LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

 

KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR PROPOSTI BIEX IKUNU RIKONOXXUTA LEGALMENT

RABTIET BEJN PERSUNI OMOSESSWALI

3 ta’ Ġunju 2003

 

Ara verżjoni bl-Ingliż

Ara verżjoni bit-Taljan

INTRODUZZJONI

1.     Fi snin riċenti, bosta kwestjonijiet dwar l-omosesswalità kienu trattati diversi drabi mill-Qdusija Tiegħu Ġwanni Pawlu II u mid-Dikasteri relatati tas-Santa Sede. (1)  L-omosesswalità infatti, hija fenominu morali u soċjali inkwetanti, anke f’dawk il-pajjiżi fejn din mhix materja legali sinifikanti.  Imma hija issir aktar ta’ tħassib f’pajjiżi li diġà taw jew fi ħsiebhom jagħtu rikonoxximent legali lil rabtiet omosesswali, li f’ċerti każi jinkludu wkoll il-possibiltà tal-adozzjoni tal-ulied.  Il-kunsiderazzjonijiet preżenti ma fihom ebda elementi duttrinali ġodda, iżda huma maħsuba li jtennu l-punti essenzjali ta’ din il-problema u jipprovdu xi argumenti ta’ natura razzjonali, utli fit-tħejjija ta’ interventi aktar speċifiċi mill-Isqfijiet, skont il-qagħda partikolari fil-partijiet differenti tad-dinja: argumenti maħsuba li jħarsu u jġibu ‘l quddiem id-dinjità taż-żwieġ, bħala bażi tal-familja, u l-istabilità tas-soċjetajiet, li tagħhom din l-istituzzjoni hija parti kostitittiva. 

Dawn il-kunsiderazzjonjiet għandhom ukoll l-iskop li jdawwlu l-attività ta’ politiċi kattoliċi sabiex meta jkunu ffaċċjati minn proġetti ta’ liġijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ din il-problema, jindikawlhom linji ta’ imġieba li huma konsistenti ma’ kuxjenza nisranija. (2)  Peress li din il-kwestjoni titratta l-liġi naturali, l-argumenti ta’ hawn taħt ma humiex indirzzati biss għal dawk li jemmnu, imma għal dawk kollha li huma impenjati biex iġibu ‘l quddiem u jħarsu l-ġid komuni tas-soċjetà.

 

I. IN-NATURA TAŻ-ŻWIEĠ

U L-KARATTERISTIĊI INALJENABBLI TIEGĦU

 

2.     It-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ u dwar il-komplimentarjetà tas-sessi jtenni verità li hija msaħħa minn raġuni vera u rikonxxuta bħala tali mill-kulturi kbar kollha tad-dinja.  Iż-żwieġ mhuwiex rabta kwalunkwe bejn persuni umani.  Huwa kien imwaqqaf mill-Ħallieq bin-natura proprja tiegħu, propjetajiet essenzjali u għan.(3)  L-ebda ideoloġija ma tista’ tħassar mill-ispirtu uman iċ-ċertezza li ż-żwieġ jeżisti biss bejn persuni ta’ sess differenti, li permezz ta’ l-għotja reċiproka, li hi proprja u esklussiva għalihom, jersqu għall-għaqda tal-persuni tagħhom.  B’dan il-mod, huma jipperfezzjonaw lil xulxin, sabiex jikkolaboraw ma’ Alla fil-prokreazzjoni u t-trobbija ta’ ħajjiet umani ġodda.

3.     Il-verità naturali dwar iż-żwieġ kienet konfermata mir-Rivelazzjoni li nsibu fir-rakkonti bibliċi tal-ħolqien, espressjoni wkoll tal-għerf oriġinali uman, li fih jinstama’ leħen in-natura nfisha. Huma tlieta l-elementi fundamentali tal-pjan tal-Ħallieq għaż-żwieġ, li dwarhom jitkellem il-Ktieb tal-Ġenesi.

