KELMA TAL-ĦAJJA

APRIL 2018 | ĦARĠA 1804

 

“TASSEW, TASSEW NGĦIDILKOM, MIN JEMMEN GĦANDU L-ĦAJJA TA’ DEJJEM” (ĠW 6, 47).

 

Din is-sentenza ta’ Ġesù hija silta minn djalogu twil mal-folla li rat is-sinjal

tat-tkattir tal-ħobż u marret timxi warajh, forsi biss biex tirċievi mingħandu xi

għajnuna oħra. Ġesù, li beda billi sema’ l-bżonn materjali tagħhom, bil-mod ilmod,

beda jġib id-diskors fuq il-missjoni tiegħu: hu kien intbagħat mill-Missier

biex jagħti lill-bnedmin il-ħajja vera, il-ħajja ta’ dejjem, jiġifieri l-istess ħajja ta’

Alla, li hu Mħabba.

 

Huwa u miexi fit-toroq tal-Palestina, Ġesù resaq qrib lejn kull min kien jiltaqa’

miegħu, ma qagħadx lura milli jwieġeb meta talbuh ikel, ilma, fejqan, maħfra;

anzi, qasam magħhom kull ħtieġa u mela ‘l kulħadd bit-tama. Għalhekk issa

seta’ jistedinhom jagħmlu pass ieħor ‘il quddiem, seta’ jistieden ‘il min kien qed

jisimgħu jilqa’ l-ħajja li offra, jidħol f’rabta miegħU, ikollu fiduċja u jemmen fiH.

Chiara Lubich, fil-kumment li għamlet fuq dan il-kliem tal-Vanġelu, kitbet hekk:

“Hawnhekk Ġesù qed iwieġeb għall-aqwa tamiet tal-bniedem. Il-bniedem ġie

maħluq għall-ħajja; hu jfittixha b’ħiltu kollha. Iżda jagħmel żball kbir jekk ifittixha

fil-krejaturi, fl-affarijiet maħluqin li, billi huma limitati u jgħaddu maż-żmien, ma

jistgħux jagħtu tweġiba sħiħa għax-xewqa kbira u profonda tiegħu. ...Ġesù biss

jista’ jaqta’ l-għatx tal-bniedem. Hu biss jista’ jagħtina l-ħajja li ma tintemmx,

għax Hu l-Ħajja”1.

 

Qabel xejn, il-fidi nisranija hija frott ta’ laqgħa personali ma’ Alla, ma’ Ġesù, li ma

jixtieq xejn ħlief li aħna nieħdu sehem mill-istess ħajja tiegħu.

Il-fidi f’Ġesù tfisser li nimxu fuq l-eżempju tiegħu, billi ma ngħixux magħluqin

fina nfusna, bil-biżgħat tagħna, bil-programmi limitati tagħna, imma billi nitfgħu

l-attenzjoni tagħna fuq il-ħtiġiet tal-oħrajn: bżonnijiet konkreti fejn hemm il-faqar,

il-mard, l-emarġinazzjoni, u fuq kollox il-bżonn li nisimgħu lil ħaddieħor, naqsmu

kollox miegħu, nilqgħuh.

 

B’hekk, b’ħajjitna, inkunu nistgħu nwasslu lill-oħrajn l-istess imħabba li rċevejna

bħala don ta’ Alla. U biex insaħħu l-mixja tagħna, Hu ħallielna d-don kbir tal-

Ewkaristija, li biha Hu jagħtina lilu nnifsu biex b’hekk nagħtu l-ħajja lill-oħrajn.

 

Kemm-il darba, matul il-ġurnata, nagħtu l-fiduċja tagħna lin-nies ta’ madwarna:

lill-għalliema ta’ wliedna, lis-sewwieq tat-taksi li jrid iwassalna fejn irridu mmorru,

lit-tabib li jikkurana… Ma tistax tgħix bla ma jkollok fiduċja, u din tissaħħaħ billi

nsiru nafu lill-oħrajn, bil-ħbiberija, bir-rabta tagħna magħhom li maż-żmien trabbi

l-għeruq.

 

Mela kif se ngħixu din il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar?

Fil-kumment tagħha, Chiara tistedinna nsaħħu l-għażla li għamilna li nimxu wara

Ġesù: “ ... It-triq biex naslu issa nafuha: ... irridu ngħixu b’impenn partikulari

dak il-kliem tiegħu li jfakkarna fil-ħafna ċirkustanzi tal-ħajja. Per eżempju: meta

niltaqgħu mal-proxxmu tagħna, ngħixu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”

(ara Mt 22, 39). Meta nkunu għaddejjin minn xi tbatija, niftakru: “Min irid jimxi

warajja... jerfa’ salibu” (ara Mt 16, 24), eċċ. Hekk Ġesù jidħol fina bil-verità tiegħu,

bil-qawwa u l-imħabba tiegħu u kliemu jixgħel fi qlubna. Ħajjitna tkun tfisser

ngħixu dejjem aktar Miegħu, nagħmlu kollox flimkien Miegħu, u anki l-mewt

fiżika tagħna, li qiegħda hemm tistenniena, ma tibqax aktar tbeżżagħna, għax

ma’ Ġesù ġa bdiet fina l-ħajja vera, il-ħajja li ma tintemmx” .

 

Letizia Magri

1: C. Lubich, La vera vita, Città Nuova, 35, [1991], 14, pġ. 32.