Diċembru 2015

  

“Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Mk 1, 3).

 

Dan il-kliem hu għalija. Il-Mulej ġej u jiena rrid inkun lest li nilqgħu. Kuljum jien nitolbu: “Ejja, Mulej Ġesù”. U Hu jweġibni: “Iva, jien dalwaqt ġej” (ara Ap 22, 17.20). Hu jinsab wara l-bieb u qed iħabbat, qed jitlobni jidħol f’dari (ara Ap 3, 20). Ma nistax inħallih barra minn ħajti.

L-istedina biex nilqgħu lill-Mulej li ġej hija ta’ Ġwanni l-Battista. Din għamilha lil-Lhud ta’ żmienu. Hu talabhom jistqarru dnubiethom u jikkonvertu, jibdlu ħajjithom. Hu kien ċert li l-miġja tal-Mulej kienet fil-qrib. Il-poplu, li kien ilu sekli jistennieh, kien se jagħrfu, kien se jisma’ kliemu, kien se jimxi warajh? Ġwanni kien jaf li biex jilqgħuh riedu jħejju ruħhom, għalhekk qed jagħmlilhom din l-istedina:

 

“Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

 

Dan il-kliem Ġesù qed jgħidu lili biex Hu jkompli jiġi kuljum. Kuljum Hu jħabbat fuq il-bieb tiegħi u, bħal-Lhud ta’ żmien Ġwanni l-Battista, mhijiex ħaġa ħafifa li jiena nagħrfu.  Kontra dak li kienu qed jistennew dak iż-żmien, hu wera ruħu bħala mastrudaxxa umli minn Nazareth, raħal li ma tantx kien magħruf. Illum jippreżenta ruħu taħt id-dehra ta’ xi immigrant, jew raġel bla xogħol, jew dak li jagħti x-xogħol lin-nies, jew dik ta’ ħdejk fuq il-bank tal-iskola, jew xi ħadd mill-familja tiegħek, anki nies li fihom wiċċ il-Mulej mhux dejjem jidher imdawwal, anzi, xi drabi jidher moħbi. Ħafna drabi leħnu fin li jistedinna naħfru, noffru fiduċja u ħbiberija, jew ma nagħmlux għażliet li jmorru kontra l-Vanġelu, ikun fgat minn ilħna oħra li jistednuna nobogħdu, li nagħżlu dak li jaqblilna u nkunu korrotti. M’hemmx għalfejn noqogħdu nsemmu dak kollu li jnawwar lil qalbna u ma jħalliniex naraw il-preżenza tiegħu u nisimgħu leħnu. Kull wieħed minna, jekk ikun sinċier, jaf x’qiegħed iżommu milli jiltaqa’ ma’ Ġesù, mal-kelma tiegħu, man-nies li fihom irridu naraw lilu. Għalhekk l-istedina tal-Kelma tal-ħajja llum qed tingħad proprju lili:

 

“Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

 

Irrid niddritta dak il-ġudizzju li jwassalni biex nikkundanna lill-oħrajn, biex ma nibqax inkellimhom, u b’hekk nasal biex nifhmimhom, inħobbhom u naqdihom. Irrid niddritta l-imġiba mgħawġa li biha nittradixxi ħbiberija, insir vjolenti, nikser il-liġijiet tal-pajjiż. B’hekk nikkonverti u nkun lest li nissaporti anki l-inġustizzji biex insalva rabta li għandi ma’ xi ħadd, inkun lest li nħallas basta nkabbar dak is-sens ta’ aħwa fejn ngħix.

Il-Kelma ta’ dan ix-xahar hi waħda iebsa u qawwija, imma hi wkoll waħda li tagħti l-ħelsien, tista’ tibdilli ħajti, ninfetaħ biex niltaqa’ ma’ Ġesù, hekk li Hu jiġi jgħammar fija, u jkun Hu fija li jaġixxi u jħobb.

Jekk ngħixuha, din il-Kelma tista’ tagħmel aktar minn hekk: tista’ twelled lil Ġesù f’nofsna, fil-komunità Nisranija, fil-familja, fil-gruppi li naħdmu magħhom. San Ġwann qed jgħidha lil kulħadd: u Alla “għammar fostna” (Ġw 1, 14), fost il-poplu tiegħu.

 Għalhekk, bl-għajnuna li nagħtu lil xulxin, irridu niddrittaw il-mogħdijiet tar-rabtiet tagħna, inneħħu kull ħaġa mgħawġa li jista’ jkun hemm bejnietna, ngħixu l-ħniena li l-Ġublew Straordinarju qed isejħilna għaliha. B’hekk flimkien insiru d-dar, il-familja li għandha l-ħila tilqa’ lil Alla.

F’dan ix-xahar tal-Milied Ġesù jsib it-triq miftuħa u jkun jista’ jibqa’ preżenti fostna.

 

 

Fabio Ciardi