Il-Qaddejja ta’ Alla
HENRY U INEZ CASOLANI
Mudell ta’ Koppja Qaddisa Casolani ta’
Żminijietna għall-Żminijietna
Kitba
ta' Anton Quintano
Henry Casolani twieled
il-Belt Valletta fl-1917 iben George u Maria
Concetta née Borg. Huwa miet fid-29 ta’
Diċembru 1999. Inez Casolani née Vassallo
twieldet Bormla fl-1915 bint Giovanni Felice
u Giuseppina née Portelli. Inez mietet
fit-13 ta’ Lulju 1992. Henry u Inez iżżewġu
fid-19 ta’April 1944 fil-knisja ta’ Santu
Wistin, il-Belt Valletta. Is-sena ta’
wara twelditilhom tifla, Cecilia Mary, li
baqgħet unika. Meta kibret din
wieġbet ghas-sejħa ta’ ħajja
kkonsagrata u daħlet mas-sorijiet ta’
St Joseph fl-1964.
Henry u Inez kienu żewġ
persuni b’karattri kompletament differenti
minn xulxin. Iżda kienu ta’ fehma waħda
f’dik li hija fundamentali jiġifieri
fl-unità, fl-imħabba t’Alla u li jgħixu
l-ħajja nisranija flimkien fuq it-tagħlim
ta’ Kristu u l-eżempju tal-Qaddisin.
Alla kien dejjem iċ-ċentru ta’ ħajjithom.

Ħafna
stqarrew li l-koppja Casolani kienu
inseparabbli: fil-biċċa l-kbira joħorġu
flimkien; jieklu flimkien; jitolbu flimkien;
il-knisja flimkien. Il-Familja tagħhom
kienet ikkonsagrata lill-Qalb ta’ Ġesù u l-Qalb
ta’ Marija. Kienu kuntenti u
koppja li jgħixu fl-armonija. Kien jitkellmu
b’imħabba u entużjażzmu fuq xulxin.Qabel u
wara x-xogħol, Henry dejjem sab lil Inez
lesta biex tħejjilu l-ikel u tisimgħu.
Inez kellha ideat
ċari tal-imġieba tal-mara mar-raġel. Lil
Cecilia Inez dejjem għallmitha tirrispetta
lil missierha b’kull mod u manjiera.
Inez kienet taħdem
għall-għaqda fil-familji mhux biss bil-kliem
iżda wkoll permeżż tal-kitba tagħha.
Fil-ħafna artikli li kitbet, u li gew
ippublikati, hija tat pariri lill-ommijiet
biex lir-raġel tagħhom ma jwarrbuhx u juruh
attenzjoni wara li jiġi mix-xogħol, minkejja
li hemm it-tfal. Wissiet kontra ħbiberiji
żejda u skorretti bejn miżżewġin u oħrajn.
Kitbet “l-ewwel ħbiberija għandha teżisti
bejn il-membri tal-familja – bejn l-omm u
l-missier, bejn l-aħwa, bejn l-ulied u
l-ġenituri. Hekk
il-familja tkun unita u tgħix fil-hena u
l-paċi.” Ħeġġet lill-miżżewġin biex jibqgħu
jirrispettaw lill-ġenituri f’ħajjithom, anke
wara mewthom. Tat pariri biex il-kunjati
jħobbu lil żwieġ uliedhom bħallikieku
uliedhom stess. Hija stess baqgħet dejjem
iżżur spiss lill-familja ta’ Henry. Kitbet
biex il-ġenituri jifhmu u jgħinu
liż-żgħażagħ. Kitbet fuq ekonomija tad-dar
biex il-familja titgħaxxaq bil-kumdità
mingħajr ħela. Kitbet kemm fellħet biex
iġġib paci u għaqda.
Il-koppja Henry u Inez
Casolani kienet miftuħa ghall-ohrajn. Dejjem
jippruvaw jgħinu lil bagħtut.
Kienu jżuru lill-morda
fl-isparijiet. Inez baqgħet tagħmel dan anki
meta hija stess mardet gravament b’qalbha.
Żaret anki lil dawk il-persuni li wrew qalb
iebsa magħha. Kienu dejjem lesti li
jissagrifikaw ruħhom għal ħaddieħor.
Għalihom is-sagrifiċċju kien okkazjoni biex
jagħtu akbar glorja lil Alla.
Bil-karattru ferrieħi tagħha
u l-qalb kbira li kellha, in-nies kienu
jfittxu lil Inez għal parir u biex jiftħu
qalbhom magħha. Henry, bil-karizma tiegħu
ta’ bniedem umli, ubbidjenti u skrupluż
fil-qadi ta’ dmirijietu, rnexxhielu jiġbed
lil sħabu tax-xogħol dejjem iżjed lejn
is-Sagramenti u d-dmirijiet spiritwali
tagħhom. Qatt f’għomru ma lissen kelma
kontra ħadd! Iżda kemm Henry kemm ukoll Inez
dejjem stqarrew pubblikament l-opposizzjoni
tagħhom għal dak li kien ħazin.
