Kelma tal-Ħajja Novembru 2014

“Għandek hemm il-għajn tal-ħajja” (S. 36, 10)

Din il-Kelma meħuda mill-Iskrittura tgħidilna xi ħaġa ta importanza kbira għal ħajjitna, tant li nistgħu nqisuha bħala mezz ta rikonċiljazzjoni u komunjoni.

L-ewwelnett hi tgħidilna li wieħed hu l-għajn tal-ħajja, Alla. MinnU, minn imħabbtu li biha Hu joħloq kollox, Hu welled l-univers li fih tinsab dar il-bniedem.

Huwa Alla li jagħtina l-ħajja bid-doni kollha tagħha. Il-kittieb ta dan is-salm, li jaf bil-ħajja iebsa u bin-nixfa tad-deżert u li jaf ukoll xi jfisser għajn ta ilma, bil-ħajja li tikber madwaru, ma setax isib tixbieha isbaħ biex jgħanni l-ħolqien li jitwieled bħal xmara li toħroġ minn ħdan Alla.

Għalhekk minn qalbu ħareġ innu kollu tifħir u ħajr. Dan hu l-ewwel pass li rridu nagħmlu, l-ewwel tagħlima li rridu nisiltu minn dan is-Salm: infaħħru u nagħtu ħajr lil Alla għal kull ma għamel, għas-sbuħija li hemm fil-ħolqien u għal dak il-bniedem ħaj li huwa l-glorja tiegħu u li hu wkoll il-ħlejqa waħdanija li taf tgħidlu:

“Għandek hemm il-għajn tal-ħajja”.

Imma ma kienx biżżejjed għall-imħabba tal-Missier li jlissen il-Kelma li biha nħoloq kollox. Ried li l-istess Kelma tiegħu titwieled u ssir bniedem bħalna. Alla, l-uniku Alla veru,  sar bniedem f’Ġesù u wasslilna l-għajn tal-ħajja fuq din l-art.

L-għajn ta kull ġid, ta kull ħolqien u ta kull ferħ, ġie jgħammar fostna biex aħna nsibuh kemm jista jkun qrib tagħna. Ġesù jgħid: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw 10, 10). Hu mela biH innifsu kull żmien u kull rokna ta ħajjitna. Hu ried jibqa għal dejjem magħna, biex aħna nagħrfuh u nħobbuh taħt kull ghamla mill-aktar differenti.

Xi drabi jagħtina li naħsbu hekk: “Mhux li kont ngħix fi żmien Ġesù!”. Għalhekk imħabbtu vvintat mod kif hu ma jibqax limitat għal rokna ċkejkna fil-Palestina, imma nistgħu nsibuh fkull parti tad-dinja: Hu jinsab preżenti fl-Ewkaristija, skont kif kien wegħedna. U fiha aħna nistgħu mmantnu ruħna biex ħajjitna tgħix u tiġġedded.

“Għandek hemm il-għajn tal-ħajja”.

Ħutna l-bnedmin huma għalina għajn oħra li minnha nistgħu nixorbu l-ilma ħaj tal-preżenza ta Alla. Kull wieħed u waħda minn ħutna li f’ħajjitna jgħaddu qrib tagħna, l-aktar dawk fosthom li jinsabu fil-bżonn, jekk aħna nħobbuhom, ma nistgħux inqisuhom bħala dawk li kisbu xi ħaġa minn għandna, imma bħala l-benefatturi tagħna għax Alla jasal għandna permezz tagħhom. Fil-fatt, jekk fihom aħna nħobbu ‘l Ġesù (Kont bil-ġuħ [...], kont bil-għatx [...], kont barrani [...], kont il-ħabs [...]), aħna nirċievu lura mħabbtu, ħajtu, għaliex huwa nnifsu jinsab preżenti f’ħutna l-bnedmin, u huwa l-għajn tal-ħajja.

Anki l-preżenza ta Alla ġewwa fina hi għajn ta ilma ħaj. Alla l-ħin kollu jkellimna, u jiddependi minna nagħtux widen jew le għal leħnu, jiġifieri għal-leħen tal-kuxjenza tagħna. Aktar ma nagħmlu ħilitna biex inħobbu ‘l Alla u ‘l-proxxmu tagħna, aktar leħnu jinstema qawwi fuq l-ilħna l-oħra kollha. Imma hemm mument partikulari, li hu aħjar minn kull mument ieħor, li fih nistgħu nixorbu aħjar mill-preżenza tiegħu ġewwa fina: u dan hu meta nitolbu u nippruvaw nintrabtu aktar mill-qrib miegħu, għax Hu jinsab fil-fond ta’ ruħna. Lilu nistgħu nxebbhuH ma’ ajn ta ilma li ġej mill-fond u li ma jinxef qatt, li dejjem insibuh lest biex nixorbu minnu u li kull ħin jaqtagħlna l-għatx.

Biżżejjed għalina li nagħlqu t-twieqi ta’ ruħna u ninġabru biex nixorbu minn din l-għajn, anki  jekk inkunu fl-aktar deżert niexef. Sa ma mbagħad nilħqu dik l-għaqda miegħU li fiha nħossu li m’għadniex aktar waħedna, imma li magħna hemm xi ħadd ieħor: dak il-ħin huwa jkun fik u inti fiH. Għaliex bid-don tiegħu aħna nsiru ħaġa waħda miegħu bħall-ilma u l-għajn, bħal fjura u ż-żerriegħa tagħha.

Il-Kelma ta dan is-salm tfakkarna li Alla biss hu l-għajn tal-ħajja u, għalhekk, tal-komunjoni sħiħa, tal-paċi u l-ferħ. Aktar ma nixorbu minn din l-għajn, aktar ma nixorbu minn dak l-ilma ħaj li huwa l-Kelma tiegħu, aktar nersqu lejn xulxin u ngħixu bħal aħwa. Imbagħad jiġri dak li nsibu fl-aħħar tas-Salm: “Fid-dawl tiegħek naraw id-dawl”, id-dawl li l-bnedmin qed jistennew.

 

Chiara Lubich