Kelma tal-Ħajja

Awwissu 2017 | ĦARĠA 1708

 

“Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej, tjubitu fuq kull ma għamel” (S. 145, 9)

Dan is-Salm huwa għanja kollha tifħir li bih niċċelebraw il-fatt li l-Mulej huwa sultan li jaħkem fuq l-istorja kollha. Il-glorja tiegħu hi eterna u tal-għaġeb. Din il-glorja turi ruħha fil-ħaqq u t-tjubija u aktar tixbah ‘il missier li hu qrib tagħna milli l-qawwa ta’ xi ħakkiem. 

Alla huwa l-persunaġġ ewlieni ta’ dan is-salm (S. 145). Bih Hu jurina l-għożża tiegħu, li tfawwar  bħal dik ta’ omm: Il-Mulej hu kbir fil-ħniena u tqil biex jagħdab, iħobb b’imħabba kbira u juri t-tjieba tiegħu lejn kulħadd.

It-tjubija ta’ Alla ntweriet mal-poplu Lhudi, imma tinfirex fuq dak kollu li Hu ħalaq, fuq kull bniedem u fuq il-ħolqien kollu.

Fi tmiem dan is-Salm, l-awtur jistieden lill-ħolqien kollu biex jingħaqad bħal f’kor mimli  ilħna, ħalli jwassal ma’ kullimkien din l-aħbar:

“Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej, tjubitu fuq kull ma għamel”.

Alla nnifsu jafda l-ħolqien f’idejn il-bniedem, fdahulu bħallikieku “ktieb miftuħ li fih hemm miktuba t-tjubija tiegħu. Il-bnedmin huma msejħa biex jaħdmu flimkien miegħu fil-Ħolqien tiegħu, hekk li  f’dan il-ktieb huma jżidu paġni mimlija ġustizzja u sliem, billi jimxu skont il-pjan Tiegħu ta’ mħabba. 

da sfortunatament madwarna naraw ħafna nies li jinsabu mweġġgħin u li spiss ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom u l-ambjent ta’ madwarhom. Dan kollu jiġri minħabba l-indifferenza ta’ ħafna u minħabba l-egoiżmu u l-kilba ta’ dawk li jisfruttaw l-ambjent għall-interessi tagħhom u bi ħsara għall-ġid komuni.

F’dawn l-aħħar snin, il-komunitŕ nisranija bdiet issir aktar konxja u sensibbli lejn ir-rispett tal-ħolqien. Hawnhekk nistgħu niftakru fil-ħafna appelli ta’ nies fl-awtoritŕ li jħeġġuna niskopru n-natura bħala mergħa tat-tjieba ta’ Alla u wirt tal-bnedmin kollha.

Il-Patrijarka Ekumeniku Bartolomeo I, fil-messaġġ tiegħu għall-Ġurnata tal-Ħolqien tas-sena l-oħra, kellu dan xi jgħid: “Jeħtieġ li nkunu dejjem għassa, li niffurmaw ruħna u nitgħallmu, hekk li naraw b’mod  ċar ir-rabta li hemm bejn il-kriżi fl-ambjent u l-ġibdiet ħżiena tal-bnedmin [...] bir-riżultat li qed ngħixu fi żmien ta’ kriżi ambjentali. Għalhekk, l-unika triq għalina hi li nerġgħu lura għas-sbuħija antika [...] tal-moderazzjoni u l-għaqda tagħna ma’ Alla. Dan jista’ jwassalna biex inkunu għaqlin fil-mod kif inħarsu l-ambjent naturali tagħna. Ta’ spiss insibu min hu regħeb, ifittex b’kilba l-ħwejjeġ materjali u jiftaqar fil-ħwejjeġ spiritwali.  B’hekk il-bniedem jasal biex jeqred l-ambjent naturali li jgħix fih”. 1

Papa Franġisku, fid-dokument Laudato si, kiteb hekk: “Il-ħarsien tan-natura hu parti minn stil ta’ ħajja li permezz tiegħu aħna nkunu kapaċi ngħixu flimkien billi nkunu lkoll ħaġa waħda. Ġesů jfakkarna li aħna għandna ‘l Alla bħala l-Missier tagħna lkoll u dan jagħmilna lkoll aħwa. Imħabbitna għandna dejjem nuruha bla ma nistennew xejn lura [...]. Dan iwassalna biex inħobbu u naċċettaw ir-riħ, ix-xemx jew is-sħab, għalkemm dawn ma nistgħux nikkontrollawhom aħna. [...] Għandna bżonn inħossu mill-ġdid li neħtieġu lil xulxin, li għandna responsabbiltŕ lejn xulxin, li jiswa li nkunu nies tal-affari tagħhom u onesti ”. 2 

Mela ejjew napprofittaw ruħna mill-mumenti ta’ mistrieħ  u naħtfu l-okkażjonijiet biex nitfgħu ħarsitna lejn is-sema, lejn is-sbuħija tal-qċaċet tal-muntanji u lejn il-firxa kbira tal-baħar, jew anki lejn il-ħaxix selvaġġ li jikber maġenb it-triq. Dan kollu jgħinna nagħrfu l-kobor tal-Ħallieq li “jħobb il-ħajja”, biex hekk nerġgħu niskopru l-għeruq tat-tama tagħna fit-tjubija bla tarf tiegħu, li tħaddan u tmexxi kollox.

Ejjew nagħżlu għalina stess u għall-familja tagħna stil ta’ ħajja sempliċi, li jirrispetta l-bżonnijiet tal-ambjent u li jqis il-bżonnijiet tal-oħrajn, biex nistagħnew fl-imħabba. Ejjew naqsmu flimkien il-ġid tal-art u tax-xogħol ma’ ħutna l-foqra u nagħtu xhieda għal din il-milja tal-ħajja u tal-ferħ billi nkunu nies li jwasslu l-għożża, li jixtiequ l-ġid u r-rikonċiljazzjoni mal-ambjent li ngħixu fih.

Letizia Magri