Il-mikbi Isqof Emeritus
Nikol Cauchi qal hekk dwar Henry u Inez
Casolani: “Kienu koppja ta’ nsara ferventi,
ta’ sentimenti reliġjużi mill-aħjar, ta’
nies ta’ qalb tajba, lesti dejjem li jgħinu
l-proxxmu tagħhom kull meta tiġihom
okkazzjoni li jagħmlu opra tajba.”
Il-ferħ tagħhom kien xhieda
tal-preżenza tal-Mulej fosthom, magħqudin
fit-talb. Monsinjur
Lawrence Gatt ikkummenta: ‘Timpressjonak
koppja hekk. Lili mpressjonani ħafna bniedem
tal-età u l-esperjenza li kellu Henry
Casolani meta tarah xhieda ta’ fedeltà li ma
tmutx lejn it-twemmin tiegħu, lejn martu u
bintu, lejn dak li għex dejjem għalih u mhux
lest iħallih qatt. Daqqa ta’ ħarta solenni
lil ċerti elementi tal-kultura ta’ żmienna.’

It-tnejn stinkaw biex
il-Madonna tkun izjed maħbuba minn kulħadd!
Inez kienet tħobbha wisq. Ir-Rużarju
tal-familja ma fallewh qatt. L-ahhar kelmiet
li lissen Henry kienu ‘Madonna ħenn
għalija!’
Fuq kollox dak li kien
tispikka f’ħajjithom kienet l-imħabba kbira
lejn l-Ewkaristija Mqaddsa: il-vista ta’
kuljum, il-Quddiesa, l-adorazzjoni personali
quddiem is-Sagrament! Kif staqqru l-ħafna
xhieda, kienu magħqudin mhux biss
fis-Sagrament taż-żwieġ imma fil-prattika
kostanti tal-Kelma t’Alla.
Henry u Inez Casolani imxew
dejjem fuq it-tagħlim ta’Kristu. Ma kienux
jiġġudikaw lil ħaddieħor. Kienu jaħfru u
jinsew d-deni li kien jircievu. Henry kien
jgħid, ‘Aħfer! Tpattix! Offriha
għall-glorja t’Alla.’ u per eżempju ‘Int
qed issostni li dan ir-raġel ma jixtiqlix
il-ġid? Dan huwa l-ħabib tieghi!
Ma qatgħu qalbhom
qatt mill-ħniena t’Alla!
Meta marad, kull ma kien jghid Henry kien: ‘Min
jaf Kristu x’sofra!’ Inez sejħet
is-sofferenżi tagħha ‘bukkett ward’!
Inez u Henry Casolani kienu
l-ewwel edukaturi spiritwali ta’ binthom
Cecilia. Meta din, l-uniku wilt taghhom, ta’
dsatax il-sena dahlet soru, is-sofferenza li
l-firda ġiebet magħha qasmitilhom qalbhom.
Imma għall-imħabba t’Alla u biex ma jmorru
qatt kontra l-Volontà Tieghu,
lit-tifla bierkuha u baqgħu
dejjem isostnuha bit-talb fil-ħidma u
l-missjoni tagħha.
“Naraw f’Henry u Inez
Casolani eżempju li l-qdusija ma teżistix
fl-affarijiet straordinarji, imma
tikkonsisti f’li jkollok lil Alla f’qalbek,
f’ħajtek u timxi fuq dak li jgħidlek Alla u
dak li jixtieq Alla.” Prof Fr. Maurice
Eminjan, s.j.
Din il-familja Casolani,
familja domestika skont il-Konċilju Vatikan
II, xandret
bl-eżempju, bil-ferħ u mingħajr daqq ta’
trombi li l-familja hija teżor tal-knisja,
ġawhra tas-soċjetà, u tama tal-umanità.
L-eżistenza u l-eżempju tal-familja Casolani
hija prova li, skond il-pjan ta’ Alla,
il-familja hija l-qafas li fih il-persuna
umana, magħmula xbiha t’Alla, titwieled,
titrabba u timmatura fl-aqwa ambjent ta’
mħabba.
Meta Henry u Inez Casolani
qorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjithom, aktar raw
t-tama dejjiema li kellhom fil-Mulej tilħaq
il-milja tagħha. Dwar dan, Patri Pawl
Cremona o.p., illum l-Arċisqof ta’ Malta
kiteb hekk: “Il-ħeġġa li Henry Casolani
kellu fil-qari ta’ l-Iskrittura Mqaddsa
kienet tirrifletti l-ħeġġa li kellu
fil-ħajja biex igħix tajjeb, u jagħmel
it-tajjeb. Din l-istess sempliċità
Kristjana baqgħet tidher meta hu stess kien
marid ħafna u kien qiegħed l-isptar, ftit
qabel ma mar jiltaqa’ mal-Mulej fil-fiduċja
li kellu fil-Mulej.”
Ftit
mumenti qabel
ma’ ttajret lejn
is-sema Inez
kellha il-kuraġġ tikteb:
‘I take record of God... in Thee I have
had my earthly joy’!
Imħabba qawwija għal Alla!
Qalb kbira għall-proxxmu! Distakk
mill-ispirtu tad-dinja! Dan ħaddnu
f’ħajjtihom kollha Henry u Inez Casolani.
|