Marzu 2012

“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6, 68).

 

          Ġesù kien ikellem lill-folol li kienu jiġru warajh fuq is-Saltna t’Alla1. Kien juża kliem sempliċi, u jitkellem bil-parabboli li kien jieħu mill-ħajja ta’ kuljum. Madankollu, kliemu kien isaħħar lil kulħadd. In-nies kienet tibqa’ milquta mit-tagħlim tiegħu għax kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, mhux kif kienu jagħmlu l-kittieba tagħhom2. Saħansitra l-għassiesa, li kienu marru biex jarrestawh, meta l-qassisin il-kbar u l-fariżej staqsewhom għaliex ma kinux obdew l-ordnijiet tagħhom, weġbuhom hekk: “Ħadd qatt ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!”3.

          Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni nsibu wkoll diskursati mdawla ma’ nies bħal Nikodemu jew is-Samaritana. Ġesù jinżel aktar fil-fond mal-appostli: hu jitkellem magħhom bil-miftuħ fuq il-Missier u fuq l-affarijiet tas-Sema, bla ma qatt jagħmel tixbihat4. Huma baqgħu msaħħrin u ma telquhx lanqas meta ma fehmux għal kollox kliemu, jew meta ħassew li kien qed jitlob wisq minnhom.

          “Iebes dan il-kliem”5, qalulu ħafna mid-dixxipli meta semgħuh jgħid li kien se jagħtihom jieklu ġismu u jixorbu demmu.

          Meta Ġesù ra li d-dixxipli kienu nġibdu lura u ma baqgħux mexjin warajh, dar fuq it-tnax-il Appostlu u qalilhom: “Tridux titilqu intom ukoll?”6.

          Pietru, imsaħħar bil-kliem li kien semgħu jgħid sa mill-ewwel darba li kien iltaqa’ miegħu, f’isem kulħadd wieġeb:

 

 

“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”.

 

          Pietru fehem li kliem l-Imgħallem ma kienx bħal ta’ mgħallmin oħra. Il-kliem li jitlaq mill-art u jasal sal-art hu ta’ din l-art u għandu d-destin ta’ din l-art. Kliem Ġesù hu spirtu u ħajja għax ġej mis-Sema: hu dawl nieżel mill-Għoli u għandu l-qawwa tal-Għoli. Kliemu fih x’tomgħod u għandu ċerta  profondità, mhux bħall-kliem l-ieħor: tal-filosfi, politiċi u poeti. Kliemu hu “kliem tal-ħajja ta’ dejjem”7 għax iwassal il-milja ta’ dik il-ħajja li m’għandhiex tmiem, għax hi l-istess ħajja t’Alla.

          Ġesù rxoxta u jgħix u kliemu, anki jekk qalu fl-imgħoddi, mhuwiex sempliċement tifkira, imma qed jgħidu lilna lkoll lil kull bniedem ta’ kull żmien u kultura: hu kliem universali, kliem li ma jintemm qatt.

          Kliem Ġesù! Biex ngħid hekk, kliemu hu l-akbar arti tiegħu. Il-Verb li jitkellem bi kliem il-bnedmin: xi profondità, x’qawwa, x’aċċent, x’leħen!

          San Basilju l-Kbir8 jirrakkonta hekk: “Jum fost l-oħrajn bħal qisni stembaħt minn raqda twila. Ħarist lejn id-dawl mill-isbaħ tal-verità tal-Vanġelu u skoprejt il-frugħa tal-għerf tal-prinċpijiet ta’ din id-dinja.”9

Santa Tereża ta’ Lisieux, f’ittra tagħha tad-9 ta’ Mejju 1897, kitbet hekk: “Xi drabi, meta naqra ċerti kitbiet spiritwali... l-ispirtu fqir tiegħi ma jdumx ma jibda jgħejja. Nagħlaq ktieb l-għorrief li jfarrakli rasi u jnixxifli qalbi, u naqbad f’idi l-Kotba Mqaddsa. Imbagħad kollox jieħu d-dawl, kelma waħda tiftaħli  orizzonti bla qies u nibda nqis li l-perfezzjoni hi ħaġa faċli”10

