Kelma tal-Ħajja - April 2017 - ĦARĠA 1704

 

“Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm” (Lq 24, 29).

Din l-istedina għamluha tnejn minn nies lil wieħed raġel barrani, li kienu ltaqgħu miegħu fit-triq li tagħti minn Ġerusalemm għar-raħal ta’ Għemmaws. Huma kienu qed “jitħaddtu u jitkellmu bejniethom” fuq dak li kien ġara fil-belt ftit ġranet qabel. U dan kien qisu l-uniku wieħed li ma kien jaf xejn dwar dak li ġara. Għalhekk, dawn it-tnejn laqgħuh fosthom u rrakkuntawlu dwar “profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u l-poplu kollu”, li fih huma kienu qiegħdu l-fiduċja kollha tagħhom. Qalulu li l-qassisin il-kbar u l-awtoritajiet Lhud kienu tawh f’idejn ir-Rumani, li mbagħad qatgħuhielu għall-mewt u sallbuh (ara Lq 24,19ss. ). Din it-traġedja kbira għalihom ma kenitx tagħmel sens. 

Huma u mexjin, dan ir-raġel barrani għenhom jifhmu dawk il-ġrajjiet billi beda jfissrilhom dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura u b’hekk xegħel f’qalbhom it-tama. Meta waslu Għemmaws, huma stidnuh għall-ikel; qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Huma u jieklu flimkien, dan il-barrani bierek il-ħobż u qasmu magħhom. Kif għamel hekk huma għarfuh: l-Imsallab miet u issa reġa’ qam! Dak il-ħin stess it-tnejn li huma bidlu l-programm tagħhom; qamu u marru lura Ġerusalemm; marru jfittxu d-dixxipli l-oħra biex jagħtuhom din l-aħbar kbira.

Aħna wkoll nistgħu nħossuna ddiżappuntati, irrabjati, u qalbna maqtugħa meta naraw li ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem l-inġustizzji li jolqtu nies innoċenti u ‘l dawk li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom. It-tbatija, l-inċertezza, id-dlam... ma jonqsux fil-ħajja tagħna. U kemm nixtiequ kieku li nistgħu nibdlu dan kollu f’paċi, tama u dawl, għalina u għall-oħrajn.

Irridu niltaqgħu ma’ xi Ħadd li jifhimna sew u li jdawlilna t-triqat ta’ ħajjitna?

Biex żgur jilħaq ‘il kull wieħed u waħda minna fil-qalba ta’ kull sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha, Ġesù, il-Bniedem-Alla aċċetta, għax ried hu, li bħalna jġarrab id-dlam tat-tbatija, kemm it-tbatija tal-ġisem, kif ukoll dik li ħass fir-ruħ tiegħu: ibda mit-tradiment ta’ ħbiebu sal-abbandun (ara Mt 27,46; Mk 15,34.) minn Dak li hu dejjem kien isejjaħlu Missier. B’riħet il-fiduċja mill-aktar sħiħa fl-imħabba ta’ Alla, hu għeleb dik it-tbatija mmensa filwaqt li reġa’ ntelaq f’idejn il-Missier (ara Lq 23,46) u rċieva mingħandu ħajja ġdida.

Hu wassal lilna wkoll f’din it-triq u jrid li jakkumpanjana: “... Hu jinsab preżenti f’dak kollu li għandu x’jaqsam mat-tbatija... Ejjew nippruvaw nagħrfu ‘l Ġesù fil-qtigħ il-qalb, fid-diffikultajiet tal-ħajja, fid-dlamijiet kollha li ngħaddu minnhom, fit-traġedji tagħna u tal-oħrajn u fit-tbatijiet kollha tal-bnedmin. Dan kollu huwa Hu, għaliex Hu għamilhom tiegħu... ikun biżżejjed li nagħmlu xi ħaġa konkreta biex intaffu t-tbatijiet “tiegħu” f’min hu fqir... biex insibu milja ta’ ħajja ġdida” (ara Chiara Lubich, Kelma tal-ħajja ta’ April - La porta, Città Nuova, 43, [1999], 6, p. 47.).

Tifla ta’ seba’ snin għandha dan x’tirrakkonta: “Batejt ħafna meta missieri mar il-ħabs. Fih jien ħabbejt ‘il Ġesù, u allura meta konna mmorru narawh, ma kontx nibki quddiemu.”

Mara żagħżugħa li għadha kif iżżewġet, tirrakkonta: “Meta sirt naf li ma kienx hemm tama ta’ fejqan għar-raġel tiegħi Robert, intfajt indur bih il-ħin kollu. Fl-aħħar xhur ta’ ħajtu kont inkun dejjem maġenbu. Kont inħares lejh u nara ‘l Ġesù..... Robert kien tassew qed iġorr  salib kbir.” L-imħabba tagħhom lejn xulxin kienet ta’ dawl għal ħbiebhom, li kienu bl-imħatra min jgħin l-iktar. U din l-għajnuna ma’ taqta’ xejn,  bdiet ġejja wkoll minn ħafna nies oħra, li flimkien waqqfu għaqda li semmewha “Inħaddnu d-dinja”. Wieħed mill-ħbieb tagħhom qal: “L-esperjenza li għexna ma’ Robert kaxkritna għal warajh f’mixja vera lejn Alla. Sikwit nistaqsu lilna nfusna x’sens fihom it-tbatija, il-mard u l-mewt. Nemmen li dawk kollha li kellhom ix-xorti jimxu din il-biċċa triq maġenb Robert, issa jafuha sew it-tweġiba”.

Dan ix-xahar, aħna l-insara niċċelebraw il-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Din hija okkażjoni biex nixegħlu mill-ġdid il-fidi tagħna fl-imħabba ta’ Alla li biha nibdlu t-tbatija f’imħabba. Kull firda, kull falliment u l-istess mewt jistgħu jsiru għalina wkoll għajn ta’ dawl u sliem. Aħna żguri li Alla hu qrib ta’ kull wieħed u waħda minna f’kull sitwazzjoni li nkunu għaddejjin minnha. Mela, ejjew intennu b’fiduċja t-talba tad-dixxipli ta’ Għemmaws: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”.

Letizia Magri