Mejju 2010.

 

 

Min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (Ġw 14, 21)1.

       

        L-imħabba tinsab fiċ-ċentru tal-aħħar diskors ta’ Ġesù: l-imħabba tal-Missier lejn Ibnu, l-imħabba għal Ġesù li tfisser tħares il-kmandamenti tiegħu.

 

        Dawk li kienu jisimgħu lil Ġesù malajr kienu jagħrfu fi kliemu eku tal-Kotba tal-Għerf: “l-imħabba hi l-ħarsien tal-liġijiet tiegħu”2, u ‘L-għerf malajr jagħrfuh dawk li jfittxuh’3. Fuq kollox min iħobb l-għerf isib fil-ktieb tat-Testment il-Qadim (Għerf 1,2), il-kliem li jgħid li l-Mulej għad juri ruħu lil dawk li jemmnu fih.

 

        Issa, il-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar tfisser li min iħobb l-Iben hu maħbub mill-Missier, u hu maħbub mill-ġdid mill-Iben li juri lilu nnifsu lilu.

       

Min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.

 

Iżda biex juri lilu nnifsu lilna Ġesù jitlobna nħobbu.

 

Ma tistax tifhem kif xi ħadd jista’ jkun nisrani bla ma jkollu f’qalbu l-ħila u l-ħeġġa li jħobb. Jekk arloġġ ma tagħtihx il-ħabel ma jaħdimx, ma jurix il-ħin, u tista’ tgħid li lanqas biss hu arloġġ. L-istess in-nisrani li ma jkunx lest il-ħin kollu li jħobb, ma jixraqlux l-isem ta’ nisrani.

        U dan għaliex il-kmandamenti kollha ta’ Ġesù jinġabru lkoll f’wieħed: li tħobb lil Alla u lill-proxxmu, li fih trid tara u tħobb lil Ġesù.

 

        L-imħabba mhix biss sentimentaliżmu imma trid tgħixha bil-fatti f’ħajtek, billi taqdi lil ħutek l-aktar lil dawk li għandek maġenbek, billi tibda mill-affarijiet iż-żgħar, mill-affarijiet l-aktar umli.

 

        Charles de Foucauld jgħid: “Meta tħobb lil xi ħadd, tkun tassew fih, tkun fih bl-imħabba, ma tibqax tgħix fik, tkun ‘iddistakkat’ minnek innifsek, tkun ‘il barra minnek innifsek”4.

 

        B’riħet din l-imħabba jibda dieħel fina d-dawl tiegħu, id-dawl ta’ Ġesù, skont il-wegħda tiegħu: “Min iħobb lili... nurih lili nnifsi”5. L-imħabba hi għajn ta’ dawl: inti u tħobb tifhem aktar lill Alla li hu mħabba.

 

        Dan iwasslek biex tħobb dejjem aktar u hekk tikber ir-rabta

tiegħek mal-proxxmu.

 

        Għalhekk, dan id-dawl, dan l-għarfien mimli mħabba t’Alla huwa s-siġill, il-prova tal-imħabba vera. U din tista’ ġġarrabha b’ħafna modi, għax f’kull wieħed u waħda minna d-dawl jidher taħt forma ta’ kulur. Imma d-dawl għandu karatteristiċi komuni għal kulħadd: idawwalna biex nagħrfu r-rieda t’Alla, jagħtina l-paċi, is-sliem, u bih nifhmu dejjem aktar il-Kelma t’Alla. Dan hu dawl li jsaħħanna u jħeġġiġna nimxu fit-triq tal-ħajja b’mod aktar żgur u ħafif. Meta ħtija tad-dellijiet tal-ħajja ma nibqgħux naraw ċar il-mixja tagħna, meta saħansitra nħossuna ma nistgħux nimxu ħtija tad-dlam, din il-Kelma  tal-Vanġelu tfakkarna li d-dawl nixegħluh bl-imħabba u li biżżejjed att ta’ mħabba konkreta, żgħir kemm hu żgħir (talba, tbissima, kelma), biex ikollna dak ix-xaqq dawl li bih inkunu nistgħu nimxu ’l quddiem.

 

        Meta tkun riekeb ir-rota bil-lejl, jekk inti tieqaf issib ruħek fid-dlam, imma jekk terġa’ tibda taqdef, id-dinamo jagħtik il-kurrent meħtieġ biex tara t-triq.

 

        L-istess jiġrilna f’ħajjitna: biżżejjed terġa’ tħaddem l-imħabba, dik vera, dik l-imħabba li tagħti bla ma tistenna xejn lura, biex terġa’ tixgħel fina l-fidi u t-tama.

 

1     Kelma tal-Ħajja, Mejju 1999, ippubblikata fuq Città Nuova, no. 8, 1999, pg. 49.

2     Għerf 6, 18.

3     ara Għerf 6, 12.

4     Charles de Foucauld, Scritti Spirituali, VII, Città Nuova, Roma 1975, p.110.

5     ara Ġw 14,21.


ĊENTRI TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI: www.focolare.org

‘Stellaelise’, Triq il-Ħuttaf, Kappara Tel: 2138 5801 • focolaremt@waldonet.net.mt

‘Vita Nuova’, Triq Agius de Soldanis, Sta. Venera Tel: 2148 6112 • vitanuova@waldonet.net.mt