Fl-ewwel post il-bniedem, ix-xbieha ta’ Alla, kien maħluq “raġel u  mara” (Ġen. 1:27). Ir-raġel u l-mara, bħala persuni huma ugwali, bħala raġel u mara huma kumplimentari.  Mill-banda l-waħda, is-sesswalità tagħmel parti mill-qasam bioloġiku, u mill-banda l-oħra, fil-ħlejjqa umana, kienet mgħollija f’livell ġdid, dak personali, fejn il-ġisem u l-ispirtu jingħaqdu.

Iż-żwieġ, imbagħad, kien istittwit mill-Ħallieq bħala forma ta’ ħajja li fiha isseħħ dik l-għaqda tal-persuni li tinvolvi l-użu tal-fakultajiet sesswali. “Għalhekk ir-raġel iħalli lill-missieru u lill-ommu u jingħaqad ma’ martu. U t-tnejn isiru ġisem wieħed (Ġen. 2:24).

Fl-aħħarnett, Alla ried li jirregala lir-rabta tar-raġel u tal-mara sehem speċjali fil-ħidma tiegħu ta’ Ħallieq.  Għalhekk Huwa bierek ir-raġel u l-mara  bil-kliem, “Nisslu u oktru” (Ġen. 1:28). Fil-pjan tal-Ħallieq, il-kumplimentarjetà tas-sessi u l-fakultà tagħhom li jkollhom ulied jappartjenu għall-istess natura taż-żwieġ.

Barra minn hekk, ir-rabta taż-żwieġ bejn raġel u mara kienet mgħollija minn Kristu, għad-dinjità ta’ Sagrament.  Il-Knisja tgħallem li ż-żwieġ nisrani huwa sinjal effikaċi tal-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja (ara Ef. 5:32). Din it-tifsira nisranija taż-żwieġ  mhux talli ma tnaqqasx il-valur profondament uman tar-rabta taż-żwieġ, anżi tikkonfermah u ssaħħu (ara Mt 19:3-12; Mk 10:6-9).

4.     Ma teżisti l-ebda bażi biex wieħed iqabbel jew joħloq analoġiji, lanqas l-iżjed remoti, bejn rabtiet omosesswali u l-pjan ta' Alla għaż-żwieġ u l-familja. Iż-żwieġ huwa qaddis filwaqt  li r-relazzjonijiet omosesswali jikkuntrastaw mal-liġi morali naturali. Infatt,  l-atti omosesswali jimblukkaw l-att sesswali għar-rigal tal-ħajja. Huma m’humiex il-frott ta’ kumplimentarjetà affettiva u sesswali. Bl-ebda mod ma jistgħu ikun approvati. (4)

Fl-Iskrittura l-atti omosesswali huma kundannati bħala ħażen gravi (ara Rum. 1:24-27; 1 Kor. 6:10; 1 Tim. 1:10).  Dan il-ġudizzju tal-Iskrittura ma jippermettix li naslu għall-konklużjoni li dawk li jbatu minn din l-anomalija huma personalment responsabbli, imma hija tgħid li l-atti omosesswali huma intrinsikament diżordinati. (5) Dan l-istess ġudizzju morali jinstab f’ħafna kittieba tal-Knisja tal-ewwel sekli (6) u huwa aċċettat unanimament mit-Tradizzjoni Kattolika.

Minkejja dan, skont it-tagħlim tal-Knisja, irgiel u nisa b’tendenzi omosesswali “għandhom ikun aċċettati b’rispett, kumpassjoni u sensittività.  Kull sinjal ta’ diskriminizzazzjoni fil-kontront tagħhom għandu jkun evitat”. (7)  Barra minn hekk, dawn il-persuni, bħal insara oħra, huma msejjħa biex jgħixu l-kastità. (8)  Imma l-ġibda omosesswali hija “oġġettivament diżordinata” (9) u prattiċi omosesswali huma dnubiet gravi kontra l-kastità.” (10)

 

II. IL-POŻIZZJONI DWAR IL-PROBLEMA

TA’ RABTIET OMOSESSWALI

 

