IT-TIENI KTIEB

 

TAL-IMITAZZJONI TA’ KRISTU

TAGĦLIM KIF WIEĦED GĦANDU JMUT GĦAD-DINJA BIEX IGĦIX ĦAJJA TAR-RUĦ

 

KAP 1

Kif Alla jitkellem mal-qalb tal-bniedem

          ``Is-saltna t’Alla ġewwa fikom,’’ igħid il-Mulej. Agħti ruħek ‘l Alla b’qalbek kollha, tbiegħed għal kollox min dal-wied tad-dmugħ, u ruħek issib il-mistrieħ tagħha. Tgħallem ixħet taħt riġlejk il-ħwejjeġ ta’ din l-art, agħti ruħek għall-ħwejjeġ tar-ruħ, u inti tara kif Alla jiġi jsaltan ġewwa fik. U s-saltna t’Alla taf x’inhi? Paċi u hena fl-Ispirtu Santu; u dawn ma jingħatawx lill-ħżiena.

          Jiġi mela ġewwa fik Kristu Ġesu u jurik il-ħlewwiet tiegħu, jekk tlestilu f’qalbek agħmara kif lilu tixraq. Il-glorja tiegħu, il-ferħ tiegħu. Hu jsibhom ġewwa l-qalb; u bihom jitgħaxxaq. Spiss Hu jħobb iżur il-bniedem miġbur fih innifsu, miegħu jitħaddet bil-ħlewwa; isawweb fuqu l-grazzja tiegħu; jagħtih paċi kbira, jinħabb miegħu ħwejjeġ tal-għaġeb.

 

          2. Fittex mela, o ruħ fidila, ħejjilu l-qalb tiegħek lil dan il-għarus, ħalli jitħajjar jiġi għandek u jgħammar fik. Isimgħu x’igħid: ``Min iħobbni jgħożż kliemi u jinħabb ma’ Missieri; u aħna niġu għandu, u noqogħdu miegħu.’’ Ħejji mela lil Kristu agħmara ġewwa fik, u tħallix min jidħol ħliefu.

          Meta għandek lil Kristu, għani int, u xejn ma jonqsok. Hu jidħol għalik u jaħseb għalik f’kollox, u ma jkollokx bżonn titma fil-bnedmin. Il-bnedmin malajr ibiddlu l-fehma tagħhom, u għalxejn b’xejn jonqsu minn kelmthom; imma Kristu jibqa’ fehma waħda għal dejjem, u minn kelmtu qatt ma jonqsok sa l-aħħar tiegħek.

 

          3. Tama kbira ma għandux għax ikollok fil-bniedem tant debboli u lsir tal-mewt, għalkemm jista’ jiswielek u jħobbok; anqas għandek imbagħad għax teħodha bi kbira, jekk xi darba jfixklek jew imerik. Dawk li llum huma miegħek, għada għandek ħila ssibhom kontra tiegħek; u minfuq ibiddlu fehmithom bħala pinnur mar-riħ. Qiegħed it-tama kollha tiegħek f’Alla, minnu ibża’ u lilu ħobb. Hu dejjem hemm għalik, u hu jagħmillek li jaħtieġlek għall-aħjar tiegħek. Hawn m’hux pajjiżek biex toqgħod fih għal dejjem tkun fejn tkun inti dejjem barrani u frustier: u mistrieħ ma jkollok qatt ħlief jekk tkun marbut minn qalbek ma’ Kristu.

 

          4. Għala tixxennaq u tħares ‘l hawn u ‘l hemm, la darba m’hux il-lok tal-mistrieħ tiegħek? Fis-smewwiet irid ikun il-qgħad tiegħek; u l-ħwejjeġ ta’ l-art, af, ma jmissekx tagħtihom anqas daqqa ta’ għajn, bħal min ikun għaddej għal xogħlu. Kollox jgħaddi, u int wkoll.

          Qis li ma tirtabat ma’ ebda xejn, li ma tmurx tinqbad u tħalli ġildek. F’Alla għandhom ikunu l-ħsibijiet tiegħek, u la tehdiex ittalla’ t-talb tiegħek għal għand Kristu. Jekk moħħok ma jtikx li taħseb fil-ħwejjeġ għolja tas-sema, oqgħod aħseb fil-passjoni ta’ Kristu, u għammar b’tama kbira ġewwa l-pjagi mqaddsa tiegħu. Jekk inti tistkenn bis-sedqa ġewwa l-pjagi egħżież ta’ Ġesu, sabar kbir issib meta tkun f’xi dwejjaq; u anqas  ma tant jimpurtak jekk il-bnedmin iżebilħuk, u bħalxejn tieħu bis-sabar li jaqalgħu fuqek.

 

          5. Kristu wkoll kien imżeblaħ mill-bnedmin fid-dinja; u waqt it-taħbit, sal-ħbieb telquħ waħdu. Kristu ried ibati u jkun imżeblaħ; u int ma tistħix tgemgem? Kristu kellu l-egħdewwa u min jaqla’ fuqu, u int jidhirlek li kulħadd għandu jkun ħabib tiegħek u jagħmillek il-ġid? Kieku ma jinqalagħlek ebda għawġ, kif trid int il-paċenzja tiegħek tkun imħallsa? Kieku jiġik kollox għal qalbek, kif trid tkun ħabib ta’ Kristu? Ħu mela paċenzja ma’ Kristu u għall-imħabba ta’ Kristu, jekk trid issaltan ma’ Kristu.

 

          6. Li dħalt imqar darba biss, imma sewwa, ġol-qalb ta’ Kristu, u ġarrabt ftit mill-ħeġġa ta’ l-imħabba tiegħu, kieku ma kontx toqgħod tfittex tbatija u mhux tbatija; anzi aktar tifraħ jekk jaħbtu jmaqdruk, għax l-imħabba ta’ Ġesu Kristu ġġiegħel lill-bniedem xejn u xejn aktar ma jqis lilu nnifsu.

          Min iħobb lil Ġesu Kristu u s-sewwa tiegħu, min hu mejjet għal din id-dinja, min ma għandu ebda ġibda ħażina, jista’ jagħti ruħu ‘l Alla għal kollox, jista’ jogħla xi ħaġa aktar minn bniedem f’dawk li huma ħwejjeġ tar-ruħ, jista’ jgawdi l-veru mistrieħ.

 

          7. Min il-ħwejjeġ jaf jistmahom, mhux le skond ma tismahom id-dinja imma talli huma, dan hu tabilħaqq għaref, u l-għerf tiegħu ġej minn għand Alla, mhux le mill-bnedmin. Min jimxi dritt, u l-ħwejjeġ ma jiżinhomx bil-miżien tad-dinja, ma jfittixx fejn u meta, biex jagħmel l-opri tajba. Min qalbu hi mimlija b’Alla, qatt moħħu ma jixxerred, għax qatt ma jisker bil-ħwejjeġ tad-dinja. Ma jimpurtaħx għax ibati ġismu, jew għax il-ħin tiegħu ikun imqassam; imma jiġri x’jiġri ssibu lest jilqa’ kollox.

          Min f’qalbu ma għandux taqlib u taħwid ma joqgħodx iħares x’jagħmlu jew ma jagħmlux il-bnedmin, anqas il-ħażen tagħhom; il-bniedem isib x’ifixklu u jħawwadlu moħħu, skond ma jirtabat jew ma jirtabatx mal-ħwejjeġ tad-dinja.

