IT-TIELET KTIEB

TAL-IMITAZZJONI TA’ KRISTU

Fuq il-Ħlewwiet li tħoss ruħ it-Tajjeb

                               

KAP 1

Kristu jitħaddet minn ġewwa mal-qalb fidila

 

IR-RUĦ

 

1.        Ħalli nisma’ x’jitkellem ġewwa fija s-Sid tiegħi Alla: ċċImbierka dik illi tisma’ lis-Sid tagħha jitkellem ġewwa fiha, u minn fommu tieħu l-kelma tas-sabar! Imberkin dawk il-widnejn li jiġbru l-kliem t’Alla, u mit-tlablib ta’ din id-dinja xejn ma jimpurtahom! Imberkin, iva, il-widnejn li jisimgħu, mhux il-leħen ta’ barra, imma l-verita, li tgħallimhom minn ġewwa! Imberkin dawk il-għajnejn li jingħalqu għall-ħwejjeġ ta’ barra, iħarsu biss lejn il-ħwejjeġ ta’ ġewwa! Imberkin dawk in-nies li jidħlu ġewwa fihom infushom, u li bl-opri tajba ta’ kuljum ifittxu jifhmu aktar biċ-ċar il-misterji tas-smewwiet! Imberkin dawk li jagħtu ruħhom ‘l Alla u li jħarsu ruħhom mit-tfixkil kollu tad-dinja!’’ Ifhem tajjeb dan it-tagħlim, ja ruħ tiegħi, u agħlaq il-bwieb tas-sensi tiegħek, biex tista’ tisma dak li Alla Sid tiegħek jitkellem ġewwa fik.

 

2.         Hekk igħid il-maħbub tiegħek:ċċJiena s-saħħa tiegħek, il-paċi tiegħek u l-hajja tiegħek. Kun dejjem marbut miegħi u ssib il-paċi. Ħalli għal kollox il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, fittex dak li hu ta’ dejjem.’’ Il-ħwejjeġ ta’ hawn x’fihom ħlief qerq? U x’ġid jistgħu jagħmlulek il-ħwejjeġ kollha maħluqa jekk jitbiegħed minnek il-Kreatur tiegħek? Ixħet mela kollox wara spallejk, xteħet f’idejn il-Kreatur tiegħek, imma tabilħaqq u bil-qalb, biex tista’ tilħaq il-vera thennija.

 

KAP 11

 

Il-Verita titkellem ġewwa fina mingħajr ħoss ta’ kliem

 

1.        Tkellem, sinjur, għax jisma’ l-qaddej Tiegħek: Jiena l-qaddej tiegħek; tini d-dehen, ħalli nifhem il-liġi tiegħek. Iġbidli qalbi lejn il-kliem ta’ fommok; jinżel bħala nida l-kliem tiegħek. Kienu għidu l-ulied ta’ Israel lil Mose: ċċtkellem inti magħna, u nisimgħu; mhux le Alla jitkellem magħna, għax immutu.’’ Imma mhux hekk nitolbok, Sinjur; anzi mal-Profeta Samweli hekk nitolbok bl-umilta kollha  u b’qalbi kollha. ċċTkellem, Sinjur, ħalli jisma’ s-serv tiegħek’’ Mhux Mose jitħaddet miegħi, anqas ebda wieħed mill-Profeti, imma Int, Sinjur Alla tiegħi, li tajt id-dehen u d-dawl lill-Profeti kollha; għaliex Inti biss tista’ mingħajrhom tagħnini, u huma mingħajrek ebda ġid ma jistgħu jagħmluli.

 

2.        Forsi l-kliem tagħhom ikun  imqiegħed tajjeb; imma ma jnissilx fija l-ispirtu tiegħek.

Jitkellem sabiħ; imma lil qalbi ma jħeġġuhiex, jekk int tibqa’ sieket. Isemmgħuni, iva, il-kliem: imma lill-moħħ int trid ittiħ id-dawl. Isemmgħuni l-miżerji, imma inti tfehimhom biċ-ċar lill-maħbubin tiegħek. Igħallmuni l-Kmandamenti; imma int tgħinni biex inkomplihom. Juruni t-triq; imma int tgħinni s-saħħa biex nimxi fiha. Huma jkellmuni minn barra: imma int tgħallem, ġewwa l-qalb u tagħtiha d-dawl. Huma jsaqqu minn barra: imma l-ħajja inti tagħtiha. Il-kliem tagħhom jidħol ġol-widnejn; imma int tagħti l-fehma lis-smigħ.

 

3.         Mhux Mose mela jitkellem miegħi, imma int, Sinjur Alla tiegħi, verita eterna, ħalli ma mmutx u ninsab siġra bla frott; għax hekk jiġrili; jekk b’widnejja nisma’ t-twissijiet, u qalbi ma tinxegħilx bl-imħabba. Iva, Sinjur ħalli nhar il-ġudizzju ma ċċanfarnix: ċċSinjur kliemi u ma għamiltux; għaraftu u ma ħabbejtux, emmintu u ma qgħadtx għalih.’’ Tkellem mela, Sinjur, għax jisimgħek qiegħed il-qaddej tiegħek; inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Tkellem, ħalli f’qalbi tnissilli kull sabar, u ħajti kollha titbiddel. Tkellem, u jkun b’ġieh u tifħir lilek għala dejjem.

 

 

KAP III

 

Il-kliem t’Alla għandna nisimgħuh bl-umilta

 

GESU KRISTU

 

            1. Isma’, ibni, il-kliem tiegħi, kliem ta’ l-akbar ħlewwa, li jisboq il-għerf tal-għaqal u tal-għorrief kollha ta; din id-dinja. Il-kliem tiegħi hu ħajja tar-ruħ; u ma għandux jintiżen bħalma jintiżen kliem ieħor. Kliemi ma għandux jinstama’, hekk, għall-pjaċir fieragħ, imma bis-skiet u l-ġabra, bl-umilta u b’għożża kbira.

 

            2. Jiena għidt darba: ċċImbierek dak il-bniedem, li int, Sinjur, tkun tajtu d-dehen, u għallimtu l-liġi tiegħek, biex fil-ġranet tal-hemm ittaffilu, u biex f’din id-dinja ma jitnikkitx.’’

 

            3. Qal ukoll Alla: ċċjien sa mill-bidu għallimt lill-Profeti; u sal-lum ukoll għadni nitkellem ma’ kulħadd; imma bosta huma torox għal-leħen tiegħi, u qalbhom iebsa.’’ Bosta nies aktar jisimgħu bil-qalb lid-dinja, milli ‘l Alla; aktar jaqtgħu xewqathom, milli li jagħtu gost ‘l Alla. Id-dinja twiegħed ħwejjeġ ċkejknin, li jmorru mar-riħ, u frattant in-nies iservuha b’regħba kbira; jien inwiegħed ħwejjeġ kbar, li qatt ma jintemmu u l-qlub tal-bnedmin għalija jitnikktu. Min hu li lili jservini u jobdini f’kollox b’dik il-ħrara li biha n-nies taqdi d-dinja u l-kbarat tagħha? Istħi, Sidun igħid il-baħar. U jekk trid taf il-għaliex, oqgħod isma’. Għall-ħlas ta’ xejn, wieħed ma tiġihx tqila li jimxi triq twila; u għall-ħajja ta’ dejjem, bosta wħud kemm kemm tagħtihom qalbhom jerfgħu riġlejhom mill-art! Tħabirku għall ħlas l-aktar żgħir; għal ħabba ma jistħux ifittxu lil xulxin fil-qrati; ħaġa ta’ xejn li wieħed iwegħidhom, tarahom jitħabtu lejl u nhar għaliha.

 

            4. Imma ara mbagħad hux għajb għalihom! Għall-ġid, li ma hemmx ma’ hiex tibdlu, għall-ħlas li ħadd ma jista’ jiżnu, għall-ġieh l-aktar kbir, għall-glorja li qatt ma tispiċċa, anqas jitħajru jbatu ħaġa ta’ xejn! Istħi int mela, qaddej għażżien u gemgumi, illi aktar huma beżlin huma biex jitilfu ruħhom, milli int biex issalva ruħek, aktar jifirħu huma bil-frugħa tad-dinja, milli tifraħ int bil-verita tiegħi. Issa huma bosta drabi jibqgħu mqarrqin fit-tama tagħhom, imma l-wegħdiet tiegħi ma jonqsux; u min jitma fija, ma jitmax fil-fieragħ. Dak li nkun għidt inkomplih: bosta imma r-ruħ tibqa’ fidila fl-imħabba tiegħi sa l-aħħar. Jiena nħallas lit-tajbin kollha; kif ukoll inġarrab il-paċenzja ta’ l-imseddqin kollha.

 

4.        Ħażżeż kliem ġewwa qalbek, użomm miegħi bil-ħrara kollha; u fil-ġranet tad-dwejjaq issib fih il-hena tiegħek. Dak li drabi ma tifhmux waqt li tkun taqra, ‘l quddiem, waqt li jien inkun inġarrbek, għad tagħarfu, u tifhmu sewwa. Jien inġarrabhom lill-maħbubin tiegħi, daqqa bit-tentazzjoni u drabi oħra bil-hena tal-qalb. U żewġ ħwejjeġ ngħallimhom kuljum: fuq li għandhom jaħarbu l-vizzji tagħhom; u billi nħajjarhom jikbru fil-virtu tagħhom. Min jisma’ kliemi u ma jagħtix kontu, jien nagħmel ħaqq minnu fl-aħhar jum.

 

TALBA

Biex naqilgħu l-grazzja tad-devozzjoni

 

IR-RUH

 

            6. Mulej Alla tiegħi, int hu l-ġid tiegħi kollu. U min jiena li nieħu l-ardir nitkellem miegħek? – Jien l-aktar fqir fost il-qaddejja tiegħek, u duda ta’ l-art, ifqar u iċken milli nifhem jien u milli għandi ħila ngħid. Ftakar mela, Mulej, li jiena xejn, li ma għandi xejn, li ma niswa xejn. Inti waħdek tajjeb, sewwa u qaddis; int tista’ kollox, tagħti kollox, lill-midneb biss tħallih fil-faqar tiegħu. Ftakar fil-ħniena tiegħek, u imla lil qalbi bil-grazzja tiegħek, u int lill-ħolqien tiegħek ma tridux fieragh.

 

            7. Kif nista’ nwettaq lili nnifsi f’din il-ħajja kollha miżerja, jekk il-ħniena u l-grazzja tiegħek ma jeqfux miegħi? La ddawwarx, le wiċċek minn fuqi; la ddumx ma tiġi żżurni; la tneħħilix il-faraġ tiegħek, sabiex ruħi ma tkunx quddiemek bħala art mingħajr ilma. Mulej, għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek; għallimni ngħaddi ħajja xierqa u umli quddiem il-wiċċ tiegħek; għaliex inti l-għerf tiegħi, int, iva, li taf sewwa x’jien, u għaraftni minn qabel jien ma ġejt fid-dinja.

 

KAP IV

 

Għandna nimxu dejjem quddiem Alla bil-verita u bl-umilta

 

ĠESU KRISTU

 

1.        Ibni, imxi quddiem il-għajnejn tiegħi bil-verita, u fittex dejjem lili b’qalb safja. Min jimxi quddiemi bil-verita, ebda ħsara ma tiġrilu fir-ruħ u l-verita teħilsu mill-qerq u mill-ilsna tal-ħżiena. Jekk il-verita teħilsek, inti tabilħaqq tkun sid tiegħek innifsek; u l-kliem fieragh tan-nies ma jbeżżgħekx.

 

IR-RUĦ

 

1.        Iva, Mulej, hekk hu. Ikun minnikif qed tgħid int. Agħmel li l-verita tiegħek tgħallimni, tħarisna u żżommni fit-triq tas-sewwa sa ma nsalva ruħi. Hi għandha tħarisni mill-ġibdiet kollha ħżiena u mill-pjaċiri li ma jixirqux: u hekk jien inkun nista’ nimxi miegħek b’qalbi maħlula mid-dinja.

 

ĠESU KRISTU

 

            2. Jien ngħallmek dak li hu sewwa, u dak li tgħid il-verita jogħġob lili. Oqgħod aħseb fuq dnubietek b’indiema kbira u b’imrar ta’ qalb, u la żżommx ruħek li int xi ħaġa jekk tagħmel xi opra tajba. Stqarr anzi li inti midneb, imxekkel u mrabbat b’bosta passjonijiet. Minnek innifsek int m’intix miġbud ħlief għax xejn, b’xejn taqa’ u b’xejn tintrebaħ, b’xejn titqawwa u b’xejn tintilef. Ma għandek xejn biex tiftaħar bik innifsek; għaliex il-ħila tiegħek hi iċken milli tista’ tifhem.

 

            3. Milli tagħmel inti, mela, xejn ma għandek tarah kbir. Ebda ħaġa ma hi kbira jew ta’ min igħożżha u jistagħġeb biha; ebda ħaġa ma hi ta; min isemmi fuqha, ta’ min ifaħħarha u jixtieqha, barra minn dak li hu ta’ dejjem. Fuq kollox għandek tħobb il-verita eterna, u dejjem tistmerr ix-xejn tax-xejn tieghek. Minn ebda ħaġa ma għandek tibża’, xejn ma għandek tmaqdar u taħrab, daqs il-vizzju u d-dnubiet tiegħek; għandek tobgħodhom aktar minn kull ħsara li tista’ tiġrilek. X’uħud ma jġibu xejn ruħhom miegħi bis-sedqa; imma tarahom mingħajr ebda mistħija u jseksku u jridu jafu l-ħwejjeġ moħbija tiegħi, u jridu jifhmu l-misterji għoljin t’Alla., bla ma jagħtu ebda kont tagħhom infushom u tas-salvazzjoni ta’ ruħhom. Bniedem bħalhom, minħabba fil-kburija u l-kurżita tagħhom, jaqgħu bħalxej f’tentazzjonijiet u fi dnubiet kbar, għaliex jien nilqgħalhom u nerħilhom għal rashom.

 

            4. Ibża’ mill-ġudizzji t’Alla, u mill-qilla tiegħu, li jista’ kollox. U xejn la toqgħod tħabbat moħħok fuq il-fehmiet t’Alla, imma għarbel ftit il-ħażen tiegħek, ara kemm ħwejjeġ dnibt fihom, u kemm ħwejjeġ kellek tagħmilhom u ħallejthom. X’uħud it-tjieba tagħhom tinsab fil-kotba, oħrajn fl-inkwatri tal-qaddisin, oħrajn filli jroddu s-slaleb. X’uħud isemmuni b’fommhom, imma b’qalhom wisq ftit. Imma hemm oħrajn imbagħad li moħħhom mogħni bid-dawl tas-sema u qalbhom safja, ma jixtiqux ħlief il-ġid ta’ l-eternita, jistmerru l-ħwejjeġ ta’ din l-art; u dak li jitlob il-ġisem, fuq il-qalb jagħtuhulu. Dawn jisimgħu x’jitkellem ġewwa fihom l-Ispirtu s-Santu. Hu jgħallimhom imaqdru l-ħwejjeġ tad-dinja, u jħobbu dawk tas-sema; igħallimhom jixħtu riġlejhom id-dinja, u lejl u nhar jixtiequ s-sema.

 

KAP V

 

Fuq l-egħuġubijiet li tagħmel l-imħabba t’Alla

 

IR-RUĦ

 

1.        Imbierek Missier li inti fis-smewwiet, Missier Sidna Ġesu Kristu, li għoġbok tiftakar fil-faqar tiegħi. O missier tal-ħniena u Alla ta’ kull sabar tal-qalb, niżżikħajr, li għalkemm ma ħaqqni ebda faraġ, spiss thennini bil-ħlewwiet  tiegħek. Imbierek u nagħtik gieh għal dejjem. Flimkien ma’ l-Iben tiegħek il-Wieħed u ma’ l-Ispirtu s-Santu, hena ta’ l-erwieħ għal dejjem u sa dejjem. Iva, Mulejja Alla tiegħi, li fil-qdusija tiegħek tant tħobbni; meta tiġi ġewwa fija, ruħi u qalbi jittajru bil-ferħ. Inti l-glorja tiegħi, int it-tama u l-ħniena tiegħi fil-ġurnata tal-hemm.

 

2.        Imma billi għadni m’iniex qawwi sewwa fl-imħabba u lanqas ma nħossni mwettaq fil-virtu, hemm bżonn li int twettaqni u thennini. Żurni mela spiss, għallimni l-għerf imqaddes tiegħek: eħlisni mill-passjonijiet il-ħżiena, u fejjaqli lil qalbi mill-ġibdiet ħżiena kollha tagħha sabiex, imfejjaq u mnaddaf minn ġewwa, insir nista’ nħobbok, u nidħol għat-tjieba u nibqa’ nżomm sal-aħħar fit-tjieba.

 

3.         Ħaġa kbira hija l-imħabba, ġid kbirfuq kull ġid ieħor, għaliex it-toqol m’hu xejn għaliha, u tieħu kollox bil-ferħ xorta waħda. Hi tarfa’ t-toqol bħallikieku m’hix imgħobbija, u kull imrar għaliha bnin u tajjeb. Kemm hija sabiħa l-imħabba lejn Ġesu! Hi ġġagħal lill-bniedem jagħmel ħwejjeġ kbar li dejjem iżjed jitjieb. Hi tfittex li dejjem titgħolla ‘l fuq, u l-ħwejjeġ tad-dinja ma jżommuhiex marbuta ‘l hawn isfel. Trid li tkun maħlula u mingħajr ebda ġibda lejn id-dinja, biex ġewwa qalbna d-dawl ma jiġix mikfus, u biex ma ssibx ruħha mfixkla fil-ġid, jew imnikkta fil-hemm. La fis-sema u la fl-art ma hemm ħaġa li fiha ħlewwa, qawwa, għoli, kobor, hena, milja u ġid aktar mill-imħabba: għaliex l-imħabba hija ġejja minn Alla, u l-mistrieħ tagħha ma tistax issibu ħlief f’ Alla u le fil-ħwejjeġ maħluqa.

 

4.        Min iħobb jittajjar, jiġri, jithenna, hu maħlul minn kollox, ebda ħaġa ma żżommu. Jagħti kollox, u għandu kollox f’kollox; jiġifieri jsib il-mistrieħ tiegħu f’dak li hu l-aqwa ġid fuq kull ġid ieħor. L-imħabba bosta drabi ma tafx x’inhu qies, anzi toħroġ ‘il barra aktar milli jmissu. Tkun imgħobbija, u ma tħossx,; tbati, u ma jimpurtahiex; anzi tagħmel aktar milli tiflaħ; ebda ħaġa ma taqtgħielha qalbha u tbeżżagħha, għax anzi jidhrilha li hi tiflaħ għal kollox, li kollox jixirqilha. Tidħol għal kollox u bil-ħrara tagħha tkompli bosta ħwejjeġ li min ma jħobbx ma għandux ħila jidħol għalihom.

 

5.         L-imħabba dejjem għassa, u fir-rqad tagħha anqas la tongħos. U la tegħija fit-taħbit tagħha, u la titqammat jekk tkun marbuta, u lanqas jagħmel biha l-biża’ imma, bħala vampa ħajja u mħeġġa, dejjem tlebleb ‘il fuq, mingħajr xejn ma jista’ jżommha. Min iħobb jaf x’isarraf u x’igħid dak il-leħen qawwi dak l-għajat, ruħ mixgħula bl-imħabba twassal sal-widnejn t’Alla. Tgħidlu: Alla tiegħi, imħabba tiegħi, Int kollok tiegħi u jien kollni tiegħek.

 

6.         Wessagħli lil qalbi għal imħabbtek, ħalli nista’ ntiegħem il-ħlewwa li fiha l-imħabba tiegħek; u x’hena jkun għal qalbi, li nitgħargħar u ndub f’imħabbtek.  Agħmel li nkun kollni kemm jien imħeġġeġ bl-imħabba tiegħek; ħalli bil-ħrara u l-għaxqa ta’ qalbi jiena ninsa lili nnifsi. Iva nkanta l-kantiku ta’ l-imħabba, nimxi warajk. Maħbub tiegħi, sa l-għoli tas-smewwiet, sa ma ruħi togħxa fit-tifħir tiegħek u tintilef fl-imħabba. Agħmel li nħobbok iżjed minni stess, anzi li ma nħobbx lili nnifsi ħlief minħabba fik; agħmel li nħobb fik lil dawk kollha li tabilħaqq iħobbu lilek, bħalma titlob il-liġi ta’ l-imħabba li tiddi bid-dawl tiegħek.

 

7.         L-imħabba hi ħafifa, qalbha f’idejha, imseddqa, ferħana, fuq ruħha u qawwija; l-imħabba tissaporti, ma tibdilx il-maħbub tagħha, taħdem bil-għaqal, tistenna bla ma tgemem, ma tibzax u ma tfitterx qatt lilha nfisha. Malli wieħed jibda jfittex lilu nnifsu, tibda tidbiel fih l-imħabba. L-imħabba hi dejjem b’għajnejha miftuħa, imma umli; timxi dritt, ma tpaxxix lilha nfisha; moħħha ma hux fi ħwejjeġ boloh u fiergħa; bil-qies fix-xewqat tagħha, nadifa f’egħmilha, attenta li ma tittajjarx u ma tiġġerriex ‘l hawn u ‘l hemm, u dejjem għassa fuq is-sensi tagħha kollha. L-imħabba hi kollha umilta lejn is-superjuri, u l-kelma tagħhom tobdi. Min iħobb xejn ma jqis lilu nnifsu. Mimli bi ħrara lejn Alla, u ferħan bil-ġid li minnu jirċievi, jerħi dejjem ruħu f’idejh u fiħ jitma, avolja meta qalbu ma tkunx mimlija bil-ħlewwiet tiegħu: għax bla mrar ma tingħatax imħabba.

 

8.Min m’hux pront ibati kollox  jagħmel kollox kif irid il-maħbub tiegħu, ma jixraqlux l-isem ta’ ħabib li jaf iħobb jaħtieġlu jarfa’ kull toqol u jixrob kull imrar għall-maħbub tiegħu, u jiġrilu ma għandux jiċħadlu l-imħabba.

 

 

KAP VI

 

Kif tiġġarrab il-vera mħabba

 

ĠESU KRISTU

 

1.        Ibni, l-imħabba tiegħek għad m’hix qawwija u bil-għaqal biżżejjed. Għala, Mulejja? Għax għawġ ta’ xejn jaqtagħlek qalbek u jtellfek milli tkun bdejt, u għax int ilħiħ wisq tfittex is-sabar: Minn hu qawwi fl-imħabba, it-tentazzjonijiet ma jwaqqgħuħx, u anqas iqarraq bih il-għadu bis-sefsif tiegħu. Ħabib miegħi fil-ferħ, u ħabib fil-biki wkoll.

 

2.        Veru ħabib ta’ l-għaqal ma jfittixx x’jagħtih dak li jħobbu, imma jfittex l-imħabba ta’ dak li jagħtih. Aktar iħares lejn il-qalb tal-ħabib tiegħu, milli jifraħ billi jagħtih; u għaliħ iħalli kollox. X’imħabba sbejħa ta’ x’uħud! Isibu l-hena tagħhom mhux filli nagħtihom, imma fija. Xejn ma jimporta, jekk xi drabi tħoss li m’intix miġbud lejja jew lejn il-Qaddisin tiegħi, kif tixtieq qalbek. Dak il-hena, dik il-ħlewwa, li kultant tħoss ġewwa fik, tkun ġejja mill-grazzja tiegħi, li nkun sawwibt ġewwa fik, biex inġagħlek ittiegħem minn hawn it-tgawdija tas-smewwiet. Imma fuq din il-ħaġa xejn ma għandek torbot wisq, għax din tiġik, skond kif jogħġob lili. Iva, għandek tikkumbatti kontra x-xewqat il-ħżiena; u tagħlaq widnejk  għas-sefsif tad-demonju; b’hekk tiġi turi t-tjieba tiegħek; barra milli għad tkun imħallas ‘il quddiem.

 

3.         Xejn, mela, la ddejjaq qalbek b’xi ħsibijiet fiergħa li jgħaddu minn moħħok. Żomm il-fehma tiegħek marbuta m’Alla, u wettaq il-proponimenti tajba tiegħek. Jekk xi drabi tħoss qalbek se ttir bl-imħabba, u minnufih tarġa’ tibred kif kienet, xejn la tifhem li dan ikun taqriq tad-demonju. Dan mhux minnek ikun ġej, ikun bagħtulek Alla bi prova: u jekk ma tiħux gost bih, u jekk tilqagħlu, għad tkun imħallas tiegħu, mhux talli ma tintilifx.

 

4.        Kun af li l-għadu l-antik ifittex kemm jiflaħ biex jifga x-xewqat tajba tiegħek, u jbiegħdek mill-egħmil it-tajjeb kollu; jiġifieri li ma tkunx devot lejn il-Qaddisin, li ma ġġibx quddiem għajnejk il-Passjoni mqaddsa tiegħi; li ma toqgħodx tiftakar fi dnubietek; li ma tħarisx sewwa lil qalbek, u li ma tagħmilx proponiment li tiġi ‘l quddiem fit-tjieba. Jibda jġiblek f’moħħok ħafna ħsibijiet ħżiena, biex idejqek u jaqtagħlek qalbek, biex ibiegħdek mill-orazzjoni u mill-kotba tar-ruħ. L-aktar li jinkedd meta jarak tagħmel qrara tajba u umli, u mingħalik  iqis ifixklek ħalli ma titqarbinx. Imma xejn la temmnu, għalkemm jibda jonsoblok ix-xbiek tat-taqriq, xejn la tqisu. Meta jġiblek f’moħħok ħsibijiet ħżiena u moqżieża, u int ma għandekx ħtija, il-ħtija ixħetha kollha fuqu, u għidlu: ċċWarrab minn ħdejja jamoqżież;

itlaqni u mur għal xogħlok; lili ma għandekx xi tridni, ja ħażin;  ebda jedd ma għandek fuqi. Ġesu miegħi, jikkumbatti għalija bħala gwerrier qawwi; għalik ma hemmx ħlief il-mistħija. Irrid, iva, immut u nbati kull tbatija, imma le nagħmel dak li tgħidli int. Sikket ilsienek, tbikkem; ma rridx naf bik. Alla hu d-dawl u l-qawwa tiegħi. Minn min nibża’? Mqar mill-qtajjiet sħaħ ma nibża’ minn xejn ma naqta’ qalbi: Alla jgħinni u jifdini.’’

 

5.         Ikkumbatti mela bħala suldat qalbieni; u jekk xi darba minħabba fid-debbulizza tiegħek taqa’, itma li jkollok grazzja ikbar u targa’ tiġik qawwa akbar milli kellek. Imma ara tinfetaħ bik innifsek u titkabbar! Fuq hekk illi bosta jitilfu t-triq it-tajba, u jġibhom f’għama li forsi ma jfiqux minnu. U int, minn dan it-telfien tas-suppervi li għandhom tama belha u żejda fil-ħila tagħhom, tgħallem oqgħod b’għajnejk miftuħa fuqek innifsek, u kun umli.

 

KAP VII

 

Il-grazzja għandna nżommuha moħbija taħt l-umilta

 

ĠESU KRISTU

 

1.        Ibni, wisq kien ikun aħjar għalik li żżomm moħbija l-grazzja tiegħi. Biha xejn la toqgħod titkabbar, la ssemihiex wisq, anqas taħseb fuqha; ftakar li xejn  ma ħaqqek minn dan il-ġid kollu. Meta tħoss lil qalbek ferħana bil-grazzja, xejn la timla rasek biha; int taf kemm malajr qalbek terġa’ għal li kienet. U meta l-grazzja tkun tgħammar fik, ftakar kemm tkun fqir mingħajrha.

            La tmurx b’moħħok li int ilħaqt xi ħaġa għax ikollok il-ħlewwa tal-grazzja tiegħi, għaliex aktar tirbaħ fil-qdusija jekk tissabbar meta nċaħdek minnha; b’mod illi u la tħalli għaldaqshekk l-orazzjonijiet tiegħek, u anqas ma titbiegħed mill-opri tajba li tagħmel. Anzi agħmel, tibżax, mill-aħjar li tista’ u mill-aħjar li taf dak li tiflaħ; u ma għandekx għax titlaq ruħek jekk tħoss bruda u frugħa ġewwa qalbek.

 

            2. Għax jinsabu bosta wħud li, jekk ma jiġrilhomx kollox kif jixtiequ, minnufih jitilfu sabarhom u jitilqu kollox. Imma mhux hekk għandu jkun; għax il-bniedem mhux dejjem jista’ jimxi kif irid; għaliex f’idejn Alla hu li jagħti l-grazzja tiegħu u jsabbar, meta jrid hu, kemm irid hu u lil min irid hu, u kif jogħġob lilu u mhux iżjed. X’uħud, neqsin mill-għaqal, biex intilfu? Bil-grazzja stess li Alla tahom; għax riedu jagħmlu aktar milli kienu jifilħu. Ma kinux iġibu quddiem għajnejhom il-ħila ċkejkna tagħhom; u kienu jintelqu għax xewqat ta’ qalbhom aktar milli jifilħu għalihom,. U billi dehrilhom li għandhom jilħqu  aktar milli kien jogħġob ‘l Alla, dlonk tilfu l-grazzja tiegħu. Ftaqru mela u tilfu l-ġmiel ta’ ruħhom, billi dehrilhom li laħqu l-bejta tagħhom fis-smewwiet. Imma jservihom b’ġid; ħalli fil-għaks u l-faqar li fih waqgħu, jitgħallmu li ma għandhomx jittajru bil-ġwienaħ tagħhom, imma jimxu fuq it-tagħlim tiegħi u jittamaw fija. Dawk li għadhom ġodda u ma drawx għal kollox fit-triq t’Alla, bħalxejn jistgħu jitqarrqu u jintilfu jekk ma jiħdux id-dawl minn min jista’ jtihulhom, u jimxu bil-għaqal.

