Frar 2015
“Għalhekk ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għall-glorja ta’ Alla” (Rm 15, 7).
L-Appostlu San Pawl ried imur Ruma u minn hemm jibqa’ sejjer Spanja. Għalhekk bagħat ittra lill-komunitajiet insara preżenti f’dik il-belt.
F’qasir żmien, bil-ħajja ta’ ħafna martri, kienu se jagħtu xhieda ta’ rabta sinċiera u profonda tal-Vanġelu. Biss, kif kien jiġri bnadi oħra, fosthom ma kinux jonqsu tensjonijiet u nuqqas ta’ ftehim u saħansitra firda. Fil-fatt, l-insara ta’ Ruma kienu ġejjin minn klassijiet soċjali, kulturi u reliġjonijiet differenti: mir-reliġjon Lhudija, miċ-ċiviltà Griega u mir-reliġjon antika Rumana, forsi mill-Istoiċiżmu1 jew minn fergħat filosofiċi oħra. Dawn kienu jġibu magħhom it-tradizzjonijiet fil-ħsieb u fl-imġiba morali tagħhom. Uħud, magħrufa bħala “dgħajfin”, kienu mdorrijin jieklu ikel partikulari, per eżempju kienu veġetarjani, jew kienu jimxu ma’ kalendarji li juru ġranet speċjali ta’ sawm; oħrajn kienu meqjusa bħala “qawwija”, għax kienu liberi minn dawn il-kundizzjonijiet; ma kinux marbuta ma’ xi tabù fl-ikel li jieklu jew ma’ ċerimonji partikolari. Lil dawn kollha San Pawl jistedinhom biex bil-ħeġġa:
“Għalhekk ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għall-glorja ta’ Alla”
F’din l-ittra, hu l-ewwel beda billi dar fuq il-“qawwija”, biex jistedinhom jilqgħu lil min kien “dgħajjef”, bla ma qagħad jiddiskuti l-opinjonijiet tagħhom. Imbagħad dar fuq id-“dgħajfin” biex dawn, min-naħa tagħhom, jilqgħu lil min kien “qawwi” bla ma jiġġudikawh, għax huma stess kienu ġew milqugħa minn Alla.
Fil-fatt, Pawlu kien konvint li minkejja opinjonijiet u użanzi differenti, kull wieħed kien qed jaġixxi għall-imħabba ta’ Alla. Għalhekk ma kienx hemm għalfejn jiġġudikaw lil min kien jaħsibha differenti minnhom, wisq inqas jiskandalizzaw ruħhom, ikunu arroganti u jħossuhom aqwa minn ħaddieħor. Iżda dak li riedu jżommu quddiem għajnejhom kien il-ġid ta’ kulħadd, li “jibnu lil xulxin”, jiġifieri jibnu l-komunità fl-għaqda ta’ bejniethom (ara 14, 1-23).
Anki f’dan il-kas, kull ma riedu jagħmlu kien li jobdu r-regola l-kbira tal-ħajja nisranija li Pawlu kien fakkarhom fiha ftit qabel fl-ittra: “L-imħabba hi l-milja tal-liġi” (13, 10). Billi f’ħajjithom ma “mxewx aktar skont l-imħabba” (14, 15), l-insara ta’ Ruma kienu naqsu mill-ispirtu ta’ aħwa, li kellu jagħti l-ħajja lill-membri ta’ kull komunità.
L-Appostlu pproponielhom il-mudell ta’ kif għandhom jilqgħu lil xulxin; ipproponielhom dak li għamel Ġesù meta, fil-mewt tiegħu, minflok ma ħaseb fih innifsu, ħa fuqu d-dgħufija tagħna (ara 15, 1-3). Mill-għoli tas-salib hu ġibed lil kulħadd lejh, u laqa’ lil Ġwanni li kien Lhudi, flimkien maċ-ċenturjun Ruman, lil Marija l-Madalena flimkien mal-ħalliel it-tajjeb li ssallab miegħu.
