Kelma tal-Ħajja Marzu 2013

 

 

“Min minnkom hu bla dnub, iwaddbilha hu l-ewwel ġebla.” (Ġw 8, 7)

 

Waqt li Ġesù kien qed jgħallem fit-tempju, ġabulu quddiemu mara li kienu qabduha f’adulterju, u l-Kittieba u l-Fariżej qalulu ... “Mosè, fil-Liġi kien ikkmandana biex mara bħal din inħaġġruha. Int xi tgħid?” (Ġw 8, 5)

 

B’dan il-kliem riedu jonsbuh. Kieku Ġesù wera li ma kienx jaqbel li jħaġġruha, kienu jistgħu jakkużawh li qed imur kontra l-Liġi. Din kienet tobbliga lil min kien jaqbad lil xi ħadd jiksirha biex jibda hu jħaġġar lill-midneb, imbagħad jingħaqad miegħu l-bqija tal-poplu. Mill-banda l-oħra, kieku Ġesù wera li jaqbel mal-kundanna għall-mewt li riedu huma, kienu jwaqqgħuh f’kontradizzjoni mat-tagħlim tiegħu stess dwar il-ħniena li Alla juri lejn il-midinbin.

 

Imma Ġesù, li dak il-ħin kien rasu baxxuta, iħażżeż b’sebgħu fit-trab tal-art, bħal qisu biex jurihom li mhux se jkidduh bil-mistoqsijiet tagħhom, qam u qalilhom:

 

“Min minnkom huwa bla dnub iwaddbilha hu l-ewwel ġebla.”

 

Għal dak il-kliem, kull min akkuża ‘l-mara, ibda mix-xjuħ, bdew iwarrbu minn hemm wieħed wara l-ieħor. L-imgħallem, filwaqt li dar lejn il-mara, qalilha: “Fejnhom? Ħadd minnhom ma kkundannak?” Hi wieġbet: “Ħadd Mulej”. “Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur u mil-lum ‘il quddiem tidnibx iżjed.” (ara Ġw 8, 10-11).

 

“Min minnkom huwa bla dnub iwaddbilha hu l-ewwel ġebla.”

 

B’dan il-kliem li qal, żgur li Ġesù mhux qed juri li jaqbel mal-ħażen, bħal m’hu l-adulterju. Il-kliem tiegħu “Mur u mil-lum ‘il quddiem tidnibx iżjed”, ifisser biċ-ċar x’inhu dak li Alla qed jikkmanda.

 

Ġesù jrid jikxef l-ipokrezija ta’ dak il-bniedem li jiġġudika lil dik il-mara bħala midinba, bla ma jammetta li huwa stess hu midneb. B’hekk hu qed jisħaq fuq dik il-famuża sentenza: “Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati.” (Mt 7, 1-2).

 

B’dan il-kliem Ġesù qed idur fuq dawk li jikkundannaw mingħajr ċans ta’ appell, dawk li ma jagħtux kas li bniedem jista’ jindem minn għemilu. Jurina biċ-ċar kif jaġixxi Hu ma’ min jonqos: juri l- ħniena. Meta dawk l-irġiel tbiegħdu mill-mara midinba, “baqa’ biss tnejn min-nies”, jgħid Santu Wistin, l-isqof ta’ Ippona :-“ il-miżerja u l-ħniena.”1

 

“Min minnkom huwa bla dnub iwaddbilha hu l-ewwel ġebla.”

 

Kif se ngħixu din il-Kelma?

Billi niftakru, quddiem kull wieħed minn ħutna l-bnedmin, li aħna wkoll midinbin. Ilkoll kemm aħna dnibna u anki jekk jidhrilna li m’għamilniex żbalji kbar, irridu nifhmu ċ-ċirkostanzi li jġiegħlu lil ħaddieħor jaqa’ daqshekk fil-baxx u jitbiegħed daqshekk minn Alla. Kif konna nġibu ruħna kieku konna minflokhom?

 

Anki aħna ttradejnieh: anki aħna xi drabi ksirna r-rabta ta’ mħabba li kienet tgħaqqadna m’Alla. Jekk Ġesù, l-uniku bniedem mingħajr dnub, ma waddabx l-ewwel ġebla lejn l-adultera, lanqas aħna m’għandna nagħmlu hekk lill-ebda persuna, ikun min ikun.

 

U għalhekk irridu nagħdru lil kulħadd. Irridu neħduha kontra ċerti istinti li jġagħluna nikkundannaw bla ebda ħniena; irridu nitgħallmu naħfru u ninsew. M’għandniex inżommu f’qalbna tifkiriet ta’ ġudizzji u offiża, għaliex tista’ tibqa’ f’qalbna r-rabja u l-mibgħeda li jbegħduna minn ħutna l-bnedmin. Irridu nħarsu lejn kulħadd b’ghajnejn ġodda, daqs li kieku kien bniedem ġdid.

 

Jekk f’qalbna, flok il-ġudizzju u l-kundanna, ikollna l-imħabba u l-ħniena lejn kulħadd, aħna ngħinuhom jibdew ħajja ġdida; nagħmlulhom il-qalb biex kull darba jerġgħu jibdew mill-ġdid.

 

Chiara Lubich