Kelma tal-Ħajja

Lulju 2017 | ĦARĠA 1707

 

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom”  (Mt 11, 28)

Imħabbtin u mtaqqlin: dan il-kliem iġib quddiem għajnejna nies: irġiel u nisa, żgħażagħ, tfal u anzjani, li b’xi mod jew ieħor qed iġorru xi toqol f’ħajjithom u jittamaw li jasal il-jum  meta jkunu jistgħu jeħilsu minnu.

F’din is-silta mill-Vanġelu ta’ San Mattew, Ġesù qed jagħmlilna din l-istedina: “Ejjew għandi ...”.

Ġesù kien imdawwar bil-folla li marret biex tarah u tisimgħu; ħafna minnhom kienu nies sempliċi, foqra, bla edukazzjoni, nies li ma kinux kapaċi jagħrfu u jirrispettaw il-ħafna regolamenti reliġjużi ta’ dak iż-żmien. Barra minn hekk kienu jħossu fuqhom il-piż tat-taxxi u tat-tmexxija Rumana, li qajla setgħu jġorruh. Kienu jħossuhom imtaqqlin wisq u għalhekk kienu qed ifittxu ħajja aħjar.

Bit-tagħlim tiegħu Ġesù kien juri attenzjoni partikulari lejhom u lejn dawk kollha li kienu mwarrbin mis-soċjetà, għax kienu meqjusa midinbin. Hu kien jixtieq li kieku kulħadd seta’ jifhem u jilqa’ l-aktar liġi importanti, dik li tiftaħ il-bieb tad-dar tal-Missier: il-liġi tal-imħabba. Infatti Alla juri l-għeġubijiet tiegħu ‘l dawk kollha ta’ qalbhom miftuħa u sempliċi.

Illum Ġesù qed jistieden lilna wkoll biex nersqu qribu. Huwa l-wiċċ ta’ Alla  mħabba, Alla li jħobbna b’imħabba mill-aktar kbira, iħobbna kif aħna, bil-ħiliet u l-limiti tagħna, bix-xewqat u l-fallimenti tagħna! U qed jistedinna nafdaw fil-“liġi” tiegħu li mhijiex piż li jgħaffiġna, imma toqol ħafif, toqol li jista’ jimla bil-ferħ ‘il dawk kollha li jgħixuha. Il-liġi tiegħu titlobna biex ma ningħalqux fina nfusna, imma biex, jum wara l-ieħor, b’ħajjitna nkunu don dejjem aktar sħiħ għall-oħrajn.

 

 “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” .

Ġesù jwegħidna wkoll li “jserraħna”.

Kif? L-ewwelnett bil-preżenza Tiegħu, li ssir aktar deċiża u profonda fina jekk nagħżluH u nagħtuH l-ewwel post ta’ ħajjitna; imbagħad bdawl partikulari li jdawlilna l-passi tagħna ta’ kuljum, anki meta ċ-ċirkustanzi jkunu jidhru diffiċli. Jekk nibdew inħobbu kif ħabb Ġesù, fl-imħabba nsibu dik il-qawwa biex nimxu ‘l quddiem u fiha nsibu l-ħelsien sħiħ, għax din hija t-triq ta Alla li tikber fina.

Hekk kitbet Chiara Lubich: ... nisrani li mhux dejjem moħħu biex iħobb, ma jistħoqqlux jissejjaħ nisrani. U dan għaliex il-kmandamenti kollha ta’ Ġesù jinġabru fi kmandament wieħed: f’dak tal-imħabba għal Alla u għall-proxxmu tagħna, li fih irridu naraw u nħobbu ‘l Ġesù. L-imħabba mhijiex xi ftit sentimentaliżmu; l-imħabba tissarraf f’ħajja konkreta, fil-qadi tal-aħwa, l-aktar ta’ dawk li huma qrib tagħna, u dan billi nibdew mill-affarijiet iż-żgħar u dawk l-aktar umli. Charles de Foucauld jgħid hekk: “Meta nħobbu ‘l xi ħadd, b’imħabbitna aħna nkunu qed ngħixu fih tassew, ma ngħixux aktar ġewwa fina, inkunu maqtugħa’ minna nfusna, ngħixu barra minna nfusna” 1. Bil-ħila ta’ din l-imħabba jidħol id-dawl tiegħu fina, id-dawl ta’ Ġesù, skont kif Hu stess wegħedna: “Lil min iħobbni..., nurih lili nnifsi” 2 . L-imħabba hi għajn ta’ dawl: meta nħobbu, aħna nifhmu aktar li Alla hu Mħabba” (...)” 3.

Tkun ħaġa sabiħa jekk nilqgħu din l-istedina ta’ Ġesù biex immorru għandU u nagħrfuH bħala l-għajn tat-tama u tas-sliem tagħna.

Mela, ejjew nilqgħu dan il-“kmandament tiegħu u nagħmlu ħilitna biex inħobbu kif ħabb Hu fil-ħafna okkażjonijiet li jkollna ta’ kuljum fil-familja, fil-parroċċa, fuq il-post tax-xogħol. Ejjew inwieġbu billi naħfru dejjem ‘il min joffendina. B’hekk nibnu pontijiet li jgħaqqduna u mhux ħitan li jifirduna u naqdu ‘l kull min jinsab imtaqqal bid-diffikultajiet tal-ħajja.

Din il-liġi ma nħossuhiex aktar piż, imma nħossuha bħal ġwienaħ li bihom intiru fil-għoli.

Letizia Magri