Marzu, 2015

 

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja

(Mk 8, 34)

 

 

Huwa u sejjer in-naħa ta’ fuq tal-Galilija, Ġesù staqsa lid-dixxipli x’kienu jaħsbu fuqu. Pietru, f’isimhom ilkoll, stqarr li Ġesù hu l-Kristu, il-Messija li kienu ilhom jistennew sekli sħaħ. Biex ma jifhmuhx ħażin, Ġesù fisser b’mod ċar x’kellu f’moħħu biex iwettaq il-missjoni tiegħu. M’hemmx dubju, hu ried jeħles il-poplu tiegħu, imma mhux kif kienu qed jistennew huma, għax kien se jħallas kollox hu: kellu jbati ħafna, jiġi kkundannat, joqtluh u, wara tlett ijiem, iqum mill-mewt. Pietru ma aċċettax din id-dehra tal-Messija: bħal ħafna nies ta’ żmienu kien jimmaġinah xi ħadd qawwi u b’saħħtu, li jkeċċi r-Rumani u jpoġġi n-nazzjon ta’ Iżrael fil-post li jixraqlu. Beda jlum lil Ġesù, li dar fuqu u qallu: “Mintix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin” (ara 8, 31-33).

Ġesù reġa’ qabad jimxi, din id-darba lejn Ġerusalem, fejn kellu jmut u jqum mill-imwiet. Issa li d-dixxipli kienu jafu li kien fi triqtu biex imut, xorta kienu se jibqgħu mexjin warajh? Dak li Ġesù kien qed jitlob minnhom kien ċar u iebes. Dar lejn il-folla u d-dixxipli li kienu madwaru u qalilhom:

 

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.

 

Meta l-Imgħallem kien għaddej ma’ xatt l-għadira, huma u jitfgħu x-xbiek biex jistagħdu, jew meta kien quddiem il-mejda tat-taxxi, id-dixxipli baqgħu msaħħrin warajh. Bla ma qagħdu jaħsbuha darbtejn ħallew warajhom id-dgħajjes, ix-xbiek, ʾil missierhom, id-dar u l-familja biex jimxu warajh. Rawh jagħmel il-mirakli u semgħu li kliemu kien mimli għerf. Sa dak il-ħin kienu mxew warajh kollhom ferħ u entużjażmu.

Iżda l-mixja wara Ġesù kienet xi ħaġa li titlob aktar minn hekk. Kien jidher ċar li kellhom jaqsmu miegħu b’mod sħiħ ħajjithom u d-destin tagħhom: il-falliment, il-persekuzzjoni, saħansitra l-mewt, u x’mewt! L-aktar waħda kiefra, dik li biha kienu joqtlu ʾl-qattiela u d-delinkwenti. Mewt li l-Kotba Mqaddsa kienu sejħulha “saħta” (ara Dt 21, 23). L-isem biss tas-“salib” kien iwerwrek, kienet kważi kelma li ma tistax tgħidha. Din hi l-ewwel darba li din il-kelma tidher fil-Vanġelu. Min jaf x’impressjoni ħalliet fuq dawk li kienu qed jisimgħuh.

Issa li Ġesù stqarr b’mod ċar min hu, seta’ juri b’mod daqstant ċar min hu d-dixxiplu tiegħu. La l-Imgħallem hu dak li jħobb lill-poplu tiegħu sa ma jmut għalih, billi jerfa’ s-salib, id-dixxipli wkoll, biex jagħmlu bħalu, kellhom iwarrbu l-mod kif jaħsbuha biex ikunu jaqblu f’kollox mal-mixja tal-Imgħallem, ibda mis-salib:

 

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”.

 

Tkun nisrani jfisser tkun Kristu ieħor: ikollok “l-istess sentimenti ta’ Kristu Ġesù” li “ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 5.8); tissallab ma’ Kristu, sa ma tkun tista’ tgħid ma’ San Pawl: “Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2, 20); ma tkunx taf aktar ħlief “’il Kristu Ġesù, u ’l dan imsallab” (1 Kor 2, 2). Ġesù fina jkompli jgħix, imut u jirxoxta. Din hi l-akbar xewqa u ambizzjoni tan-nisrani, dik li għaġġnet il-qaddisin il-kbar: issir tixbah l-Imgħallem. Imma kif se nimxu wara Ġesù biex insiru bħalu?

