Kelma tal-Ħajja

OTTUBRU 2017 | ĦARĠA 1710

 

“Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2,5).

Meta l-appostlu Pawlu kien il-ħabs minħabba f’dak li kien qed jippriedka, hu kiteb ittra lill-komunità nisranija tal-belt ta’ Filippi. Kien l-ewwel wieħed li wassal il-Vanġelu f’dik il-belt. U ħafna kienu dawk li emmnu u li b’ġenerożità kbira ntefgħu jgħixu din il-ħajja ġdida bix-xhieda tal-imħabba nisranija, anki meta Pawlu kellu jitlaq minn fosthom. Tgħidx kemm feraħ meta sar jaf kif kienu qed jgħixu u għalhekk kiteb din l-ittra mimlija għożża lill-Filippin. Fiha hu ħeġġiġhom jimxu ‘l quddiem u jikbru kemm individwalment kif ukoll bħala komunità, u għaldaqstant fakkarhom fil-mudell li seta’ jgħallimhom kif jgħixu l-Vanġelu:

“Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù”.

U kif kien jaħsibha Ġesù? Kif nistgħu nsiru nafu x-xewqat profondi tiegħu biex nimitawh?  Pawlu fehmu sew dan: Kristu Ġesù, l-Iben ta’ Alla, xejjen lilu nnifsu u ġie jgħammar hawn fostna. Sar bniedem bħalna u f’ħajtu għamel biss ir-rieda tal-Missier, biex hekk aħna stajna nsiru wlied Alla 1. Hu wettaq il-missjoni tiegħu bil-mod kif għex ħajtu: ċekken lilu nnifsu biex jgħin ‘il min hu ċkejken, lid-dgħajjef, lil min ma jħossux fiż-żgur, u hekk il-lebbrużi, ir-romol, il-barranin u l-midinbin setgħu jħossuhom maħbuba u mifdija.

“Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù”.

Biex inkunu nistgħu nħossu f’qalbna dak li jħoss Ġesù, l-ewwelnett tajjeb nagħrfu li Hu jinsab preżenti fina bl-imħabba u l-qawwa tal-maħfra tiegħu. Imbagħad inħarsu lejH, u ngħixu kif kien jgħix Hu, biex hekk aħna niftħu qalbna, moħħna u dirgħajna ħalli nilqgħu ‘l kull bniedem, hu kif inhu. Minflok ma niġġudikaw il-proxxmu tagħna, ejjew nistagħnew bil-kwalitajiet tajba li hemm fih, anki meta dawn ikunu moħbija mill-miżerji u l-iżbalji u naħsbu li nkunu “qed naħlu l-ħin”. L-imħabba hi l-aktar ħaġa qawwija ta’ Ġesù u din aħna nistgħu nagħmluha tagħna. B’hekk inkunu nistgħu nħobbu lill-oħrajn minn rajna u jkollna r-rieda li naqduhom billi nużaw it-talenti żgħar jew kbar tagħna ħalli b’kuraġġ nibnu rabtiet pożittivi kulfejn inkunu. U bi spirtu ta’ ħlewwa u rieda ħielsa nagħrfu neħduha kontra d-diffikultajiet, in-nuqqas ta’ ftehim u l-kuntrarji kollha li niltaqgħu magħhom u nsibu t-triq tad-djalogu u l-ftehim.

“Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù”.

Chiara Lubich ħalliet il-Vanġelu jmexxiha u b’hekk għarfet il-qawwa tiegħu. Hi kitbet hekk: “Timita ‘l Ġesù jfisser tifhem li l-ħajja tagħna l-insara tagħmel sens jekk ngħixuha għall-oħrajn, jekk nifhmu li rridu nkunu ta’ servizz għal ħutna l-bnedmin, jekk is-sisien ta’ ħajjitna jserrħu biss fuq dan. Hekk, inkunu qed inwettqu dak kollu li qiegħed għal qalb Ġesù. Inkunu fhimna sew il-Vanġelu. U nkunu tassew nies hienja”.2

Letizia Magri

1 Ara:  Gal 4,6: “U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: «Abba! Missier!. Kif ukoll Ġw. 1, 12: “Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla”.

 2 Ara C. Lubich, Beati quelli che si amano a vicenda, Città Nuova, 26, (1982), 6, p.4