5.     Iffaċċjati bil-fenominu ta’ rabtiet omosesswali, l-awtoritajiet ċivili jadottaw atteġjamenti differenti.  Minn xi drabi huma sempliċiment jittolleraw dan il-fenominu; xi drabi oħra huma jirrakkomandaw rikonoxximent legali ta’ dawn ir-rabtiet, bil-pretest li fir-rigward ta’ ċerti drittijiet, huma jevitaw diskriminizzazzjoni kontra persuni li jgħixu ma’ xi ħadd tal-istess sess.  F’każi oħra huma favur li jagħtu lil rabtiet omosesswali saħansitra l-istess rikonoxximent legali bħaż-żwieġ kif inhuwa fil-veru sens tiegħu.

Fejn il-politika tal-gvern hija tolleranza fattwali u ma hemm ebda rikonoxximent espliċitu ta’ rabtiet omosesswali, huwa meħtieġ li jsir dixxerniment tajjeb tal-aspetti differenti tal-problema.  Il-kuxjenza morali titlob, li f’kull okkażjoni, l-Insara jkunu xhieda tal-verità morali sħiħa, li kontriha tmur kemm l-approvazzjoni ta’ atti omosesswali kif ukoll id-diskrimizzazzjoni inġusta kontra persuni omosesswali. Għalhekk, azzjonijiet diskreti u prudenti jistgħu jkunu effettivi; bħal per eżempju: li jinkixef kull użu strumentallizzat jew ideoloġiku li jista’ jirriżulta minn din it-tolleranza; li jkun affermat b’mod ċar il-karattru immorali ta’ dan it-tip ta’ rabtiet; li l-Istat ikun imfakkar dwar il-ħtiega li jikkontrolla l-fenominu f’ċerti limiti sabiex tkun imħarsa l-moralità publika, u fuq kollox, biex ikun evitat milli żgħażagħ jiġu esposti għal ideat żbaljati dwar sesswalità u żwieġ, li jċaħħduhom minn dawk id-difiżi neċessarji u jikkontribixxi għat-tixrid ta’ dan l-istess fenominu. 

Dawk li minn tolleranza jkunu jridu jmorru għal-leġitimizzazzjoni ta’ drittijiet speċifiċi għal persuni omosesswali li jgħixu flimkien, iridu jkunu mfakkra li t-tolleranza tal-ħażin hija differenti ħafna minn legalizzazzjoni tal-ħażin.

F’sitwazzjonijiet fejn ir-rabtiet omosesswali kienu rikonoxxuti legalment jew kien mogħtija status legali u drittijiet li huma taż-żwieġ, oppożizzjoni ċara u b’saħħitha hija dmir.  Wieħed irid iżomm lura minn kull tip ta’ koperazzjoni formali fil-promulgazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ liġijiet tant gravi u ingusti, u sa fejn huwa possibli, anke milli jikkopera materjalment fl-applikazzjoni tagħhom. F’dan il-qasam, kulħadd jista’ jeżerċita d-dritt ta’ oġġezzjoni tal-kuxjenza.

 

III. ARGUMENTI MIR-RAĠUNI KONTRA

RIKONXXIMENT LEGALI TA’ RABTIET OMOSESSWALI

 

6.     Sabiex wieħed jifhem għaliex huwa meħtieġ li ssir oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ rabtiet omosesswali, iridu jkunu meqjusa kunsiderazzjoniet etiċi speċifiċi li huma ta’ ordni differenti.

Mill-ordni korrett tar-raġuni

L-iskop tal-liġi ċivili huwa ċertament aktar limitat minn dak tal-liġi morali, (11) iżda liġijiet ċivili ma jistgħux jidħlu f'kontradizzjoni mar-raġuni korretta mingħajr ma jitilfu l-qawwa tagħhom li jorbtu fuq il-kuxjenza. (12)  Kull liġi magħmula mill-bniedem hija leġittima sakemm hija konsistenti mal-liġi naturali morali, rikonoxxuta minn raġuni korretta, u sakemm din tirrispetta d-drittijiet ta’ kull persuna. (13)  Liġijiet favur rabtiet omosesswali jmorru kontra raġuni korretta għaliex huma jagħtu garanziji legali, bħal dawk mogħtija liż-żwieġ, lil persuni tal-istess sess.  Minħabba l-valuri li qed ikunu riskjati f’din il-kwestjoni, l-Istat ma jistgħax jillegalizza dawn ir-rabtiet bla ma jonqos mid-dmir tiegħu li jippromwovi u jiddefendi ż-żwieġ bħala istittuzjoni essenzjali għall-ġid komuni.

