Lulju 2009

 

 

"Bigħu ġidkom u agħtuh karità, u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar" (Lq 12,33).

 

                Inti żgħażugħ u trid tgħix ħajja ideali, totalitarja, radikali? Isma’ xi jgħid Ġesù. Fid-dinja ħadd ma jitolbok daqstant. Għandek iċ-ċans turi l-fidi, il-ġenerożita u l-eroiżmu  tiegħek.

Inti bniedem matur u għandek xewqa kbira li tgħix ħajja serja, impenjata, imma żgura? Jew anzjan u tixtieq tgħix l-aħħar snin ta’ ħajtek  f’idejn min ma jqarraqx bik, mingħajr inkwiet li jifnik? Din il-Kelma ta’ Ġesù tgħodd għalik ukoll.

                Infatti din il-Kelma tinsab fi tmiem sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li fihom Ġesù jistiednek biex ma toqgħodx tinkwieta x’se tiekol jew x’se tilbes, eżattament kif jagħmlu l-għasafar tal-ajru li ma jiżirgħux u l-ġilji tal-għelieqi li ma jinsġux. Għalhekk trid tneħħi minn qalbek kull xewqa għall-affarijiet ta’ din id-dinja, għax il-Missier iħobbok ħafna iktar mill-għasafar u l-fjuri. Hu nnifsu jieħu ħsiebek.

                Għalhekk hu qed jgħidlek:

 

 

"Bigħu ġidkom u agħtuh karità, u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar" (Lq 12,33).

 

                L-Evanġelju kollu kemm hu u kull kelma tiegħu jitlob minna l-bnedmin  li nagħtu dak kollu li aħna u  dak kollu li għandna.

                Qabel il-miġja ta’ Kristu fid-dinja, Alla ma kienx jitlob daqstant mill-bnedmin. It-Testment il-Qadim  kien iqis bħala ġid, bħala barka l-għana ta’ din id-dinja u kull darba li kien jitlob biex issir il-karità ma’ dawk li kienu fil-bżonn, dan kien jagħmlu biex il-bniedem jikseb il-favuri mingħand Dak li jista’ kollox.

                Iktar tard, fil-Ġudaiżmu, l-idea tal-ħlas fid-dinja l-oħra saret  komuni ħafna. Wieħed sultan qal hekk  lil dawk li ċanfruh għax kien qed iberbaq ġidu: “Missirijieti ġemmgħu teżori għal hawn isfel, iżda  jien ġemmajt teżori għal hemm fuq”. […].

                Issa, l-oriġinalità tal-Kelma ta’ Ġesù qiegħda filli hu qed jitolbok tagħti kollox, irid kollox mingħandek. Iridek tkun iben bla tħassib ta’ xejn, bla ebda tħassib dwar il-ġid tal-art, iridek tkun iben li jserraħ biss fuqu.

                Hu jaf li l-ġid  huwa ta’ tfixkil kbir għalik, għax qalbek tkun mimlija bih, filwaqt li hu jridha kollha għaliH.

 

                Għalhekk  qed jgħidilna:

"Bigħu ġidkom u agħtuh karità, u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar" (Lq 12,33).

 

                U jekk ma tistax teħles mill-ġid materjalment, għax inti marbut ma’ persuni oħra, jew għaliex il-pożizzjoni tiegħek tobbligak li tkun dinjituż u adegwat, żgur li inti trid tinfatam mill-ġid spiritwalment u tkun biss amministratur tiegħu. Hekk, filwaqt li tamministra ġidek, inti tħobb lill-oħrajn u, waqt li tużah  għall-ġid tagħhom, tiġbor teżor li l-kamla ma tiklux  u l-ħalliel ma jisirqux.

                Imma inti ċert li għandek iżżomm kollox għalik? Isma’ l-leħen t’Alla ġewwa fik; ħu parir jekk ma tafx tiddeċiedi waħdek. Tara kemm issib affarijiet żejda fost dawk li għandek. Iżżommhomx għalik. Agħti, agħti lil min m’għandux. Għix il-Kliem ta’ Ġesù: “Biegħ... u agħti”. B’hekk timla xkejjer li ma jiqdemux.

                Naturalment biex tgħix fid-dinja trid tinteressa ruħek anki fil-flus, anki fil-ġid. Imma Alla jridek tieħu ħsiebu, u mhux  tinkwieta dwaru. Ħu ħsieb  dak  biss li għandek bżonn biex tgħix skont l-istat tiegħek, skond il-kundizzjoni tiegħek. Mill-bqija:

 

"Bigħu ġidkom u agħtuh karità, u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar" (Lq 12,33).

 

                Paolo VI għaraf tassew ikun fqir.  Ta xhieda ta’ dan bil-mod kif xtaq jindifen: ġo tebut fqir, ġo l-art. Ftit qabel ma miet qal lil ħuh: “Ili żmien inħejji l-bagalji għal dan il-vjaġġ importanti".

                Mela, dan trid tagħmel: tħejji l-bagalji.

                Fi żmien Ġesù  forsi kienu jsejħulhom boroż. Ippreparahom jum wara jum. Imliehom kemm tiflaħ b’dak li jista’ jkun ta’ bżonn għal ħaddieħor.  Isir tassew tiegħek dak li tkun tajt. Aħseb kemm hawn ġuħ fid-dinja. Kemm tbatija... Kemm bżonnijiet

                Poġġi fihom kull att ta’ mħabba, dak kollu li tagħmel b’risq ħutek.

                Agħmel dan kollu għalih. F’qalbek għidlu: qed nagħmel dan għaliK. U agħmlu sew, b’mod perfett. Dak li tagħmel jasal fis-Sema,  jibqa’ għall-eternità.

 

                                                                Chiara Lubich