Kelma tal-Ħajja                                                                                                                  Settembru 2009

 

“Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll” (Mt 6, 33)

 

Il-Vanġelu kollu hu rivoluzzjoni. Ma ssibx kelma ta’ Kristu li tixbah lil tal-bnedmin. Isma’ din: “Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu (dak li neħtieġu għall-ħajja) jingħatalkom ukoll”.

 

Ġeneralment, l-ewwel ħaġa li l-bniedem jaħseb fiha hi li jfittex dak li jagħtih sigurtà f’ħajtu. Forsi inti wkoll tagħmel hekk. Mela Ġesù jqiegħdek quddiem il-mod “tiegħu” ta’ kif jara l-affarijiet u joffrilek il-mod tiegħu kif trid tgħix. Jitlob minnek imġiba differenti għal kollox minn dik tas-soltu, u din ma tridx tkun xi ħaġa ta’ darba biss, imma dejjem: tfittex l-ewwel is-Saltna ta’ Alla.

 

Meta Alla jkun il-mira ta’ ħajtek u int tagħmel minn kollox biex hu jsaltan (jiġifieri jmexxi ħajtek skont il-liġijiet tiegħu) fik u fl-oħrajn, il-Missier jagħtik dak kollu li teħtieġ ġurnata b’ġurnata. Iżda jekk inti taħseb biss fik innifsek, tispiċċa billi tieħu ħsieb fuq kollox l-affarijiet ta’ din id-dinja u ssir vittma tagħhom. Tispiċċa billi fil-ġid ta’ din id-dinja tara l-vera problema “tiegħek”, “l-iskop” għal kull ħaġa li tagħmel. U fik titwieled it-tentazzjoni serja li sserraħ biss fuq il-forzi tiegħek u li tgħaddi mingħajr Alla.

 

“Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll”.

 

Ġesù jaqleb is-sitwazzjoni ta’ taħt fuq. Jekk l-ewwel ħsieb tiegħek ikun Hu, jekk inti tgħix għaliH, il-bqija mbagħad ma jibqax il-ħsieb ewlieni ta’ ħajtek, l-akbar problema tiegħek, imma jkun “żjieda”.

 

Din hi xi ħolma? Inti, bniedem modern, din hi għalik xi kelma li taħseb li llum ma tistax isseħħ f’dinja industrijalizzata mibnija fuq il-kompetizzjoni, u li spiss għaddejja minn kriżi ekonomika? U żgur li mhix ħolma. Infakkrek biss li meta Ġesù qal dan il-kliem, id-diffikultajiet tal-ħajja għan-nies tal-Galilea ma kenux ħafna inqas minn tagħna. Ġesù jistiednek tara x’għażla għamilt fil-ħajja tiegħek: jew inti tgħix għalik innifsek, jew tgħix għal Alla. Imma issa ejjew nippruvaw nifhmu sew din il-kelma:

 

“Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll”.

 

Ġesù mhux qed jgħidlek biex toqgħod b’idek fuq żaqqek u ma tagħmel xejn dwar l-affarijiet ta’ din id-dinja, biex tkun bniedem irresponsabbli jew superfiċjali f’xogħlok. Ġesù jrid jaqbad il-“preokkupazzjoni” u jibdilha “f’ħidma”: irid ineħħi l-ħsieb żejjed, il-biża’, l-inkwiet.Infatti hu jgħid: “fittxu ‘l-ewwel’ is-Saltna...”.

 

Il-kelma “l-ewwel”, hawnhekk tfisser “qabel kull ħaġa oħra”. It-tfittxija għas-Saltna t’Alla tinsab fl-ewwel post u dan ma jfissirx li n-nisrani ma jridx jaħseb ukoll filbżonnijiet tal-ħajja. Imbagħad, “Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu” tfisser li l-imġiba tagħna trid tkun taqbel ma’ dik li jitlob minna Alla, kif uriena nagħmlu Ġesù fil-Vanġelu tiegħu.

 

In-nisrani, jekk ifittex biss is-Saltna t’Alla, iħoss fih il-qawwa tal-għaġeb li l-Missier għandu għalih. Ħa nirrakkuntalek ġrajja li seħħet ħafna snin ilu, imma qisha xi ħaġa li għadha kemm ġrat. Infatti naf b’ħafna tfajliet u ġuvintur li jġibu ruħhom kif ġabet ruħha dik it-tfajla li se nsemmi.

 

Kien jisimha Elvira. Kienet tfajla minn familja fqira u studenta tal-Junior College. Setgħet tkompli l-istudji tagħha bil-kundizzjoni li ġġib marki għoljin. Kellha fidi qawwija. L-għalliem tagħha tal-filosofija ma kienx jemmen f’Alla, u mhux l-ewwel darba li kien ifisser il-veritajiet fuq Kristu u l-Knisja b’mod mhux ċar, jekk mhux ukoll b’mod żbaljat. Meta kien jagħmel hekk, demm din it-tfajla kien jibda jbaqbaq. Mhux għaliha nfisha, imma għall-imħabba li kellha għal Alla, għall-verità fiha nfisha u għal sħabha. Kienet taf li meta kienet tlum lillgħalliem tagħha setgħet tieħu marki baxxi. Imma hi ma setgħetx tikkontrolla dak li kienet tħoss ġewwa fiha. Kull darba li kien jiġri hekk, kienet tgħolli idha, titolbu l-permess biex titkellem u tgħidlu: “Ser, dak li qed tgħid mhux veru”. Forsi xi drabi ma kienx ikollha l-argumenti kollha biex twaqqa’ dak li kien jgħid l-għalliem tagħha, imma meta kienet tgħid “mhux veru” kienet turi l-fidi tagħha, li hi don ta’ verità u li ġġiegħel lil min jaħseb. Sħabha, li kienu jħobbuha, kienu jgħidulha biex ma tibqax tagħmel hekk għax dan seta’ jiswielha ta’ deni. Imma ma kienx jirnexxilhom jikkonvinċuha. Għaddew ftit xhur u wasal iż-żmien li joħorġu r-riżultati. Din it-tfajla rċeviet ir-riżultat u bdiet tirtogħod. Imma f’daqqa waħda bdiet taqbeż bil-ferħ. Kienet ħadet l-ogħla marka! Fuq kollox hi għamlet ħilitha biex isaltan Alla u l-verità tiegħu u l-bqija ngħatalha wkoll.

 

“Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll”.

 

Jekk inti wkoll tfittex is-Saltna tal-Missier, tinduna li Alla hu Providenza għall-ħtiġijiet kollha ta’ ħajtek. Tiskopri li fil-Vanġelu, dak li hu straordinarju hu l-aktar ħaġa normali.

 

Chiara Lubich