 

3.Min aktar ifittex il-fehma ta’ moħħu, jew ta’ min jista’ jagħtih id-dawl aktarx jispiċċah ħażin, jekk ma jiftaħx għajnejħ u jinża’ mill-fehma tiegħu. Ma jidhirlu li hu għaref wisq, darba fit-tant issibu joqgħod għall-fehma ta’ ħaddieħor. U għalhekk aħjar tkun taf ftit u tkun umli milli kieku qatt ikollok xmara ta’ għerf u tkun minfuħ bik innifsek: u aħjar ikollok ftit, milli jkollok wisq; għax bil-wisq għandek ħila titkabbar. Iblah hu min jagħti ruħu għall-ferħ, jinsa l-faqar li fih kien minn qabel, u ma jibżax li jitlef il-grazzja sabiħa li Alla għoġbu isawwablu f’qalbu. Anqas ma jagħmel sewwa min f’xi slaleb u f’xi tribulazzjoni jaqta’; qalbu, u fija ma jiftakarx u lanqas ma jitttama kif imissu.

 

4.Min fi żmien il-paċi jidhirlu li ħadd ma jista’ għalih, aktar fil-gwerra ssibu ta’ qalb ċkejkna u beżżiegh. Li kont iżżomm ruħek dejjem umli u ċkejken, u teqfilhom dejjem lill-passjonijiet tiegħek, kieku ma taqax hekk spiss fit-tiġrib u fid-dnub. Hi haġa wisq tajba li, meta l-grazzja tixgħellek ruħek bl-imħabba, taħseb ftit biex issib ruħek meta hi tħallik; u meta dan igħaddi mingħalik, tibżax, ġib quddiem għajnejk li għad jista’ jkollok id-dawl imqaddes tiegħi, u li meta nċaħħdek minnu għal xi żmien, ikun għall-ġid tiegħek u għall-glorja tiegħi.

 

5.Kun af li din ma tkunx ħlief prova, li aktar tiswielek milli kieku kollox jiġik għal qalbek. Għax, kos, il-merti ma jitqisux fuq li wieħed ikollu xi dehriet; fuq li qalbu tkun mimlija bil-hena tas-smewwiet, fuq li jkun għaref fl-Iskrittura Mqaddsa; jew li jkun miġjub fuq l-idejn: le, xejn minn dan kollu, imma hemm bżonn li hu jkun mimli bil-vera umilta u bl-imħabba tiegħi, li jfittex dejjem l-unur u l-glorja tiegħi biss, li jgħodd ruħu ta’ xejn; li jdaħħalha f’moħħu li hu nnifsu m’hu xejn; u li aktar jieħu pjaċir meta l-oħrajn ma jqisuhx jew igħajruh milli kieku joqogħdu jfaħħruh. 

 

 

KAP VIII

 

Jaħtiġilna nifmuha li quddiem Alla m’aħna xejn

 

IR-RUĦ

 

1.                  Issa jien, ftit trab u rimed, għandi wiċċ nitkellem mas-Sinjur Alla tiegħi? Jekk ingħodd ruħi b’xi ħaġa, insib lilek quddiemi, Sinjur; u minfuq, dnubieti jixhdu xhieda sħiħa kontra tiegħi; u jien ma nistax dan niċħdu. Imma jekk jien nistqarr ix-xejn tiegħi, jekk jien ebda kont ma nagħti tiegħi nnifsi, anzi jekk jien ingħodd ruħi mat-trab, ta’ trab li jien dlonk insib il-grazzji tiegħek miegħi, u d-dawl tiegħek insibu jiddi ġewwa qalbi; u jekk jien minn qabel kont naħsibni xi ħaġa, din il-fehma tiegħi innifsi tegħreq fil-mewġ tax-xejn tiegħi, u tintemm għal dejjem. Hekk int turini x’jien, x’kont, u mnejn ġejt, għax jien xejn, u anqas kont nafu! Jekk terħini waħdi ma jibqax fija ħlief miżerji u xejn; imma jekk int iddawwar wiċċek lejja, minnufih nissaħħaħ nimtela b’ferħ ġdid. U nħossni nistagħġeb xħin naħbat naħseb, li hekk malajr int terfagħna u b’tant ħlewwa tgħannaqni, għalkemm bit-toqol ta’ dnubieti m’jiniex miġbud ħlief għall-ħwejjeġ ta’ l-art.               

 

            2. Dan taf tagħmel l-imħabba tiegħek, Mulejja, qabel xejn iżżurni mingħajr xejn ma jistħoqqli biex imbagħad tieqaf miegħi f’tant żonnijiet tiegħi, tħarisni minn tant tiġrib kbir u minn deni (nista’ ngħid) bla tarf. Meta ħabbejt iżżejjed lili nnifsi, tlift lili nnifsi; u meta fittixt lilek biss, u b’qalbi kollha ħabbejtek, sibt lili u lilek ukoll, u bil-qawwa ta’ mħabbtek irnexxieli li tant ċekkint ruħi quddiemek li sirt narani xejn. Għaliex int, o Ġesu ħelu tiegħi, tagħmel miegħi aktar milli ħaqqni, u aktar milli għandi ħila nitma jew nitolbok.

                                     

                  3.Tkun mela mbierek.. Mulejja Alla tiegħi, għax għalkemm ebda ġid ma ħaqqni, int, bil-kobor u t-tjieba tiegħek ta’ bla tarf, ma teħdiex tagħmel il-ġid lil min hu qalbu iebsa miegħek, lil min iżomm ruħu minnek. Rattbilna qalbna għalik, biex nagħrfu l-ġid li tagħmlilna, u nkunu umli u devoti; għaliex inti s-saħħa tagħna, il-għana tagħna u l-qawwa tagħna.

 

 

KAP IX

 

F’kulma nagħmlu ma għandniex infittxu ħlief ‘l Alla

 

1.        Ibni, jien għandi nkun l-aqwa xewqa tiegħek; lili għandek tfittex fuq kollox, jekk tabilħaqq tixtieq il-hena. Jekk timxi b’dawn il-fehmiet, titnaddaf l-imħabba tiegħek, li bosta drabi hi tfittex lilek innifsek u lill-ħwejjeġ ta’ l-art. Għaliex kemm-il darba tfittex li taqta’ x-xewqat ta’ qalbek, inti dlonk jiġrilek bħal dik is-siġra, li tidbiel u tinxef. Mela kulma tagħmel agħmlu għall-unur tiegħi, għax jiena hu li kollox tajtek. F’kelma waħda, kemm ħwejjeġ tara, ftakar li huma minn ġid kbir, u għalhekk ħsiebek għandu jmur fija, li minni huma ġejjin.

 

2.        Minni jimlew l-ilma tal-ħajja,bħalkieku minn għajn ta’ ilma ġieri, iċ-ċkejken u l-kbir, il-fqir u l-għani; u min jaqdini bil-qalb u minn rajh inħallsu bil-grazzja tiegħi. Imma mbagħad, min ifittex il-glorja u l-hena fi ħwejjeġ oħra u mhux fija, dan ma jistax ikollu l-milja tal-hena, u minflok li qalbu titwassal għall-ferħ, aktar issib x’idejjaqha u jnikkitha. Mela jekk tara xi tjieba fik, xi virtu, la tgħidx li hi ġejja minnek jew minn xi bniedem ieħor, imma mn’Alla, li mingħajru l-bniedem ebda ġid ma għandu. Jien hu li tajtek kulma għandek u li nixtieqlek li jkollok kollox, u jien għajjur u rridek tkun tafhuli f’qalbek dal-ġid.

 

3.        Smajthiex, fhimthiex dil-verita sabiħa, li għandha tbegħidlek il-frugħa minn qalbek? Jekk fiha tilħaq tidħol il-grazzja tas-smewwiet u l-vera karita, u la tgħammar fiha l-għira u la n-niket, anqas l-imħabba tiegħek innifsek; għax l-imħabba t’Alla tirbaħ kollox u iżid fis-saħħa tar-ruħ. Jekk taf tmexxi sewwa l-ħsibijiet tiegħek, fija biss tkun tithenna, fija biss tkun tittama; għax xejn ma hu tajjeb ħlief alla, li lilu jistħoqq f’kollox u fuq kollox it-tifħir u l-barka.

 

 

KAP X

 

Kemm ikollna hena kbir f’qalbna, jekk nixħtu d-dinja wara spallejna biex naqdu ‘l Alla

1.        Narġa’ nsejjaħlek, Mulejja, u nibqax sieket. Nersaq lejn Alla tiegħi, lejn is-Sid tiegħi, lejn is-Sultan tiegħi, li hu fil-għoli tas-smewwiet, u ngħidlu: Kemm huma kbar il-ħlewwiet li inti tfajt għal dawk li għandhom il-biża’ tiegħek! Mela x’tagħtihom lil dawk li jħobbuk, lil dawk li jaqduk b’qalbhom kollha! Le, ħadd ma jista’ jfisser il-ħlewwa li xxerred fuq dawk li jħobbuk, meta fik ikunu jaħsbu. Iva, Mulejja, meta ħlaqtni mix-xejn, meta mit-triq tad-dlam fejn jien kont miexi bgħid minnek, qbadtni minn idi u ġagħaltni nservik u  nħobbok, inti wrejtni kemm hi kbira l-imħabba tiegħek lejja.

 

2.         O għajn ta’ l-imħabba eterna, x’naqbad ingħid minnek! U kif nista’ ninsa lilek li kont tant twajjeb li tiftakar fija wara li jien kont midneb u mitluf? Int kellek ħniena minni, dnub, u kont mitluf! Int kellek ħniena minni qaddej tiegħek, aktar milli kont nitma; u għanejtni bl-imħabba u l-grazzja tiegħek, waqt li ma kienx ħaqqni. Kif nista’ npattilek għal kulma għamilt miegħi! Għax taf, Mulejja, li mhux kulħadd jista’ jħalli kollox u jagħlaq għad-dinja, u jilbes iċ-ċoqqa.

            Xejn mela ma tkun ħaġa kbira li jien nservik; jaqaw mhux il-ħlejjaq kollha għandhom iservuk! Le, xejn ma hi ħaġa kbira li nservik; ħaġa kbira u tal-għaġeb hi li lili, tant fqir u ċkejken, jogħġbok tilqagħni bħala qaddej tiegħek, u tgħoddni mal-maħbubin qaddejja tiegħek.

           

3.         Kulma għandi u kulma ninqeda bih biex inservik, kollox tiegħek, u frattant, aktar is-servini inti milli nservik jien. Tarax, is-sema u l-art li int ħlaqthom biex jaqdu l-bniedem, dejjem miegħek biex jagħmlu dak li  trid minnhom. M’hux biżżejjed;  int sa lill-Anġli tridhom iħarsu lill-bniedem. Imma fuq kollox imbagħad, inti stess, Mulejja, sa ridt isservi lill bniedem u wegħidt li tagħti lilek innifsek.

 

4.         U issa jien x’nista’ nagħtik għaldal-ġid kollu li għamilt miegħi! Eh, li kont nista’ nservik sewwa mqar ġurnata waħda biss! Iva, Mulejja, inti ta’ min iservik, ta’ min jagħtik ġieh, ta’ min ifaħħrek, għal dejjem. Iva, inti s-Sid tiegħi, u jien imsejken is-serv tiegħek, u għaldaqstant jien għandi nservik b’qawwieti kollha bla ma negħja qatt infaħħrek. Hekk irrid u hekk nixtieq; u kompli int għan-nuqqas tiegħi.

 

5.         Unur kbir, glorja kbira jaqla’ min iservi lilek, u xejn ma jqis il-ħwejjeġ kollha ta’ l-art għall-imħabba tiegħek. U dawk li joqogħdu bil-qalb għal-liġi mqaddsa tiegħek, inti tagħnihom bi grazzji wisq kbar. Dawk li minħabbha fik ma jfittxux il-pjaċir tal-ġisem isibu ġewwa qalbom il-hena, il-ħlewwiet kollha ta’ l-Ispirtu s-Santu; u dawk li għall-ġisem imqaddes tiegħek jixteħtu fit-triq tat-tbatija u xejn ma jqisu t-twegħir tad-dinja, f’ruħhom iħossu l-milja tal-mistrieħ.

 

6.         Oh, kemm hi sabiħa u tal-hena l-ħajja ta’ dak li jservi ‘l Alla! Għalih jispiċċa l-jasar u tibda l-qdusija. Ibierek l-istat tal-patrijiet  u s-sorijiet! Fih il-bniedem isir jixbaħ lill-Anġli, jogħġob ‘l Alla, jitkexkxu minnu d-demonji u jkunu l-hena tat-tajbin kollha. Oh, mela, ħajja ta; min iservi ‘l Alla, kemm int ta’ min jixtieqek u jħaddnek! Waqt li bik il-bniedem isir jistħoqqlu ġid ta’ bla tarf, jaqla’ wkoll bik hena li qatt ma jintemm.

 

KAP XI

 

Ix-xewqat tagħna jaħtiġilna rrażżnuhom

 

ĠESU KRISTU

1.Ibni, baqagħlek titgħallem bosta ħwejjeġ li għadek ma tafhomx sewwa.

 

IR-RUĦ

2. Għidhomli, Mulejja

 

ĠESU KRISTU

3.Ix-xewqat tiegħek, mela, għandhom ikunu skond qalbi; u hekka flok li tkun tħobb lilek innifsek inti ma tfittixx ħlief li togħġob lili. Bosta drabi tħoss xewqat li jixegħlulek qalbek u jqanqluhielek bil-għaġla, imma ara jekkk intix qiegħed tixtieq dil-ħaġa għall-unur tiegħi, jew għax jaqbel lilek. Jekk dix-xewqa tkun ta’ ġieh lili, int tintebah; għax jiġrilek x’jiġrilek tħoss ġewwa fik il-hena, imma jekk tħossok imħabbat u b’għoqla fuq qalbek, sinjal li mit-twila sal-qasira tindaħal l-imħabba żejda tiegħek innifsek.

 

4.        La tantx mela timla rasek b’xi xewqat li jiġuk mingħajr ma tkun rajt jistgħux jogħġbu lili; li ma jkollokx ewwilla tindem minnhom ‘il quddiem, għalkemm għall-ewwel fraht bihom u dehirlek li huma kollha qdusija. Għax kull ħsieb li jidhirlek li hu tajjeb, għandek timxi miegħu b’għajnejk magħluqa; anqas kull ġibda li taħsibha ma tgħoddx għalik, ma għandekx għax twarrabha kif ġieb u laqat. Xi drabi hemm bżonn li tirregola ruħek sa fil-ħwejjeġ u fix-xewqat it-tajba, li ma jiġrilekx li billi taħseb dejjem fl-istess ħaġa, moħħok jibda jisħon; biex ma tagħtix skandlu lill-oħrajn bin-nuqqas tal-qies, u biex meta ssib min jaqaflek, ma titħawwadx minn ġewwa u tmur ukoll tiżloq.

 

5.        Imma xi drabi jkun hemm bżonn ukoll li tagħmel forza kontra dawn ix-xewqat tiegħek u tiqfilhom u xejn la tfittex lilek jogħġbukx jew le; anzi ġġiegħel lilek innifsek toqgħod għalihom. Żomm lilek innifsek u ibqa’ żomm sa ma l-qalb tiegħek tidra toqgħod għal ftit u ma tgemgimx għal xejn b’xejn.

 

 

KAP XII

Fuq li għandna nieħdu paċenzja u rrażżnu l-passjonijiet tagħna

 

IR-RUĦ

1.        Mulejja, milli nara, mingħajr il-paċenzja ma nista’ nagħmel xejn, għax f’din il-ħajja bosta ħwejjeġ jiġruli kontra qalbi. Nagħmel kemm nagħmel biex ingħix kwiet, jaħtieġ li dejjem inkun qalb in-niket u l-għawġ.

 

ĠESU KRISTU

2.        Sewwa għidt, ibni. Imma jien ma rridekx tfittex paċi, li tkun bla slaleb u bla għawġ. Anzi aktar ma ssib ruħek imħabbat u mġarrab, aktar isserraħ rasek li għall-aħjar tiegħek.

Jekk jidhirlek li ma tistax tbati wisq, kif trid ‘il Quddiem issofri n-nar tal-Purgatorju! Minn żewġ ħsarat, dejjem agħżel l-iżgħar. Biex mela tista’ teħles mit-tbatija tad-dinja l-oħra, idra sofri għal Alla l-gwaj ta’ did-dinja. Ma taħsibx ewwilla li n-nies mogħtijin għad-dinja ma jbatu xejn, jew ibatu ftit! Imqar l-aktar paxxuti ssibhom ibatu xi ħaġa.

 

3.        Imma (tiġi tgħidli), għandhom bosta pjaċiri u jagħmlu rajhom, u għaldaqstant ftit  iħossuhom it-tribulazzjoniet.

 

4.        Tajjeb qisu li hekk hu, u nagħmlu kont li jsibu dak kollu li jixtiequ, imma kemm idumu hekk? Kemm? Bħad-duħħan it-tpaxxija tagħhom, u anqas biss ma tibqa’ tifkira tal-pjaċiri tagħhom. Anzi mhux dan biss; sa f’ħajjithom stess, il-pjaċiri jgawduhom bl-imrar, bid-dieqa u t-taqtiq ta’ qalb. Mela dak stess li fih isibu l-għaxqa tagħhom jisqihom ukoll it-tazza ta’ l-imrar, u hekk jaħtieġ li jkun, ħalli la darba bhejjem fittxew il-pjaċiri  jgawduhom qalb it-taħbit u t-taqtiq ta’ qalbhom.

Il-pjaċiri tad-dinja!...Eh, kemm malajr jispiċċaw u kemm huma qarrieqa! Ma fihomx ħlief suppervja u qżież. Imma bosta bnedmin, fis-sakra u l-għama tagħhom, ma jifhmuhiex din, bħala bhejjem ipaxxu ftit lil ġisimhom, joqtlu l-ħajja tar-ruħ tagħhom.

 Int mela, ibni, la tikkuntentax lill-passjonijiet tiegħek, jew anqas ix-xewqat tiegħek il-ħżiena. Il-għaxqa tiegħek trid tkun f’Alla biex hu jagħtik kulma tixtieq qalbek.  

 

5.        Jekk trid li tabilħaqq tifraħ u ttiegħem il-ħlewwa tal-konsolazzjoni tiegħi, ixħet taħt riġlejk il-pjaċiri tad-dinja, infatam mit-tgawdija kollha ta’ din l-art li fix-xejn jispiċċaw, u tara kif ikollok il-barka u kif ġewwa qalbek tħossok tfur bil-hena. Aktar ma int taħrab il-pjaċiri tal-ħwejjeġ maħluqa, aktar issibhom ħelwin u kbar il konsolazjonijiet tiegħi. Imma niftiehmu, biex issib fija l-hena tiegħek, hemm bżonn bilfors issofri xi dwejjaq, xi tbatija u xi mrar. L-ewwel tħossha iebsa li titlaq id-drawwa li jkollok; imma din tirbaħha bi drawwa tajba. Tibżax, nissel f’ruħek vera ħrara, u tirbaħ lilek innifsek. Id-demonju jixgħel għalik, imma bit-talb ‘l Alla tħarrbu; u jekk tqis ma toqgħod qatt qiegħed, isib il-bieb ta’ qalbek magħluq u ma jkunx jista; jidħol f’ruħek.

 

KAP XIII

 

Ħobb oqgħod għal ħaddieħor biex tixxiebaħ lil Ġesu Kristu

 

ĠESU KRISTU

            1. Ibni, min ma jħobbx jobdi jbiegħed minnu l-grazzja t’Alla; u min jirgħeb għal xi ħaġa għalih jibqa’ biex jitlef li jaqilgħu sħabu l-oħrajn. Min ma joqgħodx b’qalbu kollha bħala lsir għal dak li jrid minnu s-superjur, jiġifieri li l-passjonijiet tiegħu jagħilbuh. Idra, mela, obdi malajr l-ordni tas-superjuri tiegħek, jekk tridu ‘l ġismek iġġibu għal idejk u bħala lsir tiegħek. Għax meta lill-għadu ma tħalliħx jidħol ġewwa, aktar tirbħu malajr u bla tbatija. Ma hemmx għadu aktar qalil għal ruħek milli inti stess, meta tagħlaq widnejk għat-twissijiet ta’ l-Ispirtu Santu, u jekk trid toħroġ rebbieħ mill-ġisem tiegħek, jaħtieġlek tgħakkes l-ewwelnett lilek innifsek. U taf għaliex għadek ma tridx toqgħod kelma b’kelma għalih jgħidulek l-oħrajn? Għax għadek tħobb wisq lilek innifsek.

 

2.         Jaqaw jidhirlek li ħaġa kbira, li int

ftit trab, anzi xejn, minħabba f’Alla tobdi f’kollox dak li jgħidulek oħrajn? Ġib, ġib ftit quddiem għajnejk li jien, li nista’ kollox, li jien fuq kollox, li kollox ħlaqt mix-xejn, minħabba fik sirt ilsir tal-bniedem. Ċekkint ruħi, sirt l-iżgħar fost il-bnedmin, biex bl-umilta tiegħi rrażżan is-suppervja tiegħek. Tgħallem ċekken ruħek, tajn u ħama l’int; tgħallem tbaxxa, li kulħadd jirfes fuqek. Idra iċħad il-volonta tiegħek, u midd għonqok għal kulħadd u għal kollox.

 

3.         Ikbes bi ħrara kontra tiegħek, u la  tħallix li titnissel fik il-kburija. Anzi kun umli u ċkejken, li kulħadd jirfsek bħala l-tajn fit-toroq. Int bniedem kollok frugħa, mniex qatt għandek tilmenta? Midneb imkasbar b’kull dnub, xi trid titkellem jekk xi ħadd imissek bi lsienu, int li tant drabi offendejt ‘l Alla u tant drabi ħaqqek l-infern?

Imma le; jiena ħfirtlek għax ruħek għażiża f’għajnejja; biex hekk inti tista’ tifhem sa fejn tasal imħabbti, u tagħraf kemm swejtlek; agħti ruħek darba għal dejjem għall-ubbidjenza umli, u ħu paċenzja jekk id-dinja drabi xejn ma tqisek.

 

KAP XIV

 

Biex ma nintefħux b’xi ġid li nagħmlu għandna naħsbu fuq il-ġudizzji moħbija t’Alla.

 

IR-RUĦ

 

1.         Sinjur, int issamma’ f’widnejja l-ġudizzji teigħek bħala ragħda, għadmi jitheżheż bil-biża’ u t-tregħid, ruħi titkexkex. Ninbala’ meta nġib quddiem għajnejja li s-smewwiet m’humiex indaf quddiemek. Jekk int sibt xi tgħid fl-Anġli u ma ħfirtilhomx, x’ser ikun minni? Waqgħu sal-kwiekeb mis-smewwiet, u jien għandi ħila nittma fija nnifsi? Nies li dehrilna jagħmlu opri tajba, iġġarrfu u waqgħu; u oħrajn, li kienu jitpaxxew bil-ħobż ta’ l-Anġli, laħqu kielu l-ikel ta’ l-annimali moqżieża.

 

2.         Mela Sinjur, minn fejn int titwarrab ma tinsabx qdusija. Ebda għerf ma jiswa, jekk int ma tibqax trieġi. U liema qawwa hija biżżejjed, jekk int ma tibqax twettaqha? Liema hi l-indafa li ma għandhiex tibża’, jekk mq tibqax twettaqha? Liema hi l-indafa li ma għandhiex tibża’. jekk ma tibqax tħarisha? Jista’ wieħed joqgħod għajenjh miftuħa kemm irid…xejn ma jiswielu, jekk int ma tħarsux. Jekk int terħilna, ninżlu taħt l-ilma u negħerqu; imma jekk iżżurna, nirtefgħu u ngħixu. Tabilħaqq li ma’ kull riħ induru; imma int terġa’ tixgħelna bi mħabbtek.

 

            3. Oh, kemm għandi nara ruħi ċċkejken u nkun umli! U kemm ma għandix biex nintefaħ jekk jidhirli li qed nagħmel xi ġid! Kemm għandi mniex nistħi minni nnifsi quddiemek, Mulejja! Ħdejk ma nsibx li jien ħaġ’oħra ħlief xejn u anqas minn xejn. O toqol bla tarf! O baħar bla fini! Fejn hi mela l-glorja tiegħi moħbija? Fejn it-tama li kont nissilt fit-tjieba tiegħi? Tabilħaqq li jien m’jien xejn! Jaħasra għalija!

 

            4.X’inhu l-bniedem quddiemek?Huwa t-tafal jista’ jitkabbar quddiem min għamlu? Qalb li tabilħaqq laħqet irtabtet ma’ Alla tista’ qatt tintefaħ bis-suppervja? Min laħaq ta ruħu ‘l Alla, anqas jekk id-dinja kollha tfaħħru, ma jintefaħ. U hekk hu; għax dawk kollha li jitkellmu, xejn ma huma; imutu huma u magħhom il-ħoss ta’ kliemhom; imma l-Verita t’Alla tibqa’ għal dejjem.

 

 

KAP XV

 

Kif għandna nġibu ruħna fix-xewqat tagħna

 

1.        Ibni, f’kollox għandek tgħid hekk:ċċMulejja, jekk dan jogħġob lilek, ħalli ssir dil-ħaġa. Mulej, jekk hi ta’ glorja tiegħek, ħalli ssir fl-isem tiegħek. Mulejja, jekk tara li hi ġid tiegħi, tini grazzja li tgħaddi mingħalija ad unur tiegħek. Imma jekk tara li din il-ħaġa tkunli b’deni, u ma tkunx tisweili għas-salvazzjoni ta’ ruħi, neħħili din ix-xewqa minn qalbi.’’ Għax kun af, ibni, li mhux kull xewqa li l-bniedem jaħsibha mill-Ispirtu Santu, tkun tajba u sewwa. Hi ħaġa wisq tqila, ti tagħraf jekk hux l-ispirtu tajjeb jew il-ħażin li qed iġagħlek tixtieq dil-ħaġa u dik l-oħra, jew jekk hix ukoll l-imħabba tiegħek innifsek. Kemm u kemm baqgħu biex tqarrqu, li għall-ewwel kienu mexjin b’fehma tajba!

 

2.         Mela kulma tixtieq qalbek u jidhirlek li hu sewwa, xtiequ u itolbu dejjem bl-umilta u bil-biża’ t’Alla: irtabat mal-volonta tiegħi, erħi ruħek f’idejja u għidli: ċċMulejja, isir minni dak li trid int. Tini dak li trid int, u kemm trid int u meta trid int. Agħmel bija kif taf u kif jogħġbok, basta jkun bi glorja tiegħek. Qegħidni fejn trid u għalija tibża’ xejn, agħmel minni li trid. Huwa jien, Mulejja, jien lest għal kollox; le ma rridx ingħix għalija, imma għalik. U mhux li nista’, jaħasra, ngħixu sew kif jixraq lil nisrani!’’

 

TALBA

 

Biex Alla jagħtina grazzja li ngħixu għal qalbu

 

IR-RUĦ

 

3.         Maħbub Ġesu tiegħi, tini l-grazzja tiegħek, biex hi tkun miegħi, u taħdem miegħi, u tibqa’ miegħi sal-aħħar. Agħmel li jien dejjem nixtieq u rrid dak li jogħġob lilek. Il-volonta tiegħek tkun tiegħi; anzi kulma rrid nixtieq li  tkun ridtu int qabel, ħalli dejjem naqbel miegħek f’kulma rrid. Trid u ma tridx int…irrid u ma rridx jien; u nixtieq li ma nkunx nista’ rrid  u ma rridx ħlief dak li trid jew ma tridx int.

            Tini grazzja li mmut għall-ħwejjeġ kollha tad-dinja; agħmel li l-pjaċir tiegħi jkun li minħabba fik inkun imżeblaħ u ma nkun magħruf minn ħadd. Tini grazzja li l-aqwa xewqa tiegħi tkun li qalbi fik biss issib il-mistrieħ u l-paċi tagħha. Iva; inti l-vera paċi tal-qalb, int waħdek is-serħan tagħha, barra minnek ma hemmx ħlief għali u taħbit. F’din il-paċi, Mulejja, jiġifieri fik, li waħdek int l-aqwa ġid tiegħi u ta’ dejjem, irrid insib il-mistrieħ tiegħi.

 

 

KAP XVI

 

Il-veru hena biss f’Alla għandna nfittxuh

 

IR-RUĦ

 

1.        Kulma nista’ nixtieq, kull hena li moħħi jista’jaħseb, mhux f’dil-ħajja għandi nistenna li nsibu, iżda fl-oħra. Kieku stess il-pjaċiri u t-tpaxxija kollha tad-dinja nista’ ngawdihom waħdi, jiena naf li żmien twil ma nistax ingawdihom. Mela int, ruħ tiegħi, ma tistax issib is-sabar u l-hena tiegħek sewwa ħlief f’Alla, li jhenni ż-żgħar u jferraħ l-umli. Stenna ftit, ruħ tiegħi, sakemm iseħħu l-wegħdiet t’Alla; stenna, u fis-smewwiet issib il-kotra ta’ kull ġid. Jekk inti tirgħeb wisq għall-ħwejjeġ ta’ din l-art titlef il-ħwejjeġ eterni tas-smewwiet. Ta’ did –dinja nqeda bihom għax bilfors imma xtieq ta’ l-oħrajn b’qalbek kollha. Ebda waħda mill-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, avolja tajba, ma tista’ xxebbgħek, għax int ma kontx maħluqa biex tgawdi dawn il-ħwejjeġ.

