KELMA TAL-ĦAJJA

FRAR 2017 | ĦARĠA 1702

 

“NAGĦTIKOM QALB ĠDIDA, U RUĦ ĠDIDA NQIEGĦED ĠO FIKOM”

(EŻEK 36, 26)

 

L-ewwel ħsibijiet li jiġu f’moħħna dwar il-qalb huma l-għożża, is-sentimenti u l-ġibdiet. Imma min kiteb dan il-kliem kellu f’moħħu aktar minn hekk: f’ruħna nsibu ċ-ċentru tal-ħajja u tagħna nfusna, il-post fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, il-ħajja spiritwali tagħna. Min għandu qalb tal-laħam jgħożż il-Kelma ta’ Alla, iħalliha tmexxih, u jfassal għal ħutu “ħsibijiet ta’ paċi”. Min għandu qalb tal-ġebel huwa bniedem magħluq fih innifsu, m’għandux il-ħila jisma’ lill-oħrajn u jħenn għalihom.

Aħna għandna bżonn qalb ġdida u ruħ ġdida? Biżżejjed nagħtu ħarsa madwarna. Il-vjolenza, il-korruzzjoni u l-gwerer jinbtu minn qlub tal-ġebel li huma magħluqin għal dak li Alla ħaseb għall-ħolqien. Jekk inħarsu b’mod sinċier lejna nfusna, ma nsibux li xi drabi jinbtu fina xewqat egoistiċi? L-imħabba tmexxi d-deċiżjonijiet tagħna, twassalna biex nixtiequ l-ġid għal ħutna?

 

Alla tiġih ħniena minna, għax jaf kemm aħna msejknin. Hu jafna ħafna aħjar milli aħna nafu lilna nfusna. Jaf li neħtieġu qalb ġdida. Huwa dan li wiegħed lill-profeta Eżekjel, u f’moħħu ma kellux biss xi nies partikulari imma l-poplu kollu tiegħu. Il-ħolma ta’ Alla hi li jerġa’ joħloq familja kbira ta’ ġnus, kif ħasibha mill-bidunett, familja mmexxija mill-imħabba lejn xulxin. Ħafna drabi l-istorja tagħna wrietna li minn naħa, waħedna, m’għandniex il-ħila nwettqu l-pjan tiegħu; min-naħa l-oħra Alla qatt ma għejja jidħol għalina, sa wegħedna li jagħtina hu stess qalb ġdida u ruħ ġdida.

 

Hu wettaq b’mod sħiħ il-wegħda tiegħu meta bagħat lil Ibnu fuq l-art u sawwab l-Ispirtu tiegħu f’nhar Għid il-Ħamisn. Minn hawn twieldet l-ewwel komunità nisranija ta’ Ġerusalemm, xbieha ta’ kif il-bnedmin jistgħu jkunu lkoll “qalb waħda u ruħ waħda” .

 

Anki jien li qed nikteb dan il-ħsieb qasir fuq il-Kelma tal-ħajja, u anki int li qed taqra u tisma’, aħna msejħin biex inkunu parti minn dawn il-bnedmin ġodda. Aħna msejħin ukoll biex nibnu dawn il-bnedmin ġodda madwarna, biex hekk din il-komunità tkun preżenti fejn ngħixu u naħdmu. Aħseb ftit x’missjoni kbira għandna u kemm Alla għandu fiduċja fina! Minflok ma nsewdu qalbna meta naraw soċjetà li ħafna drabi tidher korrotta, flok ma nirrassenjaw ruħna quddiem dan il-ħażen u ningħalqu fina nfusna bl-indifferenza, ejjew «niftħu qalbna beraħ biex tħobb bħall-Qalb ta’ Ġesù. Kemm hi biċċa xogħol kbira! Imma din hi l-aktar ħaġa meħtieġa. Jekk nagħmluha, inkunu għamilna kollox». Din kienet stedina ta’ Chiara Lubich, li kompliet tgħid: «Dan ifisser li rridu nħobbu lil kull min niltaqgħu miegħu bl-istess imħabba li biha jħobbu Alla; għandna nħobbu lill-proxxmu tagħna wieħed wieħed, mingħajr ma noqogħdu naħsbu fil-proxxmu li nkunu ltqajna miegħu ftit qabel» .

 

Ma rridux inserrħu fuq il-ħila tagħna, li ftit tiswa, imma fuq id-don li jagħtina Alla: “Nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom”. Jekk inżommu f’moħħna li rridu nħobbu ‘l kulħadd, insiru bnedmin ġodda u bennejja ta’ dinja ġdida msawra b’kulturi u ġnus differenti.

 

Fabio Ciardi