 

          8. Jekk timxi sewwa u żżomm ruħek safi minn kollox, kulma jiġrilek ikun b’risq u ġid tiegħek. U għalhekk sal-lum bosta ħwejjeġ idejquk u jħawduk; għax għadek ma nftamtx mill-ħwejjeġ tad-dinja.

          Ebda ħaġa ma ttabba’ u tħawwad il-qalb tal-bniedem daqs il-ġibda ħażina lejn il-ħlejjaq l-oħra. Kieku il-ħwejjeġ tad-dinja ma jħajrukx biex titfarraġ fihom, oqgħod aħseb fuq il-ħwejjeġ tas-Sema, u tibżax, qalbek ikollha fiex tithenna.

 

 

KAP II

Għandna nerħu ruħna f’idejn Alla b’umilta kbira

          1. La timliex rasek tgħid: ``Dak iġibni; dak ma jġerragħnix.’’ Biss qis li Alla jkun miegħek f’kulma tagħmel. Ara li jkollok kuxjenza; u Alla jgħinek. Dak li Alla miegħu, ebda ħażen ta’ bniedem ieħor ma jista’ għalih. Jekk għandek ħila tbati bla ma tgemgem, Alla żgur jidħol għalik. Hu jaf meta u kif għandu jeħilsek; u għalhekk erħi ruħek f’idejk, għaliex Alla hu dak li jgħinna u tagħna minn kull dwejjaq. Wisq drabi  jkun ġid tagħna li l-oħrajn jagħarfu n-nuqqas tagħna u jlumuna biħ ukoll, biex dejjem aktar inkunu umli.

 

          2. Meta wieħed jara d-difetti tiegħu u jumilja ruħu, iberred aktar malajr lil min ikun mixgħul kontra tiegħu. L-umli, Alla jieħu ħsiebu, u jeħilsu, iħobbu u jhenniħ, jinġibed lejħ, jagħtiħ grazzja qawwija; u wara li jiċċekken, igħolliħ u jagħniħ bil-glorja. Lill-umli juriħ il-għerf tiegħu, jistiednu miegħu bil-ħlewwa u jiġbdu lejħ. L-umli għalkemm iċanfruħ, iżomm dejjem ruħu fil-paċi, għaliex it-tama tiegħu f’Alla u mhux fin-nies tad-dinja. Jekk ma żżommx ruħek bl-iċken fost kulħadd, qatt ma tgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba: ifhima tajjeb!

 

 

KAP III

Liema hu l-bniedem tajjeb u bil-paċi f’qalbu

1.     Ibda minnek innifsek, imbagħad tkun tista’ ġġib il-paċi fost l-oħrajn. Aħjar bniedem sieket minn wieħed għaref. Min minn ġewwa hu mħawwad, sal-ġid jisfagħlu deni, u bħalxejn jemmen li jmorru jgħidulu fuq ħaddieħor; imma min huwa sieket, kollox jieħu b’ġid tiegħu. Min għandu l-vera paċi tal-qalb, f’xejn ma jaħseb ħażin f’ħaddieħor; u la jistrieħu hu, u la jħalli ‘l min jistrieħ. Bosa drabi jgħid dak li ma jmissux igħid; u dak li jmissu jagħmel, u l-obbligi tiegħu xejn ma jarahom. Mela ħabrek l-ewwel għalik innifsek, imbagħad tkun tista’ taħseb tħabrek għall-ġid tal-proxxmu tiegħek.

 

2.     Dak li tagħmel int, għandek ħabta tgħattiħ u żżejnu bil-kliem, imma bli taħfer lil ħaddieħor ma tridx tisma’. Frattant kien ikun aħjar tistqarr in-nuqqas tiegħek milli toqgħod tugża lil sieħbek. Issaporti lill-oħrajn, jekk trid lil ħaddieħor jieħu paċenzja bik. Ara kemm għadek bgħid mill-vera mħabba u umilta! Kieku kont umli, ma kontx tisħon ħlief għalik innifsek. N’hix ħaġa kbira li tgħix mat-tajbin u l-umli bla ma jkollok xi tgħid magħhom. Ma’ nies hekk, kulħadd kieku jrid jagħmilha; il-kwiet minnu nnifsu jogħġob lil kulħadd u kulħadd iħobb aktar lil min ma joqgħodx imeriħ. Imma li jkollok tagħmilha ma’ rjus iebsa, ta’ fehmiet imgħawġa, ma’ min ma jridx jaf bi kmand, ma’ min hu dejjem bis-sejf mislut, u tgħix bil-paċi magħhom, grazzja wisq kbira trid tkun; trid tkun qawwija, u ta’ min ifaħħarha.

 

3. Hemm x’uħud li jgħixu bil-paċi magħhom infushom u ma’ l-oħrajn ukoll. Hemm oħrajn la għandhom kwiet huma u lanqas iħallu bi kwiethom l-oħrajn; salib lill-oħrajn, u salib itqal għalihom. Hemm min iżomm dejjem il-paċi fih innifsu, u jfittex li jnissilha fl-oħrajn. Mela l-paċi kollha tagħna, f’din il-ħajja tat-tbatija, taf fiex għandha tkun? Filli nissaportu kollox bl-umilta, u mhux filli ma nġarrbux dak li ma naħmlux.

 

 

KAP IV

X’jiġifieri fehma safja tal-qalb

1.     B’żewġ ġwienaħ il-bniedem jittajjar ‘il fuq mid-dinja: bis-safa tal-qalb u tal-fehma. Bis-sedqa tal-fehma tagħna, u ta’ l-imħabba tagħna. B’hekk insibu ‘l Alla u ninġibdu lejħ u nitgħaxxqu biħ. Jekk f’qalbek ma jkollok ebda ġibda ħażina, ma tiltaqa’ ma’ ebda tfixkil fl-egħmil tiegħek tajjeb. Jekk int ma tfittixx u ma tħabrikx għall ebda ħaġ’oħra li togħġob ‘l Alla u li tagħmel ġid lill-proxxmu tiegħek, qalbek tkun dejjem bis-sabar tagħha. Li qalbek kienet dejjem safja; kieku l-ħolqien kollu jkun mera għalik kif għandek tgħix, u tgħallmek il-għerf tal-qdusija; għax kemm-il ħaġa naraw, avolja ċkejkna u ta’ xejn, f’kollox naraw it-tjieba t’Alla.

 

          2. Li kellek qalbek safja u fehma tajba, kieku tara u tifhem kollox sewwa. Qalb nadifa tifred sas-smewwiet u l-infern.

          Kulħadd jara minn barra skond ma hu minn ġewwa. Jekk hemm xi ferħ fid-dinja, issibu żgur fil-bniedem li għandu qalbu safja. U jekk jinqalgħu slaleb u dwejjaq, min għandu kuxjenza ħażina jħosshom itqal minn ħaddieħor. Kif ħadida jekk idaħħalha fin-nar tinża’ mis-sadid tagħha, u toħroġ tlellex bid-dija, hekk il-bniedem li jagħti ruħu ‘l Alla kollu kemm hu, titwarrab minnu l-bruda, u jitbiddel fi bniedem ieħor.

 

3. Malli l-bniedem jibda jirtema u jitgħażżen, jibda mqar l-iżgħar xogħol jarah bi kbir, u qalbu tfittex is-sabar tad-dinja. Imma meta jibda jgħakkes lilu nnifsu, u jimxi ta’ rġiel fit-triq t’Alla dak li dari kien jiġiħ tqil jibda issa jsibu ħafif.

