu ħajja Nisranija b’impenn serju u kostanti. Hu żmien tajjeb biex nerġgħu nibnu jew insostnu l-kuntatt tagħna ma’ Alla. Hu żmien li matulu nħossu lil Alla viċin tagħna u aħna viċin ħafna tiegħu.

Jekk dan il-Milied, jekk f’din is-Sena tal-Ħniena, niftħu qalbna bis-serjetá u b’impenn għal Ġesú allura verament din hi festa li jifraħ biha kulħadd. Allura verament twieled Ġesú. Allura verament irridu ngħixu fl-imħabba!

editur@lehenissewwa.com


L-aqwa paradoss

J. M. Bonnici

Chesterton, il-magħruf  ħassieb Ingliż, Kattoliku, kiteb: “Il-filosofija għandha bħala bażi r-raġuni. Il-Kristjaneżmu għandu bħala bażi il-paradoss”. Veritajiet li jidhru kontra xulxin u li jsawru t-twemmin Nisrani.

Proprju fil-Milied niċċelebraw l-aqwa paradoss: Alla li sar bniedem minn omm li baqgħet verġni. Il-misteru tal-inkarnazzjoni hu l-misteru ewlieni tal-fidi tagħna. Fih nilqgħu d-don ta’ Alla li ġie jiltaqa’ magħna.

L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P., f’waħda mill-omeliji tiegħu dwar il-Milied, għandu ħsieb sabiħ ħafna. Jgħid li waqt li fir-reliġjonijiet il-kbar l-oħra hu l-bniedem li jħares ’il fuq u jfittex lil Alla, fir-reliġjon tagħna hu Alla li jiġi jfittex il-bniedem u li bagħat lill-Ibnu biex isir bniedem bħalna.

Dan il-paradoss t’elfejn sena ilu qed ikompli fl-istorja. Alla bla heda jistieden il-bniedem biex jersaq lejh u jibni ħajja aħjar.

Is-Sena tal-Ġublew li nieda l-Papa Franġisku hi ġrajja waħda mill-ħafna stediniet ta’ Alla. Imma sfortunatament hemm paradoss ieħor fiċ-ċelebrazzjoni tal-Milied.

Hemm ktieb li jiġbor l-omeliji tal-mibki l-Kardinal Martini fuq il-Milied. Il-ktieb jismu Il Natale pur nella tristezza dei tempi. Għaliex is-sens tal-Milied Nisrani donnu ntilef fil-kultura tas-soċjetà tal-lum. F’waħda mill-omeliji tiegħu fl-1984, il-Kardinal Martini qal li, waqt li kulħadd iħejji għall-Milied fis-serenità taċ-ċelebrazzjoni tiegħu, faqqgħet l-aħbar  tal-attentat fuq il-ferrovija bejn Napli u Milan u f’daqqa waħda kulħadd induna li fejn taħkem il-mibegħda m’hemm l-ebda rispett għal kull tifkira li l-bnedmin jgħożżu bħala qaddisa u sagra. Hu rifless taċ-ċelebrazzjoni tal-Milied illum.

It-twelid tal-Prinċep tal-Paċi hu mfakkar f’dinja mimlija tensjonijiet li jnisslu ansjetà u biża’. Hemm ukoll il-paradoss l-ieħor: taċ-ċelebrazzjoni ta’ dak li twieled fil-faqar f’soċjetà konsumistika moħħha biss fin-negozju u l-flus.

Sfida

In-Nisrani għandu sfida biex jiċċelebra l-Milied fl-ispirtu veru tiegħu fis-soċjetà li fiha qed ngħixu. Fil-Milied Alla ried ipoġġi fiċ-ċentru ta’ kollox u ried iżejjen l-umanità b’dinjità kbira.

Mhux faċli għan-Nisrani li jgħix din il-verità meta s-soċjetà għamlet minnha ħrafa. Id-dinjità tal-bniedem illum hi mkasbra b’mod fin u sottili. Waqt li jingħad ħafna diskors sabiħ, hawn tant sinjali ta’ mard serju fid-dinja li fiha qed ngħixu. Sfortunatament pajjiżna ttieħed mill-mentalità u l-istil ta’ ħajja ta’ pajjiżi oħra u mingħajr ma nindunaw dħalna f’kultura li tidħaq bil-bniedem għax twiegħdu diversi forom ta’ salvazzjoni li fil-fatt ma jissodisfawx l-ispirtu tiegħu.

