Lulju 2015

  

Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja (Ġw 16, 33).

 

B’dan il-kliem tiġi fi tmiemha t-tislima ta’ Ġesù lid-dixxipli fl-aħħar ċena, qabel ma ngħata f’idejn dawk li kellhom joqtluh. Dan id-diskors imqanqal juri l-aktar realtà profonda tar-rabta tiegħu mal-Missier u tal-missjoni li Hu kien se jafdalhom.

Ġesù kien wasal biex iħalli d-dinja u jerġa’ lura għand il-Missier, filwaqt li d-dixxipli kellhom jibqgħu fid-dinja biex ikomplu l-missjoni tiegħu. U lilhom ukoll kellhom jobogħduhom, jippersegwitawhom u saħansitra joqtluhom kif għamlu ʾl Ġesù. (ara 15, 18.20; 16, 2). Il-missjoni tagħhom kellha tkun diffiċli bħalma kienet il-missjoni tiegħu. Hu kien jaf tajjeb bid-diffikultajiet u t-tiġrib li kellhom isofru ħbiebu: «Fid-dinja tbatu jkollkom» (16, 33).  

Ġesù kien qed ikellem lill-appostli miġburin miegħu għall-aħħar ċena, imma quddiemu kellu l-ġenerazzjonijiet ta’ dixxipli li kellhom jiġu warajhom, inklużi aħna.  

Kemm hu veru! Fil-mixja tagħna hawn fl-art ngħaddu minn ħafna mumenti ta’ ferħ, imma ma jonqsux ukoll tbatijiet kbar: inċertezzi fuq il-futur, xogħol prekarju, faqar u mard, tbatijiet, niket li jiġi minn traġedji naturali u gwerer, il-vjolenza fid-djar u bejn il-ġnus. Imbagħad hemm ċerti tbatijiet li jiġu mill-fatt li aħna nsara: it-taqbida biex nibqgħu ngħixu l-Vanġelu, soċjetà indifferenti għall-messaġġ ta’ Alla, tmaqdir u żufjett jekk mhux ukoll persekuzzjoni minn dawk li ma jifhmux dawn l-affarijiet jew minn min jeħodha kontra l-Knisja.

Dawn it-tbatijiet Ġesù jafhom kollha għax għexhom hu stess, imma hu jgħidilna:

 

“Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja”.

 

Din hi stqarrija deċisiva u konvinċenti, imma tidher xi ftit kontraditorja. Kif jista’ Ġesù jgħid li rebaħ id-dinja meta ftit tal-ħin wara li qal hekk kien arrestat, ifflaġellat, ikkundannat u maqtul bl-aktar mod kiefer u tal-mistħija? Aktar milli rebaħ jidher ittradut, miċħud u mxejjen, u allura tellief kbir.

Fejn qiegħda r-rebħa tiegħu? Din żgur qiegħda fil-qawmien mill-mewt: il-mewt ma tistax aktar iżżommu taħt idejha. Tant hi kbira r-rebħa tiegħu li aħna wkoll nistgħu nieħdu sehem fiha: hu jiġi fostna u jeħodna miegħu fejn hemm ħajja sħiħa u ħolqien ġdid.

Imma qabel dan, ir-rebħa tiegħu tinsab fl-akbar imħabba li biha ta ħajtu għalina. Fit-telfa tiegħu hu joħroġ għal kollox rebbieħ. Hu ħelisna minn dak kollu li jtaqqalna u bidel kull dalma u tbatija f’laqgħa miegħu, li hu Alla-Mħabba.

 Meta San Pawl kien jaħseb fuq ir-rebħa ta’ Ġesù kien iħoss ferħ mill-aktar kbir. Kien jisħaq li la Ġesù ħareġ rebbieħ meta ġie wiċċ imb’wiċċ mal-kuntrarju, sal-mewt l-aktar kiefra, aħna wkoll miegħu u fih nistgħu nirbħu kull diffikultà. Anzi, grazzi għal imħabbtu, aħna “nsiru aktar milli rebbieħa”: «Jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, […] u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla għalina li dehret fi Kristu Ġesù» (Rm 8, 37; ara 1 Kor 15, 57).

Mela issa nistgħu nifhmu l-istedina li qed jagħmlilna Ġesù biex ma nibżgħu minn xejn:

 

“Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja”.

 

Dan il-kliem ta’ Ġesù, li se ngħixuh matul dan ix-xahar, jista’ jkebbes fina fiduċja u tama. Iċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom, ikunu kemm ikunu ibsin u diffiċli, m’hemmx dubju li Ġesù diġà għamilhom tiegħu u għelibhom.

Anki jekk m’għandniex il-qawwa tiegħu, għandna lilu stess li jgħix u jitqabad magħna. Meta nħossuna mgħaffġin mid-diffikultajiet, mill-provi u t-tentazzjonijiet, nistgħu ngħidulu: “Jekk inti rbaħt id-dinja, taf tirbaħ ukoll dan l-għawġ tagħna. Jien, il-familja tiegħi u sħabi tax-xogħol jidhrilna li dak li qed jiġri huwa tfixkil li ma nistgħux negħlbuh, naħsbu li mhux se jirnexxilna, imma bik fostna nagħmlu l-kuraġġ u nsibu l-qawwa biex niffaċċjaw dawn id-diffikultajiet kbar, sa ma ‘nsiru aktar milli rebbieħa’”.

Dan ma jfissirx li jrid ikollna viżjoni trijonfalista tal-ħajja nisranija, bħallikieku kollox kien faċli u solvut. Ġesù huwa rebbieħ meta jgħix it-tbatija, l-inġustizzja, l-abbandun u l-mewt. Ir-rebħa tiegħu hi ta’ dawk li jiffaċċjaw it-tbatija b’imħabba, ta’ dawk li jemmnu fil-ħajja wara l-mewt.

Aħna wkoll, bħal Ġesù u l-martri, ikollna nistennew is-Sema biex naraw ir-rebħa sħiħa fuq il-ħażen. Sikwit inkunu beżgħanin nitkellmu fuq il-Ġenna, bħallikieku  kienet xi droga biex ma naffaċċjawx b’kuraġġ id-diffikultajiet, xi loppju biex intaffu t-tbatija, jew xi skuża biex ma niġġildux kontra l-inġustizzji. Iżda t-tama tal-Ġenna u l-fidi fl-Irxoxt huma ħeġġa qawwija biex naffaċċjaw kull kuntrarju, biex inqawwu lill-oħrajn fil-provi, biex nemmnu li l-aħħar kelma hi dik tal-imħabba li tirbaħ il-mibegħda, hi tal-ħajja li tegħleb il-mewt.

Mela, meta niffaċċjaw kull diffikultà tagħna personali, ta’ dawk ta’ madwarna jew ta’ dawk li nsiru nafuhom u li joqogħdu f’naħat oħra tad-dinja, aħna nġeddu l-fiduċja f’Ġesù, li jinsab preżenti fina u fostna, li rebaħ id-dinja, li jwassalna biex nieħdu sehem mir-rebħa tiegħu, li jiftħilna s-Smewwiet fejn hu jinsab biex iħejji post għalina. B’hekk insibu l-kuraġġ biex naffaċċjaw kull prova. F’Dak li jagħtina l-qawwa, inkunu nistgħu negħlbu kollox.

 

 

Fabio Ciardi