“Għalhekk ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għall-glorja ta’ Alla”
Anki fil-komunitajiet insara tagħna, għalkemm aħna lkoll il-“maħbubin kollha ta’ Alla, imsejħin biex ikunu qaddisin” (1, 7), ma jonqsux, kif ma naqsux fost l-insara ta’ Ruma, firdiet u nuqqas ta’ qbil bejn min jaħsibha differenti b’kulturi ħafna drabi mbiegħda minn xulxin. Spiss ikun hemm nuqqas ta’ ftehim bejn min iħobb it-tradizzjoni u min iħobb il-ġdid; biex nuża lingwaġġ ftit jew wisq sempliċi imma li jiftiehem malajr, persuni b’moħħhom miftuħ u oħrajn b’moħħ aktar magħluq, bejn min hu interessat fi kristjaneżmu aktar soċjali u min f’dak li hu aktar spiritwali. Id-diversità hi mkebbsa minn konvinzjonijiet politiċi u minn oqsma soċjali differenti. L-immigrazzjoni ta’ żmienna qed tkompli żżid id-diversità tal-kulturi b’nies ġejjin minn pajjiżi differenti fil-laqgħat liturġiċi tagħna u fil-gruppi ekkleżjali tallum. L-istess ħaġa tista’ tiġri fir-rabtiet bejn insara ta’ Knejjes differenti, kif ukoll fi ħdan il-familji, fuq il-post tax-xogħol u fil-partiti.
Għalhekk tinbet it-tentazzjoni li niġġudikaw lil min ma jaħsibhiex bħalna u li nħossuna superjuri għalihom, hekk li nibdew neħduha kontra xulxin u nwarrbu wieħed lill-ieħor.
Il-mudell li qed jipproponi Pawlu mhuwiex biex kulħadd ikun l-istess u b’hekk l-interess jonqos, imma hu jrid li jkun hemm komunjoni bejn nies li jaħsbuha b’mod differenti u dan ikompli jistagħnihom. Mhux b’kumbinazzjoni li fl-istess ittra, żewġ kapitli qabel, hu jitkellem fuq l-unità tal-ġisem u d-diversità tal-membri, kif ukoll fuq il-varjetà tal-kariżmi li bihom il-komunità tistagħna (ara 12, 3-13). Biex nuża kliem li jgħid il-Papa Franġisku, “Il-mudell mhux il-globu – li mhux aqwa mill-partijiet – fejn kull punt hu mbiegħed indaqs miċ-ċentru u m’hemmx differenzi bejn punt u ieħor. Il-mudell hu l-priżma, li tirrifletti l-għaqda flimkien tal-partijiet kollha li fiha jżommu xorta l-oriġinalità tagħhom”.
“Saħansitra l-persuni li jistgħu jiġu kkritikati għall-iżbalji tagħhom għandhom xi ħaġa x’jagħtu li m’għandhiex tintilef. Hi l-għaqda bejn il-popli, li, fl-ordni universali, iżommu l-karatteristiċi partikulari tagħhom; hi t-totalità tal-persuni f’soċjetà li tfittex ġid komuni li tassew jiġbor fih lil kulħadd f’ġisem wieħed”2.
“Għalhekk ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għall-glorja ta’ Alla”
Din il-Kelma tal-ħajja hi stedina urġenti biex nagħrfu t-tajjeb li hemm fl-oħrajn, għallinqas minħabba l-fatt li Kristu ħalla ħajtu anki għal dik il-persuna li jagħtini li noqgħod niġġudikaha. Din hi stedina biex nisimgħu lill-oħrajn bla ma noqogħdu niddefendu lilna nfusna, biex nilqgħu d-diversità tal-oħrajn b’rispett u mħabba, hekk li naslu biex niffurmaw komunità fid-diversità u fl-għaqda.
Din il-Kelma ntgħażlet mill-Knisja Evanġelika tal-Ġermanja biex il-membri tagħha jgħixuha u tkun ta’ dawl għalihom matul is-sena 2015. Il-fatt li aħna, membri ta’ Knejjes differenti, qed naqsmuha flimkien, għallinqas f’dan ix-xahar, dan diġa hu sinjal li qed nilqgħu lil xulxin.
B’hekk inkunu nistgħu nagħtu glorja ’l Alla b’ruħ waħda u leħen wieħed (15, 6), għax, kif qalet Chiara Lubich fil-kattidral tal-Knisja Riformata ta’ St. Pierre f’Ġinevra: iż-żminijiet tallum […] jitolbu minn kull wieħed minna mħabba, għaqda, komunjoni u solidarjetà. Isejħu wkoll lill-Knejjes biex jingħaqdu flimkien wara firda ta’ ħafna sekli. Din hi l-ogħla riforma li Alla qed jitlobna nagħmlu. Dan hu l-ewwel pass meħtieġ biex insiru lkoll aħwa ta’ xulxin. Infatti d-dinja temmen jekk aħna nkunu magħquda flimkien”3.
FABIO CIARDI