KELMA TAL-ĦAJJA                                

AWWISSU 2018 | ĦARĠA 1808

 

“B’IMĦABBA TA’ DEJJEM ĦABBEJTEK, GĦALHEKK IL-ĦLEWWA TIEGĦI RFAJT GĦALIK” (ĠER 31, 3).

Alla bagħat il-profeta Ġeremija għand il-poplu Lhudi li kien qed jgħix l-esperjenza qarsa tal-eżilju fil-Babilonja u li kien tilef kulma kellu: artu, it-tempju u l-liġi. Iżda l-kliem tal-profeta ċarrat dan il-velu ta’ tbatija u ta’ telfa. Tassew li Iżrael ma kienx żamm il-wegħda li jħobb ‘il Alla u wassal lilu nnifsu għall-qerda, iżda issa kienet qed tingħatalu l-aħbar ta’ wegħda ġdida ta’ ħelsien, ta’ fidwa, ta’ patt imġedded, li Alla fl-imħabba tiegħu bla tmiem kien qed iħejji għall-poplu Tiegħu.

 

“B’IMĦABBA TA’ DEJJEM ĦABBEJTEK, GĦALHEKK IL-ĦLEWWA TIEGĦI RFAJT GĦALIK”.

 Alla qatt ma jmur lura minn kelmtu u meta jagħmel wegħda jibqa’ jżommha għal dejjem: Hu jibqa’ dejjem fidil f’imħabbtu. Alla hu l-Missier ta’ kull bniedem, Missier li jħobb Hu l-ewwel u li dejjem jibqa’ jidħol għalina. Il-fedeltà tiegħu tmiss `il kull wieħed minna u twassalna biex nixħtu fuqu dak kollu li jista’ jxekkilna u jwaqqafna mill-mixja tagħna lejH. B’din l-Imħabba eterna u kollha sabar aħna nistgħu nikbru u ntejbu r-rabta tagħna Miegħu u ma’ ħutna l-bnedmin.

Nafu li, minkejja r-rieda tajba tagħna, aħna mhux dejjem jirnexxilna nħobbu `l Alla u `l ħutna l-bnedmin, iżda Alla jibqa’ fidil lejna, imħabbtU tibqa’ tingħatalna b’xejn, u tasal qabilna,“nagħmlu x’nagħmlu”. Dan jiżgurana filwaqt li jimliena bilferħ, u hekk inkunu nistgħu nogħlew ‘il fuq mix-xefaq limitat tagħna, naqbdu triqtna mill-ġdid kuljum u nsiru aħna wkoll xhieda ta’ din l-għożża “ta’ omm”.

 

“B’IMĦABBA TA’ DEJJEM ĦABBEJTEK, GĦALHEKK IL-ĦLEWWA TIEGĦI RFAJT GĦALIK”.

Minn din il-ħarsa t’Alla lejn l-umanità joħroġ pjan mill-aktar kbir: dak li l-bnedmin ikunu aħwa ta’ xulxin, pjan li jsib il-milja tiegħu f’Ġesù. Fil-fatt Hu ta xhieda tal-fiduċja tiegħu fl-imħabba t’Alla bi kliemu u fuq kollox bl-eżempju ta’ ħajtu. Hu fetħilna t-triq biex nimitaw ‘il-Missier billi nħobbu `l kulħadd (Mt 5, 43 ss.) u wriena li kull bniedem hu msejjaħ biex jagħti sehemu ħalli jinbew rabtiet li bihom il-bnedmin jilqgħu `l xulxin u jkunu fi djalogu bejniethom.  

Kif se ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? 

Chiara Lubich tistedinna biex ikollna qalb ta’ omm: “[...] Omm dejjem tilqa’ lill-oħrajn, dejjem tgħin, dejjem tittama, kollox tgħatti. [...] Fil-fatt l-imħabba ta’ omm tixbah ħafna lill-imħabba ta’ Kristu li fuqha jitkellem San Pawl. Jekk aħna jkollna qalb ta’ omm jew aħjar, jekk ikollna l-qalb tal-Omm per eċċellenza: ta’ Marija, aħna nkunu dejjem lesti li nħobbu ‘l-oħrajn f’kull ċirkustanza u hekk inżommu ħaj fina lil Ġesù Rxoxt. [...] Jekk ikollna l-qalb ta’ din l-Omm, inħobbu ‘l kulħadd, mhux biss ‘il dawk tal-Knisja tagħna, imma wkoll lill-oħrajn. Mhux biss l-Insara, imma anki l-Musulmani, il-Buddisti, l-Induwisti, eċċ. Anki lil nies li ma jemmnux f’Alla imma li għandhom rieda tajba. Anki ‘l kull bniedem li jgħix fuq din l-art [...]”1.

 

“B’IMĦABBA TA’ DEJJEM ĦABBEJTEK, GĦALHEKK IL-ĦLEWWA TIEGĦI RFAJT GĦALIK”.

Mara miżżewġa żgħażugħa li bdiet tgħix il-Vanġelu fil-familja tirrakkonta: “Ħassejt ferħ li qatt ma kont ħassejt bħalu qabel u xtaqt inwassal din l-imħabba ‘l barra mill-erba’ ħitan ta’ dari. Per eżempju, niftakar kif tlaqt niġri lejn l-isptar meta l-mara ta’ raġel li jaħdem miegħi kienet ippruvat tneħħi ruħha b’idejha. Kont ili naf bid-diffikultà li kellhom, imma tant kont meħuda mill-problemi tiegħi li qatt ma ħabbilt moħħi biex immur ngħinha. Iżda issa bdejt inħoss li t-tbatija tagħha kienet tiegħi u ma qgħadtx bi kwieti sa ma nstabet soluzzjoni għas-sitwazzjoni li kienet ġabitha f’dak l-istat. Din il-ġrajja kellha ħafna effett fuqi u wasslitni biex nibda nibdel il-mentalità li kelli. Ġegħlitni nifhem li, jekk jiena nħobb, fiċ-ċokon tiegħi nista’ nkun mera tal-istess imħabba t’Alla għal dawk kollha li huma qrib tiegħi”.

U x’jiġri kieku aħna wkoll, imsaħħin bl-imħabba fidila t’Alla, kellna, minn jeddna, inġibu ruħna b’dan il-mod ma’ dawk kollha li niltaqgħu magħhom matul ilġurnata?

 

Letizia Magri

1: Cfr. C. Lubich, Cercando le cose di lassù, Roma 19925, p. 41-42.