Kelma tal-Ħajja Lulju 2012

 

 

“Kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu” (Mt 9, 12).

 

Hekk wieġeb Ġesù lid-dixxipli tiegħu meta staqsewh għaliex kien jitkellem bil-parabboli. Hu fissrilhom li mhux kulħadd jingħatalu jagħraf il-misterji tas-Saltna tas-smewwiet, imma biss lil min ikun imħejji sew, lil min jilqa’ kliemu u jgħixu.

Infatti fost in-nies li kienu jisimgħuh, kien hemm xi wħud li, minn jeddhom, kienu jagħlqu għajnejhom u widnejhom hekk li “iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux” (Mt 13, 13). Dawn huma dawk li jaraw u jisimgħu ’l Ġesù, imma, filwaqt li  jaħsbu li huma kienu diġà jafu s-sewwa kollu, ma jemmnux kliemu u lanqas il-fatti li huma prova ta’ kliemu. B’hekk huma spiċċaw biex tilfu wkoll dak il-ftit li kellhom.

 

“Kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu”.

 

Mela xinhi t-tifsira ta’ dan il-kliem ta’ Ġesù? Hu qed jistedinna biex niftħu qalbna għall-Kelma li hu ġie biex iħabbrilna, u li għad jitlobna kont tagħha fi tmiem ħajjitna.

Il-Vanġeli juruna li x-xandir ta’ din il-Kelma jinsab fiċ-ċentru tax-xewqat u tal-ħidma kollha ta’ Ġesù. Narawh għaddej minn raħal għall-ieħor, fit-toroq, fil-pjazez, fil-kampanja, fid-djar, fis-sinagogi, iħabbar il-messaġġ tal-fidwa lil kulħadd imma l-aktar lil min kien fqir, umli, imwarrab. Hu jqabbel il-Kelma tiegħu mad-dawl, mal-melħ, mal-ħmira, ma’ xibka mitfugħa l-baħar, maż-żerriegħa mitfugħa f’għalqa; u hu jagħti ħajtu sabiex in-nar, li nsibu fil-Kelma, jibda jħeġġeġ.

 

 

“Kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu”.

 

 

Ġesù jistenna li d-dinja tinbidel permezz tal-Kelma tiegħu, dik il-Kelma li hu ġie biex iħabbar lill-bnedmin. Bir-riżultat li hu ma jaċċettax li quddiem din l-aħbar aħna nistgħu nibqgħu newtrali jew indifferenti. Hu ma jammettix li meta nirċievu rigal daqshekk kbir, aħna nistgħu nħalluh rieqed bla ma nħaddmuh.

Biex jisħaq fuq dan li qed jistenna mingħandna, Ġesù jerġa’ jsemmi l-liġi tiegħu li hi l-pedament tal-ħajja kollha tar-ruħ: jekk ngħixu l-Kelma ta’ Ġesù, hu jkun jista’ jagħtih il-ġid u l-ferħ ta’ saltnatu. Iżda jekk ma nagħtux kas Kelmtu, hu jeħodhielna u jagħtiha lil ħaddieħor biex din tħalli l-frott.

 

“Kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu”.

 

Din il-Kelma qed tgħidilna noqogħdu attenti ħafna li ma mmorrux naqgħu f’dan in-nuqqas: li nilqgħu l-Vanġelu u li forsi għalina jkun ifisser biss ktieb ta’ studju, ktieb li nammirawh, li niddiskutuh, imma mhux ktieb li ngħixuh.

Minflok, Ġesù qed jistenna minn għandna li nilqgħu l-Kelma u nħaddmuha ġewwa fina, biex hekk hi ssir dik il-forza li tmexxi kull ma nagħmlu. B’hekk, permezz tax-xhieda li nagħtu b’ħajjitna, hi ssir dak id-dawl, dak il-melħ, dik il-ħmira li ftit ftit tibdel is-soċjetà.

Mela tul dan ix-xahar ejjew nagħżlu Kelma fost il-ħafna li nsibu fil-Vanġelu, u ngħixuha. B’hekk il-ferħ tagħna jiżdied b’aktar ferħ.

 

 

Chiara Lubich