Kelma tal-Ħajja Lulju 2013

 

“Il-liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’” (Gal. 5, 14).

         

Din hi l-kelma ta’ San Pawl appostlu: qasira, mill-isbaħ u ċara daqs il-kristall.

Tkellimna fuq dak li għandu jkun il-pedament tal-imġiba Nisranija, fuq dak li dejjem għandu jnebbaħha: l-imħabba lejn il-proxxmu. 

Fit-twettiq ta’ dan il-kmandament l-appostlu jara l-milja tal-Liġi. Fil-fatt hi tgħidilna biex ma nwettqux adulterju, biex ma noqtlux, biex ma nisirqux, biex ma  nixtiqux... u nafu lkoll li min iħobb ma jagħmel xejn minn dan: min iħobb ma joqtolx, ma jisraqx ...

 

“Il-liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’”

 

Iżda min iħobb mhux biss jevita l-ħażen. Min iħobb jinfetaħ għall-oħrajn, jixtieq il-ġid, jagħti lilu nnifsu: jasal biex jagħti ħajtu għal min iħobb.

Għalhekk Pawlu jikteb li meta nħobbu ’l-proxxmu mhux biss nosservaw il-Liġi, imma nkunu lħaqna l-milja tagħha.

 

“Il-liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’”

 

Jekk il-Liġi kollha tinġabar fl-imħabba għall-proxxmu, jeħtieġ inħarsu lejn il-kmandamenti l-oħra bħala mezzi biex idawluna u jmexxuna ħalli fis-sitwazzjonijiet imwiegħra tal-ħajja jkollna l-ħila nsibu t-triq tal-imħabba lejn l-oħrajn. Jeħtieġ li fil-kmandamenti l-oħra nagħrfu  naqraw il-ħsieb t’Alla u r-rieda tiegħU.

Hu jridna nobdu, inkunu safja, niċċaħdu, inkunu umli, inħennu, inkunu foqra ... biex inwettqu aħjar il-kmandament tal-imħabba.

 

“Il-liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’”

 

Għandna mnejn nistaqsu: għaliex l-Appostlu għażel li ma jitkellimx fuq l-imħabba t’Alla?

Il-fatt hu li l-imħabba t’Alla u dik lejn il-proxxmu mhumiex kontra xulxin. Anzi, l-imħabba lejn il-proxxmu hi espressjoni tal-oħra, tal-imħabba divina. Fil-fatt, tħobb ‘l Alla jfisser tagħmel ir-rieda tiegħU u r-rieda tiegħU hi li nħobbu ’l-proxxmu tagħna.

 

“Il-liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’”

 

Kif se ngħixu din il-Kelma?

Sempliċi: billi nħobbu ’l-proxxmu; inħobbuh fil-veru sens tal-kelma.

Dan ifisser li nkunu lesti li nagħtu lilna nfusna lill-oħrajn mingħajr ma nistennew xejn lura.

Min juża l-proxxmu għall-għanijiet personali tiegħu, anki jekk dawn ikunu spiritwali  bħalma hi l-qdusija personali, dan ma jkunx qed iħobb. Irridu nħobbu ’l-oħrajn u mhux lilna nfusna.

Min-naħa l-oħra, m’hemmx dubju li min iħobb kif suppost, isir tassew qaddis; ikun “perfett bħall-Missier”, għax ikun għamel l-aħjar li seta’: ikun wettaq ir-rieda t’Alla, ikun poġġiha fil-prattika: laħaq il-milja tal-Liġi.

Fl-aħħar mill-aħħar, fi tmiem ħajjitna, mhux fuq dan it-tip ta’ mħabba se niġu eżaminati?

 

 

Chiara Lubich