Marzu  2011

 

 

“Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1,38)1.

 

 

Alla jrid juri l-ħsieb tiegħu għal kull wieħed u waħda minna, iridna nagħrfu l-vera identità tagħna, kif għamel ma’ Maria. Qisu qed jgħidilna: “Tridni nagħmel kapulavur minnek u minn ħajtek? Imxi fit-triq li nurik jien u jsir minnek dak li minn dejjem ħsibt għalik fil-qalb tiegħi. Infatti jiena, sa minn dejjem, ħsibt fik u ħabbejtek, lissint ismek. Meta nkompli nurik xinhi r-rieda tiegħi għalik, inkun qed nuri tabilħaqq int min int”.

 

Mela r-rieda tiegħu mhix xi ħaġa li qiegħda hemm biex tjassarna, imma hi l-wirja ta’ mħabbtu għalina, tal-pjan li Hu għandu fuqna. U dan hu s-sabiħ: li Alla jurina ġmiel wiċċu, qed jagħtina lilu nnifsu. Ir-rieda t’Alla hi bħal ħajta tad-deheb, proġett divin li jsawwar ħajjitna fuq din l-art u lil hinn minnha; titlaq mill-eternità u tasal fl-eternità: titlaq mill-ħsieb t’Alla, tkompli fuq din l-art u tispiċċa l-Ġenna.

 

Imma biex iseħħ il-pjan sħiħ t’Alla, Hu jitlob li jiena u inti nwieġbu għal dan

is-sejħa, kif talab lil Maria. B’hekk biss isseħħ dik il-Kelma li Hu lissen għalik u għalija. Imbagħad, bħal Maria, aħna wkoll imsejħin ngħidu:

 

“Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek”.

 

Issa aħna mhux dejjem naraw ċar x’inhi r-rieda tiegħu għalina. Kif għamlet Maria, aħna wkoll irridu nitolbu d-dawl biex nifhmu dak li Alla jrid minna. Bis-sinċerità kollha, irridu nisimgħuh ikellimna ġewwa fina, u jekk ikun meħtieġ, nieħdu parir mingħand min jista’ jgħinna. Imma meta nifhmu sewwa r-rieda tiegħu, irridu ngħidulu minnufih iva. Infatti, jekk aħna nifhmu  li r-rieda tiegħu hi l-akbar u l-isbaħ ħaġa li tista’ sseħħ f’ħajjitna, ma nirrassenjawx ruħna li “jkollna” noqogħdu

għar-rieda t’Alla imma nkunu ferħana li “nistgħu” nagħmlu r-rieda t’Alla, li nkunu nistgħu nimxu fuq il-pjan tiegħu. Inkunu rridu li jseħħ dak kollu li Hu ħaseb għalina. Din hi l-aqwa u l-aktar ħaġa għaqlija li nistgħu nagħmlu.

 

Għalhekk, kliem Maria: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek”, hu t-tweġiba ta’ mħabbitna għall-imħabba t’Alla. Dan hu kliem li jsibna dejjem ngħixu quddiem Alla, nisimgħuh, nobduh, bix-xewqa waħdanija li nwettqu r-rieda tiegħu biex inkunu kif iridna Hu.

 

Xi drabi naħsbu li dak li Hu jitlob minna jkun bla sens. Jidhrilna li kieku aħjar nagħmlu mod ieħor, inkunu rridu nieħdu rajna f’idejna. Jidhrilna saħansitra li nistgħu nagħtu parir lil Alla x’għandu jagħmel, ngħidulu aħna x’għandu jsir u x’ma għandux isir. Imma jekk jiena nemmen li Alla hu mħabba u nafda fiH, naf li dak li jkun ħejja minn qabel għalija, għal ħajti u għal ħajjet dawk ta’ madwari, hu għall-ġid tiegħi u tagħhom. Imbagħad jien nerħi ruħi f’idejH, nintelaq b’fiduċja sħiħa fir-rieda tiegħu u nkun irridha bil-qawwa tiegħi kollha, sa ma nsir ħaġa waħda magħha, għax naf li meta nilqa’ r-rieda tiegħu, inkun qed nilqa’ lilu, ngħannqu miegħi, inkun qed nitrejjaq bih.

 

Xejn, u f’dan irridu nkunu konvinti, ma jsir bl-addoċċ. L-ebda ġrajja ta’ ferħ, indifferenti jew ta’ niket, l-ebda laqgħa, l-ebda sitwazzjoni fil-familja, fuq ix-xogħol, l-iskola, l-ebda kundizzjoni ta’ saħħa fiżika jew morali ma hi bla sens. Imma kollox: ġrajjiet, sitwazzjonijiet u nies, iwasslilna messaġġ mingħand Alla. Kull ħaġa tagħti sehemha biex iseħħ il-pjan t’Alla, li niskopruh ftit ftit, jum wara l-ieħor, billi nagħmlu r-rieda t’Alla kif għamlet Maria.

 

“Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek”.

 

Mela kif għandna ngħixuha din il-Kelma? L-iva tagħna lil Alla tfisser li aħna l-ħin kollu  nagħmlu dak li r-rieda t’Alla titlob minna u nwarrbu kull ħaġ’oħra, nitilfu ħsibijiet, xewqat, tifkiriet u azzjonijiet li mhumiex ir-rieda tiegħu.

 

Quddiem kull rieda t’Alla ta’ niket, ferħ, jew indifferenti, nistgħu ntennu l-kliem: Ħa jsir minni skont kelmtek”, jew kif għallimna Ġesù fil-Missierna: “Ikun dak li trid int”. Ejjew ngħidu qabel kull azzjoni: “Ħa jkun dak li trid int”, “Tkun magħmula r-rieda tiegħek”. B’hekk, ħaġa wara l-oħra, mument wara l-ieħor, inkunu qed ngħaqqdu flimkien dak il-mużajk tal-għaġeb, waħdieni u irripetibbli ta’ ħajjitna, dak li l-Mulej minn dejjem ħaseb għal kull wieħed u waħda minna.

 

Chiara Lubich

 

Referenzi

1. Parola di vita, dicembre 2002, pubblicata per intero in Città Nuova, 2002/22, p.7.