Settembru 2010

 

 “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18, 22)1.

 

Hekk wieġeb Ġesù lil Pietru. Dan, wara li kien sema’ affarijiet tal-għaġeb ħerġin minn fommu,  staqsieh hekk: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jien naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” U Ġesù wieġbu: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba”.

 

Aktarx li Pietru kien influwenzat mill-predikazzjoni tal-Imgħallem. Hu ħaseb li jintefa’ jgħix b’mod ġdid, ta’ bniedem tajjeb u ġeneruż li kien.  U meta kien lest li jaħfer sa seba’ darbiet, għalih kienet xi ħaġa eċċezzjonali. […]

 

Imma meta Ġesù wieġbu: “... sa seba’ u sebgħin darba”, hu ried jgħid li għalih il-maħfra m’għandhiex limiti: trid taħfer dejjem.

 

 

“Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba”.

 

Din il-Kelma tfakkarna fl-għanja bibblika ta’ Lamek, li kien jiġi minn Adam: “Seba’ darbiet jitħallas Kajjin, imma Lamek sebgħa u sebgħin darba”2. B’hekk bdiet tixtered il-mibegħda bejn il-bnedmin tad-dinja: bdiet tiżdied bħal xmara tfur.

 

Ġesù jeħodha kontra dan it-tixrid kollu tal-ħażen billi jgħidilna naħfru dejjem, naħfru mingħajr kundizzjoni, inkunu kapaċi nkissru ċ-ċirku tal-vjolenza.

Il-maħfra hi l-unika soluzzjoni biex id-diżordni ma jkomplix jinxtered u biex niftħu l-bibien għal ġejjieni li ma jwassalx biex il-bnedmin kollha jinqerdu.

 

 

“Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba”.

 

Naħfru. Naħfru dejjem. Il-maħfra mhijiex li wieħed jinsa, li ħafna drabi tfisser li ma tkunx trid tħares lejn ir-realtà. Il-maħfra mhijiex dgħufija, jiġifieri li ma tagħtix kas ta’ xi ħtija għax tibża’ minn min  hu aktar b’saħħtu minnek li għamillek xi deni. Il-maħfra ma tfissirx li tisħaq li dak li hu gravi mhuwiex importanti, jew li tgħid li huwa ħażin dak li hu tajjeb.

Il-maħfra mhix indifferenza. Hi xi ħaġa li tagħmilha għax trid li tagħmilha b’għajnejk miftuħin. Għalhekk hi att liberu, li bih aħna nilqgħu lil ħutna kif inhuma, minkejja l-ħażin li għamlulna, kif Alla jilqa’ lilna l-midinbin, minkejja n-nuqqasijiet tagħna. Il-maħfra tfisser li ma tweġibx għall-offiża li rċevejt b’offiża oħra, imma li tagħmel dak li jgħid San Pawl: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb”3.

Biex taħfer trid tagħti lil min naqsek iċ-ċans li jibni rabta ġdida miegħek, għalhekk iċ-ċans għalik u għalih li terġgħu tibdew il-ħajja mill-ġdid, li jkollkom ġejjieni li fih ma jkunx il-ħażen li jiddeċiedi kollox.

 

 

“Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba”.

 

Mela kif se ngħixu din il-Kelma?

Pietru, lil Ġesù kien staqsieh: “Mulej, kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jien naħfirlu?”

U Ġesù, fit-tweġiba tiegħu, kellu quddiem għajnejh l-aktar ir-rabtiet bejn l-insara, bejn membri tal-istess komunità.

Mela, l-ewwelnett irridu nġibu ruħna hekk ma’ ħutna fil-fidi: fil-familja, fuq ix-xogħol, l-iskola jew fil-komunità li aħna parti minnha.

Nafu kemm ta’ spiss inkunu rridu npattu xi offiża li rċevejna bl-istess mod jew bl-istess kliem.

Nafu li minħabba li aħna ta’ karattru differenti, jew għax aħna nervużi, jew għal xi raġunijiet oħra, kemm sikwit ikun hemm nuqqasijiet ta’ mħabba bejn nies li jgħixu flimkien. Għalhekk, jeħtieġ li niftakru li biss jekk aħna naħfru, jekk inġeddu din il-maħfra, ikollna l-ħila nżommu l-paċi u nkunu ħaġa waħda ma’ ħutna.

 

Aħna dejjem jibqa’ jkollna t-tendenza li naħsbu fid-difetti ta’ ħutna, fl-imgħoddi tagħhom, f’kemm nixtiequ li jkunu differenti milli huma... Irridu nidraw narawhom b’għajnejn ġodda u nħarsu lejhom bħala nies ġodda, billi naċċettawhom dejjem, mill-ewwel u b’mod sħiħ, ukoll jekk ma jindmux.

 

Tgħidu: “Imma dan diffiċli”. U żgur. Imma hawn hi s-sbuħija tal-kristjaneżmu. Mhux ta’ xejn aħna qed nimxu wara Kristu. Minn fuq is-salib, Hu talab maħfra lill-Missier għal dawk kollha li kienu tawh il-mewt, u wara dan irxoxta.

 

Kuraġġ. Ejjew nibdew ngħixu hekk. Ngħixu ħajja li tiżguralna paċi li qatt ma ħassejna bħalha, u ferħ li ma nafux bih.

 

 

Chiara Lubich


 

1    Kelma tal-ħajja, Settembru 1999, ippubblikata fuq Città Nuova, 1999/15-16, p.41. 

2    Ġen 4, 24.  

3    Rm 12, 21.


ĊENTRI TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI: www.focolare.org

‘Stellaelise’, Triq il-Ħuttaf, Kappara Tel: 2138 5801 • focolaremt@waldonet.net.mt

‘Vita Nuova’, Triq Agius de Soldanis, Sta. Venera Tel: 2148 6112 • vitanuova@waldonet.net.mt