Hu f’dan il-kuntest nella tristezza dei tempi li n-Nisrani anki f’pajjiżna llum irid jgħix dak li jemmen fih. Għal min jemmen, il-Milied mhux ċelebrazzjoni fiergħa t’ikel u xorb u festi esterni u xejn iżjed imma festa ta’ spiritwalità profonda: tal-għarfien fil-fond tal-ikbar ġrajja fl-istorja tad-dinja, ta’ Alla li daħal fl-istorja biex jagħtina ħajja ġdida u dinjità ġdida.

Leġġenda

Fit-tieni ktieb L-istejjer tal-patri ta’ Patri Piju Sammut OCD hemm leġġenda ħelwa dwar il-Milied. Kien hemm raħal fejn fil-Milied il-qniepen tal-knisja jdoqqu weħidhom meta Alla jifraħ. Kulħadd beda jieħu rigal miegħu lil Alla biex jifraħ u l-qniepen idoqqu.

Kien hemm tifel fqir li ma kellux flus biex jixtri rigal lil Alla. Kellu biss ftit żrieragħ tal-qamħ u żewġ ħbejżiet friski. Telaq bihom lejn il-knisja biex jipprova jagħmel lil Alla ferħan. Hu u sejjer sema’ għasafar ipespsu donnhom jistennew l-ikel. U hu xtaq jagħmilhom ferħana.

Xerred il-qamħ li kellu u l-għasafar għamlu festa b’din il-providenza. U baqa’ miexi lejn il-knisja u ftit qabel ma wasal iltaqa’ ma tallab li qallu li m’għandux x’jiekol illum fil-Milied. It-tifel qal: “jekk nagħtih ħbejża, jibqagħli waħda x’nagħti lil Ġesù”. Imma b’waħda x’se jagħmel?

Illum il-Milied u tah iż-żewġ ħbejżiet li kien baqagħlu.

Mar il-knisja u ma kellux x’joffri ħlief idejh vojta. Malli daħal il-qniepen bdew idoqqu u x-xjuħ tar-raħal qalu li qatt ma semgħuhom idoqqu b’daqshekk qawwa u ħeġġa daqs dakinhar. Alla kien verament ferħan!

Hi leġġenda ħelwa li turina x’għandu jfisser il-Milied għal min jemmen verament.

jmbonnici@lehenissewwa.com


Ittra miktuba mill-Isqof Mario Grech wara li l-Erbgħa 9 ta’ Diċembru fetaħ il-Bieb tal-Ħniena fil-Kappella tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-preżenza tal-komunità tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini mmexxija mill-Provinċjal Patri Martin Micallef OFM Cap.

Iftħu l-bieb ta’ qlubkom biex Ġesù jkun is-sieħeb tagħkom

Ma nsibx kliem biex irrodd ħajr lil Alla, lill-Patrijiet Kapuċċini u lilkom li llum tajtuni l-opportunità sabiħa li ngħix din l-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla fil-ħabs. Bħalissa kull taħbita ta’ qalbi hi att ta’ mħabba biex nipprova nirreċiproka għal dik l-imħabba kbira li l-Mulej wera miegħi meta kont fostkom partikularment xħin ftaħt il-“Bieb tal-Ħniena” u flimkien magħkom għamilt l-ewwel passaġġ tiegħi minn dan “il-bieb”.

Għal diversi motivi nħoss li għexna mument uniku fl-istorja ta’ ġensna. Diġà mhux tas-soltu li fis-Sena tal-Ġublew il-“Bieb Qaddis” jinfetaħ fid-Djoċesi (is-soltu dan isir biss f’Ruma) imma l-Papa Franġisku ried li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja f’kull djoċesi jkun hemm il-Bieb tal-Ġublew. Fil-fatt, l-ewwel “Bieb Qaddis” li aħna l-Isqfijiet se niftħu l-Ħadd li ġej hu dak taż-żewġ Katidrali tagħna. Imma f’dak li għamilna flimkien illejla nistgħu ngħidu li l-ewwel Bieb Qaddis li ftaħna f’pajjiżna f’dan l-ewwel Ġublew tal-Ħniena li qed niċċelebraw kien propju fil-ħabs.

F’dan il-kuntest, il-ħabs hu l-ewwel “Katidral ta’ pajjiżna” mhux biss għax għamilna dan ir-ritwal li għandu tifsira spiritwali profonda imma wkoll għax hu katedra pprivileġġjata li tista’ tkompli tgħinna nifhmu t-tifsira vera tal-Ġublew.

Skont it-tradizzjoni antika, il-Ġublew hu żmien fejn il-bniedem li għandu l-libertà tiegħu mxekkla jerġa’ jikseb il-ħelsien. Hi x-xewqa tal-Papa Franġisku li matul dan il-Ġublew aħna nġarrbu l-ħelsien sħiħ li joffrilna Kristu li hu l-ħniena ta’ Alla li saret laħam. X’istituzzjoni oħra f’pajjiżna daqs il-ħabs tista’ tgħinna nixtarru dal-messaġġ tal-Ġublew?

