KELMA TAL-ĦAJJA                            

J A N N A R 2 0 1 9 | Ħ A R Ġ A 1 9 0 1

“GĦANDEK TFITTEX IL-ĠUSTIZZJA, U L-ĠUSTIZZJA BISS” (DT 16,20).
 

Fil-ktieb tad-Dewteronomju nsibu sensiela ta’ diskorsi li Mosè qal lejn tmiem ħajtu. Fihom hu jfakkar il-liġijiet tal-Mulej lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda, waqt li mill-bogħod jixxennaq għall-Art Imwiegħda li lejha b’kuraġġ kbir kien qiegħed imexxihom.
 

F’dan il-Ktieb, il-“liġi” t’Alla hija ppreżentata l-ewwelnett bħala dik il-“kelma” ta’ Missier li jieħu ħsieb `l uliedu kollha. Din hi mixja ta’ ħajja li Alla jagħti lill-poplu tiegħu biex iseħħ il-Patt tiegħu ta’ ħbiberija. Jekk il-poplu jħarisha b’għożża, b’imħabba u b’ħajr u mhux għax imbeżża’ mill-kastigi, hu jkompli jħoss li Alla hu qrib tiegħu u jħarsu.


Wieħed mill-modi biex jitwettaq dan il-Patt li Alla jagħti bħala don hu li l-poplu jfttex bi sħiħ
il-ġustizzja. Min jibqa’ fdil lejn il-Patt irid iwettaq il-ġustizzja billi jifakar b’ħajr fl-għażla li Alla kien għamel meta ħatru bħala l-poplu tiegħu u ma jadura `l ħadd ħlief lill-Mulej. Irid ukoll jiċħad il-qligħ personali li jdallam il-kuxjenza tiegħu quddiem il-bżonnijiet ta’ min hu fqir.

 

“GĦANDEK TFITTEX IL-ĠUSTIZZJA, U L-ĠUSTIZZJA BISS”.
 

L-esperjenza tal-ħajja tagħna ta’ kuljum tpoġġi quddiem għajnejna ħafna sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja, uħud minnhom serji, l-aktar dawk li jagħmlu l-ħsara `l min qed jgħix ft-trufjiet tas-soċjetà tagħna. Kemm-il Kajjin hawn li jużaw il-vjolenza kontra ħuthom!


Jekk irridu jkollna soċjetà ġusta, jeħtieġ li malajr kemm jista’ jkun neqirdu l-abbużi u
d-diżugwaljanzi kollha, ibda minn dawk li hemm f’qalbna u fl-postijiet fejn ngħixu.
Iżda Alla ma jwettaqx il-ġustizzja tiegħu billi jeqred lill-Kajjin, imma Hu jara kif jagħmel u
jħarsu biex jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba1. Il-ġustizzja t’Alla tinsab flli Hu jagħti ħajja ġdida.
 

Fil-ħajja tagħna ta’ Nsara, aħna ltqajna ma’ Ġesù. Bi kliemu u b’għemilu, imma l-aktar biddon tal-ħajja u bid-dawl tal-Irxoxt, Hu wriena li Alla hu ġust għax iħobb lil uliedu kollha b’imħabba li ma tintemm qatt.


Ġesù fetaħ it-triq għalina wkoll biex ngħixu u nxerrdu madwarna l-ħniena u l-maħfra, li
huma wkoll il-pedament tal-ġustizzja soċjali.

 

“GĦANDEK TFITTEX IL-ĠUSTIZZJA, U L-ĠUSTIZZJA BISS”.
 

Dan il-kliem mill-Iskrittura ntagħżel biex niċċelebraw il-Ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda
tal-Insara għas-sena 2019, li se ssir bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar. Jekk aħna wkoll
nilqgħu din il-Kelma, inkunu nistgħu nimpenjaw ruħna biex infttxu t-toroq tal-għaqda u l-maħfra, l-ewwelnett bejnietna l-Insara. Meta nagħtu ruħna biex naqdu `l kulħadd, inkunu qed infejqu l-ġrieħi tal-inġustizzja.

Dan hu li minn xi fit snin `il hawn qed jgħixu xi Nsara ta’ Knejjes differenti li qed jgħinu xi
ħabsin fl-belt ta’ Palermo. L-inizzjattiva bdieha Salvatore, membru tal-Knisja Evanġelika: “Indunajt bil-bżonnijiet spiritwali u umani ta’ dawn ħutna. Ħafna minnhom ma kellhomx qraba li setgħu jgħinuhom. Jien afdajt f’Alla u tkellimt fuq din il-problema ma’ ħafna minn ħuti tal-Knisja tiegħi u ta’ Knejjes oħra”. Christine, li hi Anglikana, żiedet tgħid: “Il-fatt li nistgħu ngħinu `l dawn ħutna fl-bżonn jimliena bil-ferħ għax b’hekk il-providenza t’Alla ssir ħaġa konkreta. Hu jrid li, permezz tagħna, imħabbtU tasal għand kulħadd”. U Nunzja, mara Kattolika, qalet: “Din rajnieha bħala okkażjoni kemm biex ngħinu `l ħutna fl-bżonn kif ukoll biex inħabbru `l Ġesù anki b’affarijiet materjali żgħar”.


B’hekk qed iseħħ dak li kienet qalet Chiara Lubich fl-1998, meta kienet mistiedna titkellem
f’laqgħa ekumenika fl-knisja Evanġelika ta’ Sant’Anna f’Augsburg, il-Ġermanja:

 

“[...] Jekk aħna l-insara nagħtu daqqa t’għajn lejn l-istorja tagħna [...] ma nistgħux ma nitnikktux meta naraw kemm nuqqas ta’ fehim, kustjonijiet u ġlied seħħu matulha. Dan kollu ħtija ta’ ċirkustanzi storiċi, kulturali, politiċi, ġeografċi u soċjali...; imma anki għax bejn l-Insara kien jonqos dak l-element li jġib il-għaqda: l-imħabba.


Il-ħidma ekumenika tista’ tassew tħalli l-frott jekk dawk li jiddedikaw ruħhom għaliha
jirnexxilhom jaraw `il Kristu msallab u abbandunat, li ntelaq f’idejn il-Missier, bħala ċ-ċavetta li biha nifmu kull frda u nġibu l-għaqda [...]. Meta ngħixu l-għaqda, ikun hemm effett [...]: il-preżenza ta’ Ġesù bejn ħafna nies minn fost il-komunità. Ġesù qal: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18, 20). Ġesù jinsab fejn Kattoliku u Evanġeliku jħobbu `l xulxin, fejn Anglikani u Ortodossi jinħabbu bejniethom, fejn mara Armena u oħra Riformata jħobbu `l xulxin. U x’paċi tinħass minn issa stess u x’dawl ikun hemm sabiex il-mixja ekumenika tkun kif għandha tkun!”.


Letizia Magri
1 Ara Ġen 4, 8-16.