Settembru 2011

 

“Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” (Lq 15, 32)1

 

Dan il-kliem insibuh fi tmiem il-parabbola magħrufa bħala tal-iben il-ħali, li żgur tafuha. Hu kliem li jrid jurina l-kobor tal-ħniena t’Alla. B’din il-Kelma jintemm kapitlu mill-Vanġelu ta’ San Luqa li fih Ġesù jirrakkonta żewġ parabboli oħra fuq l-istess suġġett.

 

Tiftakarha l-istorja tan-nagħġa l-mitlufa li minħabba fiha r-ragħaj iħalli d-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert?2

 

U tiftakarha l-ġrajja tad-drakma l-mitlufa, u l-ferħ li ħasset dik il-mara meta sabitha, hekk li sejħet lil ħbiebha u l-ġirien tagħha biex jifirħu magħha?3

 

“Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”

 

B’dan il-kliem Alla qed jistieden lilek u ’l-insara kollha biex tifirħu, biex tagħmlu festa u tieħdu sehem fil-ferħ tiegħu talli dak ir-raġel midneb, li kien mitluf u issa nstab, ġie lura. Fil-parabbola dan il-kliem qed jgħidu l-missier lil ibnu l-kbir li dejjem għex miegħu, imma li wara ġurnata xogħol iebes ma riedx jidħol lura d-dar fejn kienu qed jiċċelebraw il-wasla ta’ ħuh.

 

Il-missier mar jilqa’ lil ibnu l-kbir, kif mar jilqa’ wkoll lil ibnu l-mitluf, u għamel ħiltu biex jikkonvinċih jidħol. Imma jidhru ċari d-differenzi li kien hemm bejn il-missier u ibnu l-kbir: il-missier, li kien iħobb bla ma joqgħod ikejjel xejn u kellu ferħ kbir f’qalbu, li xtaq jaqsmu ma’ kulħadd; l-iben li kien mimli disprezz u għira lejn dak li darba kien ħuh. Infatti hu jgħid lil missieru: “Dan ibnek li belagħlek ġidek...”4.

 

Bl-imħabba u l-ferħ tal-missier mal-wasla lura ta’ ibnu joħroġ ċar kemm ibnu l-kbir kien iżomm f’qalbu. Nistgħu ngħidu li ma’ missieru stess kellu rabta kiesħa u falza. L-aktar ħaġa importanti għal dan l-iben kien ix-xogħol, id-dmir, imma ma kellux imħabba ta’ iben lejn missieru. Aktar jagħtik li tgħid li hu kien jobdi ’l missieru daqs li kieku kien sidu.

 

“Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”

 

B’dan il-kliem Ġesù qed jgħidilna biex noqogħdu attenti li ma mmorrux naqgħu fil-periklu li ngħixu biex inkunu nies tal-affari tagħna, moħħna biex inkunu perfetti, u lill-oħrajn inqisuhom inqas tajbin minna. Infatti jekk inti marbut mal-perfezzjoni, int qed tibni lilek innifsek, qed timtela bik innifsek, tammira lilek innifsek. Qed tagħmel bħall-iben li baqa’ d-dar, li jsemmi l-kwalitajiet tajba tiegħu lil missieru: “Ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt5”.

 

Hawnhekk Ġesù qed jeħodha kontra min ir-rabta tiegħu m’Alla sserraħ biss fuq il-ħarsien tal-kmandamenti. Imma dan mhux biżżejjed. Dwar dan anki t-tradizzjoni Lhudija hija ċara ħafna.

 

F’din il-parabbola Ġesù qed juri s-sbuħija tal-imħabba t’Alla billi jurina kif Alla, li hu Mħabba, jagħmel l-ewwel pass lejn il-bniedem bla ma joqgħod iqis jekk jistħoqqlux jew le. Imma hu jrid li l-bniedem jinfetaħ quddiemu biex jagħti bidu għal komunjoni vera ta’ ħajja. Naturalment, kif tista’ tifhem, l-akbar ostaklu għal Alla-Mħabba hi eżattament il-ħajja ta’ min jaħżen azzjonijiet, opri, filwaqt li Alla jixtieq jara l-qalb tagħna.

 

“Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”

 

B’dan il-kliem Ġesù qed jistieden lilek biex quddiem il-midinbin, inti jkollok l-istess imħabba li għandu l-Missier lejn kull bniedem, imħabba li ma tkejjilx. Ġesù qed isejjaħlek biex ma tiġġudikax bil-kejl tiegħek l-imħabba li l-Missier għandu għal kull persuna. Bl-istedina lil ibnu l-kbir biex jaqsam miegħu l-ferħ għal dak ibnu li reġa’ nstab, il-Missier qed jitlob lilek ukoll biex tbiddel il-mod kif taħsibha: jiġifieri int trid tilqa’ bħala ħutek anki lil min m’għandek xejn lejh ħlief disprezz u superjorità. Dan għandu jġib fik konverżjoni vera, għax inti tissaffa mill-konvinzjoni li inti aktar bravu, ma tibqax tkun intolleranti lejn nies ta’ twemmin ieħor, u b’hekk tkun tista’ tilqa’ s-salvazzjoni, li ġabilna Ġesù, bħala rigal mogħti lilna biss għax Alla jħobbna.

 

1 Parola di vita, Marzu 2001, ippubblikata fuq Città Nuova 2001/4, p.7.

2  ara Lq 15, 4-7.

3  ara Lq 15,8-10.

4  Lq 15, 30.

5  Lq 15,29.

 

Chiara Lubich