Agħmlu l-qalb għax mhux intom biss tinsabu f’ħabs. Aħna lkoll għandna esperjenza ta’ “ħabs”: il-ħabs tal-egoiżmu, tal-għira, tal-mibegħda, tal-passat, tal-kilba għall-flus eċċ. Id-differenza bejnkom li qegħdin ġewwa u bejna li qegħdin barra hi waħda: li intom għandkom iċ-ċella, il-bibien tal-ħadid u dak l-ambjent tqil li kontinwament ifakkarkom li intom qegħdin il-ħabs, mentri aħna mgħandniex xi jfakkarna li minkejja li għandna l-libertà tal-moviment aħna nistgħu nkunu priġunieri ta’ ħafna affarijiet.

Intom li qegħdin wara l-grada u tixxennqu biex toħorġu, kapaċi taħdmu fuqkom infuskom biex tirriabilitaw ruħkom mentri aħna, ladarba maħniex konxji tal-għamliet ta’ skjavitù interjuri li għandna, ma nixxennqux biex nirriformaw ruħna. Hawn ġew mhux lakemm wieħed “jidra” in-nuqqas ta’ libertà imma aħna ta’ barra “drajna” ngħixu b’ħafna rbit, xi drabi anki fi ħbula ħoxnin. F’ċertu sens intom tistgħu tgħinuna ngħixu aħjar il-Ġublew tal-Ħniena.

Jien konxju li għandkom ħafna bibien imbarrati. Inħoss għalikom meta naf li ħafna drabi, anki meta toħorġu mill-ħabs, tibqgħu ssibu bibien magħluqa għalikom. Darba, wieħed li skonta s-sentenza ta’ ħabs, qalli kemm ħabbat bibien (familja, xogħol, ħbieb, eċċ) u ħadd ma fetaħlu. Stqarr li bieb wieħed sab miftuħ: il-bieb ta’ Alla!

Irrakkontali kif meta ħadd ma tah wick kien imur f’riġlejn Ġesù u hemm kien isib il-faraġ u s-serħan. Dan kien konvint li meta qabad il-ħabbata tal-bieb ta’ Ġesù, Ġesù fetaħlu. Kemm feraħ dan ir-raġel meta fissirtlu li mhux hu ħabbat fuq il-bieb ta’ Ġesù imma kien Ġesù li ħabbatlu fuq il-bieb ta’ qalbu u hu daħħlu joqgħod għandu. Hu ma setax jifhem kif Ġesù jidħol ipoġġi għandu meta hu kellu storja kollha żbalji koroh tant li sħabu l-bnedmin stess qalftuh ’il barra! Imma dan hu Ġesù li madwar il-mejda tiegħu ma jridx biss lil dawk libsin sabiħ imma wkoll lil dawk li l-libsa tagħhom hi mċarrta, imtebbgħa u tinten bil-ħmieġ!

Iva, Alla tagħna għandu “difett”. Għajnejh jaqgħu fuq il-miskin, il-miżeru, il-midneb. Il-ħniena tiegħu hi bla tarf u ma jafx iżommha għalih. Jixtieq jaqsamha ma’ min jeħtieġha. Għalhekk iħabbat fuq bibien strambi. Bibien mibruxa, żdingati, sfrondati u abbandunati. Anzi hu lest jibdlilna dawn it-tipi ta’ bibien u Hu jsir il-“bieb” tagħna. Dan hu l-Ġublew tal-Ħniena! Niftħulu għax hu jista’ joħroġna mill-“ħabs”.

Alla Ħanin għandu l-qawwa li joħroġkom mill-“ħabs” ġewwieni tagħkom. Nistħajjel li hawn min qiegħed fil-“ħabs” tar-rimors li għandu minħabba l-imgħoddi tiegħu. Nifhem li mhux faċli li wieħed jaħfer lilu nnifsu u d-dispjaċir għad-deni li jkun għamel jibqagħlu ġerħa miftuħa. Nifhem li hemm min fostkom iħossu magħluq fil-ħabs tar-rabja għal min kien il-kawża li wasslitu biex għamel żball u hekk sab ruħu l-ħabs. Ma neskludix li hawn min għandu għas-soċjetà li ma ħaditx ħsiebu biżżejjed biex seta’ jevita li jikser il-liġi.

Nifhem li jista’ jkun hawn min hu mweġġa’ għax mhux konvint li saret ġustizzja miegħu. Wieħed jaf ikun ukoll maħkum mis-suppervja li ma tħallihx jammetti d-dgħufija tiegħu u dan itellef il-proċess tar-riabilitazzjoni.

