KELMA TAL-ĦAJJA
Ottubru 2009 “Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (Lq 21, 19)
[...] “Nibqgħu sħaħ”. Kliem li jfisser ħafna: ifisser tieħu paċenzja, tibqa’ żżomm sħiħ u tirreżisti, tafda. Li tibqa’ sħiħ sal-aħħar hi kwalità meħtieġa u mingħajrha ma nagħmlu xejn fil-mumenti ta’ tbatija, meta nkunu mġarrba, meta nkunu ser naqtgħu qalbna, meta d-dinja tiġbidna lejha, meta nkunu ppersegwitati. Naħseb li xi darba inti wkoll sibt ruħek f’xi waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi u indunajt li, kieku ma żammejtx sħiħ, għandu mnejn kont taqa’. Forsi xi drabi waqajt. Jista’ jkun li bħalissa stess tinsab f’xi waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ta’ tbatija. Allura x’għandek tagħmel? Erġa’ qum fuq saqajk, u... żomm sħiħ. Inkella, ma jkunx jixraqlek l-isem ta’ “nisrani” . Inti taf li min irid jimxi wara Kristu jrid jerfa’ salibu kuljum, iħobb it-tbatija, għallinqas bir-rieda tiegħu. In-nisrani hu msejjaħ biex iżomm sħiħ. L-appostlu San Pawl juri lill-komunità l-fatt li hu żamm sħiħ bħala sinjal ta’ ħajja tassew nisranija. U xejn ma jiddejjaq iqiegħed din il-kwalità fuq livell ta’ miraklu. Jekk imbagħad inti tħobb is-salib u żżomm sħiħ, tkun tista’ timxi wara Kristu li jinsab fis-Sema u allura ssalva.
“Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”.
Aħna nistgħu niddistingwu bejn żewġ tipi ta’ nies: dawk li jħossu l-istedina biex ikunu nsara veri, imma din is-sejħa taqa’ f’ruħhom bħal żerriegħa fuq il-blat. Ħafna entużjażmu, bħal nar tat-tiben, u mbagħad ma jibqa’ xejn. Filwaqt li dawk tat-tieni tip jilqgħu l-istedina, bħalma l-art tilqa’ fiha ż-żerriegħa. U l-ħajja nisranijia tagħhom tikber, tegħleb id-diffikultajiet u teħodha kontra t-tempesti. Dawn in-nies iżommu sħiħ u għalhekk min jibqa’ sħiħ sal-aħħar isalva ħajtu.
Naturalment, jekk inti trid iżżomm sħiħ sal-aħħar, mhux biżżejjed isserraħ biss fuq il-forzi tiegħek. Teħtieġ l-għajnuna t’Alla. Lil Alla San Pawl isejjaħlu: “Alla li minnu ġej kull sabar u faraġ...” Mela Lilu trid titlob il-grazzja biex tibqa’ żżomm sħiħ u Hu jagħtihielek. Għax jekk inti nisrani mhux biżżejjed li tkun mgħammed jew li kultant tmur il-knisja u tagħti xi ftit karità. Trid tikber bħala nisrani. Issa, fil-ħajja tar-ruħ, biex tikber trid tgħaddi mill-provi, mit-tbatija, mit-tfixkil, mill-battalji tal-ħajja. Issib ’il min jaf iżomm sħiħ tassew: dawn huma dawk in-nies li jħobbu. L-imħabba ma tarax tfixkil, ma tarax diffikultajiet, ma tarax sagrifiċċji. U meta żżomm sħiħ tkun qed tagħti prova tal-imħabba tiegħek.
[...] Marija hi l-mara li żammet sħiħ. Lil Alla itolbu biex iqabbad ’il qalbek bl-imħabba lejH; u tkun ħaġa naturali għalik li żżomm sħiħ fid-diffikultajiet kollha tal-ħajja. U b’hekk issalva ruħek.
“Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”
Mhux hekk biss. Meta inti żżomm sħiħ, l-oħrajn jittieħdu minnek. Min jibqa’ sħiħ sal-aħħar, jagħmel kuraġġ lill-oħrajn biex huma wkoll ma jaqtgħux qalbhom li jibqgħu sħaħ sal-aħħar. [...] M’għandniex nikkuntentaw ruħna bi ftit imma rridu nħarsu ’l fuq. Għandna ħajja waħda biss u din qasira. Ejjew nagħmlu kulma nistgħu jum wara l-ieħor, naffrontaw diffikultà waħda wara l-oħra biex nimxu wara Kristu... u b’hekk insalvaw ruħna.
Chiara Lubich |