 

2.         Kieku stess kemm-il ħaġa tajba  maħluqa kienet tiegħek, ma tista’ qatt tkun f’siktek għal kollox. Il-hena u t-tgawdija tiegħek kollha tinsab f’Alla li ħalqek; ifhimha tajjeb: dan ma jkunx hena kif jaħsbu u jiftaħru bih dawk il-għomi li jħobbu d-dinja; imma kif jistennewh il-veri nsara, u kif ġa ippruvawh sa minn dil-ħajja n-nies it-tajba, li għandhom qalbhom safja, li bil-ħsibijiet tagħhom igħixu fis-smewwiet. Il-konsolazzjoni ta’ l-art fix-xejn u malajr tispiċċa; il-vera konsolazzjoni hi dik li l-Verita stess ġewwa fina tnisslilna. Min hu ruħ tajba, kull fejn imur, jieħu miegħu l-konsolazjoni tiegħu – lil Ġesu –u jgħidulu; ċċMulejja, Ġesu tiegħi, kun miegħi kull ħin u kullimkien. Il-hena tiegħi għandu jkun dan: li ndarri ‘l qalbi li ma tfittix is-sabar minn bnedmin bħali. U jekk stess tonqosni l-konsolazzjoni tiegħek, agħmel li l-akbar hena tiegħi jkun dan: li nagħmel rajk, u li l-egħmil tiegħi ikun jogħġob lilek. Għax int, Mulejja, ma tibqax dejjem qalil għalina, u anqas ma tibqa’ theddidna għal dejjem.’’

 

KAP XVII

 

Inħabirku biex nogħġbu ‘l Alla biss

 

ĠESU  KRISTU

 

1.         Ibni ħallini nġib ruħi miegħek kif jidhirli, jiena naf x’inhu li jiswielek. Inti taħseb ta’ bniedem, u bosta drabi toqgħod għal li jiġbduk il-passjonijiet tiegħek.

 

IR-RUĦ

 

2.        Sewwa qed tgħidli, Mulejja ! Aktar taħseb u tħabrek int, milli nista’ naħseb u nitħabat jien nnifsi. Fuq ir-ramel jibni min ma jerħix ruħu f’idejk. Mulejja, agħmel bija int dak li jogħġbok, basta l-volonta tiegħi tkun marbuta sewwa ma’ tiegħek, għax tagħmel minni li tagħmel għalija ma jistax ikun ħlief ġid. Jekk jogħġbok thennili lil qalbi, niżżikħajr, u jekk tridni nkun imħabbat, tkun imbierek għal mija u elf darba.

 

ĠESU KRISTU

 

 

3.         Ibni, hekk għandek iġġib ruħek, jekk trid timxi miegħi. Għandek tkun pront għat-tbatija, daqs kemm għat-tgawdija. Il-faqar u l-għaks ifraħ bihom xorta waħda daqs kieku ġid u għana.

 

IR-RUĦ

 

4.        Mulejja, dak kollu li jogħġbok tibgħatli, bil-pjaċir noqgħod għalih għall-imħabba tiegħek. Il-ġid u d-deni, il-ħelu u l-morr, is-sabar u d-dwejjaq neħodhom xorta waħda mn’idejk; u f’kulma jiġrili dejjem niżżikħajr. Eħlisni minn kull dnub u mill-bqija, ma nibżax u la mill-mewt u anqas mill-infern. Ħalli jiġu fuqi s-slaleb kollha, xejn ma jagħmluli, basta ma tkeċċinix minn quddiemek għala dejjem, u ma tħassarnix mill-ktieb tal-ħajja ta’ dejjem.

 

 

KAP XVIII

 

It-tbatijiet ta’ did-dinja għandna noqogħdu għalihom bil-qalb it-tajba.

 

ĠESU KRISTU

 

            1. Ibni, jien inżilt mis-sema biex insalva lilek, u ilbist il-miżerji tiegħek, mhux għax kelli bżonn, iżda għax tant ħabbejtek. Biex hekk int titgħallem il-paċenzja u biex  il-miżerji ta’ dil-ħajja ma tgemgimx minnhom. Minn xħin twelidt sa mitt fuq is-Salib, ebda siegħa ma bqajt bla tbatija. Minn ħwejjeġ tal-ħajja sibt ruħi nieqes għal kollox; taqsis fuqi kull ħin kont nisma’, ħammart wiċċ; rajt minn kollox, u ħadt paċenzja. Għamilt mirakli, u pattewli bid-dagħa; għallimt u għalija ma kellhomx ħlief tagħjir.

 

IR-RUĦ

 

1.        Sinjur, la darba int sofrejt daqshekk f’ħajtek, l-aktar biex tkompli r-rieda ta’ Missierek, hu xieraq li jien, midneb kif jien, nieħu paċenzja billi jiġrili, kif jogħġob lilek u li jien narfa’ t-toqol ta’ din ħajti kollha miżerji, sakemm trid int. Għax għalkemm din il-ħajja jidhrilna li hi qalila, bil-grazzja tiegħek issir għalina ta’ mertu kbir; u bl-eżempju tiegħek u tal-Qaddisin tiegħek, il-ħila tagħna, għalkemm ċkejkna, titwettaq u moħħna jaqla’ dawl akbar. Anzi dil-ħajja aktar hi ħienja milli kienet fil-Liġi l-antika, meta l-bwieb tas-smewwiet kienu għadhom magħluqa, u sa t-triq tal-ġenna kienet donnha miksija bid-dlamijiet, u ftit nies kienu jħabbtu rashom fuq is-saltna tas-smewwiet. Għaliex anqas it-tajbin stess ta’ dak iż-żmien li kellhom isalvaw, ma kienu jistgħu jidħlu ġewwa s-saltna tas-sema qabel il-Passjoni u l-mewt imqaddsa tiegħek.

 

            2. Kemm mela jmissni nirringrazzjak li għoġbok turi lili u lill-fidili kollha t-triq tas-sewwa li twassal għas-saltna tiegħek ta’ dejjem! Iva, Mulejja, ħajtek hi t-triq tagħna; nimitaw il-paċenzja imqaddsa tiegħek u naslu għandek, li int il-kuruna u l-ħlas tagħna. Li ma kontx imxejt int quddiem u għallimtna bl-eżempju tiegħek, min kien sa jimxi fit-triq tiegħek? Eh, kemm u kemm bnedmin kienu jibqgħu lura u bogħod minnek li ma kellhomx l-eżempju tiegħek li jmexxihom! Ma tarax? Smajna b’tant mirakli u bit-tagħlim tiegħek, u nibqgħu berdin; x’kien ikun minna li ma kellniex tant dawl li jmexxina wrajh?

 

 

KAP XIX

 

Jeħtigilna nieħdu paċenzja b’kulma nsibu ruħna fiħ.  Liema hu l-veru bniedem tal-paċenzja

 

ĠESU KRISTU

1.        X’inhi tgħid, ibni? Ħares lejn it-tbatijiet tiegħi u tal-Qaddisin, u xejn la toqgħod tgemgem iżjed; għadek ma wasaltx biex xerridt demmek. Ftit hu dak li qed tbati int, ħdejn dak li għaddew minnu tant Qaddisin, ittantati b’kull mod, imħabbtin u mdejqin minn kullimkien. Għandek mela ġġib quddiem għajnejk it-tbatijiet ħorox li jsofri ħaddieħor, biex tiegħek tħosshom ħfief; u jekk inti ma ssibhomx ċkejknin, agħti l-ħtija lilek innifsek, li ma tiħux paċenzja bihom. Imma sewwa jkollok slaleb żgħar sewwa kbar, qis li terfagħhom bil-paċenzja.

 

2.         Aktar ma tħejji ruħek tarfa’ t-tbatija bil-paċenzja, aktar issib ruħek tajjeb u jkollok mertu; għax aktar taħseb u titħarreġ fiha, aktar issibha ħafifa milli tiġi fuqek għal għarrieda. Anqas ma għandek tgħid: Dil-ħaġa ma nistax insofriha minn dal-bniedem; din ma niflaħx għaliha; dak  għamilli ħsara kbira u jgħajjarni bi ħwejjeġ li qatt biss ma għaddewli minn moħħi; ħalli jaħqarni ħaddieħor, li ma jifhmux x’jiġifieri l-virtu tal-paċenzja u minn min għad tkun imħallsa; jaraw biss lejn wiċċ min jagħmilhom id-deni u x’deni jagħmlilhom.

 

3.         Ma jinsieħx bniedem tal-paċenzja min jieħu paċenzja kemm jidhirlu u b’min jogħġbu. Veru bniedem tal-paċenzja ma jħarisx minn min hu maħqur; jekk minn min hu fuqu, minn min hu ta’ mparu, jew minn min hu anqas minnu; jekk minn bniedem tajjeb jew minn wieħed ħażin. Kemm-il darba bniedem ikun jagħmillu xi tort, għalkemm kbir, jieħu kollox bil-ferħa mn’idejn Alla, u jgħoddu b’mertu kbir; għax ebda ħaġa, avolja ċkejkna; ma tkunlu mingħajr mertu quddiem Alla, la hu jkun qagħad għaliha għall-imħabba tiegħu.

 

4.         Ħejji mela ruħek għall-gwerra jekk trid toħroġ rebbieħ. Jekk ma tikkumbattix, ma taqtax il-kuruna tal-paċenzja; jekk ma tridx tbati, sinjal li ma tridx anqas il-kuruna. Imma jekk inti tixtieq il-kuruna, ikkumbatti b’ħiltek kollha u ħu paċenzja b’kollox. Jekk int ma titħabatx, anqas tasal fil-mistrieħ, u jekk ma tikkumbattix anqas tista’ toħroġ rebbieħ.

 

IR-RUĦ

 

            5. Sinjur, dak li ma niflaħx għaliħ bħala bniedem, agħmel li nista’ nkomplih bil-grazzja tiegħek. Inti taf kemm hi ċkejkna l-ħila tiegħi; u li malli jinqalagħli ftit tal-għawġ, dik is-siegħa naqta’ qalbi. Agħmel li kull salib li jogħġbok tibgħatli nsibu  ħelu, anzi li nixtiequ; għaliex hu ta’ ġid kbir għar-ruħ li nbati u nkun imħabbat minħabba fik.

 

 

KAP XX

 

Hawn il-bniedem jistqarr id-debbuliżża tiegħu u l-miżerji ta’ dil-ħajja

 

IR-RUĦ

 

            1. Nistqarr kontra tiegħi stess in-nuqqas tiegħi; nistqarrlek, Sinjur, iċ-ċokon tiegħi. Bosta drabi ħaġa ta’ xejn tneħħili l-almu u tnikkitli qalbi. Inwaħħal f’moħħi li nżomm qawwi; imma malli tiġi fuqi tentazzjoni ħafifa, ma nibqax iżjed jien. Bosta drabi ħaġa ta’ xejn iġġibli tentazzjoni l-aktar qawwija, u waqt li jien jidhirli li xejn ma jista’ għalija, għax forsi ma jkolli ebda tentazzjoni, jiġrili li żiffa l-aktar ħafifa twaqqagħni.

 

2.         Ara ftit mela, Sinjur, il-faqar tiegħi, ħares lejn id-debbuliżża tiegħi; inti taf biżżejjed kemm hi kbira. Ħenn għalija; eħlisni mill-għama, ħalli ma nibqax fih imwaħħal, minsi minn kullimkien. Taf x’inhu li ta’ sikwit tweġġagħli qalbi u jimlieha bil-biża’ quddiemek? – Li tant hi ċkejkna l-ħila tiegħi, ma niflaħx nagħleb il-passjonijiet tiegħi. U għalkemm jiena ma nagħtihomx dejjem wiċċ, dil-gwerra tgħajjini, ma niflaħx għaliha; u jagħtini l-biki, biki ta’ dieqa, meta nara li jaħtieġli ngħix dejjem f’dil-gwerra. U ħaġ’oħra wkoll turini, kemm tabilħaqq xejn ma niflaħ, li ċerti ħsibijiet ħżiena aktar jidħlu malajr ġewwa moħħi milli joħorġu.

 

3.         Iddew, mela, Alla ta’ Israel li tista’ kollox; inti li tant tħobb ir-rwieħ tal-fidili tiegħek; ħares lejn it-taħbit u d-dwejjaq tiegħek; ieqaf miegħu fil-bżonnijiet kollha li jinsab fihom. Wettaqni bis-saħħa tas-smewwiet, biex il-bniedem ix-xiħ, jiġifieri dal-ġisem tat-trab, li s’issa ma qagħadx għal kollox għal li titlob minnu r-ruħ tiegħu ma jiħux ir-riħ fuq; għax sakemm nibqa; nieħu n-nifs f’dil-ħajja kollha hemm, jaħtieġ li jien inkun bix-xabla misluta għalih. – Jaħasra, x’ħajja hi din tagħna; li ma fihiex ħlief slaleb u għawġ; u kulfejn iddawwar wiċċek ma ssibx ħlief xbiek u egħdewwa! Tkun għadha kif għaddiet tribulazzjoni jew tentazzjoni… u fil-Hin tiġi l-oħra wrajha; anzi fil-waqt stess, l-imsejken bniedem għadu jikkumbatti mal-waħda, u f’daqqa jsib ruħu f’elf taħbit ieħor.

 

4.          U kif tista’ tħobbha ‘l dil-ħajja, kollha mrar, gwaj u miżerji? Anzi kif tista’ tissejjaħ ħajja, meta hi ma tagħtix ħlief mewt u għaks? U b’dan kollu ssib min iħobbha u min irid jithenna fiha. Kuljum nisimgħu min jilmenta mid-dinja; li hi qarrieqa, li hi kollha frugħa; imma mbagħad, lil dawn stess issibhom qalbhom marbuta magħha, għax il-ġibdiet tal-ġisem għandhom jedd kbir fuqhom. Xi ħwejjeġ iġagħluna nħobbu d-dinja; oħrajn inisslu fina mibegħda lejha. Iġagħluna nħobbuha l-imħabba ta’ ġisimna, ir-regħba ta’ l-għajnejn u kburitna, li rridu nitkabbru billi għandna; imma mbagħad il-għali u l-miżerji li jħallu warajhom dawn it-tlieta, iġagħluna nobogħdu d-dinja u nixbgħu minnha.

 

5.         Imma, jaħasra, x’għama hu dan tagħna! Dal-ftit ta’ pjaċir qarrieq jieħu tiegħu fuq dik ir-ruħ li ma tkunx daqet il-ħlewwa t’Alla, u anqas ma tkun rat il-ġmiel li l-virtu tnissel ġewwa l-qalb; u la tkun marbuta mad-dinja, jidhrilha li l-veru hena jinsab filli tikkuntenta xewqatha. Imma dawk li jobogħdu d-dinja minn qalbhom u jfittxu biss li jservu ‘l Alla, dawn jafu x’jiġifieri l-ħlewwa divina li Alla wiegħed lil min jiċħad id-dinja. Dawn jaraw ukoll aħjar minn ħaddieħor kif id-dinja hi miexja mgħawweġ, u kemm hi mqarrqa.

 

KAP XXI

 

Għandna nfittxu s-serħan f’Alla u f’ebda ħaġ’oħra

 

IR-RUĦ

 

1.                  O ruħ tiegħi, f’kollox u fuq kull ħaġa itma dejjem f’Alla għaliex hu l-mistrieħ tal-qaddisin. Tini grazzja, Ġesu ħelu u maħbub tiegħi, li nistrieħ fik fuq kull kreatura, li ma nfittixx saħħa u ġmiel, glorja u unuri, qawwa u dinjita, għerf u moħħ jilħaqli, ġid u għana, ferħ u thenninja, tifħir u fama, ħlewwa u tgawdija, tama, wegħdiet, merti u xewqat. Agħmel li nħobb lilek aktar minn kemm doni tagħtini u xxerred fuqi; aktar minn kull għaxqa u ferħ, li l-moħħ tal-bniedem jista’ jaħseb u jġarrab; li nħobbok ukoll aktar mill-Anġli u l-Arkanġli, u l-eżerċiti kollha tas-smewwiet; aktar mill-ħwejjeġ kollha li jidhru u li ma jidhrux, f’kelma waħda, aktar minn dak kollu li m’hux int, o Alla tiegħi.

 

            2. Iva, Sinjur Alla tiegħi! Għax int tajjeb fuq kollox, inti waħdek il-għoli, inti waħdek il-qawwi, inti waħdek ma għandek bżonn ta’ ħadd u timla kollox bik; inti waħdek kollok ħlewwa u kollok hena, inti waħdek kollok ġmiel u mħabba, inti waħdek kollok kobor u glorja fuq kollox u inti fik il-ħwejjeġ kollha li huma tajba, li kienu, huma, u jkunu fit-tjieba tagħhom sewwa. Mela, dak kollu li inti tagħtini, turini jew twegħdni, ikun wisq ħaġa ċkejkna u lil qalbi ma jistax jikkuntentaha, jekk int ma turinix u ma tagħtinix lilek innifsek; għax dil-qalb imsejknin tiegħi, ma tistax issib il-veru mistrieħ, anqas tkun kuntenta sewwa, ħlief biss jekk tistrieħ fik, u jekk ma togħliex ‘il fuq mid-doni tiegħek u mill-ħwejjeġ kollha maħluqa.

 

2.                  O Ġesu għarus maħbub tiegħi, li tħobb bi mħabba pura, Int li għandek il-jedd fuq il-kreaturi kollha, oh, li kont nista’ jkolli l-ġwienaħ tal-vera liberta, ħalli ntir u niġi nistrieħ fil-ħdan tiegħek! Meta nkun nista’ naħseb biss fik u nara kemm inti ħelu, o Sinjur Alla tiegħi? Meta nkun nista’ ninġabar fik kolli kemm jien, biex mimli bl-imħabba tiegħek anqas biss ma naħseb fija nnifsi;  imma nħobb lilek biss, b’qalb, b’moħħi u b’kulma fija, u mhux b’dik l-imħabba li tħobbok aktarx il-bnedmin? Issa Sinjur, ma nagħmilx ħlief nolfoq u nibki l-hemm li fih ninsab. U kif le, jekk f’dal wied tad-dmugħ ma nsibx ħlief gwaj, li bla ebda mistrieħ ihemmni, ibikkini u sad-dawl inseħħili, li jfixkilni, u jitlifni li jiġbidni u jorbotni biex hekk ma nkunx nista’ nersaq lejk u nitħaddan miegħek, bħalma għandhom ix-xorti l-Qaddisin tas-sema?

Oh, li kien mela jmisslek qalbek il-lfiq tiegħi u l-hemm li fih tinsab ruħi!

 

3. O Ġesu, dija tas-sebħ ta’ dejjem, faraġ tar-ruħ f’dan l-eżilju, fommi hu sieket quddiemek, imma s-skiet tiegħi jkellmek. Kemm sejjer jiddawwar ma jiġi s-Sid tiegħi Fittex ejja, Sinjur, għand is-serv fqir tiegħek u ferrħu; midd idek u eħlisni minn kull hemm. Ejja, ejja, għax mingħajrek ebda ġurnata anzi ebda siegħa ma nista’ nkun moħbi mistrieħ; għax inti l-ferħ tiegħi; għax int trid tkun, biex insib il-għaxqa tiegħi. Ma tarax fiex ninsab, f’liema kalzri jien magħluq, u b’liema ktajjen jien imgħobbi? Biex neħles minn dan kollu, tħares int lejja bil-ħlewwa, li thennini bid-dawl tal-preżenza tiegħek.

 

5.         Ħalli ħaddieħor ifittex minflokok kulma jrid; mingħalija la togħġobni u la tkun togħġobni ebda ħaġa ħlief int, Alla tiegħi, tama tiegħi, salvazzjoni tiegħi eterna. Ma niskotx, ma nehdiex nitolbok, qabel ma naqla’ l-grazzja tiegħek, qabel ma tkellimni int f’qalbi.

 

ĠESU KRISTU

 

            6. Hawn jien; ġejtek, la għajjatli. Id-dmugħ tiegħek, ix-xewqa ta’ ruħek, il-lfiq u l-indiema ta’ qalbek ġibduni u ġibuni sa ħdejk.

 

IR-RUĦ

 

7.Sinjur, jien għajjattlek u xtaqt ingawdik, hawn jien biex nitlaq kollox għalik, għax int ħeġġiġitni biex infittxek. Tkun imbierek, mela, Sinjur, talli kellek dit-tjieba għas-serv tiegħek, fil-kotra kbira tal-ħniena tiegħek. U x’jista’ jgħid aktar quddiemek das-serv tiegħek, ħlief jiċċekken aktar quddiemek, x’ħin jiftakar fil-ħażen u x’xejn tiegħu?  Għax f’kemm hemm egħġubijiet fis-sema u fl-art, xejn ma jista’ jixxebbaħ lilek. L-egħmil tiegħek hu kollu tajjeb, il-ġudizzji tiegħek kollha sewwa, u l-għerf tiegħek imexxi kollox. Tkun mela mfaħħar u mgħolli, o Għerf ta’ Missierek; ifaħħruk u jbirkuk il-fomm tiegħi u ruħi, flimkien mal-ħlejjaq kollha.

 

 

KAP XXII

 

Hawn il-bniedem jiftakar fil-ġid kollu li jirċievi minn għand Alla

 

IR-RUĦ

 

            1. Iftaħli qalbi, Sinjur, ħalli tifhem il-liġi tiegħek; u għallimni nimxi fit-triq tal-kmandamenti kollha. Agħmel li jiena nagħraf ir-rieda tiegħek u li bil-qima kollha niftakar fil-ġid kollu li għamilt miegħi sew ġenerali sew ukoll partikulari, biex mil-lum ‘il quddiem inkun nista’ niżżik ħajr għalih. Jiena nagħraf u nistqarr li ma nistax nirringrazzjak sewwa anqas mill-iċken ġid li għamiltli. Għaċ-ċokon tiegħi, ma kien ħaqqni ebda wieħed mid-doni li tajtni; u meta nġib quddiem għajnejja l-għoli tiegħek, inħossni nintilef fil-kobor tiegħek.

 

            2. Kulma għandna f’ruħna u f’ġisimna; kulma jinsab fina minn barra u minn ġewwa; il-ġmiel kollu li tajtni bħala bniedem u bħala ruħ li tixbaħ lilek; kollha huma doni tiegħek, u jgħallimna msebbħuh bħala għajn ta’ tjieba, ħlewwa u qdusija, li minnha nieżel fuqna dan il-ġid kollu. Għalkemm wieħed jinsab imżejjen b’bosta doni, u l-ieħor b’inqas, sewwa dawn u sewwa dawk huma kollha doni tiegħek; u kieku ma kontx inti ma kienx jista’ jkollna anqas il-ftit. Dak li tajtu bosta doni, ma għandux għax jintefeh bih innifsu, jew anqas jitkabbar u jżeblah lill-oħrajn għax l-ikbar u l-aħjar bniedem hu dak li jżomm ruħu bi ċkejken, u li jirringrazzja lilek bl-umilta kollha u bid-devozzjoni. U min iżomm ruħu bl-iżgħar fost kulħadd, min igħid li hu ma ħaqqux li int tagħnih bid-doni tiegħek, dan ikun  qiegħed jistiednek biex aktar tagħtih.

 

3.                  Min imbagħad tagħtih doni żgħar, ma għandux għax igemgem jew jilqagħhom  fuq il-qalb, anqas għandu għax igħir għal min hu mogħni aktar minnu; anzi għandu jservik aktar bil-qalb, u jfaħħar kemm jiflaħ it-tjieba tiegħek, li biha tqassam b’idejk fuq il-bnedmin, bla ma tħalli lil ħadd mingħajr sehmu. Kollox hu ġej minn għandek; f’kollox mela jmissek kull tifħir. Int taf x’jaqbel tagħti lil kull wieħed minna; inti taf għala lil wieħed jixraq li tagħtih iżjed u lil ieħor anqas; inti għandek tarah dan u mhux aħna; għax inti tagħraf kemm ħaqqu kull wieħed minna.

 

            4. U għalhekk, Sinjur Alla tiegħi, jiena nikkonsidera li jkun b’ġid għalija, li ma tagħtinix wisq minn dawk id-doni, li jagħmluni nidher kbir fid-dinja, u li jaqilgħuli tifħir qarrieq, ħalli xħin inġib quddiem għajnejja l-faqar u x-xejn  tiegħi, mhux li ma nagħtix, jew insewwed u naqta’ qalbi; imma anzi nifraħ u nithenna; għaliex int, o Alla ħanin, iżżomm bi ħbieb u b’servi tiegħek il-foqra, l-umli u dawk li huma mżebilħin mid-dinja. Xhieda jagħtuna ta’ dan kollu l-Appostli tiegħek, li inti għamilthom irwejjes fuq il-bnedmin kollha. Frattant għaddew ħajja l-aktar umli u moħbija bla tgemgim, anqas biss jafu x’inhu għilt u qerq. Anzi tagħhom kien li jaraw minn kull xorta ta’ żebliħ għall-isem tiegħek; u l-ħwejjeġ kollha li l-bnedmin jobogħduhom, huma kienu jħaddnuhom bl-akbar ħrara.

 

5.         Mela min tabilħaqq iħobbok u jafjistma l-ġid li int tagħmillu  b’ebda ħaġa ma għandu jifraħ daqskemm b’li sseħħ il-volonta tiegħek fih, u li jsir minnu dak kollu li jogħġob lilek, tjieba eterna. Anzi tant għandu jkun kuntent u ferħan b’din il-volonta tiegħek fih, li għandu jixtieq li jkun l-iċken, daqs ħaddieħor jixtieq li jkun l-akbar; li jikkuntenta bl-aħħar post daqs kieku bl-ewwel; li jixtieq jara ruħu mżeblaħ u mċekken u la msemmi u la mfaħħar, daqs kemm ħaddieħor jixtieq l-unuri u l-glorja tad-dinja. Għaliex il-volonta tiegħek u l-ħrara għall-unur tiegħek għandha tingħadd qabel kollox; u dawn iż-żewġ ħwejjeġ aktar għandhom iħennu lill-bniedem u jogħġbuħ mid-doni kollha li tajtu u li tista’ tagħtiħ.

 

KAP XXIII

 

Fuq kollox, erba’ ħwejjeġ huma li jnisslu l-paċi.

 

ĠESU KRISTU

 

1.        Ibni, issa rrid ingħallmek it-triq tal paċi u tal-vera liberta, li qalbek tkun maħlula.

 

IR-RUĦ

 

2.         Sinjur, agħmel fija dak li qed tgħid. B’ferħ kbir nismagħha dil-ħaġa.

 

ĠESU KRISTU

 

3.         Qis mela, ibni, li aktar tagħmel dak li jriduk l-oħrajn, milli li  trid int. Agħżel dejjem li jkollok il-ftit u mhux il-wisq. Fittex dejjem l-aħħar post, li tkun taħt kulħadd. Xtieq dejjem u itlob li l-volonta ta’ Alla ssir sħiħa fik.  B’dawn l-erba; ħwejjeġ l-bniedem jilħaq il-paċi u l-kwiet.

 

IR-RUĦ

 

4.        Sinjur, dan li għidtli, għalkemm kliem ftit, fih perfezzjoni kbira. Diskors qasir, iva! imma mimli bil-għerf u kollu frott ta’ qdusija. U jien li kont nista’ dejjem u f’kollox nimxi fuq dan it-tagħlim tiegħek ma kontx għal ħaġa ta’ xejn nitnikket. Infatti, kemm-il darba nitbegħren jew nitlef il-paċenzja, insibu li jiena nkun tbegħidt minnu. Mela int, li tista’ kollox u li ma tridx ħlief il-ġid ta’ l-erwieħ, kattar fija l-grazzja tiegħek, ħalli nkompli kliemek u nħabrek għas-salvazzjoni tiegħi.

 

TALBA

 

Kontra l-ħsibijiet ħżiena

 

5.         Sinjur, tiegħi, la titbegħidx minni! Alla tiegħi, ħares lejja u għinni, għaliex qamu għalija bosta ħsibijiet u biża’ li jnikktuli lil qalbi. Kif nista’ ngħaddi ġon-nar u ma nittifisx? Kif neħles minnhom dawn il-ħsibijiet?

 

ĠESU KRISTU

 

6.         Kif? – Jiena nimxi quddiemek, u lill-imkabbrin tad-dinja nċekkinhom. Niftaħ il-bieb tal-ħabs u nurik il-misterji tiegħi l-moħbija.

 

IR-RUĦ

 

7.         Iva, Sinjur, kif qed tgħid, agħmel miegħi; u l-ħsibijiet ħżiena jaħarbu minn quddiem wiċċek. F’dan biss tinsab it-tama u s-sabar tiegħi, li f’kull tribulazzjoni niġri għal għandek; noqgħod żgur fuq il-wegħdiet tiegħek, ingħajjatlek mill-qiegħ ta’ qalbi, u nistenna bil-paċenzja sakemm jogħġbok thennini.

 

TALBA

 

Biex naqilgħu d-dawl tal-moħħ

 

8.         Ġesu tiegħi kollok tjieba, agħtini d-dawl, ibgħat id-dija tiegħek ġewwa fija, u warrab minn ġewwa qalbi d-dlamijiet kollha. Tara kif il-ħsibijiet tiegħi huma mxerrda; agħtini l-ġabra u għakkes it-tentazjonijiet li ħadu l-jedd fuqi. Idħol inti għalija bil-qawwa tiegħek, u rażżan fija dawn il-ġibdiet il-ħżiena li ħadu tagħhom fuq il-ġisem tiegħi: ħalli bil-qawwa tiegħek inħoss il-paċi, u t-tifħir jinstama’ ġewwa l-agħmara mqaddsa, jiġifieri  ġewwa l-kuxjenza safja. Samma’ l-kmand tiegħek lir-rjieħ u d-dgħaben; għid lill-baħar: Oqgħod; u lir-riħ: Orqod; u taqa’ kalma l-aktar kbira dik is-siegħa.

 

9.         Ibgħat id-dawl u s-sewwa tiegħek, ħalli jagħtu d-dawl lill-art; għax jiena qisni art fiergħa u mudlama dment li int ma tagħtinix id-dawl. Sawwab fuqi l-grazzja tiegħek; saqqili ‘l qalbi bin-nida tas-smewwiet; xerred l-ilma tal-ħrara, ħalli jieħu r-ruħ il-wiċċ ta’ l-art, u hi tagħti frott tajjeb. Serraħli moħħi mgħobbi bit-toqol tad-dnubiet, u iġbidli x-xewqat kollha tiegħi lejn is-sema; ħalli xħin intiegħem il-ħlewwa tal-ġenna, insir nistmerr u saħansitra anqas irrid naħseb fil-ħwejjeġ ta’ l-art.