F’din is-Sena Mqaddsa Ġesù jixtieq idewqek il-ħelsien. Hu stess jgħid li l-Missier bagħtu biex jagħti l-ħelsien lill-imjassrin (Lq 4,18). Dan l-aħħar il-Papa Franġisku kiteb hekk dwarkom li qegħdin il-ħabs: “Jekk kull darba li huma (il-ħabsin) jgħaddu mill-bieb taċ-ċella tagħhom u huma jerfgħu l-ħsieb lejn il-Missier u jgħidu talba, il-bieb taċ-ċella jsir ‘Bieb Qaddis’ għax il-Ħniena ta’ Alla għandha l-qawwa li tibdel il-qlub, hi kapaċi wkoll tibdel l-iżbarra f’esperjenza ta’ ħelsien”.

Imma għandi xewqa kbira li l-ġrajja tibgħat messaġġ lis-soċjetà biex hi wkoll tapprofitta minn din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena billi tirrevedi l-attitudni tagħha magħkom. Kemm għandna bżonn induqu l-ħniena ta’ Alla biex inneħħu l-preġudizzji li għandna kontra dawk li jkunu f’din il-faċilità korrettiva. Meta nqis l-istigma li ngħabbu biha lil min joħroġ mill-ħabs, nirrealizza li s-sentenza li tagħti s-soċjetà hi wisq aktar ħarxa mis-sentenzi mogħtija mill-Qrati.

Il-Ġublew hu żmien biex niċċelebraw il-maħfra. Ladarba Alla jaħfer u jinsa l-għeltijiet tagħna għaliex aħna daqshekk tqal biex naħfru u nagħdru? Imbagħad kemm nixtieq li, kif qal il-Papa Franġisku meta l-Ħadd li għadda fetaħ il-Ġublew, il-ġustizzja tkun imsieħba mill-ħniena! Li wieħed juri ħniena mhix dgħufija ta’ min hu timidu imma hi eżerċizzju għoli ta’ kif wieħed ikun responsabbli.

Fis-soċjetà ma jistax ikun hemm ordni mingħajr ġustizzja imma mhemmx ġustizzja mingħajr ħniena.

Imbagħad nixtieq ukoll li din il-festa tibgħat messaġġ qawwi lilna bħala Knisja f’pajjiżna. Il-fatt li l-Providenza riedet li, kontra kull indikazzjoni l-ewwel Bieb Qaddis niftħuh flimkien magħkom il-ħabsin, għalija hu sinjal ieħor biex il-Knisja tagħna jkollha l-kuraġġ li tagħmel għażliet favur dawk li huma fil-ġenb u mhux ma dawk li huma fiċ-ċentru tas-soċjetà. Li tagħżel li l-ħbieb tagħha huma d-dgħajfa u mhux in-nies tal-poter. Li tirrikonoxxi lilha nfisha bħala “komunità tal-imperfetti”. Li fi ħdanha hemm post għal kulħadd anki għal dawk li sabu ruħhom jew tqiegħdu fit-truf.

F’ċertu sens il-Knisja tagħna wkoll għandha bżonn ta’ dan il-Ġublew tal-Ħniena biex uħud jitgħallmu li Alla ħniena jrid u mhux sagrifiċċju. Inħoss ħafna meta nara li ma’ djulna għad għandna min jitfixkel għax jara lil min mhux perfett (imma jrid jimxi lejn il-perfezzjoni) jidħol u jsib postu fil-komunità. L-iskandlu veru hu meta flok ma nkunu bħal Kristu, il-Bieb miftuħ beraħ biex il-bniedem jirċievi t-tmellisa ta’ Alla, nagħlqu l-bieb b’ġebel mejjet ta’ Vanġelu induttrinat jew bi spiritwalità illużorja.

Nagħlaq billi filwaqt li nħeġġiġkom tiftħu l-bieb ta’ qlubkom biex Ġesù jkun is-sieħeb tagħkom u jdewwaqkom il-benna tat-tjubija tiegħu li tagħmilkom ħielsa anki jekk fiżikament qegħdin magħluqa, nirrakkomandalkom titolbu għall-Knisja u għas-soċjetà biex nagħrfu napprofittaw minn dan il-Ġublew tal-Ħniena li matulu Alla se jgħaddi minn maġenbna u minn fostna.


IT-TIBNA JEW IT-TRAVU

Charles Magro

Waqt laqgħa fil-bini tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Belt Valletta, bejn delgazzjoni tal-Kamra u oħra tal-Partit Nazzjonalista, il-President qal li pajjiżna qiegħed f’ġirja lejn il-qiegħ fejn tidħol governanza tajba, l-użu tal-fondi pubbliċi u t-trasparenza.

