KELMA TAL-ĦAJJA   MEJJU 2018 | ĦARĠA 1805

 

IL-FROTT TAL-ISPIRTU HUMA:  L-IMĦABBA, IL-HENA, IS-SLIEM, IS-SABAR, IL-ĦNIENA, IT-TJIEBA, IL-FIDI, IL-ĦLEWWA, IR-RAŻAN” (GAL 5, 22).

 

L-appostlu San Pawl kiteb lill-insara ta’ Galazja, li kienu laqgħu mingħandu l-aħbar tal-Vanġelu, biex iċanfarhom għax ma kenux fehmu xi tfisser il-libertà nisranija. Għall-poplu Lhudi, il-libertà kienet rigal mingħand Alla: Hu kien ħelishom mill-jasar tal-Eġittu, mexxiehom lejn art ġdida, u huma għamlu patt ta’ fedeltà Miegħu u Hu magħhom.
 
Bl-istess mod, Pawlu jisħaq li l-libertà nisranija hija don mogħti lilna minn Ġesù. Fil-fatt, Ġesù jagħtina ċ-ċans li, permezz tiegħu u bħalu, aħna nsiru wlied Alla li hu mħabba. Jekk nimitaw ‘il-Missier kif Ġesù għallimna nagħmlu1   u kif uriena 2  b’ħajtu, aħna wkoll nistgħu nitgħallmu nġibu ruħna bl-istess mod ta’ ħniena lejn kulħadd billi npoġġu ruħna għas-servizz tal-oħrajn.
 
Għal Pawlu, din il-“libertà li taqdi”, li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher bla sens, tista’ sseħħ minħabba d-don tal-Ispirtu li Ġesù kiseb għall-bnedmin kollha bil-mewt tiegħu fuq is-salib.
 
Huwa l-Ispirtu li jagħtina l-qawwa noħorġu mill-jasar tal-egoiżmu tagħna, li jġib miegħu firda, inġustizzja, tradimenti u vjolenza; hu jmexxina lejn il-vera libertà.
 
IL-FROTT TAL-ISPIRTU HUMA: L-IMĦABBA, IL-HENA, IS-SLIEM, IS-SABAR, IL-ĦNIENA, IT-TJIEBA, IL-FIDI, IL-ĦLEWWA, IR-RAŻAN” (GAL 5, 22).
 
Il-libertà nisranija mhijiex biss don, imma hija wkoll impenn, li jwassalna biex nilqgħu l-Ispirtu ġewwa fina, nagħtuh post fil-qalb tagħna u nagħrfu dak li Huwa jrid jgħidilna.
 
Chiara Lubich kitbet hekk: [...] “Qabelxejn, irridu nkunu dejjem aktar konxji tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fina. Aħna nġorru fina teżor ta’ kobor bla tarf; imma qajla nindunaw bih. [...] Imbagħad, biex inkunu nistgħu nisimgħu u nimxu fuq dak li jgħidilna, irridu ngħidu le [...] għat-tentazzjonijiet u naqtgħu mill-ewwel dak li jissuġġerulna; ngħidu iva għal dak li Alla jrid minna; iva għall-imħabba lejn kulħadd; iva għall-provi u d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom… Jekk nagħmlu hekk, l-Ispirtu s-Santu jmexxina u jagħtina togħma, qawwa, ħeġġa u dawl li ma jistax ma jkollniex jekk din tkun ħajja awtentika. Imbagħad, anki dawk li jkunu qrib tagħna, jindunaw li m’aħniex biss ulied il-familja tal-bnedmin, imma li aħna wkoll ulied Alla”. 3
 
L-Ispirtu s-Santu jfakkarna li m’għandniex ningħalqu fina nfusna u t-taħbit tal-ħajja, iżda nilqgħu, nisimgħu, naqsmu l-ġid spiritwali u materjali tagħna u naħfru jew nieħdu ħsieb l-oħrajn fil-ħafna sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.
 