 

 

KAP V

Daqqa ta’ għajn fuqna nfusna

1.     Ma għandniex għax nafdaw wisq fina nfusna, għax bosta drabi

aħna jonqosna l-grazzja u d-dehen. Wisq ftit jinsab fina; u avolja dan il-ftit, malajr nitilfuh, għax ma nafux ingħożżuh. Bosta drabi wkoll ma nintebħux li aħna tant għomi minn ġewwa. Bosta drabi nimxu ħażin, u minn fuq niskużaw irwieħna, u b’hekk nagħmlu agħar. Drabi ninxegħlu bil-korla u naħsbu li hi ħrara għall-ġid. Tarana nċanfru lill-oħrajn għall-ħwejjeġ żgħar, u għall-ħwejjeġ kbar tagħna nagħlqu għajnejna. Jekk insofru xi ħaġa minn ħaddieħor, minnufih inħossuha u niżnuha; imma dak kollu li l-oħrajn ibatu minħabba fina, anqas biss igħaddilna minn rasna!

          Min jiżen bil-miżien tas-sewwa u tal-ħaqq l-egħmil tiegħu, l-egħmil ta’ ħaddieħor ma jaraħx dinja.

 

          2. Min hu mogħti għal Alla, l-ewwel iqis li jbiddel ħajtu; u min hu miedhi biħ innifsu, ma ssibux igħid fuq l-oħrajn. Trid tkun bil-paċi f’qalbek u devot? Ħiet fommok għall-egħmil tan-nies, u oqgħod b’għajnejk miftuħa fuqek innifsek biss. Jekk taħseb biss fuqek u f’Alla, tara x’tara, xejn ma jħabbatlek moħħok. Iss’int fejn tkun meta rasek tkun band’oħra? U meta tkun mort b’moħħok f’din jew dik il-ħaġa xi tkun irbaħt? Jekk trid ikollok il-paċi u l-vera rabta m’Alla, jaħtieġlek tixħet kollox wra spallejk, u taħseb fik innifsek.

 

3. Ġid kbir ikunlek, jekk iżżomm ruħek maħlul mill-ħsibijiet tad-dinja; imma deni tagħmel lilek innifsek jekk tirgħeb għall-ħwejjeġ ta’ din l-art. Ebda ħaġa ma għandek għaliex taraha kbira, għolja, sabiħa, u għal qalbek barra minn Alla, jew dak li jiġi minn Alla. L-hena li jistgħu jagħtuk il-ħlejjaq kollha żommu bi frugħa. Ir-ruħ li tħobb ‘l Alla, xejn ma tħobbu dak kollu li mhux Alla. Biss Alla hu etern u  bla tarf; hu li jimla kullimkien; hu jhenni r-ruħ u jimla’ l-qalb b’ferħ tal-ġenna.

 

 

KAP VI

X’ferħ iġġib il-kuxjenza tajba

1. Il-għaxqa tat-tajjeb hi din, li jkollu kuxjenza safja. Qis mela li jkollok kuxjenza tajba, u qalbek tkun dejjem ferħana. Il-kuxjenza tajba wisq slaleb tiflaħ tarfa’; u avolja fid-dwejjaq, issibha bil-wisq ferħana; imma l-kuxjenza ħażina dejjem imbeżżgħa u mħabba biha stess. Inti ikollok l-ogħla mistrieħ, jekk qalbek ma tniggżikx. Ma għandekx għax tifraħ, ħlief, meta tħoss li mxejt kif irid Alla.

          Qatt il-ħżiena ma għandhom il-veru ferħ, anqas qatt iħossu l-faraġ tal-qalb; għaliex għall-ħżiena ma hemmx paċi, igħid Alla; U jekk tismagħhom tgħidu: ``Aħna nħossuna f’sikkitna; u min tridu jiflaħ għalina?’’ xejn la temminhom, għax ħin bla waqt il-qilla t’Alla tqum għalihom, l-egħmil tagħhom jispiċċa fix-xejn, u l-ħsibijiet tagħhom itiru mar-riħ.

 

2.     Lil min iħobb lil Ġesu ma tiġiħx bi tqila li jifraħ bid-dwejjaq, għaliex anzi l-ferħ tagħna għandu jkun fis-salib ta’ Sidna. L-unur li jingħata minn bniedem lil bniedem ieħor, ħajja qasira għandu. U l-kobor ta’ din id-dinja dejjem jimxi miegħu s-swied il-qalb u l-biki.

Il-glorja tat-tajbin iħossuha dejjem fihom, fil-kuxjenza tagħom, mhux filli jfaħħruhom in-nies. It-tajbin jifirħu b’Alla u f’Alla, u jitgħaxxqu bis-sewwa tiegħu. Min irid ikun kbir tabilħaqq u għal dejjem, ma għandux għaliex ifittex il-ħwejjeġ tad-dinja. Imma min jirgħeb għat-tifħir tan-nies, jew ma qisu xejn, juri li ftit iħoss qalbu mixgħula għall-ħwejjeġ tas-Sema. Min ma jimpurtaħx u la minn tifħir u la minn tagħjir, issibu għandu paċi kbira ġewwa qalbu.

 

3.     Min il-kuxjenza tiegħu hi nadifa, aktarx ikun dejjem ferħan u moħħu mistrieħ. Billi jfaħħruk, m’intix qaddis aktar milli int; u jekk iżebilħuk u jaqalgħu fuqek, tibqa’ li int ukoll; għaliex b’daqshekk, quddiem Alla, ma tkunx magħdud b’aktar jew anqas milli int. Ħares biss x’inti minn  ġewwa, u mill-bqija la tfittixx x’igħidu minnek in-nies. – Il-bniedem jara l-wiċċ  ta’ sieħbu; imma Alla jara l-qalb; il-bnidem jara l-egħmil, imma Alla jħares li jiżen il-fehma ta’ egħmil il-bniedem. – Min jagħmel dejjem is-sewwa, u jżomm ruħu ta’ xejn, sinjal li r-ruħ tiegħu hija umli. Min ma jfittixx is-sabar ta’ ebda maħluq, sinjal li qalbu nadifa u mogħnija bit-tama.

 

4.     Min ma jfittixx xhud barrani ta’ kuxjenza tiegħu, sinjal li hu ntelaq f’idejn Alla kollu kemm hu. San Pawl igħid: ``Mhux għax wieħed jiftaħar bih innifsu, hu fit-triq it-tajba; jaħtieġlu li jfaħħru Alla.’’ Il-ħajja ta’ bniedem li miet għad-dinja, hi din: illi hu jmexxi dejjem qalbu m’Alla, u ma jkollu ebda ġibda għall-ħwejjeġ ta’ din l-art.