Kultant tqum id-domanda dwar kif tista’ liġi tkun kontra l-ġid komuni meta din ma timponi ebda tip partikolari ta’ imġieba, imma sempliċiment tagħti rikonoxximent legali lil realtà li teżisti, li ma tidher li qed tkun inġusta’ ma’ ħadd. F’dan il-qasam wieħed irid l-ewwel jirrifletti dwar id-differenza bejn imġieba omosesswali bħala fenominu privat u l-istess imġieba bħala relazzjoni fis-soċjetà, prevista u approvata mil-liġi sal-punt li ssir waħda mill-istituzzjonijiet fl-istruttura legali.  Dan it-tieni fenominu mhux biss huwa aktar serju, iżda wkoll jassumi dimensjoni aktar wiesa’ u profonda u jwassal għal bidliet fl-organizzazzjoni soċjali li huma kontra l-ġid komuni.  Il-liġijiet ċivili huma prinċipji li jistrutturaw il-ħajja tal-bniedem fis-soċjetà, fit-tajjeb u fil-ħażin. Huma għandhom “sehem importanti ħafna u kultant deċiżiv billi jinfluwenzaw għamliet ta’ ħsieb u imġieba”.(14)  Il-modi ta’ ħajja u l-mudelli li jesprimu mhux biss jiffurmaw il-ħajja soċjali minn barra, iżda anke jwasslu li jibdlu l-mod ta’ ħsieb u imġieba tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.  Il-legalizzazzjoni tar-rabta omosesswali twassal li toskura ċerti valuri morali bażiċi u twaqqa l-valur tal-istittuzjoni taż-żwieġ.

 

Mill-ordni bioloġiku u antropoloġiku

7.     Rabtiet omosesswali huma kompletament nieqsa mill-elementi bioloġiċi u antropoloġiċi ta’ żwieġ u familja, li jistgħu jkunu l-bażi, fuq il-livell tar-raġuni, biex jagħtuhom rikonoxximent legali.  Rabtiet bħal dawn ma jistgħux jikkontribwixxu b’mod adegwat għall-prokreazzjoni u sopravivenza tal-ispeċi umana.  L-użu potenzjali tal-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mill-iskoperti riċenti fil-qasam tar-riproduzzjoni artifiċjali, aktar milli fihom nuqqasijiet kbar fir-rispett tad-dinjità umana,(15) ma jagħmlu xejn biex jibdlu dawn in-nuqqasijiet.

Fir-rabtiet omosesswali hija wkoll totalment nieqsa d-dimensjoni konjugali, li tippreżenta l-mod uman u ordinat tas-sesswalità.  Relazzjonijiet sesswali huma umani meta u safejn huma jesprimu u jippromwovu l-għajnuna reċiproka tas-sessi fiż-żwieġ u huma miftuħa għat-trasmissjoni tal-ħajja.

Kif turi l-esperjenza, l-assenza ta’ kumplimentarjetà sesswali f’dawn ir-rabtiet toħloq ostakli għall-iżvilupp normali tat-tfal li eventwalment ikunu mdaħħla fi ħdan dawn ir-rabtiet.  Lilhom tkun imċaħħda l-esperjenza tal-maternità jew tal-paternità. Meta tqiegħed tfal f’rabtiet omosesswali permezz ta’ adozzjoni jfisser fil-fatt li tkun qed issir vjolenza ma’ dawn it-tfal, fis-sens li tkun qed tapprofitta mis-sitwazzjoni ta’ dipendenza tagħhom biex iddaħħalhom f’ambjenti li ma jgħinnux l-iżvilupp sħiħ uman tagħhom.  Ċertament li din il-prattika tkun gravament immorali u f’kuntradizzjoni miftuħa mal-prinċipju, rikonoxxut anke mill-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Tfal, li l-aħjar interessi tat-tfal, bħala l-aktar dgħajfa u bla difiża, għandhom ikunu l-aktar kunsiderazzjoni għolja f’kull każ.