Il-President ma setax ma jurix l-inkwiet tiegħu għall-istejjer kontinwi dwar nuqqasijiet serji fit-tmexxija, deċiżjonijiet ħżiena u kunflitti ta’ interess. Dan l-inkwiet ġej mill-fatt li dawn is-sitwazzjonijiet qed jaffettwaw ħażin in-negozju f’pajjiżna.

Xi trid tagħmel? Mhux qed ngħid li l-President tal-Kamra tal-Kummerċ m’għandux raġun iżda dawn is-sitwazzjonijiet qed jolqtu l-ħajja kollha Maltija.  Mhux sezzjoni waħda biss tal-poplu. Il-fares li qed isiru, l-istejjer ta’ korruzzjoni u l-arroganza li tinstema f’diskorsi minn Membri Parlamentari qed  ikollhom effett ħażin fuq il-ħajja tal-poplu Malti kollu.

Għax, kos, sirna tajjeb f’dal-pajjiż. Dak li jinkixiflu travu f’għajnejh qed jipprova jgħattih bit-tibna li jista’ jsib f’għajn ħaddieħor. Il-korruzzjoni ma tista’ qatt tkun iġġustifikata, issir fejn issir u ssir minn min issir. Hu serju ħafna l-fatt li qed jinkixfu skandli kbar u ċ-ċirkostanzi mhuma jħallu ebda dubju f’moħħ il-poplu li l-każ ikun sar tassew. Inutli l-Prim Ministru joqgħod jistenna r-riżultati tal-inkjesti biex jieħu passi għax il-każi qed ikunu tant ċari li meta dawk involuti jitkellmu jkomplu jagħrqu lilhom infushom.

Jista’ jkollna governanza tajba llum? Osservaturi tax-xenarju politiku jgħidu li għandna Prim Ministru li ma jistax jagħmel li jrid. Jallegaw li kważi hu rikattat minn dawk li qabel l-Elezzjoni Ġenerali rnexxielhom jakkistaw il-wegħda tiegħu li jibdlilhom ħajjithom mil-lejl għan-nhar. Iżda llum il-Prim Ministru ntebaħ li ma jistax jaqdi lil kulħadd. 

L-użu ta’ fondi pubbliċi bil-mod il-mod qed iservi ta’ ngassa m’għonq il-Gvern. Il-fondi pubbliċi, miġbura mit-taxxi ta’ kull wieħed u waħda minna, qishom saru proprjetà ta’ erbgħa min-nies. Iżda mbagħad għall-poplu mhemmx flus anki jekk kulħadd jgħid li l-ekonomija sejra tajjeb u li għandha ġejjieni aqwa. 

U t-trasparenza?  Hawn missejna l-qiegħ verament. Il-Gvern ma jrid jippubblika ebda ftehim minn dawk li għamel ma’ barranin u Maltin tul is-sentejn u nofs ta’ din il-Leġislatura. Ġieli, wara ħafna pressjoni, il-Gvern ippubblika partijiet biss minn ftehim u dan kompla mela ras il-poplu li f’dawn il-ftehim hemm affarijiet li l-Gvern irid jaħbi mill-poplu.   

Minħabba f’hekk il-Gvern tilef ħafna mill-fiduċja li ħafna mill-poplu wrih fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.  Issa saħansitra tilef Deputat u din qalet li hemm oħrajn li jixtiequ jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-mod kif qed imexxi l-Gvern iżda għad m’għandhomx il-kuraġġ meħtieġ biex juru s-sentimenti veri tagħhom.

Id-diżapprovazzjoni għall-mod tat-tmexxija tal-Gvern mhix ġejja mill-Oppożizzjoni biss jew minn dawk biss li fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali ma vvutawx lill-Partit Laburista. Illum ħafna minn dawk li vvutaw lill-Partit fil-Gvern intebħu li din mhix il-bidla li wiegħed il-Partit Laburista fil-manifest elettorali tiegħu. Ħafna nies qed jintebħu li konna ħafna aħjar meta jingħad li konna agħar.  

charmon@go.net.mt


Jiftaħ il-Ġublew tal-Ħniena fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Żmien tajjeb għall-konverżjoni

B’ċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof Mario Grech fil-Katidral tal-Assunta l-Ħadd li għadda wkoll infetaħ il-Ġublew tal-Ħniena fid-djoċesi t’Għawdex.