 

10.      Ifridni, ofroqni mill-hena tal-ħlejjaq kollha li ftit tista’ ddum; għax ebda ħaġa maħluqa ma tista; tikkuntenta u xxabba’ sewwa x-xewqat tiegħi. Orbotni miegħek b’rabta ta’ mħabba li b’xejn ma tinħall; għax int waħdek biżżejjed għal min iħobbok, mingħajrek kollox frugħa.

 

KAP XXIV

 

Ma għandniex għax noqogħdu naraw fuq il-ħajja ta’ l-oħrajn

 

ĠESU KRISTU

 

1.        Ibni, la tkunx kurjuż u la titgħabbiex b’salib ħaddieħor.X’jimpurtak minn dan jew minn dak l-ieħor? Int imxi warajja. X’jimpurtak jekk dak hux magħmul hekk jew xorta oħra: jew dak l-ieħor kif iġib ruħu jew jitħaddet? Int ma għandekx tagħti kont ta’ l-oħrajn, imma biss tiegħek innifsek. Għaliex mela titgħabba bihom il-ħsibijiet ta’ l-oħrajn?

            Jien hu li naf lil kulħadd, u nara kulma jsir taħt ix-xemx, naf x’jiżen kull bniedem, x’jaħseb, x’jixtieq, u x’inhi l-fehma tiegħu. U għalhekk dawn il-ħsibijiet kollha ħallihom għalija: aħseb għal rasek. U min ma għandux sabar, ħsieb ruħu: ġurnata għad idur b’rasu għal dak kollu li għamel u ħaseb, għaliex bija ma jistax tqarraq.

 

2.         La timliex moħħok billi xi bniedem kbir ikun iġibek, anqas billi tkun midħla ta’ bosta nies, anqas billi x’uħud ikun jħobbuk. Dawn il-ħwejjeġ ixxerdulek moħħok, u f’qalbek iġibulek id-dlamijiet.

Kemm kont nitħaddet miegħek bil-qalb u ngħarrfek il-misterji tiegħi, li kont toqgħod tismagħni meta niġi nżurek, u int tiftaħ qalbek miegħi!

            Dejjem aħseb għal li jista’ jiġri, tehdiex titlob, u kun fommok sieket.

 

 

KAP XXV

 

Liema hi l-vera paċi tal-qalb u l-vera tjieba

 

ĠESU KRISTU

 

1.        Ibni, jiena darba kont għidt lil tax-xirka tiegħi: Inħallilkom il-paċi tiegħi: il-paċi li nagħtikom jien m’hix bħal dik li tagħti d-dinja. Issa l-paċi kulħadd jixtieqha; imma mhux kulħadd iħabrek għal dawk il-ħwejjeġ li jistgħu jġibuhielu. Il-paċi tiegħi hija għal dawk li għandhom l-umilta u l-ħlewwa tal-qalb. Mela int, jekk il-fehma ta’ moħħok tkunx taqbel ma’ dak tisma’ minni u timxi fuq it-tagħlim tiegħi, int, tibżax, paċi jkollok.

 

IR-RUĦ

 

2.         Għidli mela x’għandi nagħmel.

 

ĠESU KRISTU

 

            3. F’kull ħaġa li tagħmel, jew li tgħid, oqgħod b’għajnejk miftuħin fuqek innifsek u ara jekk il-fehma ta’ moħħok tkunx taqbel ma’ dak li jogħġob lili, b’mod illi barra minni, u la tixtieq u anqas tfittex ebda ħaġa. Dak imbagħad li jagħmlu u jgħidu l-oħrajn, la tiżnux kif ġieb u laħaq u kif igħidlek moħħok: u ħwejjeġ li ma jimpurtakx minnhom, tindaħalx fihom. Jekk iġġib ruħek kif qed ingħidlek, wisq ftit u darba fit-tant qalbek titlef il-mistrieħ tagħha. Imma niftiehmu, imbagħad la tistenniex li ma għandu jkollok qatt xejn li jħabbtek, li ma tħossx x’iweġġgħek jew f’ġismek jew f’qalbek. Dan ma tistax tagħtih dil-ħajja, imma l-oħra tal-mistrieħ ta’ dejjem.

            U ħaġ’oħra: ara taħseb li sibt il-vera paċi jekk jidhirlek li ma għandek xejn x’itaqqlek; jew li inti sejjer tajjeb, jekk ma jkollok ħadd kontra tiegħek; jew li t-tjieba tiegħek xejn ma jonqosha, jekk tara li kollox ikunlek kif tixtieq qalbek. Anqas għandek iddaħħal f’moħħok li int sirt aħjar milli kont, jew li int l-aktar maħbub minn Alla, jekk tħoss f’qalbek devozzjoni kbira u ħlewwa. Dan ma jfissirx li ruħek tkun tħobb tabilħaqq il-virtu; u mhux b’daqshekk int tgħaddi ‘l quddiem fil-virtu u ssir tajjeb.

 

IR-RUĦ

 

3.         Biex mela, Sinjur?

 

ĠESU KRISTU

 

            5. Billi toffri lilek innifsek b’qalbek kollha lill-volonta t’Alla, billi ma tfittixx lilek innifsek u la fil-ħwejjeġ żgħar jew anqas fil-kbar, u la f’dil-ħajja u la fl-oħra. Mela, jiġrilek x’jiġrilek, sewwa ta’ ferħ u sewwa ta’ għali għandek dejjem b’wiċċ ferħan xorta waħda tibqa; tafhuli, u tiżen kollox b’miżien wieħed.- Li kont dejjem xorta waħda qawwi fit-tama tiegħek, kieku qalbek dejjem lesta ssofri tribulazzjoni akbar, avolja jien noftmok għal ftit mill-ħlewwiet tiegħi; li kont f’kull ħaġa li jiġrilek, ma tgħidx: Jien ma ħaqqnix inbati daqshekk, anzi f’kulma nibgħatlek, tgħid li jien qiegħed nagħmel is-sewwa, u tfaħħar l-isem tiegħi u tbierku, int tkun qiegħed timxi fit-triq vera u dritta tal-paċi, u għandek titma (u ma jfallilekx) u li għad tara l-wiċċ tiegħi u tithenna. Jekk imbagħad tilħaq tasal li ssir tobgħod sa barra lilek innifsek, kun żgur li hemm ikollok l-akbar mistrieħ tar-ruħ, daqs kemm jista’ jitgawda f’dil-ħajja.

 

 

 

KAP XXVI

 

Fuq il-ġmiel tar-ruћ mifhuma minn kull rabta tad-dinja.

 

IR-RUĦ

 

1.      Sinjur, m’hix ћaġa ta’ xejn illi wieћed igћix moћћu dejjem fil-ћwejjeġ tas-sema, u li, gћalkemm qalb it-taћbit tad-dinja, igћi bћal kieku ma gћandux ћsibijiet ta’ hawn; u mhux le bћal wieћed ta’ bla kont, imma qalbu maћlula minn kollox, li ma jirtabatx b’ġibda żejda ma’ ebda ћlejqa.

 

2.      Nitolbok, Sinjur tal-ћniena, li teћlisni mill-ћsibijiet żejda ta’ din id-dinja, ћalli ma nsibx ruћi fit-tfixkil. Agћmel li ġismi ftit ћwejjeġ jitlobni, ћalli ma nsirx ilsir tal-ġibdiet tiegћu; li ruћi ma ssibx x’ifixkilha, ћalli ma naqtax qalbi, negћja u naqa’ f’nofs ta’ triq. M’jiniex ingћidlek, le, gћax dawk il-ћwejjeġ li l-frugћa tad-dinja b’rebgћa kbira tixtieqhom, imma gћal dawk il-miżerji, li huma l-kastig tal-bnedmin kollha, li tant itaqqlu u jgћajju r-ruћ tal-qaddej tiegћek, u ma jћalluhiex tilћaq il-vera paċi kif kieku tixtieqha.

 

3.      O Alla, ћlewwa bla tarf, biddilli fi mrar it-tpaxxija kollha tal-ġisem, li ma tbegћdnix mill-imћabba tal-ћwejjeġ ta’ dejjem; u billi ġġagћalni nћobb pjaċiri ta’ ftit ћin, tista; tkun it-telfien ta’ ruћi. O Alla tiegћi, tћallix lil ġismi u lil demmi joћorġu rebbieћa fuqi; jew li d-dinja u l-frugћa tagћha tqarraq bija, u d-demonju u l-malazzja tiegћu ixebbgћuni. Agћtini l-qawwa biex nieqfilhom, il-paċenzja li nsofri kollox; u ћila li ma naqax gћalihom. U flok il-pjaċir tad-dinja, agћtini l-grazzja ћelwa ta’ l-Ispirtu Santu tiegћek; minflok l-imћabba tiegћi nnifsi, nissel fija l-imћabba ta’ l-isem tiegћek.

 

4.      Gћal dik ir-ruћ li hi kollha ћrara gћalik, l-ikel, ix-xorb, ilbies u l-ћwejjeġ l-oћra, kollha li jitlob il-ġisem, huma toqol u tfixkil. Tini grazzja li dawn il-ћwejjeġ ninqeda bihom biss kemm jagћtiġuli u mhux li nirgћeb gћalihom. Li ma nfittex ebda ћaġa minn dawn ma jistax ikun gћax bћala ћaj gћandi nitmantna; imma mbagћad li nirgћeb gћal ћwejjeġ żejda, jew li fihom it-tpaxxija, il-liġi mqaddsa tiegћek ma tridux, gћax inkella l-ġisem jirvella kontra r-ruћ. Nitolbok mela, Sinjur, li kif ninsab hemm bejn in-nar u l-ilma, tmexxini  u twiżinni l-id imqaddsa tiegћek, biex ma noћorġx mit-triq.

 

 

KAP XXVII

 

Fuq li l-imћabba tagћna nfusna tbegћidna mill-ġid tar-ruћ

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, jekk trid taqla’ kollox minn gћand Alla; trid tibda biex tagћti ruћek b’kollox ‘l Alla, mingћajr ma żżomm ebda ћaġa gћalik. Kun af li l-imћabba tiegћek innifsek aktar tagћmillek gћajb minn kull ћaġa tad-dinja. Skond ma ћaġa tkun tћobbha u tinġibed lejha, qalbek tirtabat magћha. Jekk l-imћabba tiegћek tkun safja, u mingћajr ebda rabta ma’ ћwejjeġ oћra, qalbek ma tkunx ilsira tad-dinja. Ħaġa li ma tistax tkun tiegћek, li ma tgћoddx gћalik, la tixtiqhiex; u tbiegћed minn dak li jista’ jkunlek bi tfixkil u jtellfek il-paċi tal-qalb. Narah ġenn li inti ma terћix f’idejja b’qalbek kollha lilek innifsek u kulma tixtieq jekk ikollok.

 

2.      Gћala ssewwed qalbek fuq kull xejn? Gћaliex titgћabba u tinkedd bil-ћsibijiet żejda? Oqgћod gћal dak li nitlob minnek jien, u xejn ma jkun jonqsok. Int, issa trid dil-ћaġa u issa dik; issa tixtieq tkun hawn, issa hemm, tfittex it-tpaxxija tiegћek, u li kollox jirnexxilek skond xewqtek, imma b’daqshekk qatt ma ssib il-mistrieћ u l-paċi, gћax kull ћaġa gћandha l-imma tagћha; u tmur fejn tmur, gћandek tiltaqa’ ma’ min imerik.

 

3.      Taf x’inhu li jista’ jnissel fik il-paċi? Mhux li ћaġa tfaddalha jew tkattarha; imma li xejn ma tqisha u teqridha minn ġo qalbek. U tifhimx li qed ngћidlek biss għall-ġid u  gћall-gћana; gћandek tifhem ukoll regћba ta’ l-unuri u tat-tifћir tan-nies; ћwejjeġ fiergћa u li jintemmu mad-dinja. Ftit jew xejn jiswielek li tkun qiegћed f’lok gћal qalbek, jekk ruћek m’hix imћeġġa bil-ћrara; u l-paċi li tkun tfittex fil-ћwejjeġ tad-dinja ftit iddum tgћammar fik, jekk int ma torbotx qalbek ma’ tiegћi. Jiġifieri jekk inti ma tinġabarx fik innifsek billi tbiddel minn post gћal ieћor xejn ma jiswielek, gћax malli ssib ruћek f’tentazzjoni u ma tilqgћalhiex, issib ruћek fit-tfixkil l’int deherlek li ћrabt minnu, u xi ftit agћar ukoll.

 

TALBA

 

Biex naqilgћu l-indafa tal-qalb u l-gћerf tas-sema

 

IR-RUĦ

 

4.      Sinjur, wettaqni fil-ġid bil-grazzja ta’ l-Ispirtu Santu. Qawwili din ruħi sabiex qalbi ma timteliex bi ħsibijiet u taqtiq bla bżonn, u ma tkunx ilsira ta’ xewqat ta’ bosta ħwejjeġ, sewwa ċkejknin u sewwa kbar; u jien nifhimha tajjeb li kollox jispiċċa, u li jien ukoll nispiċċa; għax mis-sema ‘l isfel xejn ma għandu ħajja twila, u kollox hu frugħa, u niket tar-ruħ. Kemm tabilħaqq hu għaref min jifhimha hekk!.

 

5.      Agħtini, sinjur il-għerf tas-smewwiet, ħalli nitgħallem infittex u nsib lilek fuq kollox, bik nitpaxxa u lilek inħobb fuq kollox; u mill-bqija l-ħwejjeġ maħluqa nistmahom skond ma ħaqqhom u kif jitlob il-għerf tiegħek. Tini għaqli biżżejjed biex nagħlaq widnejja għat-tifħir u nista’ nkompli b’wiċċ il-ġid fit-triq it-tajba li ma ndurx mar-riħ ta’ kull kliem, li ma nagħtix widen għas-sefsif ta’ min ifaħħarni. B’hekk biss nieħu sabar b’min ilumni. Dan hu għaqal kbir; li ma tħallix titqanqal minn kull kelma ta’ tifħir, u lanqas ma toqgħod tisma’ kliem fieragh. U b’hekk tkun tista’ timxi dejjem aktar ‘il quddiem.

 

KAP XXVIII

Fuq dawk li jqassu fuq in-nies

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, la tarahiex kbira jekk in-nies ma jżommukx tant b’tajjeb, jew jaqilgћu fuqek li ma jogћġbokx. Anzi jaћtieġlek illi int iddaћћalha f’moћћok li żżomm ruћek b’agћar milli jistmawk l-oћrajn, u temmen li ma tingћatax ћila iċken minn tiegћek.

Jekk f’qalbek ikollox il-ћajja tal-grazzja tiegћi, ma tantx toqgћod tћabbat rasek bi kliem ћaddieћor, gћax il-kliem itir bћal żiffa.

Hu gћaqal kbir li f’xi burraxxka li tinqalagћlek, toqgћod sieket u tfittex lili, bla ma tћares x’igћidu n-nies.

 

2.      Il-paċi tiegћek ma gћandekx  tfittixha filli jgћidu n-nies fuqek; gћaliex sewwa jgћidu l-ġid u sewwa d-deni, tibqa’ li kont. Il-vera paċi u l-ġieh fejn jinsabu ћlief fija? Min ma jfittixx li jogћġob lill-bnedmin, u ma jibżax x’ћin ma jimxix gћal qalbhom, isib mistrieћ kbir. Kemm taћwid ta’ qalb, kemm tixrid ta’ moћћ jingћataw, taf mniex inhuma ġejjin? Mil-imћabba żejda u mill-biża’ bla bżonn.

KAP XXIX

 

F’kull gwaj li ninsabu fih, għandna nsejħu ‘l Alla u nbirkuh

 

IR-RUĦ

 

1.      Ikun imbierek  għal dejjem l-isem imqaddes tiegħek,, Mulejja, l’int għoġob tibgħatli dan is-salib. Naħrab minnu, jien ma nistax; imma anqas ma nista’ ma nirrikorrix għal għandek sabiex tgħinni, biex hekk nerfgħu bil-ħeffa. Sinjur, tara f’liema baħar ninsab’ qalbi ebda faraġ ma għandha; u l-gwaj li fih ninsab, ebda nifs ma jagħtini. X’ingħidlek mela, Missier maħbub tiegħi? Jiena ninsab f’bosta dwejjaq; eħlisni minn dan il-waqt! U ġejt nitolbok issa, biex glorja akbar tingħatalek la darba int tkun umiljajtni u ħlistni. Iddew mela, Sinjur, eħlisni; fil-faqar tiegħi x’nista’ nagħmel? U mingħajrek fejn immur? Tini l-paċenzja, Sinjur, f’waqt it-taħbit tiegħi. Għinni, o Alla tiegħi; u ma nibżax jekk inkun imsallab kemm inkun.

 

2.      Fratttant, filli ninsab fih, x’naqbad ingħid? Sinjur, ikun dak li trid int. Jien imħabbat u msallab, iva; imma ħaqqni, jaħtieġli mela nsofri; u jalla nieħu kollox bil-paċenzja, sa ma tgħaddi din ir-rewwixta, u l-hemm għalija jispiċċa.

L-id tiegħek hija qawwija, biżżejjed hi biex teħlisni minn dit-tentazzjoni wkoll, u biex traqqad il-qilla tagħha, ħalli ma jiġrilix li nibqa’ minn taħt għal kollox. Bosta drabi ma’issa lura hekk ukoll għamiltli. Alla tiegħi, ħniena tiegħi. U daqskemm hi tqila għalija, daqshekk ieħor hi ħafifa għalik din it-tibdila tal-lemenija tal-kbir Alla.

 

KAP XXX

 

Fuq li għandna nitolbu l-għajnuna ‘l Alla, u nittamaw li nerġgħu naqilgħu l-grazzja tiegħu

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, jien hu dak Alla li nagħti l-qawwa fil-jum tat-taħbit. Ejja għal għandi kulmeta tinsab imħabbat. Taf x’inhu l-aktar li jtellfek il-paċi u l-ħlewwa tas-smewwiet? Li int ma tantx tagħti ruħek malajr għat-talb. Għax int qabel ma titlobni bil-qalb, moħħok li tfittex il-paċi fil-ħwejjeġ maħluqa u l-pjaċiri tad-dinja. Imma, dawn ftit u xejn igħoddu għalik.

Ifhimha tajjeb; jien waħdi hu li neħles lil dawk li jittamaw fija; u barra minni ma hemmx u la għajnuna tajba u la tiskir li jiswa, u anqas tiswija li ddum. Imma fl-aħħar wara li tgħaddi t-taħbit, qawwi qalbek u twettaq mill-ġdid bid-dawl tal-ħniena tiegħi; għax jien ninsab ma’ ġenbek (igħid Alla) biex insewwi l-ħsarat kollha mill-bidu sal-aħħar, anzi xi ħaġa aktar milli hemm bżonn.

 

2.      Liema hi l-ħaġa li jien ma nistax nagħmilha? Ħsibtnix jaqaw bħal dak li jgħid bosta kliem u egħmil ta’ xejn? Fejn hi t-tama tiegħek? |omm dejjem fil-fehma tajba bla ma tarġa’ lura. Ħu paċenzja u kun qalbek qawwija; il-ħlewwa tiegħI tinżel fuqek fil-waqt. Stennieni, tibżax, stennieni; jiena niġi u nfejqek. Din li qiegħda tħabbtek mhix ħlif tentazzjoni, u dal-biża’ fuqek kollu biża’ għalxejn. Xi trid toqgħod taħseb x’għad igħaddi mingħalik? B’daqshekk ma tagħmilx ħlief izzid swied il-qalb fuq swied il-qalb. Kull ġurnata li tisbah għandha l-gwaj tagħha. Barra milli xejn ma jiswielek hija  bluha li tibża’ jew tifraħ billi għad jista’ jiġrilek; għax forsi minn dan kollu ma jkun xejn.

 

3.      Imma naf; il-bniedem hu magħmul hekk, li l-ħsibijiet ta’ moħħu jħawduh; u min iħalli l-għadu tiegħu jilgħab bih u jdawru kif irid hu, juri li ħila u saħħa ċkejkna għandu. Għax dal-għadu ma jimpurtaħx li jqarraq u jgħaddi ż-żmien bik bi ħwejjeġ minnhom u mhux minnhom; u anqas li jaqtagħlek qalbek billi jġagħlek tħobb dak li issa naraw, jew tibża’ minn dak li għad irid jiġi. Xejn mela ma għandha għax titħawwad qalbek, anqas għax tibża’ emmen fija, u itma’ fil-ħniena tiegħi. Meta taħbat jidhirlek li tbegħidt minnek, jien aktarx inkun ma’ ġenbek; meta jidhirlek li kulma int għamilt tqisu mitluf għal kollox, wisq drabi tkun qiegħed fit-triq li fiha tista’ taqla’ merti akbar. Mhux għax xi drabi jiġrilek kontra li trid qalbek għandek tifhem li kollox mitluf. U anqas għandek tieħu l-ħwejjeġ kif jaħsel igħidlek moħħok dak il-ħin; u meta tiġik xi tribulazzjoni, tiġi mnejn tiġi; la taqtax qalbek, bħalkieku m’hemmx tama iżjed li teħles minnha.

 

4.      Jekk jien xi darba nibgħatlek għal żmien xi salib, jew inkella nċaħħdek għal ftit mill-ħlewwa tiegħi, la ddaħħalx f’moħħok li jien tlaqtek għal kollox; billi hekk jaħtieġ tasal fis-saltna tas-smewwiet. U oqgħod żgur li sewwa lilek u sewwa lis-servi tiegħi kollha jkunilkom ġid akbar li tkunu mħabbtin, milli kieku jiġri kollox kif tixtiequ. Jien nagħraf il-ħsibijiet moħbija ta’ qalbek u naf li hu ġid kbir għal ruħek li kull tant inħallik mingħajr il-ħlewwiet tas-sema; għax kieku jiġik dritt, għandek mnejn titkabbar jew tifrah bik innifsek, u taħseb li int dak li m’intix. Dak li tajtek, nista’ neħodhulek; u nista’ narġa’ nagħtihulek kull meta jogħġobni.

 

5.      Meta nagħtik, inkun tajtek minn tiegħi; meta neħodlok, ma nkunx ħadtlek tiegħek; għax il-grazzi kollha u d-doni kollha l-aktar sbieħ, tiegħi huma. Jekk qatt nibgħatlek xi salib jew xi għawġ, la teħodhiex bi kbira, anqas la taqta’ qalbek; għax jiena nista’ malajr inħaffek minn kull toqol anzi inbiddihulek f’ferħ. U kun af li jien inkun nagħmel is-sewwa, u li int imissek tibqa’ tafhuli meta nġib ruħi miegħek hekk.

 

6.      Jekk tieħu l-ħwejjeġ kif imiss u ma jkollokx għamad fuq għajnejk, int ma jmissek qatt tant issewwed u taqta’ qalbek; anzi aktar tifrah u tirringrazzjani. Anzi dan għandu jkun l-aqwa ferħ tiegħek, li nibgħatlek xi hemm, u ma nibżax għalik. Infatti jien lid-dixxipli maħbuba tiegħi għidtilhom darba; “Kif ħabbni Missieri nħobbkom jien.” U frattant jien ma għargħarthomx fil-pjaċiri tad-dinja, anzi bgħatthom  jikkumbattu; tajthom mhux l-unuri tad-dinja, imma ż-żebliħ tan-nies; mhux it-tpaxxija tal-qgħad, imma taħbit bla tarf; ma rħejtilhomx jistrieħhu, anzi ridt li huma jrodduli bosta frott billi jbatu u jieħdu paċenzja. – Ftakar, ibni, ftakar f’dak-kliem.

 

KAP XXXI

 

Ma għandna xejn inqisuhom il-ħwejjeġ maħluqa kollha, jekk irridu nirtabtu ma’ min ħalaqhom

 

IR-RUĦ

 

1.      Sinjur, tabilħaqq li għandi bżonn ta’ grazzja wisq akbar, jekk irrid nasal fejn ebda bniedem, ebda ħaġa maħluqa ma tista’ iżomm iżjed. Sakemm xi  ħaġa tibqa’ żżommni marbut, jien ma nistax intir sewwa għal ħdejk. Kien jixtieq itir bla xkiel dak li kien igħid:’’Min itini l-ġwienaħ bħal ħamiema, ħalli ntir u nsib il-mistrieħ tiegħi?’’ Min għandu paċi akbar minn dak il-bniedem li għandu qalbu safja? U min hu aktar f’siktu minn dak li f’did-dinja ma jixtieq xejn? Jaħtieġlu mela l-bniedem jogħla, li jittajjar ogħla mill-ħwejjeġ maħluqa; li jinsa għal kollox lilu nnifsu bla ma jiftakar xejn fid-dinja; u li jifhimha sewwa ‘’Int ħlaqt kollox u xejn ma hawn fost il-ħlejjaq kollha li jlaħħaq mal-ġmiel tiegħek. Min hu maħlul mill-kreaturi kollha, jista’ jagħti ruħu sewwa għall-ħwejjeġ t’Alla; u għalhekk ftit jinsabu li l-ħsibijiet tagħhom huma fik biss, għaliex ftit huma dawk li jinfatmu għal kollox mill-ħwejjeġ li jgħaddu u jmorru, mill-ħwejjeġ maħluqa.

 

2.      Biex ikun dan, taħtieġ grazzja wisq kbira, li tarfa’ r-ruħ u tgħolliha aktar ‘il fuq mnejn tilħaq hi. U hekk il-bniedem ma jkollux il-ħsibijiet tiegħu ‘l fuq: jekk ma jkunx maħlul mill-kreaturi kollha u marbut kollu kemm hu m’Alla, jista; jkun għaref kemm ikun, jista’ jkollu d-doni li jkollu, dan ftit jew xejn jiswielu. Jibqa’ ċkejken żmien twil, jibqa’ jkarkar ma’ l-art min iħobb ħwejjeġ oħra barra minn dak li waħdu hu ġid bla tarf, ġid ta’ dejjem. Dak kollu li m’hux Alla, xejn ma hu u b’xejn għandu wieħed iqisu.

.           Tgħaddi differenza kbira bejn il-għaqal ta’ ruħ devota u mogħnija bid-dawl tas-sema u bejn il-għerf ta’ wieħed li għadda ħajtu fuq il-kotba u l-istudju. Il-għerf li Alla jibgħat minn fuq, hu wisq isbaħ u ogħna minn dak il-għerf li l-bniedem jiġbor sforz tant tbatija u tagħlim.

 

3.      Bosta wħud jixtiequ jagħmlu l-orazzjoni bil-ħrara, imma mbagħad  ma jagħmlux dak li hemm bżonn biex iseħħ dan fihom. L-aktar ħaġa li tfixkel u ttellef hi li nħallu lil qalbna titqanqal u tinġibed lejn il-ħwejjeġ ta’ did-dinja, u li xejn ma ngħakksu lilna nfusna.

            Kif aħna mela? Liema spirtu hu li qed imexxina? X’inhu li rridu? Tassew li aħna nies tar-ruħ; u frattant x’nitħabtu għall-ħwejjeġ li fix-xejn jispiċċaw, u l-ħsibijiet tagħna huma kollha fihom; imbagħad il-ħwejjeġ ta’ ruħna rari naħsbu fihom u anqas kif imissna.

 

4.      Jaħasra għalina! Kif nidħlu għal ftit fina nfusna, dik is-siegħa nerġgħu nxerrdu l-ħsibijiet tagħna ‘l hawn u ‘l hemm u l-egħmil tagħna ma ngħarbluħx bir-reqqa li taħtieġ. Ma nfittxu xejn qalbna fejn kienet mixħuta, u ma nibkux it-tkasbir tagħha. – Id-diluvju kien ġie, għax kulħadd kien tħassar u għaweġ it-triq tiegħu. Meta l-ġibdiet ta’ qalbna jkunu ħżiena, l-għemil tagħna jitħassar ukoll. Biss qalb safja tista’ tagħti frott ta’ ħajja tajba.

 

5.      Tarana nsaqsu: Dak x’għamel? – Imma mbagħad ftit jiġina f’moħħna li nsaqsu jekk it-tali hux f’saħħt għani, sabiħ, jinqalax, jekk jiktibx tajjeb, jekk ikantax sabiħ, jekk hux gwapp fis-sengħa; imbagħad ħadd ma jfittex jara jekk hux mogħni bil-paċenzja u l-umilta, jekk hux bniedem tar-ruħ miftum mid-dinja. Il-bniedem iħares lejn il-qoxra ta’ barra; imma r-ruħ tħares lejn r-ruħ tiegħu. Il-bniedem wisq drabi jitqarraq; imma r-ruħ titma f’Alla biex ma titqarraqx.

 

 

KAP XXXII

 

Għandu l-bniedem igħakkes lilu nnifsu u jinfatam mix-xewqat  ħżiena

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, ma tistax tkun bla xkiel  għal kollox, jekk ma tiċħadx f’kollox lilek innifsek. Jinsabu marbutin bħala lsiera dawk kollha li jħobbu lilhom infushom, ix-xħaħ, il-kurjużi, ix-xalaturi, dawk li jfittxu dejjem it-tpaxxija, bla ma jimpurtahom xejn mit-tagħlim ta’ Ġesu Kristu; u dejjem jaraw x’jaqilgħu biex jaqtgħu xewqathom. Imma dak kollu li m’hux ġej mn’Alla jisfa’ fix-xejn.

|omm mela f’moħħok dal-ftit kliem, li fiħ x’ittiegħem: ‘’Ħalli kollox u ssib kollox; keċċi r-rebgħa u ssib il-mistrieħ.’’ – Xtarru tajjeb f’moħħok: u meta tkun għamilt kif għidtlek, hemm issir tifhmu sewwa.

 

IR-RUĦ

 

2.      Sinjur, din m’hix ħaġa ta’ ġurnata, jew xi logħob tat-tfal; f’dawn l-erba’ kelmiet tinsab miġbura l-perfezzjoni tan-nies tar-ruħ.