 

Mill-ordni soċjali

8.     Is-soċjetà taf is-sopravivenza tagħha lill-familja mibnija fuq iż-żwieġ.  Il-konsegwenza inevitabbli tal-rikonoxximent legali ta’ rabtiet omosesswali hija definizzjoni mill-ġdid taż-żwieġ, li jsir istituzzjoni li fl-istatus legali tagħha titlef ir-riferiment essenzjali għal dawk il-fatturi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-eterosesswalità, bħal ma huma l-prokrezzjoni u t-trobbija tat-tfal. Jekk mill-aspett legali ż-żwieġ bejn persuni ta’ sess differenti kellu jkun meqjus biss bħala forma waħda ta’ żwieġ, il-kunċett ta’ żwieġ jgħaddi min bidla radikali, b’detriment serju għall-ġid komuni.  Jekk ir-rabta omosesswali titpoġġa fuq livell ġuridiku simili għal dak taż-żwieġ jew tal-familja, l-Istat ikun qed jaġixxi b’mod arbitrarju u jidħol f’kuntraddizjoni mad-dmirijiet proprji tiegħu.

Il-prinċipji tar-rispett u ta’ non-diskriminizzazzjoni ma jistgħux jitressqu b’appoġġ għar-rikonoxximent ta’ rabtiet omosesswali. Distinzjoni bejn persuni jew ir-rifjut ta’ rikonoxximent jew benefiċċji soċjali huma biss inaċċettabli meta jmorru kontra l-ġustizzja.(16)  Li tiċħad l-istatus soċjali jew legali taż-żwieġ lil forom ta’ koabitazzjoni li mhumiex u lanqas jistgħu ikunu żwieġ ma jmurx kontra l-ġustizzja; anżi bil-maqlub, il-ġustizzja titlob li jsir hekk.

Lanqas il-prinċipju ta’ awtonomija xierqa tal-individwu ma tista’ tkun appellata b’mod raġonevoli.  Hija ħaġa li tgħid li ċ-ċittadini individwali jistgħu liberalment jkollhom parti f’dawk l-attivitajiet li jinteressawhom u li din hija parti mid-dritt ċivili tal-libertà; hija xi ħaġa differenti li tgħid li attivitajiet li ma jirrapreżentawx kontribut sinifikattiv jew posittiv għall-iżvilupp tal-persuna umana fis-soċjetà jista’ jirċievi rikonoxximent legali speċifiku u kategoriku mill-Istat.  Dawn ir-rabtiet omosesswali, lanqas f’sens remotament analogu ma jwettqu l-ħidma li għaliha ż-żwieġ u l-familja jixirqilhom rikonoxximent speċifiku u kategoriku. Bil-maqlub, hemm raġunijiet tajba li juru li dawn ir-rabtiet huma ta’ ħsara għall-iżvilupp xieraq tas-soċjetà umana, speċjalment jekk l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà kellu jikber.

Mill-ordni legali

9.     Peress li koppji miżżewġa għandhom ir-rwol li jiżguraw it-tkomplija tal-ġenerazzjonijiet u huma għalhekk b’mod eminenti fl-interess publiku, il-liġi ċivili tagħtihom rikonoxximent istituzzjonali. Rabtiet omosesswali, min-naħa l-oħra, ma jinħtieġu ebda attenzjoni speċifika mill-aspett legali peress li huma m’għandhomx din il-funzjoni għall-ġid komuni.