Ġemgħa numeruża nġabret quddiem il-Kunvent tas-Sorijiet Karmelitani fit-Telgħa tal-belt Victoria fejn l-Isqof fetaħ il-Liturġija Solenni b’mument ta’ talb. Imbagħad il-poplu mexa wara l-Isqof, il-Kapitlu tal-Katidral u l-kleru f’purċissjoni lejn il-Pjazza tal-Katidral, akkumpanjata mill-Victoria Scout Group, waqt li tkantaw żewġ salmi penitenzjali.

Hemm, f’mument ta’ skiet, l-Isqof waqaf quddiem il-bieb ewlieni tal-Katidral imżejjen bil-ward u wara li fetħu niżel għarkupptejh taħtu f’waqt qasir ta’ talb. Imbagħad stieden lill-ġemgħa: “Dan hu l-bieb tal-Mulej: ejjew nidħlu minnu u naqilgħu l-ħniena u l-maħfra”.

Wara li wera l-Ktieb tal-Vanġelu lill-poplu miġbur fil-pjazza, għall-kant tal-antifona “Jien hu l-bieb, jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa” (Ġw 10:9), l-Isqof daħal fil-knisja bil-poplu warajh bħala sinjal li Kristu hu t-Triq, il-Bieb, il-Bxara u permezz tiegħu ngħaddu biex nikkontemplaw il-mergħat ta’ dejjem. 

L-Isqof mexa qabel ukoll għax hu “l-ewwel tallab tal-Ħniena ta’ Alla”.

Fuq il-poplu l-Isqof raxx l-ilma mbierek li jfakkar fil-Magħmudija li fiha Alla wera ħniena ma’ wliedu u fetħilhom il-bieb għas-salvazzjoni. Hekk issa l-Ġublew isir iż-żmien it-tajjeb għall-konverżjoni.

Fl-omelija l-Isqof qal li “kull wieħed minna jgħaddi ħajtu jimbotta ’l quddiem il-karru tiegħu” u “mhux darba jew tnejn li wieħed jegħja jimbotta speċjalment meta t-triq tkun għat-telgħa”. Il-Mulej “qed jgħidilna biex ma nħallux idejna jintelqu għax il-Mulej Alla tagħna hu f’nofsna. Alla tagħna hu qrib kull wieħed u waħda minna u lest jgħinna nimbuttaw il-karrettun anki jekk iħammeġ idejh jew jitħaxxem”.

 

Ritratti: John Cordina


In-Nisrani għandu jaħdem għal nazzjon li jħaddan l-etika, l-ekwalità u l-ġustizzja

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ta bidu għall-Ġublew Straordinajru tal-Ħniena fl-Arċidjoċesi ta’ Malta l-Ħadd li għadda. Matul iċ-ċelebrazzjoni, l-Arċisqof fetaħ l-Ewwel Bieb tal-Ħniena fil-Katidral tal-Imdina.

Iċ-ċelebrazzjoni bdiet fil-Knisja San Mark ir-Rabat u kompliet b’purċissjoni mmexxija mill-Arċisqof lejn il-Katidral tal-Imdina fejn infetaħ il-Bieb tal-Ħniena u saret Quddiesa Solenni.

Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Scicluna qal li f’kull ċirkostanza n-Nisrani, fl-istqarrija pubblika li jagħmel, juri li kull persuna hi midinba quddiem il-Mulej iżda dan dejjem għandu jagħmlu bi spirtu ta’ ferħ.

Hu qal li l-hallmark tan-Nisrani hi l-ħlewwa. Il-kapaċità li ma jkunx arroganti jew supperv.Iżda dan”, sostna l-Arċisqof, “jitlob minnu esiġenzi konkreti”. L-Arċisqof irrifera għall-Vanġelu minn San Luqa (Kap 3:10-18) fejn Ġwanni l-Battista ġie mistoqsi mill-pubblikani u s-suldati dwar x’għandhom jagħmlu waqt li qed jistennew lill-Messija. L-Arċisqof qal li, bħalhom, in-Nisrani għandu jħaddan il-prinċipju tal-legalità: li wieħed dejjem għandu jimxi mal-liġi.

L-Arċisqof seħaq li l-politiku, is-civil servant u l-membri tal-Kleru għandhom iħossuhom responsabbli li ma jixxaħmux anzi, qal, “kull membru fis-soċjetà Maltija għandu jħoss ukoll din ir-responsabbiltá li ma jippromovix kultura ta’ tixħim, pjaċiri jew korruzzjoni”.

Hu rrifera għad-diskors li għamlet f’Jum ir-Repubblika l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u, kif għamlet hi, seħaq li “d-drittijiet tal-bniedem għandhom jieħdu prijorità qabel il-feel good effect tal-karità okkażjonali”.  L-Arċisqof sostna li n-Nisrani għandu jaħdem għal nazzjon li jħaddan l-etika, l-ekwalità u l-ġustizzja.