 

ĠESU KRISTU

 

3.      Ibni, ma għandekx għax taqta’ qalbek meta tisma’ kif inhuma mixjin in-nies it-tajba; anzi aktar għandek tħabrek biex tgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba, jew għall-anqas tnissel xewqa kbira li tiġi ‘l quddiem! Eh! Li kont tasal f’dan l-istat li ma tħobbx lilek innifsek, imma li toqgħod biss għal dak li rrid jien u li jrid dak li jien tajtek bħala missier tiegħek, kieku wisq aktar issir togħoġobni, u ħajtek kont tgħaddiha kollha fil-hena u l-paċi. Għad baqagħlek bosta ħwejjeġ x’tarmi wara spallejk; u jekk ma tagħmilx hekk minħabba fija, int ma taqlax dak li titlob.

Isma; minni: ixtri minn għandi d-deheb imgħoddi min-nar, ħa’ tistagħna, jiġifieri l-għerf tas-Sema; u itfa’ taħt saqajk il-ħwejjeġ kollha tad-dinja. Għal dal-għerf għandek tħalli l-għerf l-ieħor tad-dinja u ma toqgħodx tfittex li togħġob lin-nies, jew anqas li tagħti gost lilek innifsek.

 

4.      Jiena ġa għidtlulek; dak kollu li n-nies igħożżuh u jistmawh, ixtri bih ħwejjeġ li ftit jew xejn huma stmati. Niftiehmu; il-veru għerf tas-sema. Issa dan, id-dinja mhux tistmaħx, anzi tiddisprezzah, u kważi nsietu; dal-għerf ma jintefaħx bih innifsu, anqas ifittex li jkun imfaħħar f’did-dinja, dal-għerf jfaħħruh b’fommhom, imma mbagħad ħajjithom xejn ma taqbel miegħu; dan hu dik il-ġawhra tant fina li bosta moħbija għalihom.

 

KAP XXXIII

 

Fuq kemm tbiddel il-qalb tal-bniedem. Dak li nagħmlu jrid ikun bil-fehma li nogħġbu ‘l Alla

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, dak li titlob qalbek issa xejn la torbot fuqu; minn hawn u ftit ieħor għandek mnejn taħsibha xort’oħra. Sakemm tibqa’ ħaj, int dejjem tbiddel  il-ħsieb tiegħek; tixtieq ħaġa u tarġa’ ma tridhiex; għax issa ferħan, u issa qalbek sewda: issa kollok kwiet, u issa mħawwad; issa devot, u issa biered; issa bieżel, u issa għażżien; issa tqil, u issa ħafif.

Imma min għandu l-għaqal u mkisser sewwa fir-ruħ, ma ssibux idur ma’ kull riħ ma jimpurtaħx qalbu għalfejn hi miġbuda, anqas li r-riħ fiha jilgħab ‘l hawn u ‘l hemm; biss iqis li l-fehma ta’ moħħu twasslu fejn jixtieq hu. Għaliex b’dan il-mod jista; wieħed jibqa’ dejjem sod fil-fehmiet tajba; jiġrilu x’jiġrilu, dejjem il-ħsibijiet u l-fini tiegħu huma fija.

 

2.      Aktar ma l-fehma tkun safja, mingħajr taħlit ta’ ħwejjeġ barranin, aktar wieħed jista’ jimxi fiż-żgur qalb it-taqlib tad-dinja. Imma bosta wħud għandhom għajnejhom imgħammdin b’xi fehma oħra minni; issib min jieqaf, jogħxa fuq ħaġa li tagħtih gost; għax rari biex issib qalb li fiha ma tidħol ebda xejn l-imħabba tagħha nfisha. Hekk fiż-żmien ta’ ilu, il-Lhud marru f’Betanja għand Marta u Marija, mhux biss minħabba f’Ġesu imma biex jaraw lil Lazzru wkoll.

Mela hemm bżonn li l-fehma tkun safja; hemm bżonn li ma tkunx imħallta bi ħwejjeġ oħra; li ma tkunx imgħawġa ; li tkun tħares biss lejja, bla ma xejn jista’ jfixkilha.

 

KAP XXXIV

 

Min iħobb ‘l Alla fuq kollox ma jsib xejn ohla minnu

 

IR-RUĦ

 

1.      Inti hu Alla tiegħi, u għalija inti kollox. X’irrid aktar? X’nista’ nixtieq ohla minnek? O kelma kollox ħlewwa, għal min iħobb il-Verb etern, mhux lid-dinja u l-ħwejjeġ li fiha!

Alla tiegħi li fik insib kollox. Għal min jaf jifhem dal-ftit hu biżżejjed; u min jaf iħobb, jithenna jgħidhom u jtennihom. Fejn tkun int, kollox hena; fejn ma tkunx int, kollox dwejjaq. Int issabbar il-qalb; int issawwab il-paċi u l-ferħ. Int kollox iġġagħlu jiġina ħelu, u ġġagħalna nfaħħruk f’kollox. Mingħajrek ebda ħaġa ma tista’ ddum tingħoġob; u biex ħaġa tagħtina gost u thennina, hemm bżonn li fil-qalb ikun hemm il-grazzja tiegħek u li hi tkun mogħnija bil-għerf tiegħek.

 

2.      Min isib fik il-hena tiegħu fiexjista’ ma jiħux gost? U min ma dieqx il-ħlewwa ta’ mħabbtek, liema ħaġa tista’ thennih? Imma l-għorrief tad-dinja, u dawk li jfittxu l-pjaċiri tal-ġisem, dawn ma jistgħux itiegħmu l-għerf tiegħek; għax il-għerf tagħhom hu kollu frugħa, u l-pjaċiri tagħhom ma jġibux ħlief mewt. Imma dawk li jiddisprezzaw id-dinja, u jikkastigaw lil ġisimhom, biex jimxu wrajk, dawn huma veri għorrief għaliex iħallu l-qerq għall-verita, u l-ġisem għar-ruħ. Dawn jafu x’jiġifieri Alla: u jekk fil-kreaturi jsibu xi ġid, iservi biex huma jfaħħru lil Dak li ħalaqhom. X’għandhom x’jagħmlu ma’ xulxin il-ħlewwa ta’ min ħalaq, u ta’ ħaġa maħluqa ta’ l-eternita u taż-żmien, tad-dawl u tad-dawl li ġej minnu?

 

3.      O dawl  etern, li tikfes kull dawl ieħor maħluq, ibgħatli d-dija tiegħek mill-għoli tas-smewwiet, ħalli ddawwalli l-qiegħ ta’ qalbi. Saffi, ferraħ dawwal u agħti l-ħajja lir-ruħ tiegħi, kif inhu u sa fejn jilħaq; ħalli nirtabat miegħek b’tant ferħa kbira li noħroġ barra minn għaqli. Meta, meta tasak dik is-siegħa  ħienja u mixtieqa, li int ix-xebbagħni bik innifsek, li fik insib kulma nixtieq? Sakemm dis-siegħa tasal, ebda ferħ ma jista’ jkun fil-milja tiegħu fija.

Eh! Kemm jisgħobbija, xħin niftakar li l-bniedem l-antik (il-passjonijiet ħżiena tiegħi),għadu m’hux imrażżan għal kollox, għadu ma mietx tassew! Għadu b’leħħa kbira jnissel fija xewqa bil-maqlub milli trid ir-ruħ, iqajjimli gwerer ħorox fija, u ma jħallix lil ruħi bis-sabar tagħha.

 

4.      Imma int għandek jedd fuq il-baħar, u traqqad il-mewġ tiegħu, qum u għinni. Ħarrab lil dawn in-nies (il-passjonijiet) li ma jridulix ħlief gwerra; ħarrabhom bil-qawwa tiegħek. Uri, iddew, il-kobor tiegħek, għaliex ma għandix f’min nitma u fejn nistkenn, ħlief għandek, Mulejja Alla tiegħi.

 

KAP XXXV

 

F’dil-ħajja bħalxejn jista’ wieħed jaqa’  fid-dnub

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, f’dil ħajja kulħadd jista’ jsib ruħu f’xi tentazzjoni; mela dment li int fuq l-art, għandek dejjem bżonn ta’ l-armi tar-ruħ. Int miexi qalb l-egħdewwa li jinbxuk minn hawn u minn hemm; mela jekk ma tiħux miegħek kulfejn tmur it-tarka tal-paċenzja, f’qasir żmien tindarab.

Imma hemm  ħaġ‘oħra. Jekkma torbotx ferm qalbek miegħi,b’fehma soda u qawwija li ssofri kollox minħabba fija, int ma jkollokx ħila tilqa’ b’sidrek dawn il-battalji qawwija, anqas tista’ tilħaq il-glorja tal-beati. Jaħtieġlek mela tissaporti kollox b’qawwa kbira, u b’ħiltek kollha teħodha ma’ l-egħdewwa kollha; għax għal min joħroġ rebbieħ hemm il-premju; u għal min jirtema, għaks u faqar.

 

2.      Jekk il-mistrieħ tfittxu f’dil ħajja, kif fi ħsiebek tasal fil-mistrieħ ta’ dejjem? Għandek tħejji ruħek għal mistrieħ kbir, imma għal-paċenzja kbira. Il-vera paċi tfittixhiex fuq l-art, iżda fis-smewwiet; mhux fil-bnedmin, anqas fil-kreaturi l-oħra, imma f’Alla biss. Għall-imħabba t’Alla għandek mela tissaporti kollox bil-qalb. – tbatijiet, uġigħ, tentazzjonijiet, inkejja, dwejjaq, għaks, mard, tagħjir, malafami, ċanfir ta’ wiċċ, mistħija, twiddib, żebliħ. Dan kollu jgħinek biex tikber fik il-virtu, iħarrġek fit-triq ta’ Kristu u jinsiġlek kuruna għas-smewwiet. Jien il-ftit tat-taħbit inħallsu bi ħlas ta’ dejjem; u l-ftit tal-mistħija f’did-dinja, bi glorja bla tarf.

 

3.      Taħseb int li l-ħlewwiet tas-sema għandhom jinżlu fuqek kulmeta trid int? Il-Qaddisin tiegħi, mhux dejjem, le, kien ikollhom dan il-hena; anzi dejjem kienu jkunu ttantati u mħabbtin, u f’baħar ta’ dwejjaq. Imma b’kollox kienu jieħdu paċenzja, u aktar kienu jirtabtu miegħi, milli jħobbu lilhom infushom; għax kienu jafu li t-tbatijiet tad-dinja xejn m’huma ħdejn il-glorja li bihom jistgħu jirbħu fis-smewwiet. Kif trid li int jkollok hekk malajr dawk il-grazzi, li lil bosta oħrajn ma tajthomlhomx ħlief wara tant biki u taħbit? Ixxennaq dejjem għal Alla, rabbi l-ħila u l-qawwa, la taqtax qalbek u minni la titbegħidx, anzi b’ġismek u ruħek aħdem għall-glorja t’Alla. Jiena nħallsek bil-bosta; jiena nkun miegħek fid-dwejjaq tiegħek.

 

KAP XXXVI

 

Xejn ma jgħodd li n-nies jaħsbu ħażin fuqna

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, orbot ruħek b’tama kbira f’Alla, u tibżax milli jaħsbu l-bnedmin fuqek meta l-kuxjenza tgħidlek li inti nadif u safi. Hu ġid u xorti kbira li jiġrilek hekk; u min hu ta’ qalb umli u jitma aktar f’Alla milli fih innifsu, xejn ma jaraha bi kbira. Bosta wħud għandhom ilsienhom twil; u għalhekk ftit huma ta’ min jemminhom. U ħaġa oħra: anqas jista’ jkun li togħġob lil kulħadd. Tarax: San Pawl, għalkemm kien ifittex li jogħġob lil kulħadd għall-imħabba t’Alla, ftit kien jimpurtah x’jaħsbu u x’igħidu fuqu n-nies.

 

2.      Għas-salvazzjoni u għall-ġid ta’ l-oħrajn għamel kemm sata’ u kemm felaħ; u b’dan kollu ma baqgħux ma qalgħux fuqu li riedu. Kien jerħi ruħu f’idejn Alla, li jaf kollox, u iddefenda ruħu bl-umilta u l-paċenzja mill-ilsna, mill-ilsna ta’ dawk li jaħsbu ħażin, li jħobbu jqassu, li jitilqu l-kliem kif jidhrilhom. Imma ġew ukoll waqtiet li hu ċanfarhom nies bħal dawn sabiex min moħħu ma jilħaqlux ma jimliex rasu b’dan il-kliem tagħhom.

 

3.      Int taf int x’int: għala tibża’ minn bniedem li għandu jmut! Illum ħaj, għada ma jsebbaħx. Ibża’ mn’Alla, u mill-bnedmin ma tibqax tibża’. X’jista’ jagħmillek dak il-bniedem bi kliemu u bit-tagħjir? Aktar jagħmel deni lilu nnifsu, inkella lilek; u jkun min ikun, ma jistax jaħrab mill-ħaqq t’Alla. Int żomm dejjem  ‘l Alla quddiem għajnejk u tislithiex mal-ġellieda. U jekk stess f’dil-ħajja tidher iċċekkint jew issofri xi mistħija li ma tkunx tisħoqqlok, la toħodhiex bi kbira, u la titlifx is-sabar tiegħek, ħalli ma ċċekkinx il-kuruna tiegħek. Għandek, iva, tħares Lejja fis-smewwiet, għax niksta’ neħilsek minn kull mistħija u minn kull tagħjir, u nħallas lil kulħadd skond egħmilu.

 

 

KAP XXXVII

 

Għandna nerħu ruħna f’idejn Alla, biex qalbna tkun maħlula minn kollox

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, insa lilek u ssib lili: Qis li għalik ikun kollox xorta waħda, la tirtabatx mal-ħwejjeġ tad-dinja, u tirbaħ dejjem. Hekk kif tagħlaq għajnejk għall-ħwejjeġ tad-dinja u tinsa lilek innifsek il-grazzja tiegħi tiżdied fik.

 

IR-RUĦ

 

2.      Sinjur, kemm-il darba, u f’liema ħwejjeġ għandi nerħi ruħi f’idejk u ninsa lili nnifsi?

 

ĠESU KRISTU

 

3.      Dejjem, u f’kull ħin; sew fil-ħwejjeġ żgħar u sew fil-kbar. Ma nħalli barra xejn; jien irrid insibek miftum minn kollox, għaliex inkella kif tista’ tkun tiegħi u jiena tiegħek, jekk int ma tinżax mill-volonta tiegħek minn  barra u minn ġewwa? Aktar ma dan iseħħ fik malajr, tant aħjar għalik; u aktar ma tiċħad lilek innifsek sewwa u bil-qalb, aktar tista’ togħġobni u aktar tista’ tirbaħ.

 

4.      X’uħud jerħu ruħhom f’idejn Alla, tabilħaqq; imma jżommu xi teftifa għalihom. Dawn issibhom dejjem jaħsbu fl-affarijiet tagħhom, għax ma jkollhomx vera tama f’Alla. Oħrajn ukoll l-ewwel joffru ruħhom għal kollox, imma mal-ewwel tentazzjoni li tiġihom jerġgħu għal li kienu; u dawn ftit jistgħu jgħaddu ‘l quddiem fil-virtu. Dawn ma jistgħu jkollhom qatt qalbhom maħlula, u anqas qatt ma jgawdu l-ħlewwa li ġġib il-grazzja tiegħi, meta tgħammar fil-qalb tal-bniedem. Hemm bżonn li jerħu ruħhom f’idejja għal kollox, u qabel xejn joffru ruħhom lili kuljum bħala vittma, għax inkella ma nistax, u la issa u la qatt, insir ħaġa waħda magħhom.

 

5.      Għidtlek bosta drabi u narġa’ ngħidulek: Erħi ruħek f’idejja, ħalli nieħu ħsiebek jien, u paċi kbira jkollok ġo qalbek. Agħti kollox għal kollox, la tirgħeb għal ebda ħaġa. La titlob xejn, irtabat miegħi għal kollox li xejn ma jkun jista’ jqanqlek; u jien inkun tiegħek. Qalbek tkun maħlula, u d-dlamijiet ma jqarrqux bik. Għal dan għandek tħabrek, dan itlob, u dan xtieq; sabiex, miftum mill-ġid tad-dinja, tista’ timxi wara Ġesu; sabiex tista’ tmut għalik innifsek u tgħix miegħi għala dejjem. Hemm jispiċċawlek il-ħsibijiet kollha li ma għandekx xi tridhom, dawk li jħawdulek u jkasbrulek moħħok, u l-ħsibijiet għall-ħwejjeġ tad-dinja. Hemm imutlek il-biża’ żejjed u miegħu l-imħabba żejda tiegħek innifsek.

 

KAP XXXVIII

 

Kif għandna nġibu ruħna tajjeb u fit-tiġrib infittxu ‘l Alla

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, hawn għandhom ikunu l-ħsibijiet tiegħek kollha, li kulfejn tkun, f’kulma tagħmel, f’kulma jgħaddi minn moħħok, int tkun maħlul minn kollox u għal kollox, b’rajk f’idejk, u ebda ħaġa ma tkun imjassar magħha, li tkun sid tal-egħmil tiegħek, u mhux xi lsir tal-passjonijiet tiegħek. Qis li ħadd u ebda ħaġa ma jkollha jedd fuqek, ħalli jkollok dik ix-xorti sabiħa li għandhom l-ulied t’Alla li ssibhom miftumin minn kollox; li jirfsu fuq din l-art, imma l-ħsibijiet tagħhom fis-sema; li l-ħwejjeġ ta’ din l-art iħarsu lejhom b’għajnhom ix-xellugija, u tas-sema bil-leminija; illi l-ħwejjeġ ta’  hawn ma jiġbduhomx biex iħobbuhom, anzi huma jiġbdu lilhom biex jinqdew bihom għall-fehmiet li għalihom ġew maħluqin mn’Alla li ma ħalaq xejn għal xejn.

 

2.      Jekk kulma jiġrilek ma tħarisx lejh skond ma jidher minn barra; jekk dak li tara jew li tisma; ma tifliħx bil-għajnejn tal-ġisem; imma f’kull ħaġa li jiġrilek tersaq minnufih bħal Mose, lejn it-tabernaklu u titlob id-dawl ‘l Alla u hemm tisma’ x’iwieġeb Hu, hemm titgħallem biżżejjed fuq bosta ħwejjeġ li tinsab fihom, u li għad jiġu fuqek. Infatti Mose, kemm-il darba kellu bżonn ta’ xi dawl u ta’ xi għajnuna, it-Tabernaklu fittex; u biex jeħles minn kull tiġrib mill-ħażen tal-bnedmin, fittex il-wetqa tiegħu fit-talb. Hekk ukoll int għandek fis-skiet ta’ qalbek, u titlob aktar bil-ħrara il-għajnuna t’Alla. U għalhekk kif naqraw fl-Iskrittura, Ġoswe,  u wlied Israel qarrqu bihom il-Gabaoniti, għax ma marrux minn qabel jaraw Alla x’jgħidilhom; u ġew imqarrqin mill-ħniena falza, billi mlew rashom bil-kliem ħelu ta’ l-għedewwa.

 

 

KAP XXXIX

 

Il-bniedem m’għandux ikun ilħih f’ebda ħaġa

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni f’kull ħaġa li jkollok, ħallini dejjem nagħmel jien; jien, tibżax, immexxi kollox għall-aħjar fil-waqt tiegħu. Ħallini nagħmel jien, imbagħad tara kif kollox ikun għall-ġid tiegħek.

 

IR-RUĦ

 

2.      Sinjur, jien bil-qalb kollha nitlaq ruħi f’idejk; għax jien naħseb kemm naħseb ftit nista’ insewwi għalija nnifsi. Eh, li kont tagħtini grazzja li ma nħabbatx moħħi wisq fuq li għad jista’ jiġrili, imma nerħi ruħi li jsir minn f’kollox kif jogħġob lilek.

 

ĠESU KRISTU

 

3.      Ibni, bosta drabi l-bniedem wisq jitħabat sa ma jaqla’ dak li jkun jixtieq; imma mbagħad, meta dil-ħaġa tkun tiegħu jibda jaraha xort’oħra; għaliex il-qalb tal-bniedem ma tistax iddum miġbuda żmien twil fejn ħaġa waħda; issibha illum tħobb ħaġa u għada oħra. Mela min jiċħad u jgħakkes lilu nnifsu, avolja fi ħwejjeġ żgħar, ma jkunx jagħmel ħaġa ta’ xejn.

 

4.      Il-vera perfezzjoni tal-bniedem hi din li jiċħad lilu nnifsu; u l-bniedem li jasal f’dan, ma għandu għax jibża’ minn xejn aktar.

Imma l-għadu l-antik, li jħobb ifixkel il-ħwejjeġ tajba kollha, ma jeħdux  jittanta; lejl u nhar idur u jonsob ix-xbiek, biex jara jistax iqarraq b’min hu b’għajnejh magħluqa, u jdaħħlu ġewwa x-xibka tiegħu. U għalhekk qal Alla: ‘’ Ishru u itolbu li ma taqgħux fit-tiġrib.’’

 

 

KAP XL

 

Il-bniedem ma għandu minnu nnifsu ebda ġid, u anqas ma jista’’ jiftaħar bl-ebda ħaġa

 

IR-RUĦ

 

1.      Sinjur, x’inhu l-bniedem, biex int tiftakar fih? Jew l-iben tal-bniedem, biex int iżżuru? X’sata’ ħaqqu l-bniedem biex tajtu l-grazzja tiegħek?              

Sinjur, u jien x’jedd għandi ngemgem, jekk inti tinsieni? Jew kif nista’ mmur nistaqsik għaliex ma tagħmilx li nitolbok? Anzi nista’ naħseb ġewwa fija u ma jkunx ifallili u ngħid: Sinjur, jiena m’jien xejn, jien ma nista’ xejn; minni nnifsi ma fini ebda ġid; anzi f’kollox għandi n-nieqes, u niġbed lejn ix-xejn.  U li ma kienx għax tgħinni int, u f’qalbi tagħtini d-dawl, kieku nibred għal kollox u nsir bla kont.

 

2.      Imma int, Sinjur, dejjem int l-istess u tibqa’ għal dejjem tajjeb, sewwa u qaddis; tibqa’ tagħmel u tqassam kollox bit-tjieba, bis-sewwa, bil-qdusija u bil-għerf. Imma jien, li aktar jien miġbud għall-imgħaweġ milli għas-sewwa, qatt ma nżomm żmien twil f’ħaġa waħda, għaliex seba’ żminijiet jew seba’ tibdiliet igħaddu minn fuqi. U għalhekk wisq aħjar ikun għalija meta jogħġbok tmidd idejk fuqi tgħinni; għax int waħdek hu li ma għandekx bżonn ta’ ħaddieħor biex tgħinni u twettaqni; b’mod illi wiċċi ma jinbidilx iżjed, u qalbi tingħata lilek waħdek u fik tistrieħ.

 

3.      Mela li kelli tabilħaqq il-ħila ma nagħtix kont iżjed tal-hena li qatt jista’ jagħtini bniedem ieħor, jew biex naqla’ l-virtu tad-devozzjoni, jew inkella għax inħoss x’iġagħalni nfittex lilek (għax ebda bniedem ma jista’ jhennili sewwa lil qalbi), kieku nista’ nittama fil-grazzja tiegħek, u nifraħ bil-ħlewwa  li tkun sawwabt ġewwa fija.

 

4.      Niżżikħajr, Sinjur, għax minn għandek nafu kemm-il ġid jiġrili. Jiena ħdejk m’jiniex ħlief frugħa u xejn, bniedem li ndur ma’ kull riħ u ta’ ħila wisq ċkejkna. Biex mela nista’ nitkabbar, jew għaliex irrid li nkun imsemmi? Bix-xejn? Frugħa kbira tkun din tiegħi. Anzi ngħid iżjed glorja belgħa bħal din, hi pesta u ntiena, frugħa l-aktar kbira; għaliex tbegħidna mill-vera glorja, u nżajna mill-grazzja tas-smewwiet.

Dment li l-bniedem jagħti gost lilu nnifsu, ma jistax jogħġob lilek; dment li jintefaħ

bit-tifħir tal-bniedem, tkun qed jinfatam mill-veri virtujiet.

 

5.      Il-vera glorja, il-ferħ imqaddes, hu dan, li l-bniedem jiftaħar bik u le  bih innifsu; li jifrah bl-isem tiegħek, mhux bil-virtu tiegħu; u li ma jitgħaxxaqx f’ebda kreatura, ħlif imħabba fik. Ħalli jkun imfaħħar ismek, mhux ismi; ħalli jitfaħħru l-opri tiegħek, u mhux tiegħi; ħalli jkun imbierek l-isem imqaddes tiegħek, u lili ma għandu x’iridni ebda xejn it-tifħir tan-nies. Int biss il-glorja tiegħi, int il-ferħ ta’ qalbi. Bik nitkabbar u bik nifraħ ħajti kollha; mingħalija ma nfaħħarx fija nnifsi ħlief il-miżerji tiegħi.

 

6.      Il-glorja li jista’ jagħti bniedem lil ieħor, ħalli jfittxuh bejniethom dawk li jriduha; jiena nixtieq dik il-glorja li Alla biss jista’ jagħtiha. Il-glorja tal-bnedmin, l-unuri ta’ hawn, il-għoli tad-dinja, dawn meta nxebbaħhom mal-glorja tiegħek ta’ dejjem insib li m’humiex ħlief frugħa u bluha.

O verita tiegħi u ħniena tiegħi, Alla tiegħi. Trinita mbierka! Lilek biss jingħata tifħir, ġieh, qawwa u sebh għal dejjem ta’ dejjem.

 

KAP XLI

 

Għandna nixħtu taħt riġlejna l-unuri ta’ did-dinja

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, xejn la tagħti jekk tara li d-dinja lilek iżżebilħek ‘l isfel. Arfa’ qalbek lejja fis-smewwiet, u xejn ma tibqa’ taraha bi kbira li l-bnedmin fid-dinja  jżebilħuk.

 

2.      Sinjur, aħna fil-għama, u ftit irridu biex il-frugħa tqarraq bina. Jekk niżen bil-miżien tas-sewwa lili nnifsi, jaħtieġli ngħid li ebda ħadd ma għamilli qatt deni, li għalih nista’ bir-raġun nilminta minnek. Anzi billi dnibt bosta u dnibt ikreh kontra tiegħek, imissni li l-kreaturi  jduru kollha kontra tiegħi. Mela lili jmissni li bil-qalb li jmaqdruni u jzebilħuni, u lilek tifħir, ġieh u sebh. U jekk jien ma nħejjix ruħi nsofri bil-qalb li nkun imżeblaħ u mitluq minn kulħadd, li nkun meqjus bħala xejn, ma nkun nista’ qatt ikolli l-paċi tal-qalb u l-wetqa, fija ma nistax ikolli d-dawl tiegħek tar-ruħ, anqas nista’ ningħaqad miegħek għal kollox.

KAP XLII

 

Il-paċi ta’ qalbna mhux fuq il-bnedmin għandna nibnuha

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, jekk trid issib il-paċi tiegħek f’xi bniedem bħalek, għax issibu jogħġbok, jew għaliex tħobb toqgħod miegħu, int ma tkun sod f’xejn u ssib ruħek imħawwad; imma jekk tfittex lill-Verita dejjem ħajja u li qatt ma tispiċċa, tara kif, sew jekk imutlek ħabib, u sew jitilqek, qalbek ma teħodhiex bi kbira żejjed.

Int għandek tħobb fija u minħabba fija lill-ħabib tiegħek, u wkoll kemm-il ħaġa tidhirlek tajba, jew li hi għażiża għandek f’dil-ħajja. Kull ħbiberija, jekk ma tkunx marbuta miegħi, u la tiswa xejn, anqas iddum żmien twil; u l-imħabba li ma tkunx imgħaqqda bija m’hix safja jew qawwija. L-imħabba ta’ ħbiebek trid tqisha bħal imbiegħda minn qalbek, u trid tixtieq tista’ tgħix mingħajr il-hena tagħhom, safejn jiġi minnek, biex ma ssibx ruħek imfixkel fl-imħabba t’Alla. Aktar ma bniedem jaħrab mill-hena li tagħti d-dinja, aktar jersaq lejn Alla. U aktar ma jniżżel ‘l isfel lilu nnifsu u jżomm ruħu bi ċkejken, aktar jogħla quddiem Alla.

 

2.      Min imbagħad, xi ġid ċkejken li jkollu, jifhem li jkun ġej minnu, ma jħallihiex tinżel fih il-grazzja t’Alla; għaliex il-grazzja ta’ l-Ispirtu Santu dejjem tfittex qalb umli. Li kellek ħila ċċekken lilek innifsek, sa tasal fix-xejn, u tinfatam mill-imħabba tal-ħwejjeġ kollha maħluqa, kieku tara kif inxerred fuqek il-kotra tal-grazzja tiegħi. Meta tmur b’moħħok fil-kreaturi, ma tistax tibqa’ tara aktar lil min ħalaqhom.

Jekk tilħaq tidra trażżan lilekinnifsek f’kull ħaġa minħabba fil-kreatur tiegħek, int tkun tista’ tagħraf lili. Ħaġa tkun ċkejkna kemm tkun, jekk int tħobbha u tħares lejha mhux kif imiss, tbiegħdek mill-ogħla ġid, li hu jien, u tħassarlek qalbek.

 

KAP XLIII

 

Il-Għerf  ta’ did-dinja kollu frugħa

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, xejn timla rasek bi kliem sabiħ u għaref tal-bniedem. Kun af li s-saltna t’Alla m’hijiex fill-kliem, imma fil-qdusija. Kun b’widnejk miftuħa għall-kliem tiegħi, li jixgħel il-qalb u jagħti d-dawl lill-moħħ; li jnissel l-indiema, u ħlewwa kbira jġiblek. Qatt ma għandek taqra ktieb b’xi fehma li toħroġ aktar ta’ għaref u ta’ bil-għaqal milli kont. Qis li tmewwet fik id-drawwiet ħżiena; dan aktar jiswielek milli kieku ssir tagħraf bosta ħwejjeġ tal-għerf.