L-ewwel pass hu “li niċħdu lilna nfusna”, ma nserrħux fuq il-mod kif naħsbuha. Dan kien il-pass li Ġesù talab ʾil Pietru meta widdbu għax kien qed jaħsibha bħall-bnedmin u mhux bħal Alla. Xi drabi aħna wkoll, bħal Pietru, irridu li tgħaddi tagħna b’mod egoistiku, jew skont kif nifhmuha aħna. Infittxu li niksbu s-suċċess b’mod faċli u fl-iqsar ħin, inħarsu b’għira lejn min qed jagħmel karriera, noħolmu li jkollna familja magħquda u li nibnu madwarna soċjetà ta’ aħwa u komunità nisranija bla ma nħallsu prezz iebes għalihom.

Niċħdu lilna nfusna, li jfisser naħsbu kif jaħseb Alla, kif uriena Ġesù bil-mod kif mexa hu: il-loġika tal-qamħa li trid tmut biex tagħti l-frott, li tifraħ aktar meta tagħti milli meta tirċievi, li toffri ħajtek b’imħabba, fi ftit kliem iġġorr is-salib fuq spallejk:

 

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”.

 

 

Is-salib, dak ta’ kuljum għandu ħafna għamliet: xi marda, telf tal-impjieg, problemi ma’ tal-familja jew inkella fuq ix-xoghol, is-sens ta’ falliment f’rabtiet mal-oħrajn, meta ma tkun tista’ tagħmel xejn quddiem il-gwerer, ir-rabja li taqbdek minħabba l-iskandli tas-soċjetà tagħna... Is-salib m’hemmx għalfejn tmur tfittxu, għax jiġi waħdu, forsi meta ma nkunux qed nistennewh, jew bl-aktar mod immaġinabbli.

Ġesù qed jistedinna nerfgħu s-salib mhux kontra qalbna bħalliekieku kien xi marda inevitabbli; nerfgħuh bla ma nħalluh jaqa’ fuqna u jgħaffiġna. Imma qed jistedinna nilqgħuh bħala sehem mis-salib Tiegħu, biex insiru dixxipli tiegħu anki f’dik is-sitwazzjoni, u nkunu ħaġa waħda miegħu anki f’dik it-tbatija, għax hu kien l-ewwel wieħed li qasam magħna s-salib tagħna. Tkun xi tkun it-tbatija tagħna, nistgħu nsibu fiha ʾl Ġesù li diġà għamilha tiegħu.

Meta jiġri hekk, kif jgħid Igino Giordani, minflok ikun Xmun minn Ċirene li jerfa’ s-salib ta’ Ġesù, Ġesù jerfa’ s-salib tagħna: u s-salib “jiżen inqas jekk Ġesù jagħmilha ta’ Ċirinew” magħna. U jkompli jgħid li l-piż jonqos jekk inġorruh flimkien: “Salib fuq spallejn xi ħadd, fl-aħħar mill-aħħar jgħaffġu; iżda jekk jinġarr bejn tnejn jew tlieta b’Ġesù f’nofshom, jiġifieri jekk inġorruh kif iċ-Ċirinew għamel ma’ Ġesù, jeħfief: isir toqol ħelu. Jekk ikunu ħafna li jixxabbtu ma’ muntanja, u jkunu lkoll fehma waħda bejniethom, bilkemm iħossu t-telgħa.

Mela meta nerfgħu s-salib biex inġorruh miegħu, nafu li m’aħniex inġorruh waħedna għax hu jġorru magħna, nikbru fir-rabta tagħna ma’ Ġesù, insiru ta’ Ġesù, sa ma nkunu ħaġa waħda miegħu, sa ma nsiru Ġesù ieħor. Hekk irridu nagħmlu biex nimxu wara Ġesù u nsiru tassew dixxipli tiegħu. Hekk is-salib tagħna jsir “il-qawwa ta’ Alla” (1 Kor 1, 18), bħas-salib ta’ Kristu; isir triq ta’ qawmien mill-mewt. F’kull nuqqas ta’ ħila nsibu l-qawwa, f’kull dlam insibu d-dawl u f’kull mewt insibu l-ħajja, għax inkunu sibna lil Ġesù.

 

Fabio Ciardi