Fil-bidu tal-Ġublew, l-Arċisqof stieden lil dawk preżenti biex jitolbu għall-familji, għaż-żgħażagħ biex qatt ma jitilfu t-tama fil-futur tagħhom u għat-tfal biex jiġi mismugħ il-leħen tagħhom, inkluż l-iżgħar mit-trabi, anki meta jkunu għadhom embrijun.


JIDĦAQ U JIDĦAQ

Darba kien hemm pajjiż li kien iħaddan fih il-pajjiżi kollha tad-dinja.
U f
dal-pajjiż kien hemm villaġġ li kien iħaddan fih il-villaġġi kollha tal-pajjiż.
U f
dal-villaġġ kien hemm triq li kienet tgħaqqad it-toroq kollha tal-villaġġ.
U f
din it-triq kien hemm dar li kienet tħaddan id-djar kollha tat-triq.
U f
din id-dar kien hemm kamra u fdin il-kamra kien hemm raġel li kien jinkarna fih in-nies kollha tad-djar tal-villaġġ.
U dan ir-raġel kie
n jidħaq u jidħaq. U ħadd qatt ma daħaq daqsu
- Rabbi Nakhman ta
Bratslav mir-Rakkonti tal-Għorrief tal-Ghetto. 
Tidher storja sempliċi i
żda jekk toqgħod taħseb, tista tgħidlek xi ħaġa.


L-ImgĦarfa

Joe Galea

Mara pulita, ta’ ċerta età, ordnat platt brodu meta kienet f’ristorant kbir. Kif qiegħdet il-platt fuq waħda mill-ħafna mwejjed, indunat li kienet insiet tiġbor l-imgħarfa. 

Ħalliet il-platt fuq il-mejda u marret iġġib imgħarfa. Ħadet sorpriża kerha meta ġiet lura ħdejn il-brodu. Bilqiegħda quddiem il-platt brodu kien hemm raġel ma tafux, lest biex idaħħal imgħarfa u jixrob mill-brodu.

“Mhux ta’ b’xejn oħxon das-sinjur” ! qalet il-mara f’qalbha. Poġġiet bilqiegħda, ressqet il-platt lejha u qalet bil-ħlewwa lir-raġel: “Jimporta, jekk jogħġbok” ?

Kif qalet hekk, niżżlet l-imgħarfa fil-brodu. Imma r-raġel ressaq il-platt f’nofs il-mejda u ħa mgħarfa minnu. Quddiem din l-imġiba, il-mara m’ażżardatx toħodha miegħu u qasmu l-brodu bejniethom.

Meta l-brodu spiċċa, ir-raġel ġieb lejh platt biċ-ċips u qiegħdu f’nofs il-mejda. Stieden lill-mara biex tieħu hi wkoll: bħalma ġara bil-brodu, iċ-ċips qasmuhom bejniethom. Ir-raġel ħalliha waqt li qalilha “grazzi” bil-qalb.

Il-mara wkoll sarilha l-ħin biex titlaq. Fittxet il-handbag, li kienet dendlet ma’ dahar is-siġġu. Il-handbag ma kienx hemm. Bdiet tgħajjat: “Żgur dak ir-raġel”. Dawret rasha mar-ristorant kollu. Lemħet il-handbag imdendel ma’ siġġu ftit ’il bogħod minn fejn kienet. Quddiem is-siġġu vojt, kien hemm platt brodu għadu bid-duħħan tiela’ minnu u platt żgħir mingħajr imgħarfa. Ma kienx ir-raġel li ħa mis-soppa tagħha.

Il-mara kienet marret fuq mejda b’oħra u hekk ħadet nofs il-brodu tar-raġel. Madankollu, ir-raġel kien sellmilha bi “grazzi” kbira!


Ir-Raba' Ħadd tal-Avvent
Nagħtu mill-ħin u l-enerġija tagħna lil ħaddieħor
Christine Refalo

Kemm hu sabiħ li nitilqu kollox biex inkunu ta' għajnuna għal ħaddieħor bħalma għamlet Marija! Minkejja li hi kienet tqila għamlet vjaġġ twil biex tmur tgħin lil Eliżabetta. Ma qagħditx tara l-qagħda tagħha imma ġabet lil Eliżabetta bħala prijorita'.

Ħafna drabi fil-ħajja tagħna nintilfu fl-affarijiet personali, u ninsew il-bżonnijiet ta' dawk ta' madwarna.

Kemm hu sabiħ li niddeċiedu li nieqfu ftit u nagħtu ftit ħin lil ħaddieħor.