 

 

KAP VII

L-imħabba ta’ Ġesu fuq kollox

1.     Imbierek hu min jilħaq jifimha x’jiġifieri tħobb lil Ġesu, u xejn  ma jqis lilu nnifsu għall-imħabba ta’ Ġesu. Jaħtiġilna nitilqu kulma nħobbu biex inħobbu lilu biss, għax Ġesu jrid ikun maħbub waħdu u fuq kollox , l-imħabba tal-bnedmin hi qarrieqa u ddur mar-riħ; l-imħabba ta’ Ġesu ma titbiddilx u tibqa’ sa l-aħħar. Min jorbot qalbu mal-ħwejjeġ maħluqa, jispiċċa fix-xejn bħalhom, min jitħaddan ma’ Ġesu, jitwieżen fis-sħiħ u għal dejjem. Lilu ħobb mela u lilu żomm b’ħabibek: għaliex, jekk kulħadd jitilqek, hu le ma jħallikx u lanqas fl-aħħar ta’ ħajtek ma jħallik tintilef. U ħaġ’oħra: minn kulħadd jaħtieġlek tintgħażel, trid jew ma tridx.

          2. Kun dejjem marbut ma’ Ġesu, issa u waqt il-mewt tiegħek, u erħi ruħek f’idejħ għax Hu l-ħabib fidil tiegħek. Meta jinsewk l-oħrajn, Hu waħdu jista’ jgħinek. U ftakar dejjem li dan il-maħbub tiegħek ma jridx lil ħaddieħor miegħu fejn ikun Hu; imma jrid li qalbek tkun kollha tiegħu waħdu, biex fiha jkun qiegħed bħala sultan fuq it-tron tiegħu. Li kellek ħila tinħall għal kollox mill-ħlejjaq kollha, kieku ‘l Ġesu ssibu jgħammar miegħek.

          Dak kollu li tkun għamilt għall-bnedmin u mhux għal Ġesu, qisek kollu ssibu mitluf. Xejn la tafda żejjed jew anqas turbot ma’ qasba mbewqa li tixxejjer mar-riħ; għax kos kemm-il bniedem hawn, qisu ħuxlief u l-kburija tiegħu kollha tidħol bħala warda tal-widien.

 

          3. Kemm issib ruħek imqarraq malajr jekk timla rasek b’dak li juru minn barra l-bnedmin! U kos,  jidhirlek li minnhom  sejjer tara x ġid jew xi pjaċir, u aktarx issib ruħek imqarraq.

          Jekk f’kull ħaġa tfittex lil Ġesu, issib lil Ġesu, imma jekk tfittex lilek innifsek, issib lilek innifsek, u bi ħsara tiegħek. Għax il-bniedem, jekk ma jfittixx lil Ġesu, jagħmel deni lilu nnifsu aktar milli tista’ tagħmillu d-dinja kollha kemm hi, u l-egħdewwa tiegħu kollha.

 

VIII

Fuq l-imħabba ta’ Ġesu

 

1.     Meta Ġesu hu magħna, għandna kull ġid, u xejn iebes ma jiġina,; imma meta Ġesu ma nisimgħuħx jitkellem ġewwa qalbna, ma nsibux ħlief hena midbiel; imma jekk Ġesu jgħid kelma waħda biss, hena kbir iġġarrab il-qalb. Jaqaw Marija Maddalena ma taritx bil-ferħ mnejn kienet mixħuta tibki, meta Marta qaltilha: ``Hawn l-Imgħallem u qiegħed isejjaħlek?’’ Oh! X’ħin ta’ ferħ, meta Ġesu lil ruħ lit kun tibki, igħajtilha biex tithenna! Kemm tkun imnikkta u bierda qalbek, meta miegħek ma jkollokx lil Ġesu! U kemm int bla għaaqal u fieragħ meta tixtieq ħaġ’oħra barra minn Ġesu! Ma tarax li din għalik tkun ħsara akbar milli kieku titlef id-dinja kollha?

 

2.     Id-dinja mingħajr Ġesu x’tista tieħu minnha? Tgħix mingħajr Ġesu miegħek hu infern qalil: tgħix b’Ġesu miegħek, ebda għadu ma jista’ għalik. Min jsib lil Ġesu jsib teżor ta’ ġid, u ta’ ġid akbar minn kull ġid ieħor. U min jitlef lil Ġesu jitlef wisq aktar milli kieku jitlef id-dinja kollha. L-akbar fqir hu dak li jgħix bla Ġesu miegħu, u l-aqwa għani, dak li jaf jinħabb ma’ Ġesu.

 

3.     Għerf kbir għandu min jaf jgħammar ma’ Ġesu; u għaqal kbir min jaf iżomm ruħu ħabib ta’ Ġesu. Kun umli u bis-sabar tiegħek, u Ġesu jgħammar fik. Kun devot u miġbur, u Ġesu jibqa’ miegħek. Ma tridx wisq biex tbiegħed minnek lil Ġesu u l-grazzja tiegħu: biżżejjed ixxoqq qalbek għall-ħwejjeġ tad-dinja. U jekk tilħaq tbiegħdu minnek u titilfu, għand min tmur, lil liema ħabib tfittex? Ifhimha tajjeb bla ħabib ma tistax tgħix fil-hena; u jekk Ġesu ma jkunx l-aqwa ħabib tiegħek, ma jkollokx ħlief swied ta’ qalb u dwejjaq. Ta’ ibleħ mela tkun tagħmel, jekk tafda jew tifraħ b’ħaddieħor, barra minnu. Aħjar jkollok kontra tiegħek id-dinja kollha, milli tonqos lil Ġesu. F’kelma waħda, fost dawk kollha li huma għal qalbek, ħobb l-ewwel wieħed u l-aktar lil Ġesu.

 

4.     Ħobb lil kulħadd minħabba Ġesu, imma lil Ġesu ħobbu minħabba fih innifsu. Biss għal Ġesu għandu jkollok imħabba barranija, għaliex fost il-ħbieb kollha lilu ssib tajjeb u fidil miegħek. Minħabba fih, u għalih, għandek tħobb sewwa l-ħbieb u sewwa l-egħdewwa wara ħadd, imma qis li Ġesu jkun is-sid ta’ qalbek, u ta’ kull ruħ tajba.

 

5.     Żomm ruħek safja u maħlula minn kulħadd, jiġifieri la torbot  qalbek ma’ ebda ħadd. Jekk trid tipprova u tara kemm hu ħelu l-Mulej, hemm bżonn li żżomm qalbek battala u safja: u dan ma tħossux fik, jekk minn qabel Hu ma jxerridx fuqek il-grazzja tiegħu u biha jiġbdek lejh, biex int twarrab lil kulħadd minn ġo qalbek, u miegħu tkun tista’ tingħaqad u ssir ħaġa waħda. Meta bniedem ikollu fuqu l-grazzja t’Alla jsir jiflaħ għal kollox; imma meta jitlifha, jiftaqar  u jidbiel u bħal qala’ xebgħa. Imma avolja jsib ruħu f’dan l-imrar, ma għandux imbagħad jaqta’ qalbu: ``Isir minn dak li jrid Alla, kulma jiġrili nieħdu f’ġieħ Kristu’’. Għax wara x-xitwa jiġi s-sajf, wara l-lejl in-nhar, u wara r-rwiefen il-bnazzi.

