Kelma tal-Ħajja Ottubru 2014

“Jien hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6,35).

Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li wara t-tkattir tal-ħobż, fid-diskors importanti li għamel f’Kafarnahum, fost l-oħrajn Ġesù jgħid hekk: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-Bniedem jagħtikom” (Ġw 6,27).

Jidher ċar li min kien qed jisimgħu fehem li Ġesù kien qed jitkellem fuq il-manna, u fuq it-“tieni” manna li tinżel mis-sema meta jiġi l-Messija.

Ftit tal-ħin wara, fl-istess diskors, lil dawk in-nies li ma kinux qed jifhmuh, Ġesù wera lilu nnifsu bħala ħobż veru nieżel mis-sema, u li huma kellhom jaċċettawh bil-fidi tagħhom:

“Jien hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx”.

Ġesù kien diġà qed jara lilu nnifsu bħala ħobż. Mela dak hu l-iskop ta’ ħajtu hawn fl-art: isir ħobż biex jittiekel. Isir ħobż biex iwasslilna ħajtu, biex jibdilna fih; isir ħobż biex jittiekel; isir ħobż biex iwasslilna ħajtu, biex jibdilna fih. Minn hawnhekk toħroġ ċara t-tifsira spiritwali ta’ din il-Kelma, b’dak kollu li hi tfakkarna mill-ġrajjiet tat-Testment il-Qadim. Imma kliem Ġesù jsir misterjuż u diffiċli meta aktar ‘il quddiem hu jgħid fuqu nnifsu: “Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi, li jingħata għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6,51b) u “jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom” (Ġw 6,53).

Dan id-diskors iħabbar l-Ewkaristija li minħabba fiha ħafna mid-dixxipli tiegħu skandalizzaw ruħhom u telquh. Imma dan hu l-akbar don li Ġesù ried jagħti lill-bnedmin: il-preżenza tiegħu fis-sagrament tal-Ewkaristija. Biha r-ruħ u l-ġisem tal-bniedem ikunu mxabbgħa; biha aħna nħossu l-milja tal-ferħ li tiġi mill-għaqda intima tagħna ma’ Ġesù. 

Jekk aħna nieklu minn dan il-ħobż, ma jkollna għax inħossu l-ebda ġuħ ieħor. Kull xewqa li jkollna għall-imħabba u l-verità timtela minn Dak li hu l-imħabba nnifisha, li hu l-istess Verità nnifisha.

“Jien hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx”.

Għalhekk dan hu ħobż li bih nistgħu ngħixu minn din id-dinja stess, imma Alla jagħtihulna biex imbagħad aħna naqtgħu l-ġuħ spiritwali u materjali tal-bnedmin ta’ madwarna.

Mhijiex tant l-Ewkaristija li tagħti l-aħbar ta’ Kristu lid-dinja, imma hija l-ħajja tal-insara li jitqarbnu bl-Ewkaristija u bil-Kelma. Huma jippridkaw il-Vanġelu b’ħajjithom u b’leħinhom, b’hekk Kristu jkun preżenti fost  il-bnedmin.

Bil-ħila tal-Ewkaristija, il-ħajja tal-komunità nisranija ssir il-ħajja ta’ Ġesù, jiġifieri ħajja li kapaċi tagħti l-imħabba, li tagħti l-ħajja ta’ Alla lill-oħrajn.

“Jien hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx”.

Bit-tixbieha tal-ħobż Ġesù jgħallimna wkoll l-aktar mod veru u “nisrani” li bih nistgħu nħobbu lil ħutna.

Infatti, xi jfisser tħobb?

Tħobb ifisser “issir ħaġa waħda” ma’ kulħadd, issir ħaġa waħda f’dak kollu li l-oħrajn jixtiequ, fl-aktar affarijiet żgħar u bla siwi u f’dak li aħna qajla jimpurtana minnu, imma li jinteressa ħafna lill-oħrajn.

Issa Ġesù tana l-eżempju bl-aqwa mod ta’ kif aħna għandna nħobbu, billi sar ħobż għalina. Hu sar ħobż biex jidħol f’kulħadd, biex ikun jista’ jittiekel, biex isir ħaġa waħda ma’ kulħadd, biex jaqdi, biex iħobb ‘il kulħadd.

Mela aħna wkoll għandna nsiru ħaġa waħda sa ma naslu biex inħallu ’l-oħrajn “jikluna”.

Dan ifisser tħobb, dan ifisser li ssir ħaġa waħda sa mal-oħrajn iħossu li qed nitmgħuhom b’imħabbitna. B’hekk huma jħossu li aħna qed infarrġuhom, ngħinuhom u nifhmuhom.

 

Chiara Lubich