Jekk inġibu ruħna hekk inkunu nistgħu nduqu l-frott tipiku tal-Ispirtu: nikbru bħala bnedmin u nsiru nies tassew ħielsa. Joħorġu minn ġo fina ħiliet u talenti li, jekk ningħalqu fina nfusna, jibqgħu midfuna u ma jaraw qatt id-dawl. Għalhekk, kull ħaġa li nagħmlu, hi ċans li ma rridux nitilfuh biex ngħidu le għall-jasar tal-egoiżmu u iva għal-libertà tal-imħabba.
 
IL-FROTT TAL-ISPIRTU HUMA: L-IMĦABBA, IL-HENA, IS-SLIEM, IS-SABAR, IL-ĦNIENA, IT-TJIEBA, IL-FIDI, IL-ĦLEWWA, IR-RAŻAN” (GAL 5, 22).
 
Min jilqa’ f’qalbu l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, bil-ħila ta’ dak li jwettaq fil-familja u fis-soċjetà, ikun qed jagħti sehemu għall-bini ta’ rabtiet pożittivi bejn il-bnedmin. In-neguzjant Carlo Colombino, raġel miżżewweġ u missier, hu sid ta’ ditta fl-Italja ta’ fuq. 4
 
Kwart mis-sittin ħaddiema li għandu miegħu mhumiex Taljani u xi wħud minnhom għaddew minn esperjenzi tal-biża’. Lil wieħed ġurnalista li intervistah, Carlo qallu hekk: “Anki l-post tax-xogħol jista’ u għandu jkun mezz biex nies minn pajjiżi differenti jgħixu flimkien. Xogħolna hu li nirriċiklaw materjal tal-bini, u nħossni responsabbli għall-ħarsien tal-ambjent fil-post fejn ngħix. Ftit tas-snin ilu, il- kriżi ekonomika laqtitna sew: x’tagħmel? Issalva d-ditta jew il-ħaddiema? Bdejna nitkellmu magħhom, fittixna soluzzjonijiet li jweġġgħu inqas, imma kien żmien drammatiku li ma kienx iħallini norqod bil-lejl. Dan ix-xogħol nista’ nagħmlu tajjeb jew inqas tajjeb; jien nipprova nagħmlu mill-aħjar li nista’. Nemmen li mill-qsim tal-ideat jista’ joħroġ ħafna ġid. Id-ditta li moħħha biss fil-qligħ u fiċ-ċifri, hija ditta li m’għandhiex ħajja twila: fiċ-ċentru ta’ kull attività hemm il-bniedem. Jien nemmen f’Alla u konvint li jista’ jkun hemm xi forma ta’ ftehim bejn in-negozju u s-solidarjetà”. 5
 
Għalhekk, fl-ambjent fejn ngħixu u naħdmu, ejjew bil-kuraġġ kollu mmexxu ‘l quddiem is-sejħa personali tagħna għal-libertà. B’hekk inkunu qed inħallu l-Ispirtu jilħaq u jġedded anki l-ħajja ta’ ħafna nies li jgħixu madwarna, u niftħu orizzonti ġodda ta’ “ferħ, hena, tjieba, ħniena ...” fl-istorja tagħna l-bnedmin.
 
Letizia Magri
 

 

 

 

1: Mt 5,43-48; Lc 6,36

 

2: Mk 10, 45

 

3: Cfr. C. Lubich, Possediamo un Tesoro, Città Nuova, 44, [2000], 10, p. 7.

 

4: Din id-ditta tagħmel parti mill-Aipec, li hija Għaqda Taljana ta’ imprendituri li jagħmlu parti mill-Ekonomija ta’ Qsim tal-Ġid. Dan hu mudell ekonomiku mwaqqaf fuq il-valuri ta’ qsim tal-ġid

u reċiprocità. Aktar tagħrif issibuh fuq http://www.edc-online.org

 

5: Cfr. C. Colombino, Nella mia azienda economia ed etica vanno a braccetto, in Credere, perjodiċi maħruġa minn san Paolo, 26 Novembru 2017, n° 48, pp.24-28.