 

 

KAP IX

Waqt id-dwejjaq tar-ruħ

1.     Xejn m’hu għaġeb li wieħed ma jagħtix kont tal-hena ta; din id-dinja, meta qalbu tinsab imfawra bil-hena t’Alla. Imma hi ħaġa kbira wisq, li ma jkollok u la l-faraġ tal-bnedmin u lanqas t’Alla; hu għaġeb kbir li wieħed f’ġieħ t’Alla jissaporti bis-sabar kollu dan l-imrar tal-qalb bla xejn ma jfittex lilu nnifsu, jew anqas ifittex x’rebħ jista’ jkollu. Għax ingħiduha: x’għaġeb hu li r-ruħ tkun ferħana u mixgħula bid-devozzjoni meta tkun mogħnija bil-grazzja? Din ħaġa li kulħadd jixtieqha. Jgħaddi ‘l quddiem bla tbatija, anzi jittajjar fil-hena, min iħossu fuq il-ġwienaħ tal-grazzja t’Alla. X’għaġeb li hu ma jħossx it-toqol tiegħu, min hu  mwieżen minn Dak li jista’ kollox; meta jmexxiħ Dak li waħdu jista’ jmexxiħ b’għerf bla tarf?

 

2.     Bil-wisq ingħożżu dawk il-ħwejjeġ li jistgħu jhennuna; u ma tantx ninżgħu malajr minna nfusna. – L-imqaddes martri San Lawrenz ċaħad id-dinja u l-imħabba mill-aqwa li kellu lejn il-Papa, biex xeħet taħt riġlejħ dak kollu li fid-dinja sata’ jħajru, u għall-imħabba ta’ Kristu, anqas ma ġietu tqila li jingħażel mill-Kbir Saċerdot t’Alla l-Papa Sistur, avolja hu kien tant iħobbu! Bl-imħabba t’Alla rebaħ l-imħabba tal-bniedem, u ma rahiex bi kbira jinfired mill-hena ta’ bniedem bħalu, biex ikompli ma’ dak li Alla kien jitlob minnu. Hekk inti wkoll tgħallem itlef xi ħabib tal-qalb, jew li minnu tara xi ġid, għall-imħabba t’Alla. U xejn la teħodha bi kbira meta xi ħabib iħallik; inti taf tajjeb li darba jew oħra għandna ningħażlu minn xulxin.

 

3.     Jeħtieġlu l-bniedem irażżan lilu nnifsu bla jehda, biex jitgħallem imbagħad u jkun jista’ jirbaħ sewwa lilu nnifsu u ma jkunx iħobb ħlief ‘l Alla biss fuq kulħadd. Min f’kull ħaġa jfittex il-hena ta’ din id-dinja, jaqa’ għaliha; imma min iħobb tassew lil Kristu, min jimxi fit-triq tal-virtu, ma jfittixx li jehnni lil qalbu, anqas jiġri wara l-ġibdiet tad-dinja anzi jara kif jitkisser f’xogħol iebes għall-imħabba ta’ Kristu.

 

4.     Meta jogħġob ‘l Alla li jhennik b’xi ferħ tar-ruħ, b’qalbek kollha irringrazzjaħ; imma dejjem ibqa’ għid: ``Alla għoġbu jiftaħ idejħ miegħi, imma mhux għax ħaqqni.’’ U wkoll, xejn la tintefaħ, xejn la tifraħ żejjed, xejn la titkabbar: anzi kun aktar umli għal li tak, u imxi aktar bil-għaqal b’għajnejk miftuħa f’kulma tagħmel; għax siegħa bħal dik tgħaddi u tmur, u stenna warajha xi tiġrib. Meta mbagħad dan il-hena ma jibqax fuqek, xejn la taqta’ qalbek bil-pacenzja kollha u bl-umilta oqgħod stenna, sakemm Alla jarġa’ jżurek, għaliex Alla għandu mnejn jibgħat fuqek hena aqwa. Għal min hu mdorri jimxi fit-triq t’Alla, din m’hix ħaġa ġdida jew li qatt ma nstemgħet: l-akbar Qaddisin u Profeti antiki f’dan it-tibdil għaddewha ħajjithom: daqqa hekk, u oħra hekk.

 

5.     Wieħed minnhom, meta fih kien iħoss il-grazzja t’Alla, kien igħid: ``Jiena għidt fil-qawwa tal-ferħ tiegħi. – Ma nitħawwadx għala dejjem.’’ Imma meta l-grazzja kienet tħallih, kien hekk ifisser dak li jġarrab ġewwa fih: ``Dawwart wiċċek minn fuqi, u jien tħawwadt.’’ Imma madankollu ma kienx jaqta’ qalbu, anzi bi ħrara akbar kien jitlob ‘l Alla u jgħid: ``Lilek, o Mulejja, insejjaħ, u lil Alla tiegħi nitlob.’’ It-talb tiegħu ma kienx għalxejn, għax hu jistqarr u jgħidilna: ``Semagħni Alla u ħenn għalija: Alla sar l-għajnuna tiegħi.’’ Imma kif? Isma’ xi jgħid. ``Biddiltli l-biki tiegħi f’ferħ, u dawwartni bil-hena minn kullimkien.’’

Jekk dan sar fl-aqwa Qaddisin, ma għandniex naqtgħu qalbna aħna msejknin u morda jekk daqqa nkunu kollna ħrara, u daqqa berdin, għax l-ispirtu t’Alla jiġi fina u jħallina skond ma jogħġob lilu. U għalhekk il-qaddis Ġobb qal: ``Iżżuru għal għarrieda, u malajr iġġarrbu.’’

 

6.     Imma fiex għandna nittamaw u fiex nafdaw, ħlief fil-ħniena kbira t’Alla u fit-tama tal-grazzja tiegħu? Għax sewwa jkolli miegħi nies tajba, jew aħwa devoti, jew ħbieb fidili, sewwa naqra kotba egħżież u sbieħ, sewwa nisma’ jew inkanta inni ħelwin u devoti; dawn il-ħwejjeġ kollha ftit ġid jistgħu jagħmluli, ftit jhennuli qalbi, jekk fija ma jkollix il-grazzja, jekk inkun mitluq fil-faqar tiegħi. Meta hekk jiġrili aħjar għalija nieħu paċenzja, u jsir minni dak li jrid Alla, u mhux dak li nixtieq jien.

 

          7. Liema hu dak il-bniedem għalkemm tajjeb u qaddis, li kultant il-grazzja ma tħalliħx, li fih il-ħrara ma tibridx? Qatt ma nstab ebda Qaddis, għalkemm mixgħul bl-imħabba u mogħni b’dawl kbir, li darba jew oħra ma kienx tentat. U hekk jaħtieġ li jkun, għax min ma batiex b’xi salib għall-imħabba t’Alla m’hux denn li Alla jgħammar miegħu. Anzi meta nkunu ttantati, sinjal li Alla sejjer iżurna bil-hena tiegħu. Taf għaliex? Għax hu wiegħed li jħenni lil min Hu jkun bagħtlu xi dwejjaq. Infatti hu qal: ``Lil min jirbaħ, nagħtiħ jiekol mis-siġra tal-ħajja.’’

 

8. Alla mela, isawwab fuq il-bniedem il-ħinniet tiegħu, biex aktar ikun jiflaħ jarfa’ s-slaleb, imma mbagħad jibgħatlu wkoll xi tentazzjoni, li ma jitkabbarx biħ innifsu. Id-demonju mhux rieqed, il-ġisem tagħna għadu ma ħedilx; la tibqax mela ma tlestix ruħek għall-gwerra, għax minn kullimkien inti mdawwar bl-għedewwa, li  mistrieħ ma għandhomx

 

 

KAP X

Fuq li għandna niżżuħajr ‘l Alla għall-grazzja tiegħu

1.     Issa xi trid tfittex il-mistrieħ, la darba int twelidt għat-taħbit? Lesti ruħek għat-tbatija, mhux għat-thennija; lesti ruħek biex tarfa’ s-salib, mhux għat-tgawdija. Liema hu dak il-bniedem, li kieku jista’, ma jgawdix flimkien it-tgawdija ta’ din id-dinja u l-hena tar-ruħ? Il-hena tar-ruħ jiskorri bil-wisq il-hena kollu tad-dinja u l-pjaċiri tal-ġisem. Infatti l-pjaċiri tad-dinja jew huma fiergħa, jew moqżieża, għaliex huma mnisslin mill-virtu u mibgħutin minn Alla fil-qlub safja. Iżda dan il-hena tas-sema wieħed ma jistax igawdiħ kull meta jrid hu, għax mingħajr xi tentazzjoni qatt ma nistgħu noqogħdu żmien twil.