 

2.      Inqisu li inti taqra u ssir taf bosta ħwejjeġ; dan kollu xejn ma jgħodd, għax jaħtieġlek dejjem tfittex f’ras il-għajn. Jiena hu li ngħallem il-għerf lill-bnedmin, u lit-trabi nagħtihom dehen akbar milli bniedem jista’ jgħallem. Dik ir-ruħ, li jien nitkellem magħha, malajr joktor fija l-għerf u wisq tiżdied fiha l-qdusija.

Ħażin jaħbtu dawk li jseksku

U jridu jitkixxfu ħafna ħwejjeġ, u ftit li xejn iqisu li jitgħallmu kif iservuni! Għad jiġi żmien, iva, li jidher l-Imgħallem ta’ l-imgħallmin, Kristu, Sid l-Anġli, biex jisma’ l-lezzjoni ta’ kulħadd, jiġifieri biex jgħarbel lil kull wieħed. Dak in-nhar Ġerusalemm tinfela tajjeb b’dawl il-musbieħ, u dak li hu moħbi fid-dlamijiet jiġi mxandar u lsien in-nies jiskot.

 

3.      Jien hu li f’qasir żmien ingħolli ‘l fuq il-moħħ umli, li b’hekk isir jifhem veritajiet eterni aktar milli kieku jdum iħabbat rasu għaxar snin fl-iskejjel. Fejn ingħallem jien, u la jinstama’ agħjat ta’ kliem u la fehmiet ma jaqblux, u la pika, anqas ġlied ta’ min jirbaħ lil sieħbu. Jiena hu li ngħallmek tagħlaq għajnejk għal ħwejjeġ ta’ l-art; tistmerr dil-ħajja; tixtieq il-ġid etern; titgħaxxaq bil-ħwejjeġ ta’ dejjem; taħrab l-unuri; tieħu paċenzja bi lsien in-nies; tqiegħed it-tama tiegħek kollha fija; ma tixtieq xejn ħlief lili; u tinxegħel għalija bl-imħabba fuq kollox.

 

4.      Għax kien hemm xi ħadd li ħabbni sa fejn tista’ tilħaq imħabba ta’ bniedem, u jien għallimtu wisq ħwejjeġ għoljin, u għerf tal-għaġeb stama’ minn fommu. Aktar tgħallem billi rema kollox wara spallejh jew billi tgħallem mill-għerf.

Jien lil x’uħud nitħaddet magħhom kif nitħaddet ma’ kulħadd, u lil x’uħud, għalihom waħidhom; lil x’uħud nidhrilhom mill-bogħod bħala sinjal jew eżempju, imma lil oħrajn nurihom il-misterji tiegħi b’dija l-aktar kbira. Il-kotba dejjem jitkellmu xorta waħda; imma mhux lil kulħadd igħallmu xorta waħda; għaliex jiena hu li ngħallem il-verita, li nissonda, l-qlub, li nifhem il-ħsiebijiet, li nnebbeh ir-ruħ bl-egħmil it-tajjeb, u li nagħti lil kulħadd skond ma jidhirli jistħoqqlu.

 

 

KAP XLIV

 

Ma għandniex niregħbu għall-ħwejjeġ tad-dinja

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, f’bosta jaħtieġlek tqis li ma tarax, u tagħmel ruħek b’mejjet fuq din l-art, bħalikieku mingħalik id-dinja msallba u mejta. Jaħtieġlek ukoll tkun għal bosta ħwejjeġ, taħseb aktarx x’inhu li jista’ jagħtik il-paċi. Aħjar iddawwar għajnejk minn fuq xi ħaġa li ma togħġobx, u tħalli lil kulħadd bil-fehma tiegħu, milli toqgħod tagħti ruħek għat-tmerija u l-ġlied. Jekk tkun sewwa m’Alla, u dejjem tiftakar li hu għad irid igħarblek, ma teħodhiex bi kbira li titlaqhom jirbħuk.

 

 

IR-RUĦ

 

2.      O Sinjur, fiex wasalna? Nibku ħsara ta’ did-dinja, għal ftit qligħ nitħabtu u niġġerew, imbagħad il-ħsara ta’ ruħna ninsewha għal kollox, u jekk naħsbu fuqha fl-aħħar ta’ ħajjitna. Ħsiebna fi ħwejjeġ li ftit jew xejn jistgħu jiswewlna, biex dawk li jaħtieġu fuq kollox inħalluhom fil-ġenb bħalikieku xejn. Dan hu l-bniedem; jagħti ruħu għal kollox, għall-ħwejjeġ tad-dinja, u jekk ma jiftaħx għajnejh minnufiħ jibqa’ marbut magħhom għal dejjem.

  

KAP XLV

 

Mhux lil kulħadd jaħtiġilna nemmnuh, u kemm ma trid xejn biex tonqos bil-kliem

 

IR-RUĦ

 

1.      Idħol għalija, Sinjur, fil-hemm tiegħi għaliex il-għajnuna tal-bniedem  m’hix ħlief frugħa. Kemm drabi, lil min kont nifhem li hu fidil ma ħadt xejn minnu! U kemm drabi, min ma kelli ebda tama fih, qabeż għalija! Mela ibleh hu min jitma fil-bnedmin, waqt li t-tajbin, minnek, o Alla, jistennew il-ħniena. – Tkun imbierek, Sinjur Alla tiegħi, f’kulma jiġrilna. Il-ħila tagħna hi ċkejkna wisq, u fit-tjieba ftit inżommu; u għalhekk b’xejn nitqarrqu u ma’ kull riħ induru.

 

2.      Liema hu dak il-bniedem li għandu ħila joqgħod b’għajnejh tant miftuħa fuqu nnifsu, li darba jew oħra ma jsibx ruħu mqarraq jew f’xi dieqa? Imma min jitma fik, o Sinjur, u jfittxek b’qalb safja u nadifa, ma jaqax tant malajr; u jekk  stess jiġi xi salib fuqu, ikun tqil kemm ikun, int minnufih teħilsu, jew tagħtiħ is-sabar tiegħek, għax int ma tafx titlaq lil min jitma fik sal-aħħar. Ħabib li jibqa’ fidil mal-ħabib tiegħu f’kulma jiġrilu, hu ħaġa wisq fil-bgħid. Int, Sinjur, int waħdek fidil f’kollox, u barra minnek ma jingħatax ieħor.

 

3.      Oh, kemm kellha għaqal dik ir-ruħ qaddisa li qalet: ‘’Ir-ruħ tiegħi  ngħaqdet u twettqet f’Ġesu Kristu.’’ Eh li kont hekk jien ukoll, kieku ma tantx qalbi ttaqtaq bil-biża’ tal-bnedmin, u anqas it-taqsis tan-nies ma tantx jagħmel bija. Min hu dak li jista’ jara d-deni li jista’ jiġi fuqu, u jiskansa ruħu minnu? Jekk id-deni li nkunu lmaħnieh ġej fuqna minn qabel, bosta drabi ma neħilsux minnu, kif ma jhemmniex bl-aħrax id-deni li xejn ma nkunu bsarna bih? Imma għala, msejken li jien, ma ħadtx  aktar ħsieb tiegħi nnifsi? U għala emmint, mort tibla’ l-kliem tan-nies? Imma bnedmin aħna, u xi bnedmin – li b’xejn nirtebħu, avolja bosta wħud iżommuna b’tajbin u jsejħulna anġli.

Lil min nemmen, Sinjur, ħlief lilek? Inti Verita li ma tqarraqx u ma tistax tqarraq. Inżid ingħid: kull bniedem hu giddieb; ħiltu ċkejkna; fehemtu fjakka; fl-anqas ħaġa jiżloq, l-aktar fil-kliem, ara kemm li jekk stess is-sewwa jidher pinġut fuq wiċċu, bil-kemm il-kemm għandna nemmnuħ.

 

4.      Kemm għamilt sewwa, Sinjur, meta wissejtna li ma nafdawx fil-bnedmin, li l-egħdewwa tal-bniedem huma fih innifsu, u anqas ma għandna nemmnu ‘l min jiġi jgħidilna; ‘’Kos, arah hawn , jew arah hemm.’’ – tgħallimt spejjeż tiegħi; imma ħalli, bosta jservi biex aktar niftaħ għajnejja, u ma narġax għall-għama li kont fih. La titkellimx (igħidli xi ħadd). Kun fommok sieket, ara turih lil xi ħadd dak li għidtlek! Frattant jien inħit ħalqi, għalija kollox midfun, imbagħad hu jitlaq ilsienu, jibda jxandar ma’ kullimkien dak li kien qalli ma nurix; iqarraq bih u bija, u jħallini.

Minn bnedmin bħal dawn minn kliem bħal dan eħlisni, Mulejja, tini grazzja li ma niltaqax magħhom, li ma jiġrili qatt hekk lili wkoll. Tini grazzja li lsieni ma jgħidx ħlief is-sewwa, li ma jaqbilx il-kliem: il-kliem b’żewġt uċuh biegħdu minni. Jien imbagħad, li ma rridx insib ruħi fih, għandi nħares ruħi minnu b’għajnejja miftuħa.

 

5.      Kemm kont ingħix bil-kwiet, kemm kien ikun aħjar għalija, li fuq in-nies ma nitħadditx; li ma mmurx ngħidha lil min insib quddiemi, li ma niftaħx qalbi ma’ kulħadd, li dejjem inqis li int taqrali qalbi, li ma nbiddilx fehemti ma’ kull kliem li nisma’, u li nixtieq li fija jsir dejjem kif int trid, sew minn ġewwa u sew minn barra!

Sabiex il-grazzja tas-sema tibqa’ tgħammar fina, jaħtieġ li aħna ma nifittxux nuru ruħna u niskansaw minn kull ħaġa li biha nistgħu nagħtu wisq fil-għajnejn, u fil-ħin inħabirku b’ħilitna kollha għal dawk il-ħwejjeġ li jistgħu ibiddlulna ħajjitna u jnisslu fina d-devozzjoni.

Kemm deni kien għal bosta nies, li t-tjieba tagħhom ġiet magħrufa u mfaħħra qabel il-waqt. U kemm swielhom lil oħrajn li żammew il-grazzja u t-tjieba tagħhom moħbija f’din il-ħajja ta’ tfixkil, li tinsieh tentazzjoni u gwerra mill-bidu sal-aħħar tagħha!

 

 

KAP XLVI

 

Meta iqumu għalina l-ilsna l-ħżiena, għandha t-tama tagħna tkun f’Alla

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, kun qawwi u itma fija; x’inhu l-kliem ħlief kliem? Itir mar-riħ, imma lill-ġebel xejn ma jagħmilllu. Jekk għandek id-dnub, arak if tagħmel fittex biddel ħajtek; imma jekk ma tafx li għandek ebda ħtija, ftakar, ftakar li l-kliem tan-nies għandek tissaportih bil-qalb it-tajba għall-imħabba t’Alla.

Ħaġa żgħira li tieħu paċenzja bil-kliem, la darba ma għandekx ħila toqgħod għas-swat. U għaliex ħwejjeġ hekk żgħar jagħmlu tant bik, ħlief għax għadek marbut mad-dinja, u għax timla rasek aktar milli jmissek billi jgħidu l-bnedmin? Int taraha bi kbira u ma tridx tkun miżmum ħażin man-nies, u għalhekk ma tħobbx min iwiddbek min-nuqqas tiegħek u tfittex dejjem tistkenn wara sebgħek.

 

2.      Imma agħti daqqa ta’ għajn sewwa lejk innifsek, u għandek issib li għadha ħajja fik id-dinja u l-imħabba belha li togħġob lin-nies. La darba għadek taraha bi kbira meta jsemmulek fuq in-nuqqas tiegħek, jiġifieri m’intix tabilħaqq umli, u li ma mittx sewwa għad-dinja; li d-dinja għadek miġbud lejha. Imma isma’ l-kliem tiegħi; imbagħad ma jkunx jimpurtak minn għaxart elef diskors tan-nies. Arax infatti; b’kemm-il lsien in-nies taqla’ fuqek, x’deni jista’ jagħmillek, jekk terħilu jgħaddi mar-riħ, u ma tqisux? Jista’ b’daqshekk jaqlagħlek xagħra waħda minn rasek?

 

 

3.      Min ma jżommx qalbu miġbura ġewwa fih, u ma jżommx ‘l Alla quddiem għajnejh, b’kelma li jgħidu fuqu n-nies, jintilef. Iżda  min jitma fija, u ma jixtieqx li jgħix skond il-fehma ta moħħu, ma jħabbattx rasu fuq li jgħidu n-nies. Għax jien hu li nagħraf u nagħmel ħaqq ta’ kulma hu moħbi; jien naf kif saret it-tali ħaġa; jien naf min hu dak li għajar u min hu l-imgħajar. Minn fommi ħarġet dik il-kelma, għax bis-sensja tiegħi ħarġet dik il-ħaġa; ħalli jiġu magħrufa l-ħsibijiet ta’ bosta qlub. Jien għad nagħmel ħaqq mill-ħati u minn min m’hux; imma qabel xejn nagħmel

dan, jogħġobni nġarrab lill-wieħed u lill-ieħor.

 

4.      Ix-xhieda tal-bnedmin bosta drabi tqarraq; il-ħaqq tiegħi hu minnu, u jibqa’ dejjem li hu, bla xejn ma jista’ jbiddlu. Minn xi drabi ma jiġix magħruf, jew f’xi ħwejjeġ jagħarfuh x’uħud biss; imma qatt ma jiżbalja u anqas jista’ jiżbalja, avolja f’għajnejn il-boloh ma jidhrilhomx li sewwa. Mela, kulmeta d-dinja taħseb ħażin fuqek, fittex lili, u xejn la toqgħod għal li jgħidlek moħħok. – Min hu tajjeb xejn le ma jitħawwad, meta Alla jħalli li tiġrilu xi ħaġa: u jekk fuqu jingħad xi kliem b’ieħor, ma tantx jeħodha bi kbira. Imma mbagħad anqas għandu għax jifrah żejjed jekk in-nies iżżomm miegħu. Iġib quddiem għajnejh li jien naf x’hemm fil-moħħ; u li jien ma niqafx f’dak li jaraw in-nies. Għaliex tarax; ħaġa li fil-fehema tan-nies hi ta’ min ifaħħarha, bosta drabi għajnejja jsibu fiha xi ħtija.

 

IR-RUĦ

 

5.      Sinjur Alla, imħallef tas-sewwa, kollok qawwa u sabar, li taf il-bniedem kemm hu ta’ ħila ċkejkna, u kemm hu miġbud għall-ħażen; kun int il-qawwa tiegħi u t-tama tiegħi f’kollox; għaliex mingħalija xejn ma ninqala’! Int taf dak li ma nafx jien; u għalhekk, kulmeta jħammruli wiċċi jmissni mniżżel rasi u ruħi u nieħu kollox bil-paċenzja. Aħfirli, Sinjur kollok ħniena, ta’ kemm-il darba ma ġibtx ruħi hekk; u darb’oħra tini l-grazzja li nirbaħ lili nnifsi. Aktar tiswieli, biex naqla’ l-maħfra, il-ħniena kbira tiegħek, mit-tjieba kollha li naħseb li għandi, biex ingħatti u naħbi lili nnifsi ingħid li jien safi: għax li ma kinitx il-ħniena tiegħek, ebda bniedem ma jista’ jgħaddiha ħafif quddiem il-għajnejn tiegħek.

 

KAP XLVII

 

Biex naqilgħu l-ħajja l-ħajja ta’ dejjem jaħtiġilna nerfgħu s-salib

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, ma għandhomx igħajjuk it-tbatijiet kollha li sofrejt għalija, u anqas jaqtgħulek qalbek id-dwejjaq; ftakar fil-kelma li tajtek li għandha twettqek u tagħtik is-sabar f’kulma ssib ruħek fih. Jiena għandi biżżejjed mnejn inħallsek u wisq aktar minn kemm ħaqqek.

Inti mhux għal dejjem, le, għandek tibqa’ imħabbat u mnikket. Ħu paċenzja ftit ieħor, u tara kif malajr jispiċċa l-hemm tiegħek kollu. Għad tiġi siegħa li jispiċċaw għalik it-taħbit u t-tbatija. Dak kollu hu ħaġa ta’ xejn.

 

2.      Agħmel dak li għandek tagħmel, aħdem ta’ fidil fil-qasam tiegħi; jien inkun il-ħlas tiegħek. Ikteb, aqra, kanta, olfoq, oqgħod sieket, itlob, issaporti bil-qawwa l-għawġ kollu; il-ħajja eterna hi ta; min jikkumbatti għaliha b’kull mod u kontra l-aqwa egħdewwa.

Ġurnata, li Alla jaf meta hi, għad

tiġik il-paċi; u dik il-ġurnata ma jkunx fiha nhar u lejl kif issa, imma jkun dawl għal dejjem, dija bla tarf, paċi ta’ dejjem, u mistrieħ li ma jistax jintilef. Hemm ma tibqax tgħid: ‘’Min jeħlisni minn dal-ġisem li l-mewt għandha l-jedd fuqu?’’ U anqas tibqa’ titniehed: ‘’Eh, jaħasra kemm sa jitwal dat-turufnament tiegħi?’’ Il-mewt tinqered fl-abbissi, u għat-tajjeb ikun hemm thennija għala dejjem xorta waħda, bla ebda niket, bla taqtiq ta’ qalb, u tgawdija bla mrar, bi ħbiberija l-aktar ħelwa u sabiħa mal-Qaddisin.

 

3.      Eh, li kont tista’ tara l-kuruni eterni li għandhom il-Qaddisin fis-sema; u li kont biss tista’ taf f’liema glorja jinsabu dawk li fid-dinja ma kellhomx ħlief żeblih, li kemm kemm in-nies kienu jriduhom ma’ dwarhom. Kieku minnufih tumilja ruħek sal-art, u aktar tagħżel lit kun ilsir ta’ kulħadd, milli tkun tikkmanda fuq wieħed biss. Kieku ma tixtieqx li tgħaddi ħajtek fit-tgawdija; anzi li tarak tbati f’ġieh Alla; u ma tarax ġid akbar milli tkun miżmum bħala xejn mill-bnedmin.

 

4.      Ah, li kont tilħaq tifhem dan kollu: li kien jidħollok sewwa ġo qalbek! Kont kieku tilmenta mqar darba biss? U għall-ħajja eterna mhux kull tbatija għandu wieħed isofri? Jaqaw hi ħaġa żgħira li wieħed jitlef jew jirbaħ is-saltna t’Alla? Arfa’ mela għajnejk lejn is-sema. Hemm issib lili, u miegħi l-qaddisin kollha tiegħi. Ħajjithom ma kinetx ħlief battalja waħda l-aktar kiefra; imma issa huma qegħdin igawdu kull xorta ta’ thennija, u qegħdin fil-mistrieħ tas-saltna ta’ Missieri.

 

 

KAP XLVIII

 

Fuq il-jum ta’ dejjem u n-niket ta’ dil-ħajja

 

IR-RUĦ

 

1.      O hena ta’ min igħammar fil-Belt tas-smewwiet! O jum ta’ Eternita, kollok dija! Int ebda lejl ma jdallmek, imma l-Verita eterna dejjem tiddi fuqek; jum dejjem ħieni, jum li xejn ma jista’ jtellfek, u li qatt ma jitbiddel.

Oh, li kien fl-aħħar jiddi dan il-jum, u li kienu jispiċċaw għalijal-ħwejjeġ kollha ta’ did-dinja! Dal-jum jiddi b’dija li qatt ma tehda fuq il-Qaddisin; imma aħna li għadna fuq din l-art, ma nilmħuħx ħlief mill-bgħid; u bħalikieku minn bejn żġieġa.

 

2.      L-anġli u l-Qaddisin jafu jgħidu x’hena fih dak il-jum, u wlied Eva jibku u jolfqu l-imrar ta’ dil-ħajja. Il-ġranet ta’ dil-ħajja huma qsar, mimlijin b’kull gwaj, għali u mizerji; u fihom id-dnubiet ikasbru ruħ il-bniedem, il-passjonijiet idejquh, il-biża’ jħabbtu, il-ħsibijiet jgħajjulu moħħu, il-kurżita xxiegħlu, il-frugħa tgħabbih, id-dlam jagħmih, it-taħbit ikissru, it-tentazjonijiet igħajjuh, it-tpaxxija tħallih bla ħila ta’ xejn, u l-faqar igħakksu.

 

3.      Meta, meta jispiċċaw dal-gwajjijiet kollha? Meta neħles mill-jasar ikreh tad-dnub? Meta, Sinjur, inkun nista’ ma naħsibx ħlief fik? Meta nista’ nithenna bik sewwa? Meta inkun maħlul għal kollox u bla xkiel ta’ xejn f’ruħi u ġismi? Meta nista’ ngawdi l-paċi soda, bla taħwid u bla biża’, paċi minn ġewwa u minn barra, paċi sħiħa minn kullimkien?

O Ġesu kollok tjieba, meta jkunu jistgħu għajnejja jithennew bik għal dejjem? Meta nista’ nitgħaxxaq bis-sebh tas-saltna tiegħek? Meta f’kull ħaġa inti tkun għalija kollox? Meta nkun miegħek fis-saltna tiegħek li inti ħejjejt għall-maħbubin, tiegħek sa minn dejjem? Inħossni fqir u turufnat f’art l-egħdewwa, u fiha ma nsibx ħlief gwerer kuljum u deni bla tarf.

 

4.      F’dan wied id-dmugħ ibgħatli int xi ħlewwa, dewwili n-niket tiegħi; ma nixtieqx ħlief lilek, ma nitnehidx ħlief għalik. Dak kollu li d-dinja ġġib quddiemi biex thennini, ma nsibux ħlief toqol. Nixtieq bi ħrara kbira li nħaddnek miegħI; imma nara li ma nistax  nilħqek. Kieku rrid nirtabat biss mal-ħwejjeġ tas-sema; imma jerġgħu jiġbduni ‘l isfel il-ħwejjeġ tad-dinja u l-passjonijiet ilħaħ. Ruħi trid kieku ttir ‘il fuq mid-dinja; imma ġismi jarġa’ kontra qalbi, jassarni għal kollox. U hekk, imħabbat dejjem, jaħtieġli neħodha miegħi nnifsi; sirt niddejjaq minni nnifsi, għax ruħi ttellagħni ‘l fuq u ġismi jniżżilni ‘l isfel bit-toqol tiegħu.

 

5.      Oh kemm inbati u x’nara, meta fit-talb tiegħi nkun naħseb fi ħwejjeġ tas-sema, u l-ħsibijiet tad-dinja jiġu qatta quddiem moħħi? Imma int, o Alla tiegħi, la titbegħidx minni, u la titwarrabx mis-serv tiegħek fil-qilla tiegħek; ibgħat il-leħħa tad-dija tiegħek, u keċċi dawn il-ħsibijiet kollha qarrieqa; waddab il-vleġeġ u jgħibu ix-xbihat kollha li jġibli quddiemi l-għadu tiegħi. Iġborli fik is-sensi tiegħi kollha; tini grazzja li ninsa d-dinja, u li bla reqqa ta’ qalb nixħet wara spallejja anzi taħt riġlejja t-tifkira tal-ħwejjeġ ta’ l-art.

Għinni int, o Verita eterna,sabiex ebda frugħa ma tagħmel bija. Kun miegħi, o ħlewwa tas-smewwiet, u ħarrab minn quddiemek kull ħaġa li m’hix safja. Aħfirli, u jkollok ħniena minni, ta’ kemm-il darba fit-talb tiegħi ħsibt fi ħwejjeġ oħra li m’humiex int. Iva, nistqarr minn qalbi, li moħħi hu dejjem imxerred ‘l hawn u ‘l hemm. Infatti bosta drabi, m’jiniex fejn ninsab b’ġismi, aktarx inkun fejn inħalli jeħduni l-ħsibijiet tiegħi. Fejn ikun moħħi ninsab jien; u moħħi jkun fejn tkun il-ħaġa li nħobb. Ħaġa li togħġobni minnha nfisha, jew inkun imdorri biha, f’dik l-ewwel ma jmur moħħi.

 

6.      U dan u li lilek, o Verita eterna, ġagħlek tgħid biċ-ċar:’’Fejn ikun it-teżor tiegħek, hemm ukoll tkun qalbek.’’ Jekk jiena nħobb is-sema, jekk inħobb id-dinja, nithenna bil-pjaċiri tad-dinja, u nistmerr l-imrar tagħha. Jekk inħobb il-ġisem, ma nġibx quddiem għajnejja ħlief il-pjaċiri tal-ġisem; jekk inħobb lil ruħi, il-pjaċir li naħseb biss fil-ħwejjeġ tar-ruħ; għax jien inħobb nitħaddet u nisma; ‘l min jitħaddet fuq dawk il-ħwejjeġ li magħhom qalbi tkun marbuta; u ħsibijiet bħal dawn dejjem moħħi mimli bihom.

Imbierek imma hu dak il-bniedem li minħabba fik, o Sinjur, jitlaq il-ħwejjeġ kollha maħluqa, li dejjem iċaħħad lilu nnifsu u għall-imħabba tiegħek igħakkes il-ġibdiet il-ħżiena tal-ġisem, sabiex b’ruħ safja t-talb tiegħu jitla’ kollu ħeġġa sa quddiemek; u hekk, wara li jkun ħeles minn barra u minn ġewwa mill-ħwejjeġ kollha ta’ din l-art, għad jistħoqqlu li jidħol mal-kori ta’ l-anġli iegħek ifaħħrek għal dejjem.

 

KAP XLIX

 

Fuq ix-xewqa tal-ħajja eterna, u fuq il-glorja li hi mwiegħda lil min iħabrek għaliha

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, meta tħoss li niżlet fik mill-għoli tas-sema x-xewqa tat-tgawdija eterna, u tixtieq li ruħek toħroġ minn dal-ġisem tat-trab, ħalli tista’ titgħaxxaq bid-dija tiegħi mingħajr dell u anqas tibdil, wassa’ aktar qalbek, u bix-xewqat tiegħek kollha ilqa’ dan ir-raġġ imqaddes.Irringrazzjah b’kemm ittik qabek lill-Ġid bla tarf, li għoġbu jagħtik dil-grazzja, iżurek b’tant imħabba, jixgħellek qalbek b’tant ħrara, iwieżnek b’tant qawwa kbira, ħalli t-toqol tiegħek ma jkarkrekx lejn l-art. U la tmurx b’rasek li dan ġralek minn jeddek jew bil-ħidma ta’ moħħok, imma għax hekk għoġob lill-ħniena tiegħi, u għax jien ħaristek ħalli int tkattar fil-virtu u fl-umilta, biex tħejji ruħek għall-kumbatt li ġej, ħalli bil-wetqa kollha ta’ qalbek tirtabat miegħi, u tfittex li sservini bi ħrara l-aktar mixgħula.

 

2.      Ibni, iva, bosta drabi n-nar iħeġġeġ; imma l-vampa ma tlebibx ‘il fuq mingħajr duħħan. Hekk ukoll ix-xewqat ta’ x’uħud huma mħeġġa għall-ħwejjeġ tas-sema u frattant it-tentazzjonijiet tal-ġisem ma jħalluhomx kwieti għal kollox: għalhekk mhux kulma jitolbu b’xewqa kbira, jagħmluh biss għall-glorja t’Alla. Hekk huma spiss ix-xewqat tiegħek, li għalik kienu tant insistenti; għax ħaġa li fiha tindaħal l-imħabba tiegħek innifsek ma tistax tkun bla tebgħa u tajba minn kollox.

 

3.      Itlob mhux dak li jagħti gost lilek u ma jkiddekx, imma dak li jista’

jogħġob lili u jagħtini ġieh, għax jekk tara sewwa l-ħwejjeġ, ir-raj tiegħek u dak kollu li tista’ tixtieq, għandek iġġennbu biex timxi kif nikkmanda jien.

Ix-xewqat tiegħek għarafthom jien, u l-ilfiq tiegħek ta’ sikwit smajtu. Li kien mingħalik kieku ġa tinsab fil-glorja ta’ wlied Alla; kieku ġa qiegħed tgawdi l-agħmara eterna, il-ġmiel  tal-ġenna mimlija b’kull thennina; imma għadha ma wasletx din is-siegħa, għadu  għalik żmien ieħor, żmien ta’ gwerra, tat-tbatija u t-tiġrib. Iżjed: inti tixtieq li tkun mimli bil-ġid fuq kull ġid ieħor. Imma dan ma jistax ikunlek f’did-dinja. ‘’ Jien hu dan il-ġid -  igħid Alla – stennieni sa ma tiġi s-saltna tiegħi.’’

 

4.      Hemm bżonn li inti tkun imġarrab iżjed fuq din l-art; bżonn li titgħarbel iżjed. Tiġik kultant xi ħajta dawl tal-hena; imma qatt ma jkun li inti tgawdi hena sa barra. Twettaq, mela, u kun qawwi ħalli tista’ tagħmel u ssofri dak li lilek, bħala bniedem, ma jistax jogħġob. Jaħtieġlek issir il-bniedem ġdid, titbiddel fi bniedem ieħor, jaħtieġlek ta’ sikwit tagħmel li ma tridx, u ma tagħmilx li jogħġbok. Dak li jridu l-oħrajn, taraħ iseħħ, u dak lit rid int, ma jgħaddix ‘l quddiem. Il-kliem ta’ l-oħrajn jiġi mismugħ, u meta tgħid ħaġa int, bħalikieku ma għidt xejn. L-oħrajn jitolbu u jaqilgħu, inti titlob u ma taqlax.

 

5.      L-oħrajn jissemmew ma’ kullimkien; u int anqas biss ħadd ma jsemmi ismek. Issa jqabbduhom jagħmlu ħaġa u issa oħra u inti titħalla fil-ġenb bħalikieku m’int tajjeb għal xejn. Dana għandu bilfors iweġġagħlek qalbek, u tkun ħaġa kbira jekk ma tgemgimx. Min hu serv t’Alla fi ħwejjeġ bħal dawn juri hux tassew fidil lejh: jiċħad lilu nnifsu u jmur kontra x-xewqat tal-volonta tiegħu.