Mhux minnu l-argument li r-rikonoxximent legali tar-rabtiet omosesswali huwa meħtieġ biex jevita li persuni omosesswali li jgħixu flimkien, għas-sempliċi fatt li qed jgħixu flimkien, jitilfu r-rikonoxximent effettiv tad-drittijiet komuni li huma għandhom bħala persuni u bħala ċittadini.  Fil-verità, huma jistgħu dejjem jirrikorru – bħaċ-ċittadini kollha fl-awtonomija privata tagħhom – għad-drittijiet tagħhom f’materji ta’ interess komuni.  Tkun inġustizzja gravi li tissagrifika l-ġid komuni  u liġijiet ġusti dwar il-familja, biex takkwista xi ġid li jista’ u għandu jkun garantit b’modi li ma jagħmlux ħsara lill-qafas soċjali.(17)

 

IV. POŻIZZJONIJIET TA’ POLITIĊI KATTOLIĊI

FIR-RIGWARD TA’ LEĠIŻLAZZJONI FAVUR RABTIET OMOSESSWALI

 

10.  Jekk il-fidili kollha huma obbligati li jopponu r-rikonoxximent legali ta’ rabtiet omosesswali, il-politiċi kattoliċi għandhom dan l-obbligu b’mod partikolari bħala responsabbiltà proprja tagħhom. Quddiem proposti leġislattivi favur rabtiet omosesswali, huma għandhom iżommu quddiemhom dawn l-indikazzjonijet etiċi.

Meta liġi favur rikonoxximent ta’ rabtiet omosesswali tkun proposta għall-ewwel darba f’assemblea leġislattiva, il-leġislatur kattoliku għandu d-dover morali li jesprimi b’mod ċar u publiku l-oppożizzjoni tiegħu u li jivvota kontriha.  Huwa gravament immorali li tivvota favur liġi li hija ta’ tant ħsara għall-ġid komuni.

Meta l-liġi favur ir-rikonoxximent ta’ rabtiet omosesswali hija diġà fis-seħħ, il-politiku kattoliku għandu jopponiha b’dawk il-modi disponibbli lilu u jara li din l-oppożizzjoni tiegħu tkun magħrufa; huwa d-dmir tiegħu li jixhed għall-verità.  Jekk ma jkunx possibli, li din il-liġi tkun irtirata kompletament, waqt li jiftakar l-indikazzjonijiet espressi fl-Enċiklika Evanġelium Vitae, “huwa jista’ b’mod leċitu joffri l-appoġġ tiegħu għal proposti mmirati biex inaqqsu d-danni ta’ din il-liġi u li jċekken l-konsegwenzi negattivi tagħha f’livell ta’ kultura u moralità publika”, sakemm din l-oppożizzjoni assoluta għal-liġi tkun ċara u magħrufa minn kulħadd, u li jkun evitat il-periklu ta’ skandlu.(18) Dan ma jfissirx li liġi li hija aktar ristrettiva f’dan il-qasam tkun tista’ tiġi kunsidrata ġusta jew aċċettabli; iżda huwa pjuttost attentat leġittimu u skont id-dmir tal-politiku  biex ta’ l-inqas parti minn liġi nġusta tiġi rtirata meta l-abrogazzjoni totali tagħha ma tkunx possibli f’dak il-waqt.

 

KONKLUŻJONI

 

11.     Il-Knisja tgħallem li r-rispett lejn persuni omosesswali ma jista’ bl-ebda mod iwassal għall-approvazzjoni tal-imġieba omosesswali jew għar-rikonoxximent legali tar-rabtiet omosesswali.  Il-ġid komuni jitlob li l-liġijiet jirrikonoxxu, jiffavorixxu u jħarsu r-rabta taż-żwieġ bħala l-bażi tal-familja, ċellula ewlenija tas-soċjetà.  Li tirrikonoxxi b’mod legali r-rabtiet omosesswali jew li tagħmilhom indaqs bħaż-żwieġ ma jkunx ifisser biss l-approvazzjoni ta’ imġieba devjanti, bil-konsegwenza li tagħmilha mudell fis-soċjetà attwali, imma wkoll tkun toskura valuri bażiċi li jappartjenu għall-wirt komuni tal-umanità  Il-Knisja ma tistax tonqos milli tiddefendi dawn il-valuri, għall-ġid tal-bnedmin u tas-soċjetà kollha.