 

2.     Min iħobb jagħmel rajħ u jafda żejjed fih innifsu ma jistax ikollu fih dan il-hena t’Alla. Alla ġid kbir ikun jagħmel meta jagħti l-grazzja tal-ħlewwiet tiegħu; imma l-bnidem ħażin ikun qed jagħmel meta ma jġibx ruħu tajjeb m’Alla, u jirringrazzjaħ mill-ġid li ra minnu. U għaliex il-grazzji t’Alla m’humiex neżlin dejjem fuqna, għaliex ma nġibux ruħna m’Alla kif imiss, u ma niftakrux f’Dak li hu l-għajn tal-grazzji kollha. Għal kull grazzja mela li nirċievu, għandna nibqgħu nafuhulu. Kif lill-umli tingħata l-grazzja, hekk lill-kburi titeħidlu.

 

3.     Minn għalija, ma rridx hena hekk kbir, li jneħħili l-indiema minn ġo qalbi; jew anqas nixtieq ikolli grazzji hekk kbar, li ma mmurx nintefaħ b’xi tjieba tiegħi, għax kos, mhux kulma hu għoli hu mqaddes; anqas kulma hu ħelu hu tajjeb; anqas kull xewqa hija safja, anqas kull ħaġa minn għalina għażiża, hija mogħġuba ‘l Alla. Nilqa’ bil-qalb il-grazzja, li għandna tagħmilni aktar umli u nitbażża’ minni nnifsi u aktar pront ma nqis xejn lili nnifsi. Min tgħallem, bid-don tal-grazzja li kellu, imbagħad tilef ġieħu, ma jissugrax igħid: Dan il-ġid għamiltu jien;  - u jibda aktarx jistqarr il-faqar u x-xejn tiegħu

Agħti ‘l Alla li hu t’Alla, u żomm għalik dak li hu tiegħek. Jiġifieri irringrazzja ‘l Alla għall-grazzji tiegħu, u minn għalik għid: Jiena ħati, u ħaqqni nħallas għall-ħtija tiegħi.

 

4.     Oqgħod dejjem fl-aħħar post, u jingħatalek l-ewwel wieħed. Kun af li ma jingħatax il-għoli mingħajr il-baxx. Dawk li huma l-aqwa qaddisin quddiem Alla., f’għajnejhom huma l-iċken u aktar ma huma kbar, aktar issibhom umli fihom infushom. Mimlijin bil-verita u bil-glorja fiergħa tad-dinja. It-tama u l-wetqa tagħhom, biss f’Alla, u għalhekk b’ebda xejn ma jitkabbru.

Dawn ukoll, li kull ġid li jaraw jafuh minn għand Alla, ma jfittxux il-glorja ta’ xulxin, biss jixtiequ dik il-glorja li hi ġejja għand Alla. Il-ħrara tagħhom hi li Alla jkun dejjem imfaħħar f’kollox fihom infushom u fil-Qaddisin kollha, u l-ħsibijiet tagħhom huma kollha fih.

 

5.     Ifraħ mela bl-iċken grazzji, biex tkun tista’ tirċievi l-kbar. L-iċken don istmaħ bħallikieku l-ikbar wieħed; u grazzja ta’ xejn, għożżha bħala waħda kbira. Jekk inħarsu lejn il-kobor ta’ Dak li minnu ġejjin il-grazzji, insibu li ebda don ma nistgħu nsejħulu ċkejken. Kulma jingħata mill-kbir Alla, ma jistax ikun ċkejken.

U int għandek tirringrazzjaħ imqar jibgħatlek kastigi u tbatija; għax kulma jibagħtilna, għall-ġid ta’ ruħna jibagħtu. Min jixtieq li jibqa’ fil-grazzja t’Alla jqis li jifraħ meta Alla jibgħatlu l-grazzja tiegħu; jistabar, meta jogħġbu jeħodhielu; imma mbagħad ikun umli u joqgħod b’għajnejħ miftuħa, li ma jarġax jitlifha.

 

KAP XI

Ftit huma li jħobbu s-Salib ta’ Kristu

          1. Bosta huma dawk li jħobbu s-saltna tas-sema ta’ Ġesu; imma kemm ftit huma dawk li jerfgħu s-salib tiegħu. Bosta jixtiequ l-hena tiegħu f’qalbhom; imma ftit huma li jixtiequ x-xewk. Ġesu għal fuq il-mejda miegħu jsib bosta ħbieb; imma wisq ftit għas-sawm. Kulħadd irid igawdi miegħu; u ftit jissaportu xi ħaġa għall-ftit jibqgħu miegħu sa jiġi biex jixrob il-kalċi tal-passjoni. Wisq uħud jitgħaxxqu, jistagħaġbu bil-mirakli  tiegħu, imma ftit ikomplu jimxu maż-żebliħ tas-salib. Bosta nsara jħobbu lil Ġesu, imma taf sakemm? Sakemm ma jinqalax il-għawġ. Wisq uħud ifaħħruħ u jberkuħ, dment li jaraw xi ġid minnu; imma jekk u jinħeba jew jerħilhom għal ftit jaqbdu igemgmu, jew jaqtgħu qalbhom.

 

          2. Imma min iħobb lil Ġesu, u mhux għal ebda ġid tiegħu nnifsu, jibqa’ jbierku sew fl-akbar hena, sew ukoll f’kull slaleb u f’kull dwejjaq ta’ qalb. Anzi jibqa’ dejjem ifaħħru u dejjem jirringrazzjaħ, imqar ma jogħġbux jibgħatlu ebda hena ta’ qalb.

 

3. Oh! Kemm hi qawwija l-imħabba safja lejn Ġesu, li ma tkunx  imħallta bl-imħabba tagħna nfusna, li nfittxu fiha l-ġid tagħna! Issa ma tgħidilhomx irgħab lil dawk kollha li ma jitolbux ‘l Alla ħlief il-hena? Dawk li ma jixtiqux ħaġ’oħra ħlief il-hena tar-ruħ u li jaqbel lilhom, dawna tgħid iħobbu lil Kristu, jew lilhom infushom? Fejn issib li bniedem li jħobb ‘l Alla u jrid iserviħ, bla ma jfittex xejn lilu nnifsu?