Jekk hemm ħaġa li fiha għandek tmut għalik innifsek, tafx liema hi? Meta jkollok tara u ssofri ħwejjeġ li ma taħmilhomx; l-aktar imma meta jġagħluk tagħmel ħwejjeġ li jidhirlek li m’hemmx għalfejn, jew ta’ xi ksir ir-ras. U hemm ħaġ‘oħra. Inti billi qiegħed taħt il-kmand ta’ ħaddieħor, jaħtieġlek toqgħod għalih, għalkemm tiġik tqila li trid timxi għall-qalb ta’ ħaddieħor, u r-raj tiegħu ma tqisu xejn.

 

6.      Ġib imma quddiem għajnejk, ibni, li dit-tbatija ma ddumx ma tispiċċa, u li l-ħlas tagħha jkun bla tarf. Jekk taħseb f’dan, xejn ma tħoss tqil, anzi l-paċenzja tiegħek titwettaq. Għal ħaġa ċkejkna li f’din il-ħajja tiċħad lilek innifsek, li ma tgħaddix tiegħek, fis-sema ssib kulma trid u kulma tista’ tixtieq qalbek u hemm ikollok kull xorta ta’ ġid, bla biża’ li qatt tista; titilfu; hemm il-volonta tiegħek tkun ħaġa waħda ma’ tiegħi b’mod illi ma tkun ma tkun tixtieq ebda ħaġa barra minni, jew għalik waħdek: u la ħadd ikun imerik u anqas igemgem minnek; u la ħadd iżommok, u anqas ħadd ma jfixklek; imma kulma tixtieq, ikunlek, u hekk qalbek tkun dejjem kuntenta, bla xejn ma jkun jonqosha.

Fil-ġenna nħallsek bil-glorja  għaż-żeblih lit kun rajt; id-dwejjaq nibdilhomlok f’ferħ, u l-akbar post fis-saltna ta’ dejjem. Hemm tara kemm tkun swietlek l-obbidjenza; hemm, għall-paċenzja li tkun għext umli lejn min hu fuqek, inti jkollok kuruna tal-glorja.

 

7.      Baxxi mela rasek bl-umilta kollha taħt l-idejn ta’ kulħadd, u xejn tfittex min hu li jkun ikkmandak. Imma l-aktar qis li tieħu paċenzja u tagħmel b’qalbek kollha kulma jitolbuk u kulma juruk li jridu minnek; tfittixx jekk ikun akbar minnek, iċken minnek jew bħalek. Ħalli dan ifittex ħaġa u dak oħra; ħalli t-tali jkun imfaħħar elf għal elf darba; inti għandek tifraħ, mhux b’din anqas b’dik il-ħaġa, imma billi tara lilek innifsek imżeblaħ, billi tagħmel il-volonta tiegħi u tagħtini ġieh. Int dan għandek tixtieq, li sewwa fil-ħajja jew wara mewtek, dejjem tagħti ġieh ‘l Alla.

 

KAP L

 

F’kull hemm li jinsab fih il-bniedem, għandu jerħi ruħu f’idejn Alla

 

IR-RUĦ

 

1.      Sinjur Alla, Missier imqaddes, tkun imbierek issa u għal dejjem; għaliex kif trid int isir, u kulma tagħmel int hu kollu tajjeb. Fik għandu jifraħ is-serv tiegħek, mhux fih innifsu, anqas f’ebda ħaġa oħra; għaliex int waħdek int il-veru ferħ, int it-tama u l-kuruna tiegħi, int il-hena u l-ġieħ tiegħi, Mulejja. Kulma għandu s-serv tiegħek, mhux minn għandek ġiebu, għalkemm ma kienx ħaqqu? Kulma tajtni u kulma għamilt miegħi, hu kollu tiegħek. Jiena fqir u mrobbi fit-tbatija minn żgħużiti, u bosta drabi ruħi tant tiddejjjaq li tibki biki tad-dmugħ, u drabi oħra, titħawwad u tibża’, minħabba fil-passjonijiet li jkunu sejrin jagħilbuha.

 

2.      Jiena nixtieq il-hena tal-paċi, u nitolbok il-paċi ta’ l-ulied tiegħek, li inti tpaxxihom, bid-dawl tal-ħlewwa tiegħek. Jekk tagħtini l-paċi, jekk int tnissel fiha l-hena mqaddes, ir-ruħ tas-serv tiegħek timtela b’kant tal-ħlewwa, tfaħħar l-isem tiegħek b’imħabba mixgħula . Imma jekk int tħallini, bħalma tilħaq tagħmel bosta drabi, ma tkunx tista’ din ruħi timxi fit-triq tal-kmandamenti tiegħek. Imma b’dan kollu, aktar inħabbat fuq sidri u noqgħodlok għarkubbtejja quddiemek, għax ma għadnix bħalma dari, meta d-dawl tiegħek kien jiddi fuqi, u taħt id-dell tal-ġwienaħ tiegħek kont inħossni meħlus mit-tentazzjonijiet li kienu jaħbtu għalija.

 

3.      Missier kollok sewwa u ta’ min ifaħħrek għal dejjem, waslet is-siegħa li s-serv tiegħek ikun imġarrab. Missier li tmissek kull imħabba, hi ħaġa xieraq li s-serv tiegħek  isofri xi tbatija f’din is-siegħa. Missier li ħaqqek qima għal dejjem, waslet fuqi dik is-siegħa minnek magħrufa sa minn dejjem, li fiha s-serv tiegħek jinkedd għal ftit żmien minn barra f’ġismu, ħalli mbagħad igħix miegħek għal dejjem minn ġewwa fil-qalb tiegħu. Ħalli għal ftit ikun imżeblaħ, imrażżan u xejn meqjus mill-bnedmin; ħalli, iva, il-passjonijiet u l-mard iħabbtuh; basta ma’ sebħ id-dawl il-ġid ikun miegħek, u jithenna fid-dija tas-smewwiet. Missier tal-qdusija, inti hekk ikkmandajt u hekk ridt, u kif għidt int hekk għadda mingħalija.

 

4.      Din ħI l-grazzja li jkollu min hu ħabib miegħek – li jbati u kun imħabbat minħabba fik, u kemm-il darba u minn kemm-il bniedem jidhirlek int. Xejn ma jsir fid-dinja mingħajr il-għaqal u l-għerf tiegħek li kollox imexxi. Ġid kien għalija, Sinjur, li umiljajtni; ħallini nitgħallem nagħraf is-sewwa tiegħek, u nkeċċi minn qalbi l-kburija u r-riħ żejjed. Swieli li bil-mistħija ħammartli wiċċi, ħalli meta jkolli bżonn x’isabbarni, lilek infittex u mhux lill-bnedmin. U tgħallimt ukoll ħaġa oħra minn dan kollu – li nibża’ mill-ġudizzji tiegħek li ebda ħadd ma jista’ jagħrafhom. Nara infatti li inti tgħakkes ħin wieħed it-tajjeb u l-ħażin, imma kollox bis-sewwa u bil-ħaqq.

 

5.      Niżżikħajr li ma ħfirtix il-kastigi li kien ħaqqni, imma niżżilt idek fuqi u bl-imrar kollu sqejtni duluri u bgħattli niket niket  minn barra u minn ġewwa. Minn kull ma hemm fis-sema u fl-art, ebda ħaġa ma tista’ ddewwili din qalbi, ħlief int biss. Mulejja, Alla tiegħI; tabib ta’ l-erwieħ, li twaġġa’ u ddewwi, tniżżel sal-qiegh u tarġa’ ttalla’ fil-wiċċ. It-tagħlim tiegħek għandu jiftaħli għajnejja, u s-swat tiegħek igħallimni.

 

6.      Missier maħbub tiegħi, f’idejk  ninsab jien: inbaxxi għonqi taħt l-ħatar tal-kastig tiegħek, ħalli niftaħ għajnejja. Niżżel daqqiet tiegħek fuq dahri u fuq għonqi, ħalli t-tagħwiġ u l-ebusija tiegħi inġibhom għal rajk. Agmilni dixxiplu tiegħek tajjeb u umli kif int għandek ħila tagħmel lili u ‘l ħaddieħor, ħalli f’kollox nimxi għal qalbek. Nerħi ruħi u kulma fija f’idejk, ħalli ġġibni fit-triq tas-sema, għax aħjar inkun ikkastigat hawn, milli fid-dinja l-oħra. Inti taf kollox ħaġa b’ħaġa, u f’ruħ il-bniedem xejn ma hemm moħbi għalik. Int taf, x’inhu dak li jiswieli għall-ġid tiegħi, u kemm iservu s-slaleb biex jitneħħa s-sadid tad-drawwiet ħżiena. Tini grazzja li jsir minni dak li jogħġob lilek, u la tħarisx b’għajnejn tal-qilla lejn il-ħajja tiegħi midinba, li ħadd ma jafha tajjeb u bir-reqqa ħliefek.

 

7.      Agħmel, Mulejja, li jien inkun naf dak li għandi nkun naf, li nħobb dak li għandi nħobb, li nfaħħar dak li jogħġob lilek l-aktar; li nżomm ma’ dak li hu għażiż għalik; li nobgħod dak li għajnejk ma jaħmluhx. Tħallinix nifhem il-ħwejjeġ skond kif jaraw għajnejja minn barra, anqas nitħaddet skond ma nisma’ b’widnejja, kif jagħmlu n-nies ta’ bla għaqal: imma tini grazzja li nara kollox kif imissni, jiġifieri nagħżel minn xulxin il-ħwejjeġ tar-ruħ u fuq kollox infittex dak li l-aktar jogħġob lilek.

 

8.      Il-bnedmin bosta drabi  jitqarrqu filli jgħidilhom moħħhom; u jitqarrqu wkoll il-bnedmin tad-dinja, li jħobbux ħlief dak li jaraw

b’għajnejhom. Bniedem, li minn bniedem ieħor ikun miżmum bi kbir, b’daqshekk isir aħjar milli jkun? Bit-tifħir ta’ xulxin jiġri li qarrieq iqarraq b’qarrieq ieħor, kburi jqarraq b’ieħor, għama jqarraq b’ieħor, marid iqarraq b’ieħor; u dan it-tifħir barra minn żmienu ma jagħmilx ħlief igħarraq. San Franġisk, fl-umilta tiegħu kien igħid, li bniedem hu kbira daqs kemm jarawh għajnejh u xejn aktar.

 

KAP LI

 

Meta ma nistgħux nagħmlu l-ħwejjeġ kbar, għandna nqisu li nagħmlu ż-żgħar

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, inti ma tistax iżżomm dejjem qalbek mixgħula  bix-xewqa tal-virtu, anqas moħħok medhi bil-ħsibijiet tal-ġenna; imma jaħtieġlek kultant, billi int ġej minn għajn imdardra, tinżel niżla ‘l isfel, u tarfa’ t-toqol ta’ dil-ħajja kollha miżerji, avolja kontra qalbek u bi tbatija. Sakemm ruħek tibqa’ marbuta ma’ ġismek, it-toqol u d-dwejjaq ta’ qalb ma jonqsukx. Sakemm ruħek tibqa’ f’ġismek, ikollok spiss tolfoq bit-toqol ta’ ġismek li ma jħallikx tittendi bla ma tehda għall-ħwejjeġ tar-ruħ, u taħseb fi ħwejjeġ t’Alla.

 

2.      Meta jiġrilek hekk, għandek taqbad tagħmel xi opri tal-umilta, tedha b’xi ħidma, u titfarraġ b’xi egħmil tajjeb. Għandek b’tama kbira tistenna li niġi jien fik inżurek u nagħtik il-grazzja tas-sema; tieħu paċenzja bit-turufnament tiegħek u bil-għaja ta’ moħħok, sakemm narġa’ nżurek darb’oħra, u neħilsek mid-dwejjaq tiegħek kollha. Jien inġagħlek tinsa t-tbatija kollha u tgawdi s-serħan tal-qalb. Niftaħlek quddiem għajnejk il-ġmiel ta’ l-Iskrittura mqaddsa, sabiex b’qalbek mixgħula tibda timxi b’ħeffa kbira fit-triq tal-kmandamenti tiegħi. Hemm tibda tgħid:’’Ħaġa wisq żgħira huma t-tbatijiet ta’ dil-ħajja, ħdejn il-hena li hemm lesta għalina, kif Alla għad jurihielna.’’

 

KAP LII

 

Ma għandniex indaħħlu f’moħħna li ħaqqna ngawdu l-hena t’Alla imma li jmissna t-tbeżbiż

 

IR-RUĦ

 

1.      Sinjur,ma ħaqqnix li tagħtini l-konsolazzjoni tiegħek, jew li żżurli qalbi

bil-grazzja tiegħek; u għahekk, meta tħallini fil-faqar tiegħi, sewwa tkun tagħmel miegħi. Kieku stess kont nista’ nxerred dmugħ daqs kemm fih ilma l-baħar, ma jkunx ħaqqni li int ixxerred il-ħlewwa tiegħek fuqi. Le: ma ħaqqnix ħlief li tikkastigani u tbeżbiżni; għaliex inqastek bosta drabi u nqastek bl-ikreh, u f’bosta ħwejjeġ dnibt. Jekk inġib dan kollu quddiem għajnejja, nara li ma ħaqqnix anqas l-iċken waħda mill-konsolazzjonijiet tiegħek.

            Imma int, Sinjur tal-ħniena u  Kollok ħlewwa, li ma tridx li l-bniedem magħmul mill-idejn tiegħek jintilef; biex turi l-kobor tat-tjieba tiegħek, tiftaħ idejk tal-ħniena, u tagħti l-hena tiegħek lis-serv tiegħek, avolja xejn ma ħaqqu mill-hena li l-ħwejjeġ tad-dinja ma jistgħux jagħtuh. Għaliex il-hena tiegħek ma għandu x’jaqsam xejn mal-hena kollu li jistgħu jagħtu l-bnedmin tad-dinja bi kliemhom.

 

2.      U jien x’ġid hu li għamilt, Sinjur, biex tagħtini l-konsolazzjoni tiegħek tas-sema? Jien ma niftakarx li qatt għamilt ebda ġid: naf iva li dejjem kont miġbud għad-dnub, u ftit li xejn ħabrikt biex inbiddel  ħajti. Daqshekk hu u ma nistax niċħad. Jekk ingħid xort’oħra, int tiqafli kontra tiegħi u ma jkolli qatt min jaqbeż għalija.

Jien x’ħaqqni għal dnubieti, ħlief l-infern u nar ta’ dejjem? Nistqarr is-sewwa u ngħid, li ħaqqni nkun imżeblaħ u mkagħbar minn kulħadd u li ma jmissnix inkun magħdud ma’ l-ulied tajba tiegħek. U għalkemm kontra qalbi dan qiegħed nistqarru, aktar jaqbilli nqerr dnubieti, biex aktar nista’ naqla’ l-maħfra tiegħek tal-ħniena.

 

3.      X’naqbad ingħid, ħati kif jienu kollni mistħija? Ma għandix ħila niftaħ fommi u nitkellem, ħlief dil-kelma. ‘’Dnibt, Mulejja, dnibt; ikollok ħniena minni, aħfirli ftit, ħalli nibki dnubieti qabel ma mmur fl-art il-mudlama, miksija bid-dell tal-mewt.’’

X’inhu li int tant tixtieq mill-ħati u mill-imsejkenn midneb, ħlief li hu jindem u jumilja ruħu għad-dnubiet tiegħu? Mill-vera ndiema u min-niket tal-qalb titnissel it-tama tal-maħfra; biha r-ruħ imħawda ssib il-paċi tagħha, tarġa tinqala’ l-grazzja mitlufa, il-bniedem jeħles mill-qilla tad-dinja l-oħra u jiltaqgħu wiċċ ma’ wiċċ, b’bewsa tal-qdusija, Alla u r-ruħ niedma.

 

4.      L-indiema tad-dnubiet imsieħba ma’ l-umilta, o Sinjur, hija sagrifiċċju wisq mogħġub quddiemek; il-fwieħa tagħha hija quddiemek oħla mill-fwieħa ta’ l-inċens. Din kienet dak l-ungwent ħelu, li bid ridt li riġlejk l-imqaddsa jiġu midluka; għaliex int qatt ma dawwart wiċċek minn qalb niedma u umli.

L-indiema hi l-kenn tagħna biex nistkennew minn wiċċ il-qilla tal-għadu. Biha l-bniedem jaqta’ d-drawwiet ħżiena kollha, u jissaffa mit-tkasbir kollu li bih tkasbar.

 

KAP LIII

 

Il-grażżja t‘Alla ma tingħatax lil dawk li jħobbu d-dinja

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, il-grazzja tiegħi hija wisq għażiża; ma taħmilx li titħallat ma’ ħwejjeġ barranin, anqas mal-ferħ tad-dinja. Jaħtieġlek mela teqred minn qalbek dak kollu li jista’ jtelliflek il-grazzja, jekk int trid li hi tgħammar fik. Agħżel xi lok imwarrab, ħobb oqgħod waħdek, u tfittixx il-kliem żejjed ta’ ħadd; imma qis li titlob dejjem niedma u bil-kuxjenza nadifa. Id-dinja kollha kemm hi la tistmaha xejn; u għal dawk li huma ħwejjeġ t’Alla, ħalli l-ħwejjeġ l-oħra kollha. Għax ma jistax ikun li sservi lili, u fl-istess żmien tħobb il-ħwejjeġ li jgħaddu. Hemm bżonn li tingħażel minn ħbiebek u minn niesek, u twarrab minn moħħok ix-xewqat ta’ din id-dinja. Hekk jitlob l-Appostlu San Pietru, li l-insara jgħoddu ruħhom bħala frustieri u bħala nies għas-safar f’did-dinja.

           

2.      0h, x’tama jkollu waqt il-mewt dak il-bniedem li ebda ħaġa ma tiġbdu bl-imħabba tagħha lejn id-dinja! Imma ruħ marida anqas biss tista’ tifhem li l-qalb tista’ tkun daqshekk miftuma minn kollox, u bniedem mogħti għad-dinja ma jistax jifhem x’jiġifieri li bniedem mogħti għal Alla ma hu lsir ta’ xejn. Hekk immela l-bniedem, jekk irid tabilħaqq li jgħix ħajja tar-ruħ, jaħtieġlu jinsa sewwa dak li hu ma’ ġenbu u sewwa dak li hu bgħid minnu, u ma jibża’ minn ħadd daqs kemm minnu nnifsu. Jekk tilħaq tirbaħ sewwa lilek innifsek il-ħwejjeġ l-oħra kollha ġġibhom għal idejk kif trid. L-aqwa rebħ tafx liema hu? Ta’ meta tirbaħ lilek innifsek. Min għandu ħila jrażżan lilu nnifsu b’mod illi l-ġisem jobdi lir-ruħ u r-ruħ f’kull ħaġa tobdi lili, dan ikun tabilħaqq rebbieh tiegħu nnifsu u sid tad-dinja.

                       

3.      Jekk trid tasal f’dal-għoli, int jaħtieġlek tkun raġel mill-ewwel, tagħti daqqa ta’ mannara fuq il-għerq, ħalli taħsad u teqred kemm-il ġibda mgħawġa ta’ din l-art. Minn dal-mard, li l-bniedem iħobb lilu nnifsu b’imħabba ta’ bla qies, ġejjin dawk il-vizzji kollha, li jaħtieġlu jeqridhom mill-għerq; u jekk jirnexxilu li lil dil-passjoni jirbaħha u jġibha għal idejh, ma joqsuh qatt paċi u thennija bla tarf.

Billi ftit huma dawk li jħabirku li

jmutu għalihom u jrażżnu l-ġibdiet imgħawġa tagħhom, il-biċċa l-kbira mill-bnedmin jibqgħu dejjem fid-dlam tal-qalb u ma jistgħux jerfgħu r-ruħ tagħhom lejn il-ħwejjeġ t’Alla. Imma min jixtieq jimxi miegħi, li xejn ma jkun ifixklu, jaħtieġlu jgħakkes il-ġibdiet kollha ħżiena u mgħawġa, u li ma jirtabat ma’ ebda kreatura għaliex tkun għal qalbu.

 

KAP LIV

 

X’differenza tgħaddi bejn dak li

jitlob il-ġisem u dak li titlob ir-ruħ

 

ĠESU KRISTU

           

1.      Ibni, oqgħod ħares tajjeb x’inhu li jitlob il-ġisem u x’inhu li tagħmel il-grazzja tiegħi għaliex għalkemm huma kontra xulxin, wisq trid tibqa’ tħares bir-reqqa biex tagħżilhom: ara kemm, li jekk ma jkunx bniedem tar-ruħ u qalbu mogħnija b’dawl is-sema, ħaddieħor kemm kemm jagħrafhom minn xulxin. It-tajjeb kulħadd jixtiequ għalih, u kulħadd jidhirlu li fi kliemu jew f’egħmilu jinsab xi ġid; u għalhekk bosta wħud jitqarrqu minħabba filli jidhrilhom li din jew dik il-ħaġa hi tajba.

 

2.      In-natura ( jiġifieri l-bniedem bħala bniedem ) hi  mogħtija għall-malizzja, tkarkar urajha bosta wħud, iddaħħalhom fl-ingassa, tqarraq bihom u f’kulma tagħmel ma tfittixx ħlief lilha nfisha. Imma l-Grazzja timxi b’qalbha f’idejha, taħrab minnufih sahansitra dell il-ħażen, il-qerq ma tafx bih, u tagħmel kollox għal Alla; dak Alla li fih hi tfittex il-mistrieħ tagħha ta’ dejjem.

 

3.      In-Natura minkejja fiha titrażżan; u la trid min idejjaqha, u la min jirbaħha, u la tkun ilsira ta’ ħadd; u jekk iċċedi, għax bil-fors. U l-Grazzja? Din tfittex kif tgħakkes lilha nfisha; tissielet mal-ġisem; trid li tkun ikkmandata minn ħaddieħor; tixtieq li tkun mirbuħa, bla xejn ma tfittex id-drittijiet tagħna. Tħobb li jkollha min iżommilha l-iġiem; tixtieq mhux biss li ma tkun tikkmanda fuq l-oħrajn, imma li tgħix taħt il-kmand ta’ ħaddieħor, u għall-imħabba t’Alla dejjem lesta li toqgħod għal li jitlob minnha l-anqas bniedem.

 

4.      In-Natura titħabat biss għal fejn jaqbel lilha, u moħħha dejjem jaħdem kif tista’ taqilgħelha xi ġid mill-oħrajn. Imma l-Grazzja tħares mhux lejn dak li jiswa lilha jew jaħjiha, imma lejn dak li jista’ jagħmel ġid lil bosta.

 

5.      In-Natura tħobb l-unuri, u li jagħtuha ġieħ. Iżda l-Grazzja f’kollox tagħti ġieh  u sebħ ‘l Alla minn  qalbha.

 

6.      In-Natura ma tridx taf b’min iġagħalha tistħi u min iżeblaħha. Imma l-Grazzja tithenna meta għall-isem ta’ Ġesu tbati t-tkasbir.

 

7.      In-Natura tħobb il-għażż u t-tpaxxija tal-ġisem. U l-Grazzja? Il-Grazzja battala ma tafx toqgħod, anzi tmidd għonqha għax-xogħol bil-ferħ.

 

8.      In-Natura tħobb li jkollha xi ħwejjeġ gustużi u sbieħ; u ħwejjeġ ta’ l-oħxon jew ta’ ftit siwi, xejn ma tqishom. Il-Grazzja iżda  tħobb ħwejjeġ mill-eħfef u rħas; u lbies qodma u ta’ l-oħxon, li ma tiddejjaqx bihom.

 

9.      In-Natura tħares; il-ħsara lejn il-ħwejjeg ta’ did-dinja; tifraħ bil-qligh; il-ħsara ssewdilha qalbha, u b’kelma ta’ xejn tixgħel. Naraw il-Grazzja. Ħsiebha fil-ħwejjeġ ta’ dejjem; qalbha ma torbotx mal-ħwejjeġ ta’ din l-art; jekk titlef ħaġa, ma tiddejjaqx, u għall-kliem aħrax ma tisbilx, għax it-teżor tagħha u l-hena tagħha tistenna li ssibhom fis-sema, fejn xejn ma jintemm.

 

10.  In-Natura hi rgħiba, aktar tħobb li jagħtuha milli tagħti, u tħobb li jkollha l-ħaġa tagħha li tagħha. Imma l-Grazzja hi qalbha tajba u tixtieq il-ġid lil kulħadd; ħaġa għaliha wħidha, taħrabha; bi ftit tikkuntenta, u aktar tkun ferħana meta tagħti milli meta jagħtuha.

 

11.  In-Natura tiġbed il-bniedem lejn il-kreaturi, lejn il-ġisem, lejn il-frugħa u lejn it-tlablib. Iżda l-Grazzja tiġbdu lejn Alla u lejn il-virtu; għajnejha u qalbha huma magħluqin għall-ħwejjeġ maħluqa; taħrab mid-dinja; tobgħod ix-xewqat tal-ġisem; il-ġiri ‘l hemm u ‘l hawn ma tafx bih, u tistħi tidher quddiem in-nies.

 

12.  In-Natura hi mlebilba tfittex ħaġa li xxegħilha, u li tagħtiha gost fis-sensi tagħha. Imma l-Grazzja tfittex is-sabar tagħha biss f’Alla, u ma tafx titgħaxxaq ħlief f’dak li hu l-aqwa ġid fuq il-ħwejjeġ kollha li jidhru.

 

13.  In-Natura tagħmel kollox għall-flus jew għax jaqbel lilha; għal xejn ma

tagħmel xejn; jekk tagħmel xi ġid lil xi ħadd tagħmlu għax titma li tkun imħallsa b’daqshekk ieħor, jew b’aktar jew bit-tifħir jew b’xi favuri, u jidhrilha li l-ftit li hi tagħmel jew tagħti, għandu jkun miżnun tajjeb. Il-Grazzja iżda, il-ħwejjeġ ta’ din l-art ma jagħmlux biha, u bi ħlas ma titlobx ħaġ‘oħra ħlief Alla; u mill-ġid tad-dinja ma tixtieqx ħlief kemm għandha bżonn biex tilħaq il-ħwejjeġ ta’ dejjem.

 

14.In-Natura tħobb li jkollha bosta ħbieb u qraba; tintefaħ jekk tkun f’xi post għoli, jew jekk tkun ġejja minn xi nobbli; mal-kbarat issibha kollha zokkor, iżżiegħel bil-għonja, u tfaħħar lil min hu bħalha. U l-Grazzja? Il-Grazzja sal-egħdewwa tħobb; ma tintefaħx billi għandha bosta ħbieb, u fil-bnedmin ma tistmax il-post li jkunu fih, jew ir-razza li minnha jkunu ġejjin., ħlief jekk ma’ dan kollu jkunu mżejnin b’tjieba kbira, issibha miġbuda aktar lejn il-fqir milli lejn il-għani; aktar iżżomm ma’ l-innoċenti milli mas-setgħanin tifraħ b’min jimxi dritt mhux b’min hu qarrieq. Twissi dejjem lit-tajbin li jħabirku biex titkabbar fihom il-Grazzja t’Alla, u li jixxiebhu lill-Iben t’Alla billi huma jgħixu ħajja qaddisa.

 

15.In-Natura, il-faqar u t-tbatija ma tiflaħx għalihom, malajr titbekka. Il-Grazzja, b’qalb ta’ sur tidħol għall-faqar.

 

16.In-Natura jidhrilna li kulma jsir, għaliha, għal wiċċha; tikkumbatti u tmieri fejn jindaħal l-unur tagħha. Naraw iżda l-Grazzja. Kif il-ħwejjeġ kollha huma ġejjin mn’Alla, hekk ukoll trid hi l-fehma tagħhom tkun Alla; jekk hi tagħmel xi opra tajba, tgħid li m’hix ġejja minnha, u anqas ma tafda fuq ħilitha; u la tmieri, u anqas trid li kliemha jgħaddi b’liġi; imma sa tagħmel fehma, tqis li dil-fehma tkun imgħoddija u mogħġuba mill-Gherf Etern li hu Alla.

 

17.In-Natura tixtieq taf il-ħwejjeġ moħbija, u x’għandna mill-ġdid; trid tidher minn barra, u li fis-sensi tagħha ġġarrab bosta ħwejjeġ, tixtieq li tkun magħrufa minn kulħadd, u li tagħmel ħwejjeġ li għalihom tkun imfaħħra, li kulħadd jistagħġeb biha. Imma l-Grazzja ma tfittixx li tisma’ ħwejjeġ ġodda, anqas li tara ħwejjeġ kurjużi, għax dan kollu ġej mill-ħsara ta’ qalb il-bniedem; mill-bqija xejn ma hawn ġdid u ta’ ħajja twila fid-dinja. Fuq hekk il-Grazzja tgħallem lill-bniedem li jżommilhom lis-sensi tiegħu, li għandu jaħrab dawk il-ħwejjeġ kollha, li bihom qalbu tista’ tinfetah u titkabbar, għalkemm m’humiex ħlief frugħa, li jaħbi taħt mant ta’ l-umilta dawk il-ħwejjeġ kollha li huma tabilħaqq  ta’ min ifaħħarhom u ta’ min jistagħġeb bihom; li f’kull ħaġa li tgħaddi mingħalih, jew li jitgħallem, ifittex il-ġid ta’ ruħu, u l-glorja u t-tifħir biss t’Alla. Iżjed il-Grazzja u la trid min ifaħħar lilha anqas dak kollu li hu tagħha; imma tixtieq u titlob li għad-doni li bihom tinsab imżejna, jiġi mbierek u mfaħħar Alla, li jqassam id-doni tiegħu lill-bniedem għall imħabba kbira li għandu lejh.

