FRAR 2016 | ĦARĠA 1602

 

Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena nfarraġ lilkom”
(
Is 66, 13)

Min qatt ma ra tifel ċkejken jibki u jinxteħet fi ħdan ommu? Ikun xi jkun dak li ġralu, ħaġa kbira jew żgħira, ommu tixxuttalu d-dmugħ, tiksih b’imħabbitha u wara ftit dak it-tifel jerġa’ jibda jitbissem. Ikun biżżejjed għalih li jħoss il-preżenza u l-għożża tagħha. L-istess jagħmel Alla magħna. Hu jqabbel lilu nnifsu ma’ omm.

B’dan il-kliem Alla jdur fuq il-poplu tiegħu li kien reġa’ lura mill-eżilju fil-Babilonja. Wara li ra d-djar u t-Tempju jitfarrku, wara li ttieħed f’art barranija fejn dagħaq id-dwejjaq u n-nuqqas ta’ faraġ, il-poplu Lhudi reġa’ lura lejn artu biex jibda jibni kollox mill-ġdid wara l-ħerba sħiħa li ġarrab.

It-traġedja li Israel għadda minnha hija l-istess waħda li sseħħ għal ħafna popli li jinsabu fil-gwerra, li jaqgħu vittmi ta atti terroristiċi u ta’ sfruttament. Djar u toroq imwaqqgħa, postijiet simbolu tal-identità tagħhom imġarrfa, serq tal-ġid, postijiet ta’ qima mfarrkin. Kemm nies maħtufa, kemm miljuni mġiegħla jaħarbu, u eluf li jsibu l-mewt fid-deżert jew fil-baħar. Tkun bħal waslet l-aħħar tad-dinja għalihom.

Din il-Kelma tal-ħajja hija stedina biex nemmnu fl-azzjoni kollha mħabba ta’ Alla anki fejn ma tinħassx il-preżenza tiegħu. Hija aħbar ta’ tama. Hu jkun qrib kull min jiġi ppersegwitat, kull min jirċievi inġustizzja, kull min jiġi eżiljat. Hu jinsab magħna, mal-familja tagħna, mal-poplu tagħna. Hu jaf it-tbatija persunali tagħna u dik tal-bnedmin kollha; sar wieħed minna, sal-mewt tas-salib. Għalhekk hu jaf x’għandu jagħmel biex jifhimna u jfarraġna. Eżattament bħal omm li terfa lil binha f’ħoġorha u tfarrġu.

Jeħtieġ niftħu għajnejna u qalbna biex narawh”. Aktar ma jirnexxilna nħossu l-għożża ta’ mħabbtU, aktar jirnexxilna nwassluha lil dawk kollha li għaddejjin mit-tbatija u l-provi tal-ħajja. Insiru għodda ta’ faraġ. Dan jgħidu wkoll l-appostlu San Pawl lill-Korintin: permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistghu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm” (2 Kor 1, 4).

Din hija wkoll esperjenza intima u konkreta ta’ Chiara Lubich: Mulej, agħtini ‘l kull min jinsab waħdu... F’qalbi ħassejt dik l-imħabba kbira li hemm f’qalbek għad-dinja kollha li tinsab abbandunata. Inħobb ‘il kull min jinsab marid u waħdu. Min ser ifarraġhom fil-biki tagħhom? Min ser jibki l-mewta tagħhom? U min se jħaddan ma’ qalbu ‘l min għandu qalbu ddisprata? Agħmel, o Alla tiegħi, li nkun fid-dinja sagrament ta’ mħabbtek: li nkun dirgħajk, li jħaddnu magħhom u jibdlu f’imħabba s-solitudni kollha tad-dinja” .

Fabio Ciardi

Se ngħixu din il-Kelma – magħżula minn grupp ekumeniku mill-Ġermanja – flimkien ma’ ħafna minn ħutna ta Knejjes differenti, biex inħallu din il-wegħda ta’ Alla takkumpanjana s-sena kollha.