 

          4. Ħaġa kbira wisq jekk biex jinsab bniedem hekk? Wisq fil-bgħid tiltaqa’ ġibda ta’ xejn lejn il-Hlejjaq t’Alla. Fejn issibu bniedem hekk? Wisq fil-bgħid tiltaqa’ miegħu, fil-bgħid il-bgħid. Jekk stess il-bniedem jagħti l-għana tiegħu kollu, xejn ikun għadu ma għamel. Jekk jagħmel penitenza ħarxa, tkun għadha ħaġa wisq żgħira; u jekk jitgħallem il-għerf kollu; ikun għadu wisq fil-bgħid; jekk ikollu tjieba kbira msieħba ma’ devozzjoni l-aktar mixgħula, wisq ikun għad jonqsu, jekk tonqsu ħaġa li mingħajrha qisu ma għandu xejn. X’inhi din il-ħaġa? – Li jagħlaq għajnejħ għad-dinja, jinsa lilu nnifsu, joħroġ għal kollox minn ġewwa fiħ innifsu, u ma jżomm ebda farka mill-imħabba tiegħu. U mbagħad, meta jagħmel dak kollu li jaf li għandu jagħmel, jibda jifhimha li ma għamel xejn.

 

5. Jibda biex jiżen l-egħmil tiegħu, u dak kollu li jista; jissejjaħ kbir, u għandu jsibu fil-miżien ta’ ebda piż. U bil-qalb u tabilħaqq jibda jistqarr li hu ħaddiem ta’ bla ħila., bħalma qal Kristu fl-Evanġelju: ``Meta tagħmlu dak kollu li hemm fil-Kamandamenti, għidu: Aħna qaddejja battala.’’ Hekk isir tabilħaqq fqir u safi fir-ruħ tiegħu, u jista; jgħid mal-Profeta: ``Jiena waħdi u fqir.’’ Bniedem hekk, ħadd ma hu u la ogħla minnu, u la aqwa minnu, anqas aktar b’rajħ f’idejħ minnu. U għaliex? Għaliex għaraf jiddisprezza lilu nnifsu u l-ħwejjeġ tad-dinja, u jiġġenneb minn kulħadd.

 

 

KAP XII

It-triq tas-Salib Imqaddes hija l-vera triq

1.     Bosta wħud tiġihom iebsa il-kelma: ``Iċħad lilek innifsek, arfa’  salibek, u imxi wara Ġesu.’’ Imma tkun ħaġa aktar iebsa, tisma’ dik il-kelma nhar il-ġudizzju: ``Morru minn quddiemi, misħutin, għall-ġewwa n-nar ta’ dejjem.’’ Min f’din il-ħajja jisma’ bil-qalb u jkompli l-kelma tas-salib, dak in-nhar ma jismax is-sentenza tad-dannazzjoni eterna.

Dan is-sinjal tas-salib jidher fis-smewwiet, meta l-Imħallef jiġi jagħmel il-ħaqq. Hemm is-servi kollha tas-salib, li mxew f’ħajjithom ma’ Kristu Msallab, jersqu wkoll b’tama kbira lejn Kristu Mħallef.

 

2.     Issa għaliex titmeżmeż  tarfa’ s-salib li bih biss tista’ tasal fis-saltna tas-smewwiet? Fis-salib is-saħħa, fis-salib il-ħajja; is-salib jeħlisna mill-egħdewwa; bis-salib Alla jibgħat fuqna l-hena tas-sema, fis-salib insibu l-hena tal-qalb; fis-salib huma miġburin il-virtu; fis-salib il-qdusija ssir perfetta. U la ssib s-saħħa ruħna, u la jista’ jkollna tama tal-ħajja ta’ dejjem, ħlief fis-salib. Arfa’ mela salibek, imxi wara Ġesu, u ssib ruħek fil-ħajja ta’ dejjem – Kristu mexa quddiemek, ikarkar salibu, u miet fuq is-salib minħabba fik biex inti wkoll tarfa’ salibek u tqis li tmut fuq is-salib. Jekk inti tmut miegħu, tgħix ukoll miegħu; u jekk tkun sieħeb fit-tbatija, ikollok ukoll sehem fil-glorja miegħu.

 

3.     Ħares; is-salib huwa l-wetqa ta’ kollox u fil-mewt kollox  jispiċċa; u triq oħra, li twasslek fil-ħajja u fil-vera paċi tal-qalb, ma tingħatax barra mit-triq imqaddsa tas-salib, li fiha kuljum tgħakkes lilek innifsek. – Mur fejn trid, fittex li trid u kemm jogħġbok….. u la ssib ‘il fuq triq ogħla u la ‘l isfel triq aktar tajba mit-triq imqaddsa tas-salib. Qalleb u qassam l-egħmil tiegħek kif trid u kif jidhirlek…… għandek issib dejjem illi xi ħaġa  jaħtieġlek tbati, jew minn rajk jew bil-fors. F’kelma waħda, dejjem issib is-salib, għax jew tħoss xi wġigħ f’ġismek, jew iġġarrab xi taħwid f’ruħek.

 

4.     Issa jerħik Alla għal ftit; issa jħabbtuk in-nies tad-dinja; u issa (u din hi l-akbar) inti tkun imdejjaq bik innifsek. U ma’ drabi hekk tista’ ssib xi ħaġa li sserrħek jew tfarrġek; għax anzi jaħtieġlek iddum tarġa’ sakem jogħġob ‘l Alla. U jekk irid Hu drabi tkun fid-dwejjaq mingħajr ebda faraġ biex hekk titlaq ruħek f’idejħ għal kollox, u biex issir aktar umli minħabba fit-taħbit. Ħadd ma jista’ jħoss sewwa ġo qalbu l-passjoni ta’ Kristu, daqs min bata ħwejjeġ bħal dawn. Kulfejn iddawwar wiċċek, mela f’kull ħin, ma ssibx ħlief is-salib. Tmur fejn tmur, ma tistax taħarbu; għaliex kullimkien tieħu miegħek lilek innifsek. Ħares ‘il fuq, jew ‘l isfel; ħares ‘il barra, jew ‘il ġewwa; kullimkien issib is-salib. Jaħtieġlek mela tieħu paċenzja kullimkien jekk trid ikollok il-paċi f’qalbek, u tkun tistħoqqlok kuruna ta’ dejjem.

 

          5.  Jekk bla tgemgim tarfa’ salibek, salibek jarfa’ lilek, u jwasslek fejn tixtieq tasal, jifġifieri fejn it-tbatija tispiċċa; dik t-tbatija li fid-dinja ma setgħet qatt taqta’. Imma jekk terfgħu fuq il-qalb, jiġrilek li tħoss aktar it-toqol tiegħu; u l-kbira hi, li jaħtieġlek bil-fors terfgħu. Jekk tneħħi salib minn fuqek, int żgur tarġa’ ssib ieħor, u aktarx itqal.

 

6. Ma jidhirlekx jewwilla li għandek tiskansa minn dak li ħadd s’issa ma sata’ jaħarbu? Liema qaddis għex f’din id-dinja mingħajr salib u mingħajr dwejjaq? Anqas l-istess Ġesu Kristu, Sid tagħna, ma għadda siegħa waħda bla tbatija, dment li kien ħaj. Infatti hu qal: ``Kien hemm bżonn li Kristu jbati, u jqum mill-mewt; biex hekk jidħol fil-glorja tiegħu.’’ U kif mela trid int triq xort’oħra minn din it-triq miftuħa quddiemek, li hi t-triq imqaddsa tas-salib?