Iva, kliem Alla jaqta’ l-għatx tal-ispirtu tagħna li hu magħmul għal dejjem. Dan hu kliem li jdawlilna mhux biss ’il moħħna, imma l-ħajja kollha tagħna, għax hu dawl, imħabba u ħajja. Jagħtina l-paċi: dik il-paċi li Ġesù jsejħilha tiegħu: “is-sliem tiegħi”, anki fi żminijiet ta’ taħwid u qtigħ il-qalb. Hu kliem li jagħti ferħ sħiħ anki f’waqtiet ta’ tbatija li jxekklu ’l ruħna. Jagħti s-saħħa l-aktar meta nkunu se ninħakmu bil-biża’ u nħossuna bla ebda ħila. Jagħmilna nies liberi għax jiftħilna t-triq tas-Sewwa.

 

“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”.

 

          Il-Kelma ta’ dan ix-xahar tfakkarna li Ġesù hu l-uniku Mgħallem li warajh irridu nimxu, anki meta kliemu nistgħu nqisuh iebes u jitlob wisq minna: inkunu onesti fix-xogħol, naħfru, naqdu pjuttost milli naħsbu fina nfusna biss, nibqgħu fidili għall-ħajja tal-familja, nieħdu ħsieb lill-morda terminali bla ma nċedu għall-idea tal-ewtanasija... 

          Hawn ħafna mgħallmin li jħajruna nsibu soluzzjonijiet faċli, kompromessi. Aħna għandna nisimgħu lill-uniku Mgħallem tagħna u nimxu warajh, għax hu biss jgħid il-verità u għandu “kliem ta’ ħajja eterna”. Imbagħad aħna wkoll nistgħu ntennu dan il-kliem li qal San Pietru.

F’dan iż-żmien tal-Randan, li fih qed inħejju ruħna għall-festa kbira tal-Irxoxt, irridu tabilħaqq nimxu wara t-tagħlim tal-Imgħallem il-waħdieni tagħna u nsiru dixxipli tiegħu. Trid titwieled fina wkoll imħabba mill-aktar qawwija għall-kelma t’Alla: ejjew nilqgħuha b’attenzjoni meta nisimgħuha fil-knejjes, meta naqrawha, nistudjawha, nimmeditawha...

          Imma fuq kollox aħna msejħin ngħixuha, skont kif jgħallmuna l-istess Kotba Mqaddsa: “Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom”11. Għal din ir-raġuni kull xahar nieħdu kelma partikolari, inħalluha tidħol fina, timmudellana, “tgħajjixna”. Meta ngħixu kelma waħda ta’ Ġesù, inkunu qed ngħixu l-Vanġelu kollu, għax f’kull kelma tiegħu hu jagħti lilu nnifsu bi sħiħ, jiġi hu stess jgħix fina. Din hi bħal qatra ta’ għerf divin ta’ Ġesù Rxoxt, li ftit ftit jinżel fil-fond tagħna u jibdlilna l-mod ta’ kif naħsbu, irridu u naġixxu fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja.

 

Chiara Lubich


1  ara Lq 9, 11.

2  ara Mt 7, 29.

3  Ġw 7, 46.

4  ara Ġw 16, 25-29; 3, 12.

5  Ġw 6, 60.

6  Ġw 6, 67.

7  Ġw 6, 68.

8  Basilio, (330-379), wieħed mill-Missijiet il-kbar tal-Knisja, isqof ta’ Ċesarea.

9  Ep. CCXXIII, 2.

10 Ittra 202; Scritti, Postulazjione generale dei Carmelitani Scalzi, Roma 1967, p. 734.

11 Ġk 1, 22.