 

Il-Qdusija Tiegħu Ġwanni Pawlu II, waqt Udjenza mogħtija fit-28 ta’ Marzu 2003 lill-Kardinal Prefett hawn taħt iffirmat, approva l-Kunsiderazzjonijiet preżenti, adottati fis-Sessjoni Ordinarja ta’ din il-Kongregazzjoni, u ordna l-pubblikazzjoni tagħhom.

 

Ruma, mill-Uffiċcji tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, 3 ta’ Ġunju 2003, Tifkira ta’ San Karlu Lwanga u Sħabu Martri.

 

 

 

Joseph Kardinal Ratzinger

Prefett.

                                                   

Angelo Amato, S.D.B.

Arċisqof Titulari ta’ Sila

Segretarju.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia.
 


NOTI

(1) Cf. Ġwanni Pawlu II, Angelus Messaġġ tal-20 ta’ Frar 1994, u tad-19 ta’ Ġunju 1994; Indirizz lil-Laqgħa Plenarja tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja (24 ta’ Marzu 1999); Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, Nri. 2357-2359, 2396; Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Persona humana (29 ta’ Diċembru 1975), 8; Ittra dwar il-Kura Pastorali ta’ persuni omosesswali (1 ta’ Ottubru 1986); Some considerations concerning the response to legislative proposals on the non-discrimination of homosexual persons (24 ta’ Lulju 1992); Kunsill Pontifiċju għall-Familja, Ittra lill-Presidenti tal-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Ewropa dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropej dwar koppji omosesswali (March 25, 1994); Family, marriage and “de facto” unions (26 ta’ Lulju 2000), 23.

(2) Cf. Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Doctrinal Note on some questions regarding the participation of Catholics in political life (24 ta’ Novembru 2002), 4.

(3) Cf. Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali, Gaudium et spes, 48.

(4) Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, No. 2357.

(5) Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Persona humana (29 ta’ Diċembru 1975), 8.

(6) Cf., per eżempju, San Polikarpju, Ittra lill-Filippini, V, 3; San Ġustinu Martri, L-Ewwel Apoloġija, 27, 1-4; Athenagoras, Supplication for the Christians, 34.

(7) Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, No. 2358; cf. Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra dwar il-Kura Pastorali ta’ persuni omosesswali ( 1 ta’ Ottubru 1986), 10.

(8) Cf. Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, No. 2359; cf. Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra dwar il-Kura Pastorali ta’ persuni omosesswali ( 1 ta’ Ottubru 1986), 12.

(9) Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, No. 2358.

(10) Ibid., No. 2396.

(11) Cf. Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Evangelium vitae (25 ta’ Marzu 1995), 71.

(12) Cf. ibid., 72.

(13) Cf. San Tumas Aquinas, Summa Theologiae, I-II, q. 95, a. 2.

(14) Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Evangelium vitae (25 ta’ Marzu 1995), 90.

(15) Cf. Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Instruction Donum vitae ( 22 ta’ Frar 1987), II. A. 1-3.

(16) Cf. San Tumas Aquinas, Summa Theologiae, II-II, q. 63, a.1, c.

(17) Wieħed ma jistax jinsa li dejjem hemm “periklu li leġiżlazzjoni li tagħmel l-omosesswalità fuq bażi ta’ dritt tista’ fil-fatt tinkuraġixxi persuna b’orjentazzjoni omosesswali li tiddikjara l-omosesswalità tagħha jew ukoll li tfittex sieħeb/sieħba sabiex tagħmel użu mill-provediment tal-liġi” (Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Some considerations concerning the response to legislative proposals on the non-discrimination of homosexual persons [24 ta’ Lulju 1992], 14).

(18) Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Evangelium vitae (25 ta’ Marzu 1995), 73.

 

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link