Kelma tal-Ħajja – Jannar 2018

 

“LEMINTEK, MULEJ, ISSEBĦET FIL-QAWWA” (ES 15,6).

Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar tfakkarna f’vers mill-innu ta’ Mosè, silta mit-Testment il-Qadim li fiha l-poplu ta’ Iżrael ifaħħar lil Alla għal dak kollu li għamel fl-istorja tiegħu. Din hija għanja li biha hu jistqarr dak li Alla għamel biex isalvah matul il-vjaġġ twil ta’ ħelsien mill-jasar tal-Eġittu sa ma wasal fl-Art imwiegħda. Kien vjaġġ mimli diffikultajiet u tbatija, imma twettaq bit-tmexxija żgura ta’ Alla, kif ukoll bil-ħidma ta’ Mosè u Ġożwè, li għażlu li jkunu qaddejja tal-pjan Tiegħu ta’ fidwa.

 

“LEMINTEK, MULEJ, ISSEBĦET FIL-QAWWA”.

 

Meta aħna naħsbu fil-qawwa, faċli norbtuha mas-saħħa tal-poter, li ħafna drabi ġġib magħha ġlied bejn nies u ġnus. Filwaqt li l-Kelma ta’ Alla turina li l-qawwa vera tinsab fl-imħabba, li dehret f’Ġesù. Hu għadda mill-esperjenza tagħna l-bnedmin, sa ma miet, biex jiftħilna t-triq tal-ħelsien u tal-laqgħa tagħna mal-Missier. Bil-ħila Tiegħu dehret il-qawwa vera tal-imħabba ta’ Alla għalina

l-bnedmin.

 

“LEMINTEK, MULEJ, ISSEBĦET FIL-QAWWA”.

 

Meta nħarsu lejna nfusna, jeħtieġ li nkunu sinċiera u nagħrfu l-limiti tagħna. Id-dgħufija tal-bniedem fl-aspetti kollha tagħha – fiżiċi, morali, psikoloġiċi, soċjali – hi realtà li ma nistgħux niċħduha. Imma propju hawn hu fejn nistgħu nagħmlu l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla. Hu jrid li l-bnedmin kollha, li huma wliedu, ikunu ferħana u għalhekk Hu dejjem lest li joffri l-għajnuna qawwija tiegħu ‘l dawk kollha li bil-ħlewwa jpoġġu lilhom infushom f’idejH biex jagħtu sehemhom

ħalli joktru l-ġid, il-paċi u l-fraternità.

 

Din il-Kelma ntagħżlet għal dan ix-xahar li fih niċċelebraw il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Kemm tbatija kellna l-ħila noħolqu għal xulxin matul dawn is-sekli; kemm firdiet u suspetti ħloqna li kienu l-kawża ta’ firda bejn komunitajiet u familji!

 

“LEMINTEK, MULEJ, ISSEBĦET FIL-QAWWA”.

 

Jeħtieġ li nitolbu l-grazzja tal-għaqda, bħala don ta’ Alla. Fl-istess waqt nistgħu ukoll noffru lilna nfusna bħala għodda ta’ mħabba f’Idejh biex inkunu nistgħu nibnu pontijiet bejnietna. Fis-sena 2002, meta l-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes kien stieden ‘il Chiara Lubich biex tmur Ġinevra ħalli tagħti l-ħsieb u l-esperjenza tagħha, hi kienet qalet hekk:

 

“Id-djalogu jsir b’dan il-mod: l-ewwelnett irridu npoġġi lilna nfusna fuq l-istess livell tal-persuna l-oħra, tkun min tkun; imbagħad irridu nisimgħuha billi nagħmlu vojt sħiħ ġewwa fina... B’hekk naslu biex nilqgħu lill-persuna l-oħra u nifhmuha... U għax tħoss li qed nisimgħuha b’imħabba, titqanqal biex hi wkoll tisma’ dak li aħna għandna xi ngħidu”. (1)

 

Matul dan ix-xahar ejjew nagħmlu użu tajjeb mill-kuntatti tagħna fil-ħajja ta’ kuljum biex hekk insaħħu r-rabtiet ta’ stima u ħbiberija ma’ familji u gruppi li jagħmlu parti minn knejjes differenti minn tagħna. U għax ma nifirxux it-talb u l-ħidma tagħna biex jitfejqu l-firdiet fi ħdan l-istess

komunità tal-Knisja tagħna, kif ukoll fil-politika, fis-soċjetà u fil-familji? B’ferħ inkunu nistgħu nagħtu xhieda ta’ kemm: “Lemintek, Mulej, issebħet fil-qawwa”.

 

Letizia Magri

 

1 Cfr. C. Lubich, L’unità e Gesù crocifisso e abbandonato fondamento per una spiritualità di comunione, Ġinevra, 28 ta’ Ottubru 2002.