 

7. Il-ħajja kollha ta’ Kristu kienet salib u tbatija; u inti trid li jkollok il-mistrieħ u l-hena? Tiżbalja bl-ikreh jekk tfittex ħaġ’oħra ħlief it-tbatija; għaliex kollha kemm hi din il-ħajja qasira tagħna hi mimlija bil-miżerji, u mdawra bis-slaleb. U aktar ma r-ruħ tgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba aktar issib slaleb itqal; għaliex il-piena li tħoss ir-ruħ mixħuta f’dan l-eżilju aktar tikber bl-imħabba.

 

8. Imma l-bniedem hekk, għalkemm f’bosta ħwejjeġ jinsab imsallab, għandu xi ħaġa li ssabbru u tferrħu, għax jaf li, billi jieħu paċenzja bis-slaleb tiegħu, ġid kbir ikun  qed jagħmel  għaliħ innifsu. Malli hu minn rajħ imidd għonqu għas-salib, l-imrar tad-dwejjaq tiegħu jinbidel f’tama ħelwa li Alla jhennih bil-grazzja tiegħu. L-aktar il-ġisem jinkedd bit-taħbit, aktar ir-ruħ titwettaq bil-grazzja li Alla jsawweb ġo fiha. Xi drabi wkoll tant tiġiħ qawwa kbira fit-taħbit u fid-dwejjaq tiegħu; tant isir iħobb ix-xebħ tas-salib tiegħu mas-salib ta’ Kristu, li jixtieq li ma jkun qatt bla niket u gwaj, għaliex aktar ma jkun jiflaħ jarfa’ slaleb tqal għal Alla, aktar jidhirlu li hu jkun maħbub minnu. Imma dan m’hux ġej mill-ħila tal-bniedem, ġej mill-grazzja ta’ Kristu. Tant hi qawwija u tant din il-grazzja fil-ġisem debboli tagħna, li hu bi ħrara wisq kbira jgħannaq u jħobb ħwejjeġ li kieku mingħalih dejjem jobgħodhom u jaħrabhom.

 

          9. Nafuha: mhux għall-qalb tal-bniedem li jarfa’ s-salib, li jħobb is-salib, li jgħakkes lil ġismu, li jobdi dejjem b’għajnejħ magħluqa, u li jaħrab l-unuri, u li jieħu paċenzja biż-żebliħ; li xejn ma jqis lilu nnifsu u jixtieq li jkun imżeblaħ; li jifraħ b’kull dwejjaq u b’kull ħsara u li ma jixtieq ebda hena f’din id-dinja. Infatti jekk tħares ħarsa fuqek innifsek, issib li ħwejjeġ bħal dawn ma tiflaħx għalihom. Imma jekk inti titma f’Alla tingħatalek qawwa mis-smewwiet, u d-dinja u l-ġisem iġġibhom għal idejk. Anzi anqas stess mid-demonju ma tibqa’ tibża’, jekk tkun armat bil-fidi, u mżejjen bis-salib ta’ Kristu.

 

          10. Ħejji ruħek, mela, bħala qaddej tajjeb u fidil ta’ Kristu, biex tarfa’ bil-qalb is-salib tas-Sinjur tiegħek imsallab għall-imħabba tiegħek. Ħejji ruħek għal tant għawġ u tbatija minn kull xorta f’din id-dinja mnikkta. Kulfejn tkun, ma tarax ma’ wiċċek ħlief minn dan; u kulfejn tinħeba ma ssibx ħlief minn dan. Hekk jaħtieġ li jkunu s-slaleb u t-tbatijiet, u af ma tistax teħles minnhom xort’oħra, ħlief billi titqanna bil-qalb bihom. – Ixrob bil-ferħa l-kalċi tas-Sinjur tiegħek, jekk trid li tkun ħabib miegħu, li jkollok sehem miegħu. Is-sabar stennieh minn għand Alla jagħmel minnek kif l-aktar jogħġbu. Mingħalik, midd għonqok għas-slaleb u anzi ħudhom bħala l-aqwa sabar tar-ruħ tiegħek; għaliex it-tbatijiet ta’ din id-dinja ma humiex biżżejjed, biex tkun tistħoqqlok il-glorja tal-ġenna, anqas kieku terfagħhom kollha int waħdek.

 

11. Meta tasal f’dan l-istat illi t-taħbit jiġik ħelu, u fih issib il-hena tiegħek għal Kristu, hemm għid li int sibt il-kwiet tiegħek, għaliex tkun sibt il-ġenna f’din l-art. Meta t-tbatija teħodha fuq qalbek, u tfittex li taħrabha, int issib ruħek wisq ħażin, u l-imrar ma jħallikx ħin wieħed.

 

          12. Jekk toqgħod għalih u tilqa’ dak li hu s-sehem tiegħek, jiġifieri t-tbatija u l-mewt; wisq aħjar ikun għalik, u ssib is-sabar ta’ qalbek. Jekk stess titla’ sat-tielet sema bħal S. Pawl, ma għandux igħaddilek minn rasek li ma hemmx ebda tbatija iżjed għalik. ``Jien nurih,’’ qal Ġesu, ``kemm għad jaħtieġlu jbati għall-isem tiegħi.’’ Għad baqagħlek mela xi tbati, jekk trid tabilħaqq tħobb lil Ġesu u taqdih bla ma tehda.

 

          13. Oh! Li kont jistħoqqlok tbati xi ħaġa għall-imħabba ta’ Ġesu! Xi glorja kienet tkun għalik!  X’ferħ għall-Qaddisin kollha t’Alla! X’ġid kbir għall-proxxmu tiegħek b’dan l-eżempju tiegħek! Għax  kos il-pacenzja kulħadd jaraha sabiħa, għalkemm ftit huma li jriduha għalihom. Ħaġa żgħira imbagħad li tbati xi ftit għal Kristu, la darba bosta wħud ibatu tbatijiet aqwa għad-dinja!

 

          14. Kun af għix bħallikieku mejjet għad-dinja. U aktar ma wieħed imut għalih innifsu, aktar jista’ jibda igħix għal Alla. Ħadd ma jista’ jifhem sewwa l-ħwejjeġ tal-ġenna, ħlief min bil-paċenzja jsofri kull għawġ għal Kristu. Ebda ħaġa ma hi mogħġuba quddiem Alla, ebda ħaġa ma tagħmel ġid lil ruħna f’din id-dinja, daqs li bil-qalb inbatu għal Alla. Anzi, li kien f’idejk, aktar imissek tagħżel li tbati xi ħaġa għal Kristu milli li tgħix dejjem qalb il-hena tar-ruħ. Hekk issir tixbaħ lil Kristu u lill-Qaddisin kollha tiegħu. Mhux billi nkunu mimlijin bil-hena u bis-sabar, aħna nkunu naqilgħu l-merti u mmorru ‘l quddiem; imma billi nerfgħu slaleb tqal u nixorbu l-imrar bil-qalb it-tajba.

 

          15. Li kien hemm xi ħaġa aħjar għar-ruħ tal-bniedem mit-tbatija. Kristu kien jurihielna bil-kliem u bl-eżempju. Anzi lid-dixxipli li marru miegħu u lil dawk kollha li jixtiequ jimxu warajh, biċ-ċar iwissihom li għandhom jerfgħu s-salib, u jgħidilhom: ``Min irid jiġi miegħi jiċħad lilu nnifsu, jarfa’ salibu u jimxi warajja.’’

          Inti, mela, ħija, wara li qrajt u tegħimt dan kollu, għandek tiġi fi kliemi: ``Illi sforz tant tbatija jkun jisstħoqqilna nidħlu fis-saltna t’Alla.’’