Settembru 2013

 

Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bil-għemil u bil-verità” (1 Ġw 3,18).

 

 

Dan il-kliem kitbu San Ġwann. Huwa kien qed iwissi lill-komunitajiet tiegħu dwar uħud li bi kliemhom kienu jfaħħru l-fidi f’Ġesù imma mbagħad għemilhom ma kienx jaqbel ma’ twemminhom. Mhux talli hekk, talli dawn kienu jgħidu li l-għemil tal-bniedem kien vojt u ma jiswa xejn, bħallikieku Ġesù kien diġà wettaq kollox b’għemilu. Għaldaqstant, din tagħhom kienet fidi vojta u bla ħajja għax mill-ħidma ta’ Ġesù kienu jħallu barra dik il-parti, tant meħtieġa, li Hu jistenna minn kull wieħed u waħda minna.

 

Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bil-għemil u bil-verità”.

 

           Tħobb bil-fatti. Il-fidi vera, jgħidilna l-appostlu, hi dik li tagħti prova tagħha nnifisha billi tħobb kif Ġesù ħabbna u għallimna. L-ewwel karatteristika ta’ din l-imħabba hija l-konkretezza. Ġesù ma ħabbniex b’ħafna diskorsi sbieħ, imma ġie fostna, għamel il-ġid, fejjaq lil kulħadd u kien lest igħin b’mod sħiħ lil kulmin kien fil-bżonn, l-aktar il-batuti, il-foqra, l-imwarrbin. Hu ta ħajtu għalina.

 

“Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bil-għemil u bil-verità”.

 

L-appostlu jgħidilna li aħna rridu nħobbu mhux biss bil-fatti imma fil-verità. Filwaqt li tissarraf f’fatti konkreti, l-imħabba nisranija tfittex li tispira ruħha mill-verità tal-imħabba li nsibu f’Ġesù, tfittex li tkun taqbel mas-sentimenti u t-tagħlim tiegħu. Dan ifisser li rridu nħobbu bil-mod kif ħabb Ġesù u b’dak il-kejl li wriena hu.

 

Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bil-għemil u bil-verità”.

 

Issa kif nistgħu ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? Il-messaġġ huwa ċar daqs il-kristall. Din hija sejħa biex inkunu nsara awtentiċi, għax Ġesù tant saħaq fuq dan. U mhux dan hu li d-dinja qed tistenna? Mhuwiex forsi veru li d-dinja tal-lum qed tistenna li tara ħafna xhieda tal-imħabba ta’ Ġesù? 

Mela ejjew inħobbu bil-fatti u mhux bit-tpaċpiċ u nibdew minn dawk l-affarijiet  umli tal-ħajja ta’ kuljum li l-proxxmu li jgħix qrib tagħna jitlob minna.

U nħobbu fil-verità. L-imġiba ta’ Ġesù kienet dejjem taqbel mar-rieda tal-Missier;  u hekk trid tkun l-imġiba tagħna; trid tkun dejjem taqbel mal-Kelma ta’ Ġesù. Hu jridna naraw lilu f’kull wieħed mill-proxxmu tagħna. Tant hu hekk, li dak kollu li nagħmlu ma’ kull wieħed mill-proxxmu tagħna, Hu jqisu magħmul miegħU. Huwa jridna nħobbu lill-oħrajn bħalna nfusna, u li ninħabbi billi nkunu lesti nagħtu ħajjitna għal xulxin.

Mela ejjew inħobbu lil xulxin b’dan il-mod ħalli aħna wkoll inkunu għodda ta’ Ġesù għas-salvazzjoni tad-dinja.

 

 

 

Chiara Lubich.