Mejju 2011

 

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”

(Mt 22, 37)1.

 

Fi żmien Ġesù, l-għorrief tal-Lhud kienu jiddiskutu fuq liema wieħed mill-ħafna kmandamenti tal-Iskrittura kien jiġi l-ewwel. Ġesù, li kien miżmum b’imgħallem, ma ħarabx mill-mistoqsija li kienu għamlulu dwar dan: “Liema hu l-akbar kmandament tal-Liġi?”. It-tweġiba li ta kienet tassew oriġinali għax għaqqad flimkien l-imħabba t’Alla ma’ dik tal-proxxmu. Id-dixxipli tiegħu qatt ma jistgħu jifirdu dawn iż-żewġ imħabbiet minn xulxin. Bħalma siġra ma tistax tifirdilha l-għeruq mill-weraq, aktar ma tħobb ’il Alla, aktar titqawwa l-imħabba lejn ħutna l-bnedmin; aktar ma tħobb ’il ħutek, aktar tinżel fil-fond tal-imħabba t’Alla.

 

Ġesù jaf min hu tassew dak Alla li rridu nħobbu aktar minn kulħadd,  u jaf ukoll il-mod li bih irridu nħobbuh. Hu Missieru u Missierna, Alla tiegħu u Alla tagħna (ara Ġw 20,17). Dan Alla jħobb ’il kulħadd persunalment, iħobb lili, iħobb lilek: hu Alla tiegħi, Alla tiegħek (“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek”).

 

U aħna nistgħu nħobbuh għax hu kien li ħabbna l-ewwel: għalhekk l-imħabba li kkmandana nagħtuh hi tweġiba għall-Imħabba tiegħu lejna. Nistgħu nduru lejh bl-istess kundifenza u fiduċja ta’ Ġesù meta kien isejjaħlu Abbà, Missier. Bħal Ġesù, aħna wkoll nistgħu nkellmuh ta’ spiss, naqsmu miegħu l-bżonnijiet u l-proġetti kollha tagħna, u fl-istess waqt nuruh li mħabbitna hi biss għalih. Aħna wkoll ninsabu fuq ix-xwiek ħalli jasal il-waqt li fih nistgħu nkellmuh permezz tat-talb, li hu djalogu, komunjoni u rabta qawwija ta’ ħbiberija. F’dak il-ħin nistgħu nuruh imħabbitna: nadurawh ’il hinn mill-ħolqien, nagħtu glorja lilu li jinsab kullimkien il-ħolqien, infaħħruh fil-fond ta’ qalbna jew preżenti fit-tabernaklu, naħsbu fih fil-post fejn inkunu, f’kamritna, fuq il-post tax-xogħol, fl-uffiċċju, meta nkunu mal-oħrajn...

 

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”.

 

Ġesù jgħallimna mod ieħor kif inħobbu ’l Alla. Għal Ġesù, li nħobbuh ifisser li nagħmlu r-rieda tal-Missier, billi nagħtuh moħħna, qalbna, l-enerġiji kollha tagħna, ħajjitna stess: Hu ta kull ma kellu biex iwettaq il-pjan ta’ Missieru għalina. Il-Vanġelu jurihulna dejjem b’ħarstu lejn il-Missier (ara Ġw 1, 18), dejjem fil-Missier, il-ħin kollu moħħu biex jgħidilna dak li kien qallu l-Missier, biex iwettaq dak biss li l-Missier urieh li ried jagħmel. Hu jitlob l-istess ħaġa mingħandna: tħobb ifisser tagħmel dak li jrid il-Maħbub tiegħek, mhux b’nofs qalb, imma bil-ħajja kollha tagħna: “b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’moħħna kollu”. Għax l-imħabba mhijiex biss sentiment. Lil dawk li jħobbu bil-kliem biss, Ġesù jsaqsihom: “Għaliex issejħuli ‘Mulej’, imbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?” (Lq 6, 46).

 

 

 

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”.

 

Mela kif għandna ngħixu dan il-kmandament ta’ Ġesù? Ngħixuh billi nżommu rabta ta’ wlied u ta’ ħbieb m’Alla, imma fuq kollox billi nagħmlu dak li jrid Hu. L-imġiba tagħna m’Alla għandha tkun waħda li fiha ħarsitna tkun dejjem mitfugħa lejn il-Missier, kif għamel Ġesù: nisimgħuh, nobduh,  nagħmlu dak li Hu jrid minna, nagħmlu dan biss u mhux affarijiet oħra.

 

Biex jirnexxilna nagħmlu dan, irridu nkunu radikali fil-ħajja għax m’Alla ma nistgħux inkunu inqas minn hekk: “qalbek kollha, ruħek kollha, u moħħok kollu”. Dan ifisser li rridu nagħmlu sew, bi sħiħ, dik l-azzjoni li Alla jitlob minna.

 

Biex ngħixu r-rieda t’Alla u nsiru ħaġa waħda magħha, ħafna drabi rridu naħarqu r-rieda tagħna. Irridu nissagrifikaw kull ma għandna f’qalbna jew f’moħħna li m’għandux x’jaqsam mal-mument preżenti. Tista’ tkun xi idea, sentiment, ħsieb, xewqa, tifkira, xi ħaġa jew xi ħadd...

 

B’hekk inkunu qed ngħixu sew dak li jkun intalab minna fil-mument preżenti. Irridu nitkellmu, nitħaddtu ma’ xi ħadd fuq it-telefon, nisimgħu, ngħinu, nistudjaw, nitolbu, nieklu, norqdu, u ngħixu dak li Hu jrid minna bla ma noħorġu ’l barra minn din ir-rieda. Għandna nagħmlu azzjonijiet sħaħ, nodfa, perfetti, b’qalbna kollha, b’ruħna, b’moħħna; ikollna raġuni waħda biss għal kull ħaġa li nagħmlu, u din hi l-imħabba. B’hekk, f’kull ħin tal-ġurnata nkunu nistgħu ngħidulu: “Iva, Alla tiegħi, issa, f’din l-azzjoni tiegħi, ħabbejtek b’qalbi kollha, b’ħajti kollha”. B’hekk biss nistgħu ngħidu li nħobbu ’l Alla, li npattulu tal-imħabba li biha jħobbna.

 

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”.

 

Biex ngħixu din il-Kelma tal-ħajja nagħmlu tajjeb li minn ħin għall-ieħor neżaminaw lilna nfusna biex naraw jekk aħniex nagħżlu lil Alla l-ewwel u qabel kollox.

 

Fl-aħħarnett, x’irridu nagħmlu dan ix-xahar? Irridu nerġgħu nagħżlu ’l Alla bħala l-uniku ideal tagħna; irridu nagħżlu lilu l-ewwel u qabel kollox u ngħixu sal-aħħar ir-rieda tiegħu fil-mument preżenti. B’sinċerità rridu ngħidulu:

 

“Alla tiegħi,

inti kollox għalija”,

“Inħobbok”,

“Jiena kollni kemm jien tiegħek”,

 Inti Alla,

Alla tiegħi,

Alla tagħna,

 inti ta’ mħabba bla tarf!”.

 

Chiara Lubich