M'hemmx għalfejn ikunu affarijiet kbar. Affarijiet żgħar bħal li nieqfu ftit mill-internet jew mill-mobile u nagħtu ftit ħin lil membri tal-familja tagħna. Forsi imqar naħslu l-platti wara l-ikel jew nagħtu kinsa l-art jew inpoġġu bil-qiegħda fejn xi ħadd u nistaqsuhom kif inhuma. Forsi vera, inkunu għajjenin wara ġurnata skola jew ġurnata xogħol u l-bżonn personali jkun li noqogħdu nistrieħu. Imma hawnhekk hi l-istedina li qed jagħmlilna Ġesu għal dan l-avvent permezz ta' dan il-Vanġelu.

Ejja nieqfu nħarsu lejn il-bżonnijiet tagħna biss u nagħtu ftit mill-ħin u l-enerġija tagħna lil ħaddieħor. Ejja naħsbu fil-bżonnijiet ta' dawk madwarna speċjalment lill-familjari. Dan is-sagrifiċċju żgħir isarraf f'ħafna barkiet ta' mħabba.


L-ARĊISQOF LILL-KOPPJI LI ŻŻEWĠU DIN IS-SENA

Kunu għajn ta’ ħajja għal xulxin, nisslu wlied ġodda għall-familja tagħkom u għas-soċjetà  

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall-koppji li żżewġu din is-sena. Wara l-Quddiesa hu ltaqa’ personalment mal-koppji miżżewġa.

Fl-omelija, l-Arċisqof Scicluna qal li l-ewwel awgurju tiegħu lilhom hu li jibqgħu ta’ kuljum jieħdu grazzja ma’ xulxin u jkollkom dik l-imħabba lejn xulxin li għandu Alla għalina. Il-Mulej għażilkom għal missjoni speċjali. L-ewwel nett li tħobbu lil xulxin u li bl-imħabba tagħkom lejn xulxin tkunu sinjal qawwi tal-imħabba ta’ Alla għad-dinja, għal kull bniedem.

It-talba tiegħi llum hi li intom, bħala miżżewġa, tkunu skont ir-rieda ta’ Alla u bil-koperazzjoni tagħkom, għajn ta’ ħajja għal xulxin anki billi tnisslu wlied ġodda għall-familja tagħkom u għas-soċjetà”, qal l-Arċisqof Scicluna

Hu appella lill-miżżewġin ġodda biex bil-paċenzja li jieħdu b’xulxin, bis-saram ta’ din il-ħajja, biċ-ċirkustanzi li jsibu ruħhom fihom, huma jgħixu ħajja iżjed trankwilla basta jitgħallmu jieħdu paċenzja u jsiru tassew qaddisin.

Qabel xejn, uru ħniena bejnietkom. Meta tonqsu lil xulxin tqattgħux il-karti malajr, bl-għaġġla, għax dik faċli tagħmilha. Qisu li meta jberraq u jagħmel ir-ragħad, tagħmlu impenn bejnietkom – dan parir li jħobb jirrepeti l-Papa Franġisku – li tippruvaw tagħmlu paċi qabel torqdu.

Tħallux ir-rankur u l-weġgħat jibqgħu jikkankraw fikom”, talabhom l-Arċisqof Scicluna. Kunu umli biżżejjed biex titkellmu fuq xi ħaġa li qed iddejaqkom.

Hu temm li ħaġa tajba ħafna wkoll hi li jitolbu flimkien ta’ kuljum, imqar Sliema u Qaddisa, inkella talba spontanja b’idejkom f’xulxin bħalma għamiltu fil-mument qaddis tal-kunsens tagħkom meta ħadtu id il-leminija ta’ xulxin u wegħdtu fedeltà dejjiema lil xulxin.

Il-laqgħa mal-miżżewġin ġodda saret fil-Konkatidral San Ġwann il-Belt Valletta t-Tlieta 8 ta’ Diċembru filgħaxija. Wara l-Quddiesa l-Arċisqof iltaqa’ personalment mal-koppji u ppreżentalhom tifkira tal-okkażjoni.

Sadattant, l-Arċisqof Scicluna lbieraħ filgħaxija ltaqa wkoll mal-koppji għarajjes li se jiżżewġu s-sena d-dieħla.

Barra dawn il-laqgħat, fl-okkażjoni tal-festa tal-Familja Mqaddsa, is-Sibt 26 ta’ Diċembru, l-Arċisqof se jiċċelebra Quddiesa għall-koppji u l-familji. Il-Quddiesa se ssir fil-Konkatidral San Ġwann il-Belt Valletta fil-5:30 p.m.

Dawn it-tliet ċelebrazzjonijiet huma organizzati mill-Moviment ta’ Kana.