Kelma tal-Ħajja

Settembru 2016 | ĦARĠA 1608

 

Kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu” (1 Kor 3, 22-23)

Ninsabu fil-komunità tal-insara ta’ Korintu, li hija waħda mimlija ħajja. Fi ħdanha nsibu gruppi marbuta ma’ mexxejja differenti, u allura anki xi tensjonijiet bejn nies u gruppi, firdiet, il-kult tal-personalità u x-xewqa ta’ xi wħud li jkunu huma fl-ewwel post. Pawlu hu deċiż u jfakkar lil kulħadd li fost  il-ħafna doni differenti u l-mexxejja ta’ dik il-komunità, kellu jkun hemm xi ħaġa aktar profonda li tgħaqqadhom ilkoll: din hi li kulħadd hu ta’ Alla.

Għal darb’oħra qed nisimgħu l-aħbar kbira nisranija: Alla hu magħna, m’aħniex waħidna, m’aħniex iltiema, miltuqa għal riħna, imma aħna wliedu, aħna tiegħu. Bħala  missier tassew, Hu jieħu ħsieb kull wieħed, u ma jħalliniex nieqsa minn dak li neħtieġu għall-ġid tagħna. Anzi, l-imħabba tiegħu hi don abbundanti: Kollox hu tagħkom”,  kif  qed jgħid San Pawl, id-dinja, il-ħajja, il-mewt, il-ħwejjeġ ta’ issa, dawk li ġejjin, kollox hu tagħkom!”. Saħansitra wasal biex jagħtina lil Ibnu, Ġesù

X’fiduċja kbira: Alla poġġa kollox f’idejna! Iżda aħna kemm-il darba abbużajna mid-doni tiegħu: ħsibna li aħna s-sidien tal-ħolqien u sa wasalna biex neqirduh; għamilna lilna nfusna sidien ta’ ħutna l-bnedmin u sa wasalna biex injassruhom u noqtluhom; għamilna lilna nfusna sidien ta’ ħajjitna, ħsibna biss fina nfusna u sa wasalna biex nitilfu d-dinjità tagħna.

Id-don bla tarf ta’ Alla - Kollox hu tagħkom” - jitlob minna li jkollna ħajr lejn Alla. Ta’ sikwit ingorru għal dak li ma għandniex jew induru lejn Alla biex nitolbuh jagħtina biss. Għax ma nħarsux madwarna u niskopru l-ġid u s-sbuħija li aħna mdawrin bihom? Għax ma nirringrazzjawx lil Alla ta’ dak kollu li jagħtina ta’ kuljum?

Il-fatt li kollox hu tagħkom” jitlob minna li nkunu responsabbli. Jeħtieġ li nkunu attenti u mimlija għożża u li nieħdu ħsieb dak li ġie fdat fidejna bl-istess mod li Ġesù jieħu ħsibna (intom ta’ Kristu”), bl-istess attenzjoni li l-Missier għandu għal Ġesù (Kristu hu ta’ Alla”).

Imissna nifirħu ma’ min jifraħ u nibku ma’ min  jibki, u nkunu lesti nilqgħu kull

karba, firda, tbatija u vjolenza bħala xi ħaġa li hi tagħna, u naqsmuha mal-oħrajn sa ma ssir imħabba. Kollox ġie mogħti lilna biex aħna nwassluh għand Kristu, jiġifieri nwassluh għall-milja tal-ħajja, u għand Alla, l-għan aħħari ta’ kollox. B’hekk, kollox u  kulħadd  jerġa’ jikseb mill-ġdid id-dinjità u t-tifsira l-aktar profonda tiegħu.

Darba waħda, fis-sajf tal-1949, Chiara Lubich ħasset għaqda tant kbira ma’ Kristu li ħassitha bħall-maħbuba mal-Maħbub. Ħasbet fid-dota li kellha toħodlu bħala rigal u fehmet li dan kellu jkun il-ħolqien kollu! Min-naħa tiegħu hu kellu jagħtiha b’wirt il-Ġenna. Dan fakkarha fil-kliem tas-Salm: Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek, u truf l-art bi priża tiegħek” (ara Sal 2,8). «Aħna emminna u tlabna u Hu tana kollox biex inwasslu kollox lura għandu. Aħna nwasslu għandu l-ħolqien u Hu jagħtina s-Sema».   

Lejn tmiem ħajjitha, hija u titkellem fuq il-Moviment li għalih kienet għexet u  fih kienet tara lilha nfisha, Chiara Lubich kitbet hekk: U x’inhi l-aħħar xewqa tiegħi? Nixtieq li l-Opra ta’ Marija, fl-aħħar taż-żmien, meta ħaġa waħda tkun waslet biex tidher quddiem Ġesù abbandunat-irxoxt, tkun tista’ ttennilu – bi kliem it-teologu Franċiż Jacques Leclercq: “… fil-jum tiegħek, O Alla tiegħi, għad nersaq lejk... Niġi għandek, o Alla tiegħi (...) u bl-akbar ħolma tiegħi tal-ġenn: inġiblek id-dinja kollha fi ħdani” .

Fabio Ciardi

1.  Il grido, Città Nuova, Ruma 2000, p. 129-130.