 

18.U x’inhi dil-Grazzja? Il-Grazzja hi dawl imma dawl tas-smewwiet, hi don l-aktar għażiż  t’Alla, hi s-sinjal tal-veri ulied magħżulin, u rahan tas-salvazzjoni eterna; hi qawwa li tarfa’ lill-bniedem minn dan l-art biex isir iħobb il-ħwejjeġ tal-ġenna, u ġġagħlu jinsa li hu tad-demm u l-laħam biex jaħseb biss f’ruħu.

Mela aktar ma ngħakksu u nsallbu fina n-Natura, aktar Alla jxerred fuqna l-Grazzja, u billi hu jibda aktar ta’ sikwit iżur il-qalb tagħna, ġurnata aktar mill-oħra nħossu ruħna tinġibed lejh u aktar aħna nixxiebħu ‘l Alla.

 

KAP LV

 

Fuq in-natura mħassra tal-bniedem u fuq il-wetqa tal-grazzja t’Alla

 

IR-RUĦ

 

1.      Mulejja, Ala tiegħi, li ħlaqtni xbieha tiegħek, tini din il-grazzja, li int urejtni li hi tant kbira u tant taħtieġ għas-salvazzjoni, ħalli nista. Nirbaħ in-natura mħassra tiegħi, li ma tridx ħlief tiġbidni għad-dnubiet u għat –telfien tiegħi. U kif mhux hekk? Jiena nħoss f’ġismi l-ġibda tad-dnub, li tistmerr waħda fil-liġi tar-raġun tiegħi, biex tkarkarni bħal ilsir lejn it-tiġbid tad-dinja. Nara, Mulejja, li jien ma niflaħx neqfilhom il-passjonijiet tal-ġisem, jekk ma tkunx miegħi tgħinni l-grazzja mqaddsa tiegħek, li int tkun xgħeltli bħala nar ġewwa l-qalb tiegħi.

 

2.      Jaħtieġli l-grazzja tiegħek u ma tridx tkun kbira ftit sabiex nirbaħ lili nnifsi, dejjem miġbud għall-ħażen sa minn tfuliti. Billi din-natura tħassret ħtija tal-waqgħa ta’ l-ewwel bniedem Adam, illi dik in-natura (li int kont ħlaqtha tajba u safja), issa tinsab imħassra u marida; għax il-ġibdiet tajba li int żejjintha bihom, twarrbet minnhom biex jaħasra tħoss ruħha miġbuda għall-ħażen u għall-ħwejjeġ ta’ din l-art. U l-ftit tal-qawwa li baqgħelha, qisha bħala daqsxejn ta’ xrara nar moħbija taħt l-irmied. Din ix-xrara hi r-raġuni li għandu l-bniedem, għad li miksija bi dlamijiet kbar, imma li għadha tagħraf il-ġid mid-deni, is-sewwa mill-gideb; għalkemm ma tiflaħx tkompli ma’ dak kollu li tara li hu tajjeb, jew titgħaxxaq b’kollu kemm hu d-dawl tas-sewwa jew anqas tħobb il-ħwejjeġ tar-ruħ bil-wetqa safja ta’ darba.

 

3.       U minn dan ġej, o Alla tiegħi, li jien nitgħaxxaq bil-liġi tiegħek, bħala bniedem li nibża’ għal ruħi; għax naf li l-kmandamenti tiegħek huma tajba sewwa u mqaddsa, u nara li għandi naħrab kull ħażen u kull dnub. Imma f’dak li hu ġisem, jiena nħossni marbut mal-liġi tad-dnub, la darba aktar insibni miġbud lejn il-ġisem milli lejn ir-raġuni. Minn hawn ġej li nħossni rrid nagħmel is-sewwa imma mbagħad insib x’jiġbidni ‘l isfel u ma niflaħx nagħmlu. Minn dan ġej li bosta drabi nagħmel f’moħħi li nbiddel ħajti għall-aħjar, imma billi l-grazzja tiegħek ma tkunx miegħi biex tgħinni, b’ħaġa ta’ xejn li nsib tfixkilni, narġa’ lura u nitlaq kollox. Minn hawn hu ġej ukoll li t-triq tas-sewwa nagħraf liema hi, u nara ċar kif għandi nġib ruħi; imma mbagħad it-toqol tal-mard tiegħi jżommni ‘l isfel u ma jħallinix nogħla ‘l fuq biex nagħmel dak li hu aħjar għal ruħi.

 

4.      O sinjur, kemm taħtieġli l-grazzja tiegħek, biex nibda t-triq it-tajba, biex inkompli fiha, u nispiċċa b’wiċċ il-ġid dak li dħalt għalih!

Mingħajrha jiena xejn ma nista’ nagħmel; imma bik nista’ kollox, megħjun mill-grazzja tiegħek. O grazzja tabilħaqq tas-smewwiet, li mingħajrha u la l-merti tal-bniedem, u la d-doni tan-natura ma jsarrfu xejn! U la s-sengħa ta’ l-idejn u la l-ġid, u la l-ġmiel, u la l-qawwa, u la l-għerf u la l-kliem sabiħ, ma huma magħdudin xejn quddiemek. Sinjur, mingħajr il-Grazzja. Infatti dawn id-doni kollha tan-natura jingħataw xorta waħda lit-tajbin u lill-ħżiena, imma l-veru don tal-maħbubin tiegħek hi l-Grazzja, jiġifieri l-imħabba tiegħek; u dawk li huma mogħnija bil-Grazzja, dawn tkun tistħoqqilhom il-ħajja ta’ dejjem.

Dil-grazzja hi ħaġa tant għolja u sabiħa, li mingħajrha m’huma xejn, u la d-don tal-profezija, u la l-egħmil tal-mirakli, u anqas il-għerf ta’ l-ogħla ħwejjeġ. Anzi hemm iżjed il-fidi stess, it-tama u l-virtujiet l-oħra, m’humiex mogħġuba quddiemek mingħajr l-imħabba u l-grazzja.

 

5.      O Grazzja ta’ l-akbar ħlewwa! Int lil min hu nieqes f’ruħu tagħnih bil-virtu, u min hu għani b’bosta ġid tagħmlu umli f’qalbu. Iddew ejja, inżel fija, imlieni minn fil-għodu bil-hena tiegħek; sabiex ir-ruħ tiegħi, għajjiena b’tant taqbid ma tintelaqx għal kollox u taqa’ f’nofs ta’ triq. Nitolbok, Sinjur, la ċċaħħadnix mill-grazzja tiegħek, biżżejjed għalija l-grazzja tiegħek, imqar imbagħad nibqa’ nieqes minn dak kollu li tixtieq in-Natura. Jekk inkun imġarrab u mħabbat bis-slaleb, na għandix għax noqgħod nibża’ minn ebda hemm, la darba l-grazzja tiegħek tkun miegħi. Hi l-qawwa tiegħi; hi li tagħtini d-dawl u s-saħħa. Hi aqwa mill-egħdewwa kollha, u egħref mill-għorrief kollha.

 

6.      Dil-grazzja tiegħek tgħallem kull sewwa u kull għerf, hi tagħti d-dawl lill-qalb, u s-sabar fil-hemm; tbiegħed is-swied il-qalb, twarrab il-biża’ tnissel id-devozzjoni u tqanqal id-dmugħ ta’ l-indiema. Mingħajrha x’jien, ħlief ħatba niexfa, ma tiswiex ħlief għan-nar? Agħmel mela, Sinjur, illi l-grazzja dejjem tqabbadni t-triq u tibqa’  miexja miegħi; u li żżommni dejjem marbut ma’ l-egħmil it-tajjeb, f’ġieh Ġesu Kristu. Amen.

 

KAP LVI

 

Għandna niċħdu lilna nfusna u nixxiebħu lil Kristu fir-rfigh tas-Salib

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, aktar ma int tinħall minnek innifsek, aktar tista’ tirtabat miegħi. Kif jekk ma tixtieq xejn mill-ħwejjeġ tad-dinja titnissel il-paċi ġewwa qalbek, hekk ukoll, jekk int tinsa u tmaqdar lilek innifsek, qalbek tkun marbuta m’Alla. Irrid li int titgħallem tiċħad lilek innifsek, tagħmel il-volonta tiegħi; imma mhux fuq il-qalb, u minkejja fik. Imxi wrajja; jiena jien it-triq, is-sewwa, u l-ħajja. Mingħajr is-sewwa xejn ma jista’ jkun magħruf; mingħajr ħajja, ma hemmx għajxien. Jiena jien it-triq li magħha għandek timxi; is-sewwa l’int għandek temmen; il-ħajja li għandek tittama fiha. Jiena jien it-triq li ma tistax titbiddel; is-sewwa li ma tista’ qatt titqarraq; jien il-ħajja li ma fihiex tmiem. Jiena t-triq id-dritta; is-sewwa f’kollox, il-ħajja ħienja, il-ħajja bla maħluqa. Jekk iżżomm mat-triq tiegħi, tagħraf is-sewwa u s-sewwa teħilsek mix-xkiel, u tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem.

 

2.      Jekk trid tidħol fil-ħajja, oqgħod għall-kmandamenti; jekk trid tagħraf is-sewwa, emmen fija; jekk trid tkun perfett, bigh kollox; jekk trid tkun tax-xirka tiegħi, iċħad lilek innifsek; jekk trid tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem, tqishiex din il-ħajja; u jekk trid tkun imgħolli fis-smewwiet, għakkes ruħek f’din id-dija; jekk trid issaltan miegħi, arfa’ salibek miegħi; għaliex dawk biss li jerfgħu s-salib isibuha t-triq tal-ħajja u tad-dawl tar-ruħ.

 

IR-RUĦ

 

3.      Mulejja, Ġesu tiegħi, la darba t-triq tiegħek dejqa u d-dinja tmaqdarha, agħtini grazzja li nixxiebeħ lilek bla ma nfittex il-għajdut tad-dinja. Għax il-qaddej mhux aqwa mis-sid tiegħu, anqas ix-xrik ma hu ogħla mill-imgħallem tiegħu. Oh li kont nista; jien, qaddej tiegħek, naħseb fuq il-ħajja tiegħek! Għaliex fiha tinsab il-fidwa ta’ ruħi u s-sedqa tiegħi. Naqra li naqra, u nisma’ li nisma’, jekk ma jkunx fuq il-ħajja tiegħek u la jferraħli u anqas ihennili ruħi.

 

ĠESU KRISTU

 

4.      Ibni, la darba qrajt dan kollu u issa tafu, imbierek int jekk tgħix skond dat-tagħlim. Min jisma’ l-kmandament tiegħi u joqgħod għalihom, dan tabilħaqq iħobbni; u jien insir inħobbu, u nurih lili nnifsi kollni kemm jien, u nġagħlu joqgħod ma’ ġenbi f’saltnet Missieri.

 

IR-RUĦ

 

5.      Mulejja, Ġesu tiegħi, dak li għidtli u wegħidtni, agħmel li jseħħ fija, u  li jien inkun jistħoqqli dal-ħlas. Is-salib minn idejk ħadtu;  jien nerfgħu, u nerfgħu sal-mewt, kif ridtni int. Iva: il-ħajja ta’ reliġjuż tajjeb hija salib; imma salib li jwasslu fil-ġenna. La darba dħalna f’dit-triq, ma jaħbatx nerġgħu lura u nitilquha.

 

6.      Ejjew, aħwa tiegħi, nimxu flimkien; Ġesu magħna, Għall-imħabba ta’ Ġesu, aħna rfajna dan is-salib, għall-imħabba ta’ Ġesu, nibqgħu nerfgħuh sal-mewt. Hu, li qabbadna t-triq u mexa fiha qabilna, hu jkun il-għajnuna. Arawh dan is-sultan tagħna, miexi quddiemna, hu jislet is-sejf għall-egħdewwa tagħna. Nimxu wrajh b’qalbna kollha, ma għandniex imniex nibżgħu nagħmlu ħilitna kollha u mqar inħallu ħajjitna f’din il-gwerra, imma le nitilfu ġieħna nitwarrbu mis-Salib.

 

KAP LVII

 

Il-bniedem ma għandux għax jaraha bi kbira żejjed meta jaqa’ f’xi dnub

 

ĠESU KRISTU

 

1.      Ibni, lili aktar togħġobni l-paċenżja u l-umilta f’xi tribulazzjoni, milli l-paċi tal-qalb u l-ħrara tad-devozzjoni, meta kollox għal qalbek. Għala tant tiddejjaq, meta wieħed igħid ħaġa ta’ xejn fuqek? Imqar kienet akbar, ma għandekx għaliex timla rasek. Ħalliha tgħaddi ma’ l-oħrajn; u la hi l-ewwel u anqas hi ħaġa  ġdida; u anqas tkun l-aħħar, jekk Alla jtik għomor twil. Meta ma għandekx x’iħabbtek, tarax, għandek qalb ta’ sur. Tinqala’ wkoll biex twissi lill-oħrajn u ssabbarhom. Imma meta f’biebek jiġi jħabbat xi salib għal għarrieda, tinsa l-ħila li għamilt lil ħaddieħor. Agħti daqqa ta’ għajn ta’ għajn lilek innifsek u tara kif infxilt għal ħaġa ta’ xejn, u ftakar li dawn il-ħwejjeġ u oħrajn bħalhom, meta jiġrulek, għall-ġid ta’ ruħek jiġrulek.

 

2.      Warrab in-niket minn qalbek mill-aħjar li tista’ u jekk jiġik xi gwaj, xejn la tirtema, anqas la toqgħod tberren fuqhom.

Għall-anqas, jekk ma tħossokx tista’ tifraħ bis-slaleb, ħudhom bis-sabar. Jekk qalbek tuġgħek għax tisma’ li ntqalet xi kelma fuqek, u tħossok se jitlagħlek, trażżan u qis li minn fommok ma toħroġ ebda kelma li minnha jistgħu jieħdu skandlu ż-żgħar. L-għadba malajr tibridlek, u l-imrar ta’ qalbek jitbiddel fi ħlewwa, jekk biss nersaq lejk bil-grazzja tiegħi; ‘’Għadni ħajjien (igħid Alla), dejjem miegħek biex ingħinek u nsabbrek aktar milli dari, jekk inti tibqa’ marbut miegħi u ssejjaħli bil-ħeġġa.’’

 

3.      Qawwi qalbek u lesti ruħek biex tiflaħ għal ħwejjeġ akbar. Mhux kollox għal xejn u mitluf, le, jekk tara ruħek fid-dwejjaq aktar ta’ sikwit, jew imġarrab bl-aħrax. Bniedem int, m’intix xi Alla; tad-demm u l-laħam int, mhux xi Anġlu. Kif jista’ jkun tibqa’ dejjem l-istess għoli ta’ qdusija, jekk l-Anġli stess fis-sema, u l-ewwel bniedem fil-ġenna ta’ l-art, naqsitilhom dil-qawwa. Jiena hu li nħenni l-imnikktin, u nressaq lejja dawk li jistqarru x-xejn tagħhom

 

IR-RUĦ

 

4.      Mulejja, tkun imbierka l-kelma tiegħek, oħla mill-għasel u mix-xehda tal-għasel għal fommi. X’kont nagħmel f’tant taħbit u f’tant dwejjaq tiegħi, li ma kontx issabbarni int bil-kliem imqaddes tiegħek? X’ikun ġara li nkun rajt tant tbatijiet kbar, jekk fl-aħħar nasal fil-port tas-salvazzjoni tiegħi. Tini grazzja li nispiċċa tajjeb; tini grazzja li noħroġ b’wiċċ il-ġid minn did-dinja. Ftakar fija, Sinjur, mexxini fit-triq it-tajba tas-saltna tiegħek. Amen

 

 

KAP LVIII

 

Ma għandniex inqisu li nidħlu fil-fehmiet moħbija t’Alla

 

1.      Ibni, ma għandekx għalfejn toqgħod tistħarreġ fuq it-triqat moħbija t’Alla; ma għandekx għalfejn trid taf għala dan donnu minsi mn’Alla u dak ġie mgħolli fi grazzja hekk kbira; għala dan ġewħ tant slaleb, u dak ġie msejjaħ għal ħwejjeġ kbar, Il-moħħ tal-bniedem m’hux biżżejjed biex jifhem dawn il-ħwejjeġ u kollu żejjed li wieħed iħabbat moħħu u jitlewwem biex jikxef il-fehma t’Alla. Meta l-għadu tar-ruħ jiġi jsefsiflek ħwejjeġ bħal dawn, jew xi bnedmin jitħaddtu fuq hekk, int weġibhom bi kliem il-Profeta: ‘’Mulejja, inti kollok sewwa, u tal-ħaqq il-fehma tiegħek;’’ jew b’dal-kliem l-ieħor: ‘’Il-fehmiet t’Alla huma minnhom, u mill-ewwel sal-aħħar tas-sewwa.’’ Il-fehmiet tiegħi, iva, ta’ min jibża’ minnhom, u mhux ta’ min joqgħod jitlewwem fuqhom: għaliex moħħ il-bniedem ma jilħaqx magħhom.

 

2.      U ħaġ‘oħra; la toqgħodx tistħarreġ u titlewwem fuq il-kobor tal-Qaddisin, fuq min hu aktar qaddis mill-ieħor, jew min fosthom hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet. Dan it-tilwim hu ħtija aktarx ta’ ħafna ġlied, u jnissel il-kburija u l-frugħa u l-għira, għax wieħed irid iżomm ma’ dan il-Qaddis, u l-ieħor ma’ dak: u kulħadd iridha tgħaddi tiegħu. Billi trid taf u titkixxef dawn il-ħwejjeġ, ebda ġid ma tagħmel;  u xejn la taħseb li sejjer togħġob lill-Qaddisin, għax jien m’jiniex Alla tal-ġlied, imma tal-paċi, u dil-paċi aktar tinsab fil-vera umilta, milli filli wieħed jitkabbar bih innifsu.

 

3.      X’uħud, bil-ħrara ta’ l-imħabba aktar huma miġburin lejn dawn jew dawk il-Qaddisin; imma din l-imħabba tkun ġejja mill-bniedem, mhux mn’Alla. Jiena hu li lill-Qaddisin għamilthom qaddisin; jien għanejthom bil-grazzja, jien ħejjejtilhom il-glorja. Jien li għaraft  il-merti ta’ kull wieħed minnhom, u jien qabel xejn, waqaft magħhom bil-barka tal-ħlewwa tiegħi. Jien kont naf liema huma l-maħbubin tiegħi minn qabel ma beda ż-żmien; jien ħtarthom mid-dinja, u mhux huma għażlu lili. Jiena ħajjarthom bil-grazzja tiegħi, u ġbidthom lejja bil-ħniena tiegħi; jien wassalthom bis-sliema minn fost it-tiġrib li sabu ruħhom fih. Jien sawwibt f’qalbhom il-hena kbir tiegħi; jien tajthom il-qawwa biex jistgħu ikomplu; u jien ħallast bis-sebħ tas-smewwiet għas-sabar tagħhom.

 

4.      Jien nagħraf liema hu l-ewwel u liema hu l-aħħar fost il-bnedmin ; jien inħaddan miegħi lil kulħadd bi mħabba li ħadd ma jista’ jfissirha. Jien għandi nkun imfaħħar fil-qaddisin kollha tiegħi; jien għandi nkun imbierek fuq kollox, u lili ħaqqni l-gieh f’kemm-il wieħed għoġobni ngħolli f’tant glorja kbira u nagħżlu minn dejjem għal miegħi, mingħajr ma kellu ebda mertu minn tiegħu. Min mela jmaqdar l-iżgħar wieħed fost il-Qaddisin tiegħi, ma jkunx qiegħed b’daqshekk jagħti ġieh  lill-kbir fosthom; għax iż-żgħir u l-kbir jien għamilthom. U min iċċekken lil xi Qaddis, ikun iċċekken lili wkoll, u lil dawk kollha li jinsabu fis-saltna tas-smewwiet. Il-Qaddisin huma kollha ħaġa waħda bir-rabta ta’ l-imħabba; kollha fehma waħda, kollha jridu ħaġa waħda, kollha jħobbu lil xulxin f’Alla, li hu ħaġa waħda fihom ukoll.

 

5.      U mbagħad wisq aktar minn hekk: għax huma aktar iħobbu lili milli jħobbu lilhom infushom u l-merti tagħhom. Għaliex bil-għaxqa ta’ mħabba li għandhom lejja, jinsew lilhom infushom, u jħossu ruħhom bħal ħaġa waħda miegħi għall-imħabba li jġibuli, u fija jistrieħu. Ebda ħaġa ma tista’ tbegħidhom minn din l-imħabba jew tberridielhom, għax mimlija kif inhuma bis-sewwa  t’Alla jħossu ruħhom dejjem imħeġġin bin-nar ta’ din l-imħabba li ebda xejn ma jista’ jitfih. Ma għandhomx mela għax jitlewmu, le, il-bnedmin tad-dinja  u dawk li jħobbu lilom infushom, fuq il-glorja tal-Qaddisin: nies bħal dawn ma jafux  iħobbu ħlief it-tpaxxija tagħhom. Inaqqsu skond ma jidhrilhom bil-ġibdiet imgħawġa tagħhom u mhux skond ma jogħġob lis-sewwa t’Alla.

 

6.      Bosta wħud issibhom moħħhom ma jlaħħaqx għal dawn il-ħwejjeġ, l-aktar jekk neqsin mid-dawl tas-sema; u kif tridhom dawn iħobbu bniedem bi mħabba tar-ruħ? Issibhom jagħmlu ħbieb - ħbiberija tad-dinja – issa ma’ dan u issa ma’ dak, skond lejn min tiġbidhom qalbhom; u jaħsbu  li kif jingħaqdu bejniethom malajr il-ħbieb tad-dinja, hekk ukoll jistħajluhom għandhom jinħabbu, l-Qaddisin u l-ħwejjeġ tas-sema! Imma x’għandu x’jaqsam dak li jaħsbu n-nies tad-dinja ma’ dak li jifhmu l-bnedmin mogħnijin bid-dawl tas-sema, li Alla bosta ħwejjeġ jurihom.

 

7.      Iftaħ mela għajnejk, ibni; la tħabbatx moħħok biex tagħraf dawk il-ħwejjeġ li ma twassalx għalihom. Ħabrek anzi u ara kif tagħmel li tkun imqar l-inqas wieħed fis-saltna t’Alla. Issa kieku stess wieħed ikun jaf liema Qaddis hu itjeb mill-ieħor, jew liema hu l-akbar fis-saltna tas-Sema, X’ikun jiswielu jekk hu wara li jaf dan kollu ma jiċċekkinx quddiemi, u ma jfaħħarx b’tifħir akbar l-isem tiegħi? Aktar jinġibed lejn Alla min iġib quddiem għajnejh il-kruha ta’ dnubietu, u kemm hu lura fi qdusitu , u kemm bgħid mill-perfezzjoni tal-Qaddisin; minn dak l-ieħor li joqgħod jitlewwem fuq il-kobor jew iċ-ċokon tagħhom. Aħjar titlob lill-Qaddisin bid-devozzjoni u bid-dmugħ, u titlobhom bl-umilta kollha li jieqfu miegħek bil-għajnuna qawwija tagħhom, milli toqgħod tħabbat moħħok fuqhom tara min stħaqqlu wieħed aktar mill-ieħor.

 

8.      Il-Qaddisin għandhom il-milja tal-hena; u li kienu l-bnedmin jifhmuha tajjeb, jaqtgħu il-kliem fieraġh ta’ lsienhom fuqhom. Xejn il-Qaddisin ma jintefħu bil-merti tagħhom; għax anzi jistqarru li, jekk għandhom xi ħaġa tajba, ma hix ġejja minnhom, iżda minni, għax kulma għandhom jien tajthulhom, mill-imħabba tiegħi bla tarf. Il-Qaddisin huma tant mimlijin bl-imħabba t’Alla u bil-hena tas-smewwiet li l-glorja u tgawdija tagħhom huma sħaħ għall-aħħar. Il-Qaddisin kollha aktar ma huma mgħollijin fil-glorja aktar huma umli fihom infushom, u dejjem aktar joqorbu lejja u aktar jinħabbtu miegħi. Għalhekk l-Iskrittura tgħid; ‘’Warrbu l-kuruna tagħhom quddiem Alla, u xteħtu wiċċhom fl-art quddiem il-Ħaruf, u aduraw lil Dak li hu ħaj minn dejjem sa dejjem.’’

 

9.      X’uħud iridu jafu liema hu l-akbar fis-saltna t’Alla, mbagħad ma jafux jekk għadx imisshom li jkunu magħdudin ma’ l-iżgħar. Ta’ min jifraħ, iva, li tkun imqar ma’ l-iċken fil-ġenna, fejn kulħadd ikun kbir, għax kulħadd ikun jissejjaħ, u jkun tabilħaqq, iben t’Alla. Min hu l-iżgħar wieħed fid-dinja jsir jiswa elf fis-sema, u l-midneb ta’ mitt sena jmut. Meta dawk tax-xirka ta’ Ġesu staqsewh min hu l-akbar  wieħed fis-saltna tas-smewwiet, kellhom minni din it-tweġiba: ‘’Jekk ma tbiddlux ħajjitkom u ssiru bħala trabi, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet. Mela min jiċċekken bħal dit-tarbija jkun l-akbar fis-saltna tas-smewwiet.’’

 

10.  Ħażin jaħbtu dawk li jitkabbru u ma jridux jiċċekknu bħala trabi; għax il-bieb tas-saltna tas-sema qasir, u ma jidħlux minnu. Ħażin jaħbtu l-għonja li jfittxu t-tgawdija tagħhom fuq din l-art; għax meta l-foqra jidħlu fis-saltna  Alla, huma msejknin jibqgħu minn barra jitbekkew. Intom, ja umli, ifiħu, intom ukoll, ja foqra, għax is-saltna t’Alla hija tagħkom; basta għallanqas timxu fit-triq tas-sewwa.

 

 

KAP LIX

 

It-tama tagħna għandha tkun f’Alla biss

 

IR-RUĦ

 

1.      Mulejja, x’tama hi din tiegħi f’din il-ħajja? Jew inkella x’hena kbir jistgħu jagħtuni kemm ħwejjeġ hemm mis-sema ‘l isfel? Int biss, it-tama u l-hena tiegħi, Mulejja, Alla tiegħi, li l-ħniena tiegħek ma fihiex tarf. Fejn qatt thennejt mingħajrek? Jew meta qatt kelli lilek miegħi u sibt ruħi ħażin? Aħjar inkun fqir għall-imħabba tiegħek, milli għani mingħajrek. Aktar nagħżel li nibqa’ turufnat u miegħek f’dina l-art milli kieku ngħammar fis-sema mingħajrek. Fejn tkun int hemm il-ġenna; u fejn ma tkunx int mewt u infern. Int il-mistrieħ tiegħi; u għalhekk ma nistax ma molfoqx għalik, u ma nsejjaħlekx u ma notolbokx li tieqaf miegħi. Ma nistax nitma sħiħ f’ħadd, li jkun jista’ jgħinni fil-bżonnijiet tiegħi, ħlief biss fik, o Alla tiegħi. Int biss it-tama tiegħi; bik moħħi mistrieħ, int hu li thennili din qalbi; u fost kulħadd lilek sibt fidil miegħi f’kollox.

 

2.      Kulħadd iħabrek għalih innifsu; int ma tfittixx ħlief il-fidwa tiegħi  u l-qdusija ta’ ruħi, u tagħmel li kollox jisfagħli b’ġid. Tabilħaqq li ġġarrabtni b’bosta slaleb u dwejjaq; imma dan tagħmlu għall-ġid tiegħi, għax int minn dejjem iġġarrab f’bosta xorti lill-maħbubin tiegħek. U fuq hekk, ħaqqek li tkun maħbub u mfaħħar, mhux anqas minn meta timlieli qalbi bil-hena tas-smewwiet.

 

3.      Fik mela, Mulejja Alla tiegħi, inqiegħed it-tama tiegħi kollha, u f’idejk nerħi ruħi: fi ħsiebek inħalli t-tribulazzjoni u d-dwejjaq tiegħi kollha; għaliex kulfejn inħares, barra minnek, insibu frugħa u kollox idur mar-riħ. Għaliex u la l-ħafna ħbieb tiegħi ma jiswewli; u la l-qawwijin jistgħu jgħinuni; u la n-nies tal-għaqal jagħtuni parir tajjeb, u la l-kotba tal-għorrief isabbruni; u la l-għana jeħlisni mill-jasar; u la ebda mkien imwarrab u sabiħ jaħjini jekk int ma tgħinnix, u tieqaf miegħi u ssabbarni u tgħallimni u tħarisni.

 

4.      Dak kollu li jidhrilna li jġib f’qalbna l-paċi u l-hena, jekk ma tkunx hemm int ukoll, xejn ma jiswa u anqas jista’ jnissel f’ruħna l-hena li nixtiequ. Int hu mela l-għajn ta’ kull ġid, is-sabar tal-ħajja u l-bidu ta’ kull għerf; u l-akbar tgawdija tal-qaddejja tiegħek, li jittamaw fik fuq kollox. Lejk narfa’ għajnejja, Alla tiegħi; fik nitma, Missier ta’ kull ħniena. Bierek u qaddes ir-ruħ tiegħi bil-barka tas-smewwiet, ħalli ssir agħmara mqaddsa tiegħek u tron tal-glorja tiegħek eterna, biex f’dan it-tempju tal-kobor tiegħek ma jinsab xejn li jista’ jonqsok fil-ġieh li jistħoqqlok. F’ġieh il-kobor tat-tjieba tiegħek, u f’ġieh il-kotra tal-ħniniet tiegħek, dawwar lejja l-għajnejn tiegħek u isma’ t-talb tal-imsejken qaddej tiegħek, li jiġġerra bgħid minnek f’artijiet id-dlam tal-mewt. F’tant tiġrib li tinsab fiha dil-ħajja, ħares lejh din ir-ruħ tas-serv tiegħek u żomm idejk fuqha; u bil-grazzja tiegħek mexxiha int, mat-triq tal-paċi għad-dawl u